Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Isport Ewropew
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra s-seba' inċiż tal-Artikolu 165(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jiddikjara li l-azzjoni tal-Unjoni għandha timmira għall-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport, billi ssir promozzjoni sabiex il-kompetizzjonijiet sportivi jkunu ġusti u miftuħin,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi jirrikonoxxi l-impatt soċjali u finanzjarju importanti ħafna tal-isport Ewropew fuq iċ-ċittadini u l-intrapriżi fl-Unjoni,
B. billi skont il-Wħite Paper dwar l-Isport (COM(2007)0391) il-problemi ta' korruzzjoni b'dimensjoni Ewropea għandhom jiġu indirizzati fil-livell Ewropew, u l-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ħasil tal-flus fl-Istati Membri fir-rigward tas-settur tal-isport,
1. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina, flimkien mal-Istati Membri, studju fuq skala kbira dwar il-każijiet ta' korruzzjoni fl-isport Ewropew, billi tikkonsulta mal-partijiet interessati;
2. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jenfasizzaw speċifikament ir-rabtiet bejn l-attività kriminali organizzata u l-imħatri legali u illegali, l-aġenti sportivi, ir-referees, l-uffiċjali tal-klabbs u l-isportivi nisa u rġiel, li jippruvaw jiffissaw minn qabel ir-riżultati tal-logħbiet tal-isport Ewropej;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tirregola l-imħatri fuq l-Internet, fl-interessi tal-integrità u l-iżvilupp sostenibbli tal-isport Ewropew, permezz ta' operaturi awtorizzati, miżuri speċifiċi għall-ġlieda kontra l-iffissar tar-riżultati minn qabel u billi tiżgura ritorn ġust għall-isport tan-nies komuni permezz tar-rikonoxximent tad-dritt tal-imħatri lill-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet sportivi;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji(1), lill-Kummissjoni u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.