Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew (10057/2011 – C7-0134/2011 – 2011/0804(NLE))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2011 (10057/2011)(1),
– wara li kkunsidra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 283(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill Ewropew (C7-0134/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 109 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0229/2011),
A. billi b'ittra tal-20 ta' Mejju 2011 il-Kunsill Ewropew ikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar il-ħatra ta' Mario Draghi bħala President tal-Bank Ċentrali Ewropew għal mandat ta' tmien snin b'effett mill-1 ta' Novembru 2011,
B. billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament imbagħad evalwa l-kredenzjali tal-persuna nnominata, b'mod partikolari fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 283(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u fid-dawl tal-ħtieġa ta' indipendenza sħiħa tal-Bank Ċentrali Ewropew skont l-Artikolu 130 TFUE, u billi fit-twettiq ta' dik l-evalwazzjoni, il-kumitat irċieva curriculum vitae mingħand il-kandidat kif ukoll it-tweġibiet tiegħu għall-kwestjonarju bil-miktub li ntbagħatlu,
C. billi l-kumitat imbagħad kellu smigħ ta' sagħtejn u nofs mal-persuna nnominata fl-14 ta' Ġunju 2011, li fih għamel dikjarazzjoni tal-ftuħ u mbagħad wieġeb għal mistoqsijiet li sarulu mill-membri tal-kumitat,
1. Jagħti opinjoni favorevoli dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-ħatra ta' Mario Draghi bħala President tal-Bank Ċentrali Ewropew;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri.