Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2074(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0191/2011

Testi mressqa :

A7-0191/2011

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 23/06/2011 - 12.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0276

Testi adottati
PDF 300kWORD 45k
Il-Ħamis, 23 ta' Ġunju 2011 - Brussell
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: General Motors/Belġju
P7_TA(2011)0276A7-0191/2011
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/031 BE/General Motors Belgium mill-Belġju) (COM(2011)0212 – C7-0096/2011 – 2011/2074(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011)0212 – C7-0096/2011),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1) (l-IIA tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2) (ir-Regolament FEG),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0191/2011),

A.  billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex jipprovdu appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin u biex jiġu megħjuna jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-ambitu tal-FEG twessa' temporanjament għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta' Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,

C.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lil ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista' jkun malajr u b'mod effiċjenti, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-IIA tas-17 ta' Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEG,

D.  billi l-Belġju talab għajnuna fir-rigward ta' każijiet li jikkonċernaw 2 834 sensja (li kollha huma l-mira ta' għajnuna) fl-intrapriża primarja General Motors Belgium u erbgħa mill-fornituri tagħha li joperaw fis-settur tal-vetturi fir-reġjun NUTS II ta' Antwerp fil-Belġju,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament FEG,

1.  Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza f'dan is-sens il-proċedura mtejba li ddaħħlet fis-seħħ mill-Kummissjoni, wara t-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni ta' FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG; jittama li jsir aktar titjib fil-proċedura fil-qafas tar-rieżami li jmiss tal-FEG;

2.  Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG, jipprovdu appoġġ individwali ta' darba u limitat fiż-żmien maħsub biex jgħin lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'riżultat tal-globalizzazzjoni u tal-kriżi finanzjarja u ekonomika; jinnota r-rwol li l-FEG jista' jkollu fir-reintegrazzjoni tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja fis-suq tax-xogħol; madankollu, jitlob li ssir evalwazzjoni dwar l-integrazzjoni fit-tul ta' dawn il-ħaddiema fis-suq tax-xogħol b'riżultat dirett tal-mizuri ffinanzjati mill-FEG;

3.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa r-reintegrazzjoni fix-xogħol tal-ħaddiema individwali li ngħataw is-sensja; itenni li għajnuna mill-FEG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta' ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi;

4.  Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' din id-data anki fir-rapporti annwali tagħha;

5.  Jilqa' l-fatt li wara talbiet ripetuti mill-Parlament, għall-ewwel darba l-baġit 2011 juri approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet ta' EUR 47 608 950 fil-linja baġitarja 04 05 01 tal-FEG; ifakkar li l-FEG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li għalhekk ħaqqu allokazzjoni apposta, hekk li ma jkunx hemm trasferimenti minn linji baġitarji oħra, bħalma sar fil-passat, li jistgħu jkunu detrimentali għall-ilħuq tad-diversi objettivi politiċi;

6.  Iqis li l-kwistjoni ta' kumpaniji multinazzjonali, li r-ristrutturazzjoni jew ir-rilokazzjoni tagħhom twassal għal sensji u, sussegwentement, għall-intervent tal-FEG, jeħtieġ li tiġi indirizzata fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament FEG bla ma jiġi kompromess l-aċċess għall-FEG tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

7.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(2) ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/031 BE/General Motors Belgium mill-Belġju)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2011/470/UE.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza