Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Adrian Severin (2011/2070(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Adrian Severin, imressqa fil-5 ta' April 2011 mid-Direttorat Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Għolja ta' Kassazzjoni u Ġustizzja tar-Rumanija) u kkomunikata fis-seduta plenarja fis-6 ta' April 2011,
– wara li sema' lil Adrian Severin fil-23 ta' Mejju 2011, bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, tat-8 ta' April 1965, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008 u tad-19 ta' Marzu 2010(1),
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 72(2) tal-Kostituzzjoni Rumena,
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi Kriminali Rumen, skont liema d-dritt kriminali Rumen huwa applikabbli għar-reati kommessi barra mit-territorju tar-Rumanija jekk minn iwettaq ir-reat huwa ċittadin Rumen jew jekk hu jew hi, waqt li ma jkollhomx ċittadinanza Rumena, j/tkun domiċiljat/a fir-Rumanija,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0242/2011),
A. billi d-Direttorat Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni tar-Rumanija talab it-tneħħija tal-immunità ta' Adrian Severin, Membru tal-Parlament, għall-fini li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Rumen ikun jista' jagħmel l-indaġnijiet tal-każ u jipproċedi fil-konfront ta' Adrian Severin, jirrikjedi l-perkwiżizzjoni tal-abitazzjoni u tal-uffiċċji tal-persuna kkonċernata kif ukoll l-iżvolġiment ta' verifiki informatiċi jew ta' kwalunkwe tiftixa elettronika oħra li tirriżulta neċessarja, jibda proċediment penali kontra l-persuna msemmija b'akkużi ta' korruzzjoni passiva u/jew użu illeċitu tal-influwenza jew kwalunkwe kwalifika ġuridika oħra li tkun tista' tiġi attribwita lill-allegat reat/allegati reati quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji penali kompetenti,
B. billi t-tneħħija tal-immunità ta' Adrian Severin tikkonċerna allegati reati ta' korruzzjoni kontemplati mill-Artikolu 6 tal-Liġi Rumena Nru 78/2000, flimkien mal-Artikolu 254 (korruzzjoni) u l-Artikolu 257 (użu illeċitu tal-influwenza) tal-Kodiċi Kriminali, kif ukoll l-Artikolu 81(b) tal-Liġi Nru 78/2000,
C. billi l-Parlament Ewropew la huwa responsabbli li jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew le tal-Membru tal-PE u lanqas dwar l-opportunità jew le li jkunu persegwiti kriminalment l-atti li ġew lilu attribwiti,
D. billi huwa xieraq għaldaqstant li jiġi rakkomandat li l-immunità parlamentari titneħħa fil-każ inispeċje,
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Adrian Severin, bl-esklużjoni tar-restrizzjonijiet tal-libertà personali;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tar-Rumanija u lil Adrian Severin.
Każ 101/63 Wagner v Fohrmann u Krier, Ġabra [1964] 195, Każ 149/85, Wybot/Faure u oħrajn, [1986], 2391; Każ T-345/05, Mote v il-Parlament [2008]ECR II-2849, Każijiet Magħquda C-200/07 u C-201/07 Marra v De Gregorio u Clemente [2008] ECR I-7929; u Każ T-42/06 Gollnisch v il-Parlament (ĠU C 134, 22.5.2010, p. 29).