Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (17238/2010 – C7-0031/2011 – 2010/0335(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (17238/2010),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (17237/2010),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0031/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81 u l-Artikolu 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Baġits (A7-0192/2011),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;
2. Jitlob lill-Kummissjoni tgħaddi lill-Parlament il-konklużjonijiet tal-laqgħat u tal-ħidma tal-Kumitat Konġunt provdut fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (minn hawn “il quddiem il-”Ftehim ta' Sħubija“), kif ukoll il-programm settorjali plurijennali msemmi fl-Artikolu 3 tal-Protokoll;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill, matul l-aħħar sena ta' applikazzjoni tal-Protokoll u qabel jinfetħu n-negozjati għat-tiġdid tal-Ftehim ta' Sħubija, rapport dwar l-applikazzjoni tiegħu;
4. Jitlob lill-Kummissjoni rapport dwar l-evoluzzjoni tal-piraterija fiż-żona ekonomika esklussiva tas-Seychelles bejn l-2006 u l-2010 u l-effett tagħha fuq l-attività tas-sajd tas-Seychelles u dik Ewropea;
5. Jitlob li r-rappreżentanti tal-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt provdut fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Sħubija bħala osservaturi;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tas-Seychelles.