Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar ir-Rapport tal-2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni għall-2007-2013 (2010/2139(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 174 sa 178 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2010: “Il-politika ta' koeżjoni: Rapport Strateġiku 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013” (COM(2010)0110),
– wara li kkunsidra l-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2010: Dokument ta' Akkumpanjament għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2010 – Politika ta' Koeżjoni: Rapport Strateġiku 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013 (SEC(2010)0360),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2010, Politika ta' Koeżjoni: Ir-risposta għall-kriżi ekonomika“, rieżami tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta' politika ta' koeżjoni adottati b'appoġġ għall-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku (SEC(2010)1291),
– wara li kkunsidra l-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2008: Reġjuni 2020 - Valutazzjoni tal-isfidi futuri għar-reġjuni tal-UE (SEC(2008)2868),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010) 2020),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2011 dwar il-“Politika Reġjonali li Tikkontribwixxi għat-Tkabbir Sostenibbli fl-Ewropa 2020” (COM(2011)0017),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006 tat-8 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, b'mod partikolari l-Artikolu 7(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 397/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-effiċjenza fl-enerġija u l-investimenti fl-enerġija rinovabbli fid-djar(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 437/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-interventi għall-akkomodazzjoni favur il-komunitajiet emarġinati(4),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/EC tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar il-linji-gwida strateġiċi tal-Komunità dwar il-koeżjoni(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Fondi Strutturali 2007-2013: ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji ta' koeżjoni nazzjonali u l-programmi operattivi(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar l-implimentazzjoni tas-sinerġiji tal-fondi assenjati għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fl-Istati Membri u fl-Unjoni(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2010 dwar il-ksib ta' koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika vera fi ħdan l-UE - kundizzjoni sine qua non għall-kompetittività dinjija?(8),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Informazzjoni Nru 1 tal-Kummissjoni: Earmarking tat-28 ta' Frar 2007 (COCOF/2007/0012/00),
– wara li kkunsidra n-nota ta' informazzjoni tal-Kummissjoni “Struttura indikattiva għar-rapporti strateġiċi nazzjonali 2009” tat-18 ta' Mejju 2009 (COCOF 09/0018/01),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rapport Strateġiku tal-2010 mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Programmi tal-Politika ta' Koeżjoni adottati mill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fl-14 ta' Ġunju 2010,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għar-Reġjuni dwar “Politika ta' Koeżjoni: rapport strateġiku 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013” tal-1-2 ta' Diċembru 2010 (CdR 159/2010),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Lulju 2010: “Kif jistgħu jitħeġġu sħubijiet effikaċi fil-ġestjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, fuq il-bażi ta' prattiki tajbin miċ-ċiklu 2007-2013” (ECO/258),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, u l-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0111/2011),
A. billi, skont it-termini tal-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, biex jippromwovi l-iżvilupp globali armonjuż tagħha, l-Unjoni għandha tiżviluppa u tiżvolġi l-azzjonijiet tagħha li jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha, u b'mod partikolari l-Unjoni għandha jkollha l-għan li tnaqqas id-diskrepanzi fil-livelli ta' żvilupp tar-reġjuni differenti u t-tardività tal-inqas reġjuni favoriti bħal żoni rurali, żoni effettwati minn tranżizzjoni industrijali, u reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi qawwija u permanenti,
B. billi l-politika ta' koeżjoni għandha rwol ewlieni fit-triq biex jintlaħqu għalkollox l-għanijiet UE 2020, b'mod partikolari fil-qasam tal-impjieg u l-affarijiet soċjali, fil-livelli kollha ta' governanza u fiż-żoni ġeografiċi kollha,
C. billi d-dimensjoni strateġika tal-politika ta' koeżjoni li tiggarantixxi konsistenza mal-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea – li tkabbar l-attrattività tal-Ewropa u r-reġjuni tagħha bħala postijiet fejn wieħed jinvesti u jaħdem, fejn jitjiebu l-għarfien u l-innovazzjoni għat-tkabbir u jinħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar - hija mogħtija u aċċentwata permezz tar-Regolament atl-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (magħruf: ir-Regolament Ġenerali), il-linji-gwida strateġija tal-Komunità dwar il-koeżjoni (magħrufin: Linji-Gwida Strateġiċi), il-Qafas ta' Riferenza Strateġika Nazzjonali (NSRF) u l-Programmi Operazzjonali (OP),
D. billi l-eżerċizzju tar-rapportaġġ strateġiku jirrappreżenta strument ġdid tal-politika ta' koeżjoni, introdott fil-perijodu preżenti ta' programmazzjoni permezz tar-Regolament Ġenerali bħala strument għall-eżami tal-implimentazzjoni tal-Linji-Gwida Strateġiċi, bl-objettiv li jiżdied il-kontenut strateġiku u jkunu promossi t-trasparenza u r-responsabilità politika tal-politika ta' koeżjoni, u billi għandna nitgħallmu mill-informazzjoni u mill-esperjenzi miksuba fl-ippjanar tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss,
E. billi t-Trattat ta' Lisbona mmarka b'mod distintiv liema hu l-eżerċizzjoni li permezz tiegħu s-sottinsjemijiet tas-86 skemi prijoritarji miftehmin kellhom jiġu identifikati bħala prijoritajiet speċifiċi skont il-Programm ta' Lisbona għat-Tkabbir u x-Xogħol u billi, għar-reġjuni tal-objettiv tal-Konverġenza, ġew identifikati 47 tema ta' prijorità bħala prijoritajiet immarkati b'mod distintiv, filwaqt li fir-reġjuni tal-objettiv tal-Kompetittività u x-Xogħol Reġjonali, ġew identifikati biss 33 tema ta' prijorità,
F. billi għar-rapporti strateġiċi nazzjonali tal-2009, il-Kummissjoni u l-Istati Membri qablu li jiskambjaw id-dejta biss fuq it-temi prijoritarji skont l-objettiv li jkollhom, bid-data li mmiraw għaliha tat-30 ta' Settembru 2009 għall-estrazzjoni, data meta l-Istati Membri kienu għadhom qed isofru mill-effetti tal-kriżi ekonomika, b'xi wħud minnhom jiffaċċjaw diffikultajiet inizjali fil-bidu tal-perijdou ta' programmazzjoni, u billi hu mistenni li aktar dejta informattiva tista' tinkiseb mir-Rapport Strateġiku tal-2013,
G. billi r-reġjunijiet Ewropej għadhom jiffaċċjaw avariji ekonomiċi, soċjali u ambjentali lampanti, parzjalment bħala konsegwenza naturali tal-aħħar żewġ tkabbiriet imma wkoll minħabba l-effetti diretti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, ukoll jekk dawn l-avariji nxtorbu matul l-aħħar għaxar snin b'riħet il-kontribut attiv tal-politika ta' koeżjoni li hija kruċjali għall-iżgurar tal-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet reġjonali,
H. billi l-politika ta' koeżjoni kienet element fundamentali tal-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku (EERP), u b'hekk tintwera l-importanza tal-Fondi Strutturali bħala għodod ta' stimulu ekonomiku, b'mod partikolari għan-negozji ż-żgħar, is-sostenibilità u l-effiċjenza enerġetika u billi l-Kummissjoni ntalbet tippreżenta rapport fl-2010 dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri adottati bħala parti mir-respons tal-Ewropa għall-kriżi,
1. Jilqa' r-rapport strateġiku tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni kofinanzjati mill-Fondi Strutturali; jifraħ lill-Istati Membri dwar l-isforzi tagħhom għat-tħejjija tal-ewwel rapporti strateġiċi nazzjonali tagħhom, li rriżultaw għajn siewja ta' tagħrif dwar l-implimentazzjoni;
2. Jindika li, meta ssir l-analiżi komparata, għandu jitqies li ħames Stati Membri ħarġu d-data tagħhom f'data aktar reċenti u wieħed minħabba f'data anterjuri; iqis li huwa aktar xieraq li jitqabbel il-progress magħmul mill-Istati Membri mal-medja tal-UE;
3. Iqis li t-trasparenza fl-allokazzjoni tal-fondi ġġib l-implimentazzjoni korretta u hija prekondizzjoni fundamentali għall-ksib tal-objettivi globali tal-politika ta' koeżjoni u bħala tali jeħtieġ li tkun infurzata fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni; jemmen li x-xkif tal-elenku tal-benefiċjarji għandu jissokta, l-aktar online, billi huwa għodda effikaċi għat-titjib tat-trasparenza; huwa tal-fehma li l-għemil ta' linji-gwida komunitarji u t-tidħol tar-rapportaġġ strateġika bħala strument ġdid ikkontribwixxew għal aktar responsabilità politika fil-ksib tal-objettivi ta' politika; jitlob f'dan il-kuntest li jsir dibattitu politiku regolari biex jittejbu t-trasparenza, ir-responsabilità u l-valutazzjoni tal-effetti tal-politika ta' koeżjoni;
Implimentazzjoni
4. Jinnota li l-volum finanzjarju rapportat ta' proġetti magħżulin huwa ta' EUR 93.4 biljun, li jirrappreżentaw 27,1 % tar-riżorsi disponibbli tal-UE fil-perijodu kurrenti, u li din ir-rata medja tapplika għat-tliet objettivi ta' politika ta' koeżjoni kif ukoll għall-kategoriji tal-earmarking ta' Lisbona u għall-progress fl-implimentazzjoni tal-Linji-Gwidi Komunitarji Strateġiċi; jisħaq, iżda, li l-progress ivarja ħafna bejn il-pajjiżi u bejn it-temi, bir-rati ta' selezzjoni aggregata ogħla minn 40 % fil-każ ta' 9 Stati Membri u anqas minn 20 % fil-każ ta' 4 Stati Membri;
5. Itenni l-apprezzament tiegħu għall-isforzi nazzjonali li wasslu f'allokazzjoni medja ta' nfiq ta' 65 % tal-fondi disponibbli għall-kisba tat-trattat ta' Lisbona fir-reġjuni ta' konverġenza, u ta' 82 % fil-kompetittività reġjonali u fir-reġjuni ta' impjieg, li jeċċedu l-livelli mitluba fil-bidu; jinnota b'sodisfazzjon li total ta' EUR 63 biljun ġie rappurtat li ġie allokat lil proġetti ta' earmarking ta' Lisbona u li s-selezzjoni tal-proġetti għall-earmarking ta' Lisbona hija fl-istess livell jew timxi kemmkemm aktar bil-ħeffa mis-selezzjoni għal azzjonijiet oħrajn, u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri biex fil-futur ikomplu jidentifikaw riżorsi għall-proġetti li jappoġġjaw l-Istrateġija UE 2020;
6. Jinnota li r-rata ta' progrress fost it-temi CSG hija l-ogħla fit-tema tad-Dimensjoni Territorjali (30 %), ogħla mill-medja għat-“Titjib tal-Konoxxenza u tal-Innovazzjoni għat-Tkabbir”, imma anqas minn 27.1% fil-każ taż-żewġ linji-gwida l-oħrajn u li, aktar minn hekk, ir-rata ta' selezzjoni huma ogħla mill-medja għall-proġetti li jkunu bis-sistema tal-earmarking ta' Lisbona bl-objettivi kemm ta' Konverġenza u kemm ta' Kompetittività Reġjonali u Impjiegi, imma jammontaw biss għal 20,5 % tal-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea; jiddispjaċih li, fl-assenza ta' output u indikaturi ta' riżultati għall-Istati Membri kollha, ġie ppruvat li l-analiżi tal-prestazzjoni tal-politika kif ippreżentata fir-rapport strateġiku kellha limitazzjonijiet gravi; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi r-rekwiżiti għar-rappurtaġġ amministrattiv tagħha u jitlob lill-Istati Membri jkunu aktar dixxiplinati fil-forniment ta' data dwar l-implimentazzjoni tal-programm;
7. Jilqa' l-progress li diġà sar fi proġetti ta' implimentazzjoni marbuta mal-linji gwida “Aktar impjiegi u aħjar”, minħabba l-kriżi ekonomika u l-għadd jiżdied ta' persuni qiegħda; jirrakkomanda bil-qawwa madankollu li l-Kummissjoni tintroduċi metodi għall-kooperazzjoni mal-Istati Membri li jagħmluha eħfef li l-fondi kollha meħtieġa jiġu mobilizzati fil-pront u allokati b'mod effiċjenti għall-kisba ta' ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva, ta' tkabbir inklużiv u ekonomija b'rata għolja ta' impjiegi li tipprovdi koeżjoni soċjali u territorjali u tnaqqis tal-faqar, li huma objettivi ta' prijorità tal-Istrateġija UE 2020 u tal-għanijiet tagħha, b'mod partikolari fil-qasam tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali, biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-produttività u ttejjeb il-prestazzjoni tal-impjiegi fl-Ewropa;
8. Jilqa' l-fatt li l-FSE pprovda appoġġ rilevanti biex jiġu implimentati r-riformi tas-suq tax-xogħol u wera li kien strument effikaċi li kkontribwixxa għall-bidla minn politiki tas-suq tax-xogħol passivi għal politiki attivi u anke preventivi; jistieden lill-Istati Membri jkomplu r-riformi strutturali li jipprevjenu kriżijiet futuri potenzjali fis-suq tax-xogħol;
9. Jistieden lill-Istati Membri biex iwettqu progress fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' kofinanzjament u f'attivitajiet immirati għall-livell reġjonali, għall-appoġġ tas-swieq tax-xogħol bit-tnaqqis tas-segregazzjoni tal-ġeneru kif ukoll tal-inugwaljanzi, bħad-diskrepanza fil-pagi u n-nuqqas ta' rappreżentanza fil-pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet, bl-iffaċilitar tar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja u bit-tħeġġiġ tal-konverżjoni ta' ħidma prekarja f'ħidma bi drittijiet, b'kunsiderazzjoni tal-proporzjon sinifikanti ta' nisa effettwati minn arranġamenti ta' xogħol prekarji;
10. Jisħaq fuq l-importanza li jittejbu l-infrastruttura u s-servizzi għal mikroreġjuni żvantaġġati b'konċentrazzjoni għolja ta' persuni marġinalizzati soċjalment (eż. ir-Roma), kif ukoll li jkunu bi prezzijiet raġonevoli;
11. Jisħaq dwar l-importanza tat-trasport inġenerali fl-iżgurar tal-koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali; huwa mħasseb li l-investiment fis-settur ferrovjarju mhux miexi “l quddiem skont il-pjan u jinsab taħt il-livell ta' progress fil-qasam stradali, u b'hekk mhux jikkontribwixxi biżżejjed għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport; jissottolinja f'dan il-kuntest li l-investimenti fit-trasport li jkunu sproporzjonalment ippjanati bejn il-modalitajiet differenti huma ta' deteriment għall-ħolqien ta' sistema Ewropea ta' trasport u jinnota li aktar dewmien fl-implimentazzjoni jista” jaċċentwa l-iskwilibriji;
12. Ifakkar li madwar 23,7 % (€ 82 biljun) tal-allokazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 huwa maħsub għat-trasport, iżda huwa biss nofs dan l-ammont li se jintnefaq fi proġetti tat-TEN-T (€ 17-il biljun fin-netwerk ta' prijorità tat-TEN-T u € 27.2 biljun għall-parti komprensiva), filwaqt li n-nofs l-ieħor huwa maħsub għall-investiment fi proġetti nazzjonali, reġjonali u lokali li mhumiex indikati fuq il-mapep tat-TEN-T; jenfasizza li l-finanzjament ta' koeżjoni u strutturali allokat għat-trasport hu mqassam bejn il-modi tat-trasport u n-netwerks tat-trasport b'tali mod li ma jqisx biżżejjed l-objettivi tal-Unjoni Ewropea;
13. F'termini ta' koperazzjoni territorjali, jiġbeda l-attenzjoni għat-tendenza li tiddewwem it-tnedija tal-proġetti ta' bejn il-fruntieri u l-proġetti ferrovjarji inġenerali u jisħaq li l-valur miżjud Ewropew tan-netwerk TEN-T, li huwa partikolarment evidenti fit-taqsimiet ta' bejn il-fruntieri tal-proġetti u fl-interkonnessjoni tagħhom mal-proġetti nazzjonali ta' toroq, ferroviji u kanali tal-ilma fl-intern; jipproponi f'dan il-kuntest li jkun hemm is-sistemizzazzjoni tal-introduzzjoni ta' pjattaformi komuni għall-aqwa prattiki organizzati fuq bażi soċjo-ekonomika, ġeografika, demografika u kulturali;
14. Jilqa' l-inklużjoni fil-programm, tal-infiq għall-investiment fl-effiċjenza tal-enerġija u s-sorsi rinnovabbli tal-enerġija fil-bini tad-djar u fil-proġetti tad-djar għall-komunitajiet emarġinati, li qiegħed jiġi implimentat b'suċċess f'bosta reġjuni u għandu jitkompla fil-ġejjieni;
15. Jitlob li ssir implimentazzjoni aħjar tal-programmi fil-qasam ambjentali, b'mod partikolari fis-setturi trasversali li jikkostitwixxu valur miżjud fil-livell Ewropew, bħall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, l-investiment fit-teknoloġiji aktar nodfa u b'kontenut baxx ta' karbonju, l-azzjoni kontra t-tniġġis tal-ajru u l-ilma, l-azzjoni għall-ħarsien tal-bijodiversità, l-espansjoni tan-netwerks ferrovjarji, il-promozzjoni tal-effikaċja tal-enerġija, speċjalment fis-settur tal-bini, u sorsi ta' enerġija rinnovabbli sabiex jintlaħqu l-miri tal-UE għall-2020 u għall-promozzjoni ta' impjiegi ħodor u ekonomija ħadra;
16. Jitlob li jintużaw il-fondi li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni ta' diżastri ambjentali u/jew reazzjoni rapida u jitlob lill-Istati Membri biex jaċċelleraw l-investimenti fil-prevenzjoni u r-riabilitazzjoni ta' żoni industrijali u ta' art kontaminata, fid-dawl tar-rata baxxa ta' implimentazzjoni tagħhom;
17. Jiddispjaċih mid-dewmien fis-selezzjoni tal-proġetti għall-oqsma strateġiċi bħalma huma s-settur ferrovjarju, ċerti investimenti tal-enerġija u l-ambjent, l-ekonomija diġitali, l-inklużjoni soċjali, il-governanza u l-bini tal-kapaċità, u s-sejħiet għal analiżi profonda tal-kawżi ta' dan id-dewmien, filwaqt li jistieden ukoll lill-Istati Membri biex jinkludu r-reġjuni tagħhom bil-għan li jimmonitorjaw aktar mill-qrib iż-żoni fejn l-isforzi jeħtieġu jiġu msaħħa; jissottolinja mill-band l-oħra l-assorbiment ogħla ta' proġetti ambjentali fil-programmi tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea, u jindika l-valur miżjud ċar tal-koperazzjoni f'dan il-kuntest; jissottolinja, imma, li l-Istati Membri għandu mnejn inqabdu f'oqsma fejn l-implimentazzjoni kienet għadha lura, u li għalhekk id-dewmien f'dan l-istadju partikolari mhux bilfors ikun indikattiv tal-kwalità globali tal-perijodu ta' programmazzjoni; jindika f'dan il-kuntest li kien hemm aċċellerazzjoni fil-kapaċitajiet ta' assorbiment u ta' implimentazzjoni baġitarja tal-politika ta' koeżjoni matul l-2010 li kienet ġejja, inter alia, mill-bidliet leġiżlattivi reċenti u mill-programmi operattivi li laħqu “cruising speed”, filwaqt li s-Sistemi ta' Ġestjoni u Kontrolli tal-aħħar fl-aħħar ġew approvati mill-Kummissjoni;
18. Jemmen li għandhom jittieħdu minnufih miżuri korrettivi biex titjieb il-prestazzjoni fqira f'xi oqsma ta' prijorità; jirrakkomanda li ssir analiżi fil-fond tal-problemi ta' implimentazzjoni fl-oqsma li għandhom dewmien speċifiku fis-selezzjoni tal-proġetti u jistieden lill-Istati Membri f'dan il-kuntest iħaffu l-isforzi għat-titjib tas-selezzjoni tal-proġetti fit-temi fejn hemm id-dewmien, u li jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-proġetti selezzjonati kollha ħalli jevitaw ir-riskju li ma jintlaħqux l-objettivi miftiehma;
19. Iqis li f'xi każijiet, is-selezzjoni u l-implimentazzjoni rapidi tal-proġetti u użu globali aħjar tal-fondi allokati huma meħtieġa għall-attivitajiet li għandhom il-miri li jtejbu l-kapital uman, jippromwovu s-saħħa u jseddqu l-prevenzjoni tal-mard, jiżguraw l-opporunitajiet indaqs, jappoġġjaw is-swieq tax-xogħol u jtejbu l-inklużjoni soċjali, l-aktar ħalli jingħelbu l-impatti negattivi tal-kriżi ekonomika;
20. Jenfasizza l-fatt li bosta Stati Membri kkonfermaw li d-dixxiplina imposta bl-eżerċizzju ta' identifikazzjoni tejbet il-kwalità u l-iffukar tal-programmazzjoni; jinnota, barra min hekk, l-Istati Membri qiesu b'unanimità li ż-żamma tal-prijoritajiet fundamentali tal-Ofsqa ta' Referenza u tal-Programmi Operattivi ta' Strateġija Nazzjonali marbutin mal-Istrateġija ta' Lisbona hi l-aħjar strument għat-trattamwnt tal-kriżi u kkonfermat mill-ġdid ir-rilevanza tal-objettivi fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul stipulati f'dawn id-dokumenti;
L-Isfidi fl-implimentazzjoni
21. Jisħaq dwar il-fatt li s-selezzjoni u l-implimentazzjoni effettivi tal-proġetti f'ċerti oqsma hija mxekkla minn prekondizzjonijiet relevanti li huma neqsin, bħalma huma proċeduri ta' applikazzjoni aktar sempliċi fil-livell nazzjonali, prijoritajiet nazzjonali ċari għal ċerti oqsma ta' intervent, traspożizzjoni tempestiva ta' liġijiet tal-UE u kapaċità istituzzjonali u amministrattiva kkonsolidata, u b'burokrazija nazzjonali eċċessiva; jitlob għalhekk lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-politika bit-trattament ta' dawn l-isfidi u b'mod partikolari bit-titjib tal-qafas legali fil-qasam tal-għajnuna statali, ir-regoli ta' akkwist pubbliku u ambjentali u l-promozzjoni ta' riformi istituzzjonali;
22. Ifakkar b'dispjaċir li d-dewmien sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-politika jirriżulta l-aktar mill-fattur li ġejjin: il-konklużjoni tardiva tan-negozjazzjonijiet fuq il-qafas finanzjarju pluriennali u l-pakkett leġiżlattiv tal-politika, li jirriżulta fit-tlestija tardiva tal-istrateġiji nazzjonali u tal-programmi operattivi, fil-bidliet tar-regoli dwar il-kontroll finanzjarju u kriterji ta' evalwazzjoni imposti fil-livell nazzjonali, sovrapponiment mal-għeluq tal-perijodu 2000-2006 u l-ftit riżorsi pubbliċi disponibbli għall-kofinanzjament fl-Istati Membri;
23. Jiddeplora l-fatt li, minkejja li r-Rapport Strateġiku għandu jissottolinja l-kontribut tal-programmi konfinanzjati mill-Fondi Strutturali lejn l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni, dan ma għandux jagħti data komprensiva dwar is-sitwazzjoni li tirrigwardja l-avariji reġjonali sal-2009;
Ir-Rispons għall-kriżi ekonomika
24. Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Karta ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Politika ta' Koeżjoni: Ir-risposta għall-kriżi ekonomika”, rieżami tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta' politika ta' koeżjoni adottati b'appoġġ għall-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku; jissottolinja li dan ir-rieżami jimxi l-aktar fuq it-tagħrif mogħti fir-rapporti strateġiċi nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri neċessarji ħalli tiżgura li l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri tkun preċiża;
25. Jinnota li, fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u r-rallentament ekonomiku ta' bħalissa, il-politika ta' koeżjoni tal-UE deċiżament tikkontribwixxi għall-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku Ewropew, billi tikkostitwixxi l-akbar għajn komunitarja ta' investiment fl-ekonomija reali, u wriet li tippermetti rispons flessibbli u xieraq għall-ambjent soċjoekonomiku li qiegħed jiddeterjora rapidament; jissottolinja li l-Istati Membri apprezzaw li l-miżuri tal-kriżi setgħu jitfasslu skont il-ħtiġiet speċifiċi tagħhom; jitlob b'danakollu li jkun hemm aktar flessibilità u anqas komplessità fir-regoli għat-taqbida kontra l-kriżi u jħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw mill-ewwel il-miżuri kollha li hemm disponibbli mill-Kummissjoni ħalli jiżguraw reazzjoni xierqa u f'waqtha skont il-ħtiġiet speċifiċi kif ukoll ħruġ b'suċċess mill-kriżi ħalli jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli fit-tul bit-tisħiħ tal-kompetittività, l-impjiegi u l-attrazzjoni tar-Reġjuni Ewropej;
26. Jisħaq dwar l-importanza tat-teħid ta' sforzi ulterjuri biex tingħeleb id-diffikultà li jitkejjel l-impatt globali tal-miżuri speċifiċi marbutin mal-politika ta' koeżjoni skont l-EERP, u jiddispjaċih li r-rieżami għalhekk jista' biss jagħti indikazzjonijiet limitati dwar l-eżempji konkreti f'livell nazzjonali; b'danakollu, jilqa' l-analiżi tal-prattiki tajbin u l-ewwel konklużjonijiet preżentati fir-rapport;
27. Iqis li s-sinjali tar-rkupru mill-kriżi huma fraġli, u li fis-snin li ġejjin l-Ewropa għandha tittratta d-dgħjufijiet strutturali tagħha, inkluż permezz ta' interventi ta' Politika ta' Koeżjoni u investimenti mmirati, l-aktar fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni, l-e'ukazzjoni u t-teknoloġiji li huma ta' benefiċċju għas-setturi kollha fil-ksib tal-kompetittività; jisħaq għalhekk dwar il-ħtieġa għal analiżi fil-fond tal-impatt tal-miżuri mmirati lejn il-kontrobilanċ tal-kriżi u n-neċessità li jkun hemm finanzjament strutturali aċċessibbli, li huwa mekkaniżmu f'saħħtu maħsub li jgħin lir-reġjuni fir-ristrutturar ekonomiku u soċjali tagħhom u fil-promozzjoni tal-koeżjoni u s-solidarjetà ekonomiċi, soċjali u territorjali;
Il-Ħolqien ta' sinerġiji u l-evitar tat-tixrid settorjali tar-riżorsi tal-politika reġjonali
28. Jaqsam il-fehma tal-Kunsill espressa fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rapport Strateġiku 2010 dwar il-veru valur miżjud iġġenerat minn approċċ strateġiku għall-fondi strutturali; ifakkar li kull fond jeħtieġ ir-regoli proprji tiegħu biex iwettaq interventi b'suċċess fil-livell lokali f'sitwazzjonijiet partikolari; jisħaq, ukoll, dwar il-ħtieġa fl-era post-kriżi li jkunu kkonsolidati l-baġits pubbliċi u jiżdiedu s-sinerġiji u l-impatt ta' għejun kollha disponibbli ta' finanzjament (UE, nazzjonali, strumenti BEI) permezz ta' kordinazzjoni effettiva;
29. Jisħaq li s-sinerġiji bejn il-fondi strutturali u strumenti oħrajn ta' politika settorjali, u bejn dawn l-istrumenti u r-riżorsi nazzjonali, reġjonali u lokali, huma vitali u joħolqu rabtiet imprezzabbli li jippermettu t-tisħiħ reċiproku, l-implimentazzjoni sostenibbli tal-programmi u l-ksib tal-koeżjoni territorjali; jirrikonoxxi li, permezz tad-dispożizzjoni ta' allokazzjoni għall-2007-2013, il-politika ta' koeżjoni qiegħda f'qagħda aħjar li toħloq is-sinerġiji mal-politiki ta' riċerka u innovazzjoni; jisħaq li l-Fondi Strutturali jistgħu jintużaw għat-titjib tal-infrastruttura tar-riċerka, filwaqt li jiżguraw l-livell ta' eċċellenza neċessarju għall-aċċess għall-fondi ta' riċerka; jevidenzja wkoll il-benefiċċji tas-sinerġiji bejn l-FEŻR, FEX u FAEŻR; jinnota li l-esperjenza tipprova b'mod ċar li l-prestazzjoni b'suċċess tal-programmi ffinanzjati bl-ESF hija essenzjali biex tkun massimizzata l-effettività tal-finanzjament ERDF għal azzjonijiet ekonomiċi; ifakkar f'dan il-kuntest dwar il-protenzjal tat-transfinanzjament, li għadu ma ġiex sfruttat biżżejjed; għall-finijiet tar-Rapport Strateġiku li jmiss, jistieden lill-Kummissjoni ddaħħal riferiment għall-interazzjoni reċiproka bejn il-Fondi Strutturali kif ukoll għall-interazzjoni tagħhom ma' strumenti finanzjarji oħrajn tal-UE;
Monitoraġġ u Valutazzjoni
30. Jenfasizza li l-assistenza teknika, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni jistimolaw it-tagħlim tal-politika u, flimkien mal-kontroll finanzjarju effikaċi, għandhom jikkostitwixxu inċentiv għat-titjib tal-kwalità tal-prestazzjoni;
31. Jiddispjaċih li 19-il Stat Membru biss irrapportaw dwar l-indikaturi essenzjali u għalhekk f'dan l-istadju huwa impossibbli li jkun hemm stampa ċara fl-UE kollha tal-impatt tal-politika kif qed titħaddem; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri jużaw l-indikaturi essenzjali fir-rawnd li jmiss tal-eżerċizzju tar-rapportaġġ strateġiku fl-2012-2013; jistieden lill-Kummissjoni biex tintervjeni u tappoġġja lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jipproduċu data li tkun, f'waqtha, koerenti u kompluta;
32. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tiżgura l-monitoraġġ effiċjenti u kostanti u sistemi ta' kontroll, sabiex ittejjeb il-governanza u l-effikaċja tas-sistema ta' forniment tal-Fondi Strutturali; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-koerenza u l-kwalità tal-monitoraġġ tal-progress miksub mill-Istati Membri billi tagħmilha obbligatorja li jkun hemm l-użu ta' sett minimu ta' indikaturi dwar l-eżitu essenzjali fir-rapporti strateġiċi nazzjonali fil-perijodu ta' programmazzjoni li jmiss biex ikun iffaċilitat il-paragun u l-orjentazzjoni tar-riżultat biex tingħata aktar gwida ddettaljata;
Prattiki tajbin
33. Iqis li l-prattiki tajbin u t-tagħlim reċiproku fl-implimentazzjoni tal-politiki għandhom ikunu aċċentwati u li l-iskambju tagħhom għandu jkun promoss, flimkien mat-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi, b'mod partikolari tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, ħalli titjib l-effikaċja u l-effettività u tiġi evitata t-tennija ta' żbalji mgħoddija;
34. Iħeġġeġ il-prattiki tajbin marbutin mar-rapportaġġ nazzjonali bħalma hu l-użu tal-indikaturi essenzjali, ir-rapportaġġ dwar ir-riżultati u l-outputs, ir-rapportaġġ dwar is-sinerġiji bejn il-politiki nazzjonali u l-politiki tal-UE, l-organizzazzjoni tad-dibattiti pubbliċi u l-konsultazzjonijiet mal-istakeholders, is-sottomissjoni tar-rapporti lill-parlamenti nazzjonali għall-opinjonijiet u l-pubblikazzjoni tar-rapporti dwar il-websajts governattivi (ir-rapporti kollha li jużaw terminoloġija ċara u konċiża), billi dawn il-prattiki jtejbu l-kwalità tal-eżerċizzju tar-rapportaġġ u jkattru s-sjieda tal-istakeholders fl-Istati Membri; jinsisti dwar il-ħtieġa ta' segwitu tal-aħjar prattika f'reġjuni kkaratterizzati bi grad ta' assorbiment jew effiċjenza aktar baxxa, fir-rigward tal-programmi ta' finanzjament;
35. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni tiddelinea kif l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jistgħu jirriallinjaw il-programmi operattivi għall-objettivi ta' tkabbir sostenibbli tal-UE 2020, u kif il-prattiki jistgħu jiġu rifokati lejn objettivi ta' tkabbir intelliġenti matul dan il-perijodu ta' programmazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jaġixxu mingħajr dewmien, jinvestu aktar fl-iżvilupp sostenibbli u fit-tkabbir intelliġenti, l-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol u jużaw il-fondi b'mod aktar effettiv; jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni tniedi dibattitu ħalli telabora aktar kif il-politika ta' koeżjoni tista' fuq il-perjodu attwali 2007 - 2013, tikkontribwixxi għall-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020;
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
36. Jissottolinja r-rwol tal-SMEs bħala atturi ta' innovazzjoni fl-ekonomija u jisħaq dwar il-ħtieġa li jiġi żviluppat dan is-settur inter alia permezz tal-implimentazzjoni tal-Att tan-Negozji ż-Żgħar, ikun iffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għall-iffinanzjar u l-operazzjoni tal-kapital u jitħeġġew l-SMEs jidħlu fi proġetti innovattivi bl-iskop li jsaħħu l-kompettitività u l-potenzjal tagħhom għal aktar impjiegi; jisħaq li hemm ħafna benefiċċji soċjali u ekonomiċi x'jiġu kkadanjati mill-koperazzjoni f'livelli lokali u reġjonali bejn l-awtoritajiet pubbliċi, SMEs, netwerks tan-negozju, istituti ta' riċerka u clusters, kif ukoll minn użu effettiv tar-riżorsi kollha eżistenti, inklużi l-istrumenti ta' inġenjerija finanzjarja (Jeremie) bħala elementi għat-tisħiħ tal-kapital għall-SMEs; b'danakollu jissottolinja li, f'dak li għandu x'jaqsam mal-finanzjament tal-muwti, huwa meħtieġ li titjieb iċ-ċertezza ġuridika b'mod li l-intermedjarji finanzjarji u l-banek promozzjonali jkunu jistgħu jħejju l-kondizzjonijiet għal strumenti finanzjarji innovattivi li jibqgħu validi għall-perijodu sħiħ ta' programmazzjoni;
37. Jemmen b'saħħa li l-governanza t-tajba f'livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali u l-koperazzjoni effettiva bejn il-livelli ta' governanza differenti hija fundamentali biex tkun żgurata l-kwalità tal-proċess deċiżjonali, l-ippjanar strateġiku, kapaċità mtejba ta' assorbiment tal-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni u għalhekk l-implimentazzjoni b'suċċess u effiċjenti tal-politika ta' koeżjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu u jimmobbilizzaw l-governanza b'multi-livell skont ma jingħad fit-Trattat u skont il-prinċipju ta' tas-sussidjarjetà u tas-sħubija; jisħaq, għalhekk, dwar l-importanza ta' strateġija ġenwina ta' partenarjat, kemm vertikalment kemm orizzontalment, u jirrakkomanda li l-kwalità ta' involviment fil-partenarjat tkun ivvalutata, filwaqt li jfakkar li l-partenarjat jista' jwassal għas-semplifikazzjoni, l-aktar fil-proċedura ta' selezzjoni tal-proġetti; jistieden lill-Istati Membri jinvolvu l-livelli sub-nazzjonali sa mill-bidu nett fid-definizzjoni tal-prijoritajiet ta' investiment u fil-proċess innifsu tat-teħid tad-deċiżjoni, kif ukoll li jintegrawhom mal-atturi tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-komunità fl-implimentazzjoni tal-programmi; jipproponi f'dan il-kuntest, it-twaqqif ta' Patt Territorjali ta' Awtoritajiet Lokali u Reġjonali għall-Istatreġija Ewropa 2020 f'kull Stat Membru;
38. Jemmen li s-semplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri għandha tikkontribwixxi għall-allokazzjoni b'ħeffa tal-fondi u l-pagamenti, u li għalhekk għandha tissokta u tirriżulta f'regoli mtejba għall-perijodu ta' wara l-2013, kemm f'livell ta' UE kemm f'livell nazzjonali mingħajr il-ħolqien ta' diffikultajiet maġġuri għall-benefiċċjarji; iqis li l-politika reġjonali għandha tkun adattata aħjar għall-ħtiġiet tal-utenti u li s-semplifikazzjoni għandha tirriduċi x-xkiel u l-kostijiet amministrattivi mhux neċessarji kif ukoll ostakli oħrajn li jxekklu l-objettivi ta' politika, għandha tevita l-konfużjoni u l-interpretazzjoni żbaljata tal-prattiki amministrattivi kurrenti u għandha, min-naħa l-oħram tiżgura ġestjoni aktar flessibbli tal-proġetti, kontrolli sinkronizzati, u effikaċità akbar tal-politika; jiddeplora li, minħabba s-superfiċjalità tal-burokrazija, regoli kkumplikati ż-żejjed u soġġetti għal tibdil frekwenti, u nuqqas ta' proċeduri armonizzati, ħafna fondi baqgħu ma ntużawx; iqis li għandu jinstab bilanċ bejn is-semplifikazzjoni u l-istabilità tar-regoli u l-proċeduri;
39. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jtejbu l-bini tal-kapaċità u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, b'mod partikolari, jiżguraw il-konfinanzjament ta' proġetti b'kontribuzzjonijiet nazzjonali u fejn ikun relevanti jdaħħlu l-appoġġ ta' inġenjerija finanzjarja, ħalli jkattru l-assorbiment tal-fondi u jevitaw aktar dewmien maġġuri fl-investiment;
40. Jappoġġja l-ideat imressqin mill-Kummissjoni li għandhom il-mira li jqegħidu enfasi akbar fuq l-implimentazzjoni skont ir-riżultat tal-Fondi Strutturali u jqis li r-rapportaġġ strateġiku, bħala għodda siewja ta' monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni, joħloq bażi għar-rieżami mill-pari u dibattitu strateġiku fil-livell ta' UE: għall-fini li jinkiseb rapportaġġ strateġiku aħjar tal-kwalità, abbażi tad-dejta komparattiva u affidabbli, iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw approċċ aktar analitiku u strateġiku filwaqt li jelaboraw rapporti nazzjonali b'fokus isħaħ fuq l-objettivi, ir-riżultati u l-iżviluppi strateġiċi, u jissottomettu tempestivament, tagħrif preċiż fuq l-indikaturi bażi u fuq il-miri miftiehmin; jisħaq għalhekk li r-rapport Strateġiku tal-2013 għandu jkun orjentat lejn ir-riżultati u għandu jiffoka aktar fuq l-analiżi kwalitattiva tal-effikaċja tal-programmi, tal-outputs, eżiti bikrin, aktar milli fuq il-preżentazzjoni eċċessiva tad-data statistika;
41. Jistieden lill-Kummisjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-opportunità tar-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-perspettiva finanzjarja 2007-2013 u tal-politika ta' koeżjoni biex jiżguraw assorbiment akbar tal-fondi Ewropej għall-perjodu 2011-2013;
42. Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u tal-Istati Membri, bil-għan tar-rawnd ta' negozjati li jmiss dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni, jiffaċilitaw konklużjoni aktar malajr tad-dokumenti essenzjali, bħalma huma l-qafas u r-regolamenti finanzjarji pluriennali, fir-rawnd li jmiss tan-negozjati sabiex jintgħelbu d-diffikultajiet tal-bidu li jistgħu jfiġġu fil-bidu tal-perijodu li jmiss ta' programmazzjoni;
43. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politika futura ta' koeżjoni tkun tibbenefika minn riżorsi finanzjarji adegwati; huwa tal-fehma li l-politika ta' koeżjoni ma għandhiex titqies biss bħala strument biex jinkisbu l-objettivi ta' politiki settorjali oħra, peress li hija politika tal-Komunità li toffri valur sostanzjali miżjud li għandu r-raison d'être tiegħu stess: koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jissottolinja għalhekk li l-politika ta' koeżjoni għandha tibqa' indipendenti u s-sisien u l-prinċipji ta' bħalissa tagħha ma għandhomx jiġu mmodifikati b'dispersjoni settorjali;
o o o
44. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Istati Membri.