Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar l-Objettiv 3: Sfida għall-koperazzjoni territorjali – l-aġenda futura tal-koperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali (2010/2155(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-titolu XVIII tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1260/1999(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1082/2006 tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Grupp Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT)(2),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-politika ta' koeżjoni u l-politika reġjonali tal-UE wara l-2013(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku u r-rwol tal-makroreġjuni fil-politika ta' koeżjoni tal-ġejjieni(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar l-implimentazzjoni tas-sinerġiji tal-fondi assenjati għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fl-Istati Membri u fl-Unjoni(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali u l-istat tad-dibattitu dwar ir-riforma ġejjiena tal-Politika ta' Koeżjoni(7),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Frar 2009 dwar ir-reviżjoni tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 dwar is-segwitu tal-Aġenda Territorjali u l-Karta ta' Leipzig: Programm ta' Azzjoni Ewropew għall-ippjanar tal-ispazju u l-Koeżjoni Territorjali(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar ir-rwol tal-“Ewroreġjuni” fl-iżvilupp tal-politika reġjonali(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2005 dwar l-irwol tal-koeżjoni territorjali fl-iżvilupp reġjonali(11),
– wara li kkunsidra l-komunuikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Diċembru 2010 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju (COM(2010)0715) u l-pjan ta' azzjoni indikattiv li jakkompanja l-istrateġija (SEC(2010)1489),
– wara li kkunsidra l-ħames rapport tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: Il-futur tal-politika tal-koeżjoni (Il-ħames rapport dwar il-koeżjoni) (COM(2010)0642),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar l-eżami mill-ġdid tal-baġit tal-UE (COM(2010)0700) u l-annessi tekniċi tiegħu (SEC(2010)7000),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 dwar “Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020” - COM (2010)0553 finali,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2010 dwar il-Politika ta' Koeżjoni: Rapport Strateġiku 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013 (COM(2010)0110),
– wara li kkunsidra l-komunuikazzjoni tal-Kummissjoni tat-10 ta' Ġunju 2009 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tal-Baħar Baltiku (COM(2009)0248), u l-pjan ta' azzjoni indikattiv li jakkompanja l-istrateġija (SEC(2009)0712/2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-Istrateġija Ewropea għar-Reġjun Atlantiku, li semmiet il-pubblikazzjoni ta' komunikazzjoni tal-Kummissjoni skedata għall-2011(12),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2008, bl-isem: Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali Ewropea: Nibdlu d-diversità territorjali f'vantaġġi (COM(2008)0616),
– wara li kkunsidra l-opinjoni ta' inizjattiva tas-27 ta' Jannar 2011 tal-Kumitat tar-reġjuni dwar “Perspettivi ġodda għar-reviżjoni tar-regolament GECT”,
– wara li kkunsidra r-rapport indipendenti ppreparat mill-Kummissjoni bl-isem “'INTERREG III Community Initiative (2000-2006): Ex-Post Evaluation” (Nru. 2008.CE.16.0.AT.016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0110/2011),
A. billi t-territorju tal-Unjoni Ewropea huwa magħmul minn 27 Stat Membru u minn 271 reġjun,
B. billi ir-reġjuni magħmula minn żoni fuq il-fruntieri jirrapreżentaw madwar 37,5 % tal-popolazzjoni Ewropea,
C. billi l-koperazzjoni informali, l-Ewroreġjuni, l-Eurodistretti, ir-REKT, l-inizjattivi tal-Kunsill tal-Ewropa, t-trattati suċċessivi u l-leġiżlazzjoni li ħargu mill-Unjoni Ewropea ilkoll kkontribwew sabiex jistabbilixxu rabtiet aktar b'saħħithom u dejjiema bejn it-territorji,
D. billi għalkemm il-bażi tal-koperazzjoni territorjali diġà tqiegħdet, xorta għad baqa' sfidi li n-natura tagħhom jiddependu mill-istorja u mil-livell ta' maturzzjoni tal-koperazzjoni;
E. billi wara li “tneħħew” il-fruntieri fit-trattati, huwa importanti li l-impatt tagħhom jitnaqqas fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tagħna;
F. billi l-politika reġjunali għandha tendenza li tippromwovi żvilupp armonjuż tar-reġjuni billi ssaħħaħilhom il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea,
G. billi fil-politika ta' koeżjoni, l-objettiv “Koperazzjoni Territorjali” jikkontribwixxi għal “għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli” billi jippermetti li jitnaqqsu l-ostakoli bejn it-territorji u r-reġjuni,
H. billi, fil-fruntieri esterni tal-UE, l-objettiv tal-koperazzjoni territorjali huwa aspett wieħed tal-proċess ta' qabel l-adeżjoni u tal-implimentazzjoni tal-politika tal-viċinat u billi, b'konsegwenza ta' dan, il-koordinazzjoni tal-arranġamenti tal-Komunità relevanti jridu jittejbu,
I. billi l-koperazzjoni territorjali, li twassal liċ-ċittadini ta' reġjuni differenti biex jikkoperaw, hija proċess ta' tagħlim li ma jiqafx li joħloq l-idea ta' komunità komuni u ta' futur maqsum,
J. billi l-Koperazzjoni Territorjali għandha tpoġġi liċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-prijoritajiet tagħha, u għaldaqstant għandu jkun promoss approċċ ibbażat fuq il-post,
K. billi t-tfannid tal-Koperazzjoni Territorjali huwa dipendenti fuq il-progress li jagħmel l-integrazzjoni u l-koordinazzjoni Ewropej fl-oqsma kollha, li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni Ewropea u l-koeżjoni territorjali, u billi l-Koperazzjoni Territorjali tikkostitwixxi fiha nnifisha laboratorju esperimentali tal-integrazzjoni Ewropea,
L. billi bilkemm iseħħ xi investiment fin-netwerks trans-Ewropej tat-trasport (TEN) fir-reġjuni mal-fruntieri, għalkemm huwa preċiżament fil-konnessjonijiet transkonfinali li l-modernizzazzjoni hija meħtieġa b'mod urġenti, u fejn jara każ klassiku Ewropew ta' valur miżjud fit-tneħħija tal-ostakoli infrastrutturali transkonfinali,
M. billi r-regolament ġenerali tal-fondi strutturali, kif ukoll id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, saħħew konsiderevolment l-importanza tal-koperazzjoni territorjali,
N. billi l-evalwazzjoni ex-post tal-programmi INTERREG III għall-perjodu ta' programmazzjoni 2000 - 2006 turi bi prova il-valur miżjud ta' dan l-objettiv għall-proġett Ewropew,
1. Ifakkar li l-Koperazzjoni Territorjali għandha l-għan li tħeġġeġ lit-territorji u r-reġjuni biex jikkoperaw ħalli flimkien jirreaġixxu għall-isfidi komuni tagħhom, ħalli jnaqqsu l-ostakli fiżiċi, kulturali, amministrattivi u regolatorji li jfixklu din il-koperazzjoni u ħalli jitnaqqas l-“effett konfinali”;
2. Jinsab konvint mill-valur miżjud Ewropew tal-koperazzjoni territorjali u r-rwol essenzjali tagħha għat-tfannid tas-suq intern u l-integrazzjoni Ewropea f'diversi politiki settorjali, u jitlob li l-koperazzjoni territorjali tibqa' wieħed mill-pilastri tal-politika ta' koeżjoni;
3. Jisħaq fuq il-fatt li l-objettiv tal-koperazzjoni territorjali, ibbażat fuq il-prinċipju ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, jikkonċerna r-reġjuni kollha tal-UE billi jgħin biex jitħeġġeġ żvilupp armonjuż tal-Unjoni kollha kemm hi;
4. Iqis li l-koperazzjoni territorjali wriet l-effettività tagħha, u li l-potenzjal tagħha bħala sors ta' kompetittività ma kienx sfruttat biżżejjed minħabba r-riżorsi mhux adegwati li ġew allokati għaliha; jitlob li l-baġit għall-objettiv “koperazzjoni territorjali” jiżdied minn 2,5 % fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali għal tal-anqas 7 % tal-baġit globali tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;
5. Jargumenta favur iż-żamma tal-istruttura attwali tal-objettiv 3, maqsuma fi tliet komponenti (transkonfinali, (komponent A) transnazzjonali (komponent B), interreġjonali (komponent C)), u li l-komponent transkonfinali jżomm l-enfasi tiegħu meta mqabbel mal-komponenti l-oħrajn billi jirċievi tal-anqas 70 % tal-baġit tal-koperazzjoni territorjali; jinnota li għandu jkun hemm distribuzzjoni ġusta u ekwa tal-fondi skont il-programm għar-reġjuni kollha;
6. Iqis li jekk trid tinżamm id-distinzjoni bejn il-komponent transkonfinali (komponent A), li jwieġeb għall-bżonnijiet lokali taż-żona tal-popolazzjoni transkonfinali, u l-komponent transnazzjonali (komponent B), inkluża l-hekk imsejħa skala makroreġjonali, li tiffaċilita koperazzjoni fuq firxa strateġika ferm usa“, hemm bżonn ta' koordinazzjoni aħjar bejn iż-żewġ komponenti;
7. Iħeġġeġ barra minn hekk – biex jiżgura l-koerenza u l-kontinwità tal-miżuri ta' koperazzjoni territorjali, u minħabba n-natura strateġika tal-proġetti msemmija – għal flessibilità ferm akbar biex jiġi sfruttat l-ambitu offrut mill-Artikolu 21 tar-Regolament FEDER rigward il-post tal-attivitajiet tal-koperazzjoni transkonfinali u transnazzjonali; li tinkorpora r-reġjuni marittimi; jitlob għal dan il-għan ċerta flessibilità fl-applikazzjoni tal-limitu ġeografiku ta' 150 km għar-reġjuni kostali u marittimi fil-qafas tal-programmi ta' koperazzjoni transkonfinali;
8. Iqis, madankollu, li l-integrazzjoni ta' tali reġjuni ma' żoni ġeografiċi u l-ftuħ tagħhom għal dawn iż-żoni barra mill-UE mhumiex funzjoni tal-bogħod ġeografiku tagħhom u ma jistgħux ikunu sempliċiment din il-funzjoni, għax il-ġid tar-rabtiet storiċi, lingwistiċi u kulturali li jorbtuhom ma' partijiet varji tad-dinja jagħtihom rwol ewlieni x'jilagħbu fit-tisħiħ ta' tali relazzjonijiet, għall-benefiċċju tal-preżenza globali tal-UE;
9. Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-koperazzjoni territorjali biex jintlaħqu l-objettivi EU2020; jitlob biex issir riflessjoni minn qabel sabiex jiġu definiti l-bżonnijiet strateġiċi ta' kull reġjun konfinali u ż-żona ta' koperazzjoni flimkien ma' din l-istrateġija, u wara, biex il-koperazzjoni territorjali Ewropea tkun integrata u magħmula apposta għal kull livell ta' ppjanar strategiku: Ewropew, nazzjonali reġjonali u lokali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiċċara, mingħajr dewmien, il-proposti tagħha dwar il-konċentrazzjoni tematika tal-fondi, b'referenza għal “menù tematiku” tal-UE 2020;
10. Jitlob biex jiġu allokati fondi għal kull programm ta' koperazzjoni territorjali, fuq il-bażi ta' kriterji armonizzati sabiex jiġu indirizzati b'mod strateġiku u integrat il-bżonnijiet u l-ispeċifiċatjiet ta' kull territorju u ta' kull żona ta' koperazzjoni; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iqisu kriterji strateġiċi relevanti oħrajn, u li jistgħu jiġu kkalkulati, li jistgħu jirriflettu l-bżonnijiet tat-territorji mingħajr ma jfixklu l-kriterju l-aktar importanti: id-demografija;
11. Jisħaq għal darba oħra l-importanza tal-koperazzjoni interreġjonali (komponent C), imma jiddeplora n-nuqqas ta' fondi li ġew allokati għaliha; għalhekk jissuġġerixxi rikunsiderazzjoni tal-limitu tar-rata tal-konfinanzjar tal-UE ta' dan il-komponent, filwaqt li tingħata attenzjoni wkoll għall-kapaċità tiegħu li jaġixxi bħala inċentiv, għall-parteċipanti mir-reġjuni koperti mill-objettiv tal-“kompetittività u l-impjiegi” sabiex jiżdied in-numru ta' proġetti f'dan il-komponent C, u jitlob biex jitwessgħu ż-żoni tematiċi ta' koperazzjoni ħalli jkopru l-governanza u l-ġestjoni ta' programmi operattivi kif ukoll l-iżvilupp territorjali;
12. Iħeġġeġ ukoll lir-reġjuni biex jużaw aħjar l-ambitu tal-koperazzjoni interreġjonali offruta fil-programmi operattivi tagħhom permezz tar-regolament bażiku(13); jargumenta, għalhekk, li l-komponent “interreġjonali” tal-Objettiv 3 għandu jkopri wkoll il-koordinazzjoni u t-tħaddim ta' dawn il-proġetti, il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-iskambju tal-prattiki tajbin;
13. Jisħaq, għall-programmi operattivi tal-koperazzjoni territorjali futura, fuq l-importanza tal-appoġġ tal-INTERACT u l-kapaċità għal skemi ta' assistenza b'suċċess, li għandhom jimxu fuq il-mudell tal-proġett RC LACE; jitlob għal koordinazzjoni aktar effettiva bejn l-INTERACT, l-URBACT, l-ESPON u l-komponent C, bl-għan li l-Objettiv 3 jiġi implimentat aħjar;
14. Jappoġġa l-ESPON fl-attivitajiet tiegħu imma jissuġġerixxi li l-opportunitajiet għall-involviment attiv fir-riċerka tagħha fil-kwistjonijiet ta' żvilupp territorjali għandhom isiru aktar aċċessibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali filwaqt li għandu jiġi assigurat żvilupp prattiku aktar faċli tar-riżultati ta' din ir-riċerka;
15. Jilqa' s-suċċess tal-programm URBACT dwar l-iżvilupp urban sostenibbli u jitlob għat-tiġdid tiegħu u l-espansjoni f'inizjattiva sinifikanti u aċċessibbli b'mod wiesa' biex joffri opportunitajiet għal tagħlim konġunt u trasferibilità fir-rigward ta' sfidi urbani lokali;
16. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrifletti dwar kif tista' tinvolvi l-kunsilliera lokali u reġjonali f'dawn in-netwerks Ewropej għall-iskambju ta' esperjenzi u prattiki tajbin, bħala l-ewwel pass biex jiġi implimentat il-proġett Erasmus għar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti;
17. Ifakkar li l-involviment ta' parteċipanti subnazzjonali fl-ilħuq tal-objettivi tal-UE hu prekundizzjoni biex tiġi implimentata l-koeżjoni territorjali b'mod effettiv;
18. Huwa tal-opinjoni li huwa neċessarju li jkun hemm l-integrazzjoni tal-objettiv tal-“koperazzjoni territorjali” flimkien mal-objettivi tal-“konverġenza” u tal-“kompetittività u l-impjieg”; jitlob li l-ipprogrammar ikun aktar ikkoordinat milli kien qabel; jissuġġerixxi li l-programmi operattivi reġjonali għandu jkollhom l-għażla li jieħdu interess u jipparteċipaw fil-proġetti transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali li jikkonċernawhom, billi jiġi definit approċċ territorjali għall-allokazzjoni ta' fondi, għall-benefiċċju ta' proġetti prijoritarji, bħall-konnessjoni għan-netwerks trans-Ewropej f'reġjuni konfinali, identifikati minn qabel u b'konsultazzjoni mas-sħab tagħhom fil-programmi bi qbil mal-prinċipji ta' governanza fuq ħafna livelli u ta' sħubija, li jippermettu sfruttament aħjar tal-potenzjal tal-koperazzjoni territorjali grazzi għar-relazzjonijiet żviluppati fost l-atturi privati u pubbliċi bejn il-fruntieri;
19. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u r-reġjuni biex iwaqqfu programmi operattivi multireġjonali li jindirizzaw problemi territorjali komuni; bħal ma hija l-preżenza ta' firxa muntanjuża jew baċin ta' xmara li tikkaratterizza t-territorju;
20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jippromwovu l-koordinazzjoni tal-politiki fir-reġjuni transkonfinali u s-suq tax-xogħol, sabiex jevitaw kwistjonijiet ta' tgħawwiġ tal-kompetizzjoni li jinħolqu fi ħdan il-qafas tal-integrazzjoni ekonomika u territorjali;
21. Jikkunsidra li l-programmi ta' koperazzjoni transkonfinali huma importanti wkoll sabiex ikunu effikaċi u jiksbu r-riżultati fir-rigward ta' strateġiji li jikkonċernaw it-tnaqqis tal-faqar u l-integrazzjoni ta' gruppi żvantaġġati fis-soċjetà Ewropea ġenerali; jitlob biex titqies din il-kwistjoni meta jitfassal il-qafas regolatorju u biex dan jiġi żgurat li f'reġjuni żvantaġġati jkunu disponibbli miżuri xierqa għall-parteċipazzjoni fi programmi tal-iżvilupp reġjonali Ewropej;
L-adozzjoni ta' approċċ territorjali biex jiġu implimentati politiki tal-UE oħrajn
22. Jinnota li approċċi simili tal-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku jistgħu jkabbru l-koperazzjoni transkonfinali; jikkunsidra li l-makrostrateġiji għandhom jikkunsidraw bis-sħiħ programmi ta' koperazzjoni reġjonali oħra sabiex jiġġeneraw sinerġiji; juri li l-kunċett tal-makroreġjuni, b'inizjattiva tal-Kunsill, sar bħala mezz loġiku u sperimentali biex jiġu kkoordinati proġetti komuni li jikkonċernaw territorju kbir ħafna, ikkaratterizzat bi problemi territorjali komuni, u maħsub biex juża l-vantaġġi ta' approċċ integrat, multisettorjali u territorjali, ibbażat fuq azzjonijiet strateġiċi komuni li jirċievu appoġġ minn fondi eżistenti;
23. Juri li strateġiji bħal dawn kif inhuma jew kif jistgħu jkunu fil-futur għandom jipprovdu bażi biex jitwettqu approċċi aktar strateġiċi u “magħquda” permezz tal-istrumenti tal-koperazzjoni territorjali relevanti, iżda li ma jiġġenerawx fondi ġodda fil-baġit tal-UE, u li ma jipprevedux il-ħolqien ta' istituzzjonijiet ġodda u lanqas l-applikazzjoni ta' leġiżlazzjonijiet ġodda;
24. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel studju ddettaljat tar-riżultati tal-istrateġiji makroreġjonali implimentati; jemmen li l-proċess qajjem interess li tajjeb li wieħed ikompli fuqu, b'tagħlim għall-implimentazzjoni ta' strateġiji makroreġjonali ġodda fil-futur;
25. Juri li l-Objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali jista' jakkomoda l-koperazzjoni fuq skala makroreġjonali, speċjalment fi ħdan il-fergħa transnazzjonali tiegħu;
26. Jargumenta favur l-użu tal-programmi transnazzjonali biex jappoġġaw dawn l-istrateġiji territorjali billi kkoordinaw it-tfassil, id-definizzjoni u t-tmexxija tal-istrateġiji makroreġjonali, għalkemm mingħajr ma dan iwassal għal duplikazzjoni mhux meħtieġa tal-istrutturi tal-baġit tal-UE billi jinħolqu linji baġitarji speċifiċi għal makroreġjuni differenti;
27. Jenfasizza fl-istess ħin li l-għanijiet tal-istrateġiji makroreġjonali jikkumplimentaw l-għanijiet tal-koperazzjoni transkonfinali tal-mikroreġjuni u jistgħu jinkluduhom, iżda mhux jissostitwuhom; jenfasizza għal din ir-raġuni li l-komponent transkonfinali tal-koperazzjoni territorjali jrid jkun ippreservat bħala element distint u leġittimu fih innifsu;
28. Hu konvint li l-komponent transnazzjonali tal-Objettiv 3 jista' jgħin biex itejjeb il-koperazzjoni fil-kuntest tal-istrateġiji makroreġjonali billi jinvolvi aktar l-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni ta' inizjattivi prattiċi;
29. Huwa tal-opinjoni li l-istrateġija transnazzjonali kollha trid tiġi integrata fit-tfassil tal-koordinamenti possibbli mal-linji gwida tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport, u l-istrateġiji implimentati fil-qafas ta' politika marittima integrata;
30. Ifakkar li l-koperazzjoni territorjali tittratta l-fruntieri interni imma wkoll dawk esterni tal-Unjoni Ewropea; inklużi kwistjonijiet relatati mal-istrateġiji makroreġjonali attwali u ġodda; jenfasizza d-diffikultajiet li jaffaċċjaw pajjiżi terzi biex jiksbu kofinanzjament taħt l-arranġamenti għall-koperazzjoni pprovduti fir-Regolament tal-FEŻR; jitlob lill-Kummissjoni biex tqis kif għandhom jinħolqu sinerġiji aktar effettivi bejn l-inizjattiva taħt il-FEŻR, tal-Istrument għall-Assistenza ta' qabel l-Adeżjoni (IPA), dak tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) u dak tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FED); u jitlobha tressaq proposta kemm jista' jkun malajr għal Politika ta' Viċinat ġdida; jitlob simplifikazzjoni u armonija tar-regoli li jiggvernaw l-aċċess għal sorsi ta' finanzjament differenti sabiex tiġi żgurata l-kompatibilità u jkun iffaċilitat l-użu tagħhom mill-benefiċjarji;
31. Jitlob lill-Kummissjoni, fir-rigward tan-natura speċjali tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija, tittrasferixxi r-responsabilità tal-ġestjoni tiegħu lid-DĠ tal-Kummissjoni għall-Iżvilupp Reġjonali, mingħajr ma tonqos li tikkunsidra l-aspetti tar-relazzjonijiet esterni; josserva li, fil-forma preżenti, l-ENPI ma jipprovdix bażi adegwata biex jiġu kkunsidrati l-fatturi speċifiċi tal-koperazzjoni transkonfinali; jemmen li għandha tiġi kkunsidrata s-separazzjoni tiegħu mill-amministrazzjoni tar-relazzjonijiet esterni ta' lanqas f'dawk il-każijiet fejn pajjiżi terzi li qed jipparteċipaw fil-koperazzjoni tal-fruntieri esterni jipprovdu wkoll fondi għall-koperazzjoni;
32. Jitlob għall-implimentazzjoni tal-Pjan Usa' ta' Azzjoni Ewropew għall-Viċinat għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, imħabbra fill-Komunikazzjoni tal-Kummisjoni COM(2004)0343 jenfasizza, għalhekk, il-bżonn ta' azzjoni multisettorjali koerenti fl-oqsma tal-politika tal-UE li jikkonċernaw ir-reġjuni l-aktar imbiegħda u, b'mod partikolari, biex il-komponenti interni u esterni jkunu aktar koordinati b'mod aktar effikaċi permezz ta' strateġija ta' żoni;
33. Ifakkar li White Paper dwar il-koeżjoni territorjali bħala segwitu għall-Green Paper tkun tirrappreżenta strument f'waqtu biex jiġi ċċarat kif għandha tiġi implimentata l-koeżjoni territorjali permezz tal-governanza fuq diversi livelli fil-politika reġjonali futura u tipprovdi materjal għad-dibattitu dwar il-pakkett leġiżlattiv li jmiss;
34. Jiddikjara li l-kundizzjonijiet għall-koperazzjoni transkonfinali fl-ENPI mhumiex suffiċjenti fl-iżvilupp xieraq tiegħu; jargumenta, f'dan il-każ favur koordinazzjoni msaħħa bejn il-varji direttorati ġenerali kkonċernati fil-Kummissjoni Ewropea; huwa konvint mill-bżonn aħħari li l-programmi ta' koperazzjoni transkonfinali tal-ENPI jerġgħu jiġu integrati fl-Objettivi tal-Koperazzjoni Territorjali tal-politika ta' koeżjoni;
L-iffaċilitar tal-istabbiliment ta' Raggruppamenti Ewropej ta' Koperazzjoni Territorjali (REKT)
35. Iqis li r-REKT jikkostitwixxu strument uniku u preċiż ta' governanza territorjali, u li jwieġbu għall-bżonnijiet ta' koperazzjoni strutturata f'termini finanzjarji, ta' status ġuridiku u ta' governanza fuq diversi livelli; ifakkar li l-istrument tar-REKT irid jiġi promoss bħala għodda biex jiġu stabbiliti sistemi ta' governanza transkonfinali, filwaqt li jiġi żgurat li fil-livell reġjonali u lokali jinħass is-sens ta' sjieda tad-diversi politiki; jenfasizza wkoll ir-rwol ċentrali tagħhom fil-kontribut tal-implimentazzjoni b'suċċess ta' mudell ta' governanza fuq livelli differenti;
36. Jenfasizza l-fatt li r-REKT jista' mhux biss jikkontribwixxi għall-koeżjoni territorjali iżda wkoll għall-koeżjoni soċjali: juri li dan l-istrument għandu l-aħjar kapaċità li jressaq il-komunitajiet kulturali u lingwistiċi differenti eqreb lejn xulxin, iħeġġeġ koeżistenza paċifika f'Ewropa diversifikata u jagħmel il-valur miżjud Ewropew viżibbli għaċ-ċittadini;
37. Jirrakkomanda li ssir valutazzjoni inizjali tar-REKT preżenti, bil-għan li dawn l-esperjenzi tal-bidu jservu ta' tagħlim;
38. Madankollu jqis li l-implimentazzjoni tagħhom għandha tiġi ffaċilitata u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq emendi għar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-REKT, filwaqt li jitqiesu l-problemi identifikati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-gruppamenti diġà maħluqa, u fuq il-bażi tal-ħidma li saret mill-Kumitat tar-Reġjuni, rigward:
–
iċ-ċarezza tal-istatut tar-REKT fis-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri sabiex jintlaħaq allinjament legali xieraq f'dan ir-rigward,
–
il-permess li jiġi stabbilit ir-REKT mill-partijiet interessati bbażati fl-Istati Membri u f'pajjiż terz,
–
ir-riformulazzjoni tal-Artikolu 4(3) sabiex l-iskadenza ta' tliet xhur tiġi rrispettata b'mod strett għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet biex jitwaqqaf REKT,
–
is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-persunal,
–
l-iżgurar li r-regoli tat-taxxi għar-REKT mhumiex anqas favorevoli minn arranġamenti legali oħra li jiggvernaw l-implimentazzjoni tal-proġetti jew programmi ta' koperazzjoni;
39. Jitlob għall-allokazzjoni ta' għotjiet globali lir-REKT ma' proġetti li jirriflettu l-objettivi u l-istrateġiji tal-programmi relevanti tal-koperazzjoni, fuq il-bażi ta' strateġiji komuni tal-iżvilupp transkonfinali, sabiex ikunu jistgħu jimmaniġġjaw b'mod dirett l-approprjazzjonijiet tal-Fondi Strutturali, u programmi, kif ukoll jitlob li jiġu riflessi aħjar fir-regolamenti li jiggvernaw il-fondi Ewropej l-oħrajn, ta' natura multinazzjonali u multilaterali tar-REKT, sabiex jitħaffef l-aċċess tagħhom għal sorsi oħrajn ta' finanzjament;
40. Jilqa' l-varar tal-Pjattaforma Ewropea tar-REKT tal-Kumitat tar-Reġjuni, li għandha l-għan li tiffaċilita l-iskambju ta' esperjenzi, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiċi, u l-provvista tal-appoġġ tekniku għar-REKT;
41. Huwa tal-opinjoni li REKT transkonfinali joffri opportunità eċċellenti biex l-Ewropa tinbena fuq livell territorjali bl-involviment taċ-ċittadini tal-UE; jitlob lir-REKT transkonfinali jniedu u jmexxu fejn hu xieraq “forum ta' soċjetà ċivili transkonfinali” u jappoġġaw l-inizjattivi transkonfinali taċ-ċittadini;
Simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni
42. Jemmen li l-implimentazzjoni tal-programmi ta' koperazzjoni territorjali tibqa' waħda wisq ikkumplikata u jqis li l-Objettiv 3 jeħtieg regolament separat biex jirrifletti l-karattru internazzjonali intrinsiku tal-attivitajiet tagħha; jemmen li fil-preżent qed jiġu involuti wisq awtoritajiet amministrattivi differenti fil-programmi ta' implimentazzjoni u għalhekk jitlob semplifikazzjoni sinifikanti f'dan ir-rigward;
43. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri speċifiċi li jissimplifikaw ir-regoli dwar il-verifika u l-kontroll, “b'awtorità waħda ta' ġestjoni għal kull programm” bħala prinċipju ta' gwida, li jawtorizzaw użu aktar sistematiku ta' rati standard għall-ispejjeż u l-iffinanzjar ta' proġetti żgħar permezz ta' ammonti fissi, li jiddefinixxu qafas aktar preċiż għar-regoli dwar l-eliġibilità tal-ispejjeż tal-UE, li jiżguraw flessibilità fl-applikazzjoni ta' diżimpenji awtomatiċi, tiżdied l-għajnuna teknika bil-għan li jiġi żgurat li l-entitajiet maniġerjali jkunu jistgħu jikkonċentraw aktar fuq it-tnedija u l-appoġġ strateġiku tal-proġetti u t-twassil tar-riżultati, aktar milli sempliċiment fuq il-ġestjoni u jekk l-applikazzjonijiet jikkonformawx mar-regoli amministrattivi;
44. Jistieden lill-Istati Membri biex jissimplifikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li ħafna drabi jżidu piż amministrattiv mhux meħtieġ mir-regoli Komunitarji;
45. Jitlob lill-Kummissjoni tiċċara, malajr kemm jista' jkun, id-dispożizzjonijet li jirregolaw il-prinċipju ta' kondizzjonalità maħsubin għall-koperazzjoni territorjali; jikkunsidra li, biex din il-kondizzjonalità toħloq il-kundizzjonijiet għal-użu aħjar u aktar effettiv ta' fondi, m'għandhiex tikkumplika aktar l-implimentazzjoni għad-detriment tal-amministraturi tal-programm u tal-benefiċjarji;
46. Jinsisti wkoll li l-isforzi biex l-atturi privati jkunu involuti aħjar għandu jiġi mwessa' u ssemplifikat; Jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' inġinerija finanzjarja, fuq il-mudell ta' JEREMIE u JESSICA, għall-faċilitazzjoni tal-proġetti transkonfinali li huma mezzi ta' żvilupp ekonomiku, il-parteċipazzjoni tal-atturi privati u l-implimentazzjoni ta' sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat.
Aktar viżibilità għall-koperazzjoni territorjali
47. Jiddeplora li l-koperazzjoni territorjali ssofri minn nuqqas ta' viżibilità, kemm fil-livell tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u lokali kif ukoll f'dak taċ-ċittadini; u għalhekk isejjaħ għal aktar komunikazzjoni effettiva dwar il-proġetti kompluti;
48. Jitlob lill-Kummissjoni toħroġ b'modi li permezz tagħhom ir-REKT jista' jkollhom aktar viżibilità mal-partijiet interessati tal-koperazzjoni territorjali u l-pubbliku ġenerali;
49. Jikkunsidra li r-rabtiet kulturali mill-qrib u dawk lingwistiċi bejn il-konfini reġjonali fi Stati Membri differenti, li huma wirt storiku, għandhom jiġu sfruttati sabiex jagħtu spinta lill-koperazzjoni transkonfinali;
50. Iqis li l-koperazzjoni fir-rigward tal-edukazzjoni u l-kultura, li ssir għall-ilħuq tal-objettiv tat-tkabbir intelliġenti u inklużiv tal-istrateġija Ewropa 2020 tagħti viżibilità lil-livell ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-NGOs kif ukoll tikkontribwixxi biex jissaħħaħ il-profil tal-koperazzjoni territorjali kif ukoll li tkisser il-“fruntiera mentali” li għadha tfixkel liċ-ċittadini milli jersqu lejn xulxin;
51. Jitlob għal koperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet li jimmaniġġjaw u l-istituzzjonijiet transkonfinali diġà eżistenti bħall-Ewroreġjuni matul l-implimentazzjoni ta' programmi transkonfinali sabiex jiġu ggarantiti proġetti ta' livell għoli ta' kwalità, trasparenza u qrubija fir-rigward taċ-ċittadini;
52. Jitlob għal koordinazzjoni aktar effettiva tal-komunikazzjoni bejn l-atturi kollha involuti fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-inizjattivi tal-koperazzjoni territorjali, jissuġġerixxi li l-programmi kollha tal-istess komponent għandhom jadottaw forma waħda identifikabbli ta' rikonoxximent viżiv (logo) (eż. dħul mill-ġdid tat-tikketta “INTERREG” li tingħaraf sew) flimkien ma' kull logo tal-programm (possibilment ta' daqs viżiv standardizzat), u jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi kampanja tal-midja tal-informazzjoni kbira fir-reġjuni konfinali dwar il-vantaġġi u s-suċċessi tal-koperazzjoni territorjali fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;
o o o
53. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.