Emendi tal-Parlament Ewropew adottati fit-23 ta' Ġunju 2011 għal proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (COM(2010)0527 – C7-0301/2010 – 2010/0281(COD))(1)
* Emendi politiċi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u qawwija; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(6) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew(1),
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1) Il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri fl-Unjoni għandha tiġi żviluppata fil-kuntest tal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika u l-linji gwida dwar l-impjiegi, u għandha tikkostitwixxi konformità mal-prinċipji gwida tal-prezzijiet stabbli, il-finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u l-kondizzjonijiet monetarji u bilanċ sostenibbli tal-pagamenti.
(1a)Il-kisba u ż-żamma ta' Suq Uniku dinamiku għandhom jitqiesu element tal-funzjonament tajjeb u bla xkiel tal-unjoni ekonomika u monetarja.
(1b)Il-qafas imtejjeb ta' governanza ekonomika għandu jistrieħ fuq diversi politiki interkonnessi u koerenti għat-tkabbir sostenibbli, jiġifieri fuq strateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi, Semestru Ewropew għall-koordinament imsaħħaħ ta' politiki ekonomiċi u baġitarji, qafas effikaċi għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' defiċits eċċessivi tal-gvern (il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir), qafas b'saħħtu għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, regolamentazzjoni u superviżjoni tas-suq finanzjarju msaħħa.
(2) Hemm bżonn li nisiltu tagħlimiet mill-ewwel għaxar snin tat-tħaddim tal-unjoni ekonomika u monetarja u, b'mod partikolari tinħtieġ governanza ekonomika mtejba fl-Unjoni mibnija fuq sjieda nazzjonali aktar b'saħħitha.
(2a)It-tisħiħ tal-governanza ekonomika għandu jinkludi l-involviment eqreb u f'waqtu tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali. Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' joffri l-opportunità li l-Istati Membri kkonċernati fir-rigward tar-rakkomandazzjoni jew deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 10(4) ta' dan ir-Regolament jipparteċipaw fi skambju ta' fehmiet.
(2b)Il-Kummissjoni għandu jkollha rwol aktar b'saħħtu fil-proċedura tas-sorveljanza msaħħa fir-rigward tal-evalwazzjonijiet li huma speċifiċi għal kull Stat Membru, il-monitoraġġ, il-missjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u t-twissijiet.
(3) B'mod partikolari, is-sorveljanza tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri għandha titwessa' lil hinn mis-sorveljanza baġitarja biex tinkludi qafas aktar dettaljat u formali sabiex jiġu evitati żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi u tgħin lill-Istati Membri affettwati jwettqu l-pjanijiet korrettivi qabel ma d-diverġenzi jrabbu l-għeruq. Dan it-twessigħ tal-qafas tas-sorveljanza ekonomika għandu jimxi flimkien mat-tisħiħ tas-sorveljanza fiskali.
(4) Biex ikunu indirizzati tali żbilanċi, hemm bżonn li tkun stipulata proċedura fid-dettall fil-leġiżlazzjoni.
(5) Huwa xieraq li s-sorveljanza multilaterali msemmija fl-Artikolu 121(3) u (4) tat-Trattat tkun issuplementata b'regoli speċifiċi għall-identifikazzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi, kif ukoll il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fl-Unjoni, li għandhom jiġu allinjati maċ-ċiklu annwali ta' sorveljanza multilaterali.
(6) Il-proċedura għandha timplimenta mekkaniżmu ta' twissija għall-identifikazzjoni bikrija tal-iżbilanċi makroekonomiċi li jitfaċċaw. Għandha tkun ibbażata fuq l-użu ta' tabella ta' valutazzjoni indikattiva u trasparenti li tinkludi limiti indikattivi, ikkumbinata mal-ġudizzju ekonomiku. Dan il-ġudizzju għandu jieħu kont fost l-oħrajn tal-konverġenza nominali u reali ġewwa u barra ż-żona tal-euro.
(6a)Il-Kummissjoni għandha tikkoopera mill-qrib mal-Kunsill u mal-Parlament Ewropew fit-tfassil tat-tabella ta' valutazzjoni u s-sett ta' indikaturi makroekonomiċi u makrofinanzjarji għall-Istati Membri. L-indikaturi u l-livelli limitu għandhom jiġu stabbiliti u aġġustati meta jkun neċessarju sabiex jadattaw għan-natura li dejjem tinbidel tal-iżbilanċi makroekonomiċi, inter alia minħabba theddid li jevolvi għall-istabilità makroekonomika jew id-disponibilità ikbar ta' statistika relevanti. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta suġġerimenti għal kummenti lill-kumitati kompetenti tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew dwar pjanijiet biex jiġu stabbiliti u aġġustati l-indikaturi u l-livelli limitu. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bil-bidliet tal-indikaturi u l-livelli limitu u tispjega r-raġunijiet tagħha għal tali modifiki.
(7) Sabiex tiffunzjona b'mod effiċjenti bħala element tal-mekkaniżmu ta' twissija, it-tabella ta' valutazzjoni għandha tkun magħmula minn sett limitat ta' indikaturi ekonomiċi, finanzjarji u strutturali relevanti għall-identifikazzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi bil-limiti indikattivi li jikkorrispondu. L-indikaturi u l-livelli limitu għandhom jiġu aġġustati meta jkun neċessarju, sabiex jadattaw għan-natura li dejjem tinbidel tal-iżbilanċi makroekonomiċi,inter alia minħabba t-theddid evoluttiv għall-istabilità makroekonomika jew id-disponibilità ikbar ta' statistika relevanti. L-indikaturi m'għandhomx jitqiesu bħala għanijiet għall-politka ekonomika iżda bħala għodda sabiex jitqies il-karattru evoluttiv tal-iżbilanċi makroekonomiċi fl-Unjoni Ewropea.
(7a)Fl-iżvilupp tat-tabella ta' valutazzjoni għandu jiġi kkunsidrat ukoll l-indirizzar taċ-ċirkostanzi ekonomiċi eteroġenji, inklużi l-effetti ta' rkupru.
(8) Il-qbiż ta' limitu indikattiv wieħed jew aktar m'għandux bilfors jimplika li qed jitfaċċaw żbilanċi makroekonomiċi, peress li t-tfassil tal-politika għandu jqis l-interkonnessjonijiet bejn il-varjanti makroekonomiċi. M'għandhomx jintlaħqu konklużjonijiet mill-qari awtomatiku tat-tabella ta' valutazzjoni: il-ġudizzju ekonomiku għandu jiżgura li l-biċċiet kollha tal-informazzjoni, sew jekk ġejjin mit-tabella ta' valutazzjoni, sew jekk le, jitpoġġew f'perspettiva u jsiru parti minn analiżi komprensiva.
(9) Ibbażata fuq il-proċedura ta' sorveljanza multilaterali u l-mekkaniżmu ta' twissija jew fil-każ ta' żviluppi ekonomiċi sinifikanti mhux mistennija li jeħtieġu analiżi urġenti għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tidentifika l-Istati Membri li jridu jkunu soġġetti għal reviżjoni fil-fond. Ir-rieżami fil-fond għandu jsir mingħajr is-suppożizzjoni li jeżisti żbilanċ u għandu jkopri analiżi dettaljata tas-sorsi tal-iżbilanċi fl-Istat Membru li jkun qed jiġi investigat, b'kont meħud tal-kondizzjonijiet u ċ-ċirkostanzi ekonomiċi speċifiċi għall-pajjiż u ta' sett usa' ta' għodod analitiċi, indikaturi u informazzjoni kwalitattiva ta' natura speċifika għall-pajjiż. Meta l-Kummissjoni tkun qed tfassal ir-rieżami fil-fond, l-Istat Membru għandu jikkollabora biex jiġi żgurat li l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni tkun kemm jista' jkun kompleta u korretta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kif dovut kwalunkwe informazzjoni oħra li, fil-fehma tal-Istati Membri kkonċernati tkun rilevanti, u li l-Istat Membru jkun ressaq quddiem il-Kummissjoni u l-Kunsill.Ir-rieżami fil-fond għandu jiġi diskuss fil-Kunsill u fil-Grupp tal-Euro fil-każ tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Ir-rieżami fil-fond għandu jqis, fejn xieraq, ir-rakkomandazzjonijiet jew l-istediniet tal-Kunsill indirizzati lill-Istati Membri li jkunu qed jiġu eżaminati adottati skont l-Artikoli 121, 126 u 148 tat-Trattat u skont l-Artikoli 6, 7, 8 u 10 ta' dan ir-Regolament u l-intenzjonijiet ta' politika tal-Istat Membru li jkun qed jiġi eżaminat, kif rifless fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, kif ukoll l-aħjar prattiki internazzjonali f'dawk li huma indikaturi u metodoloġiji. Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li twettaq studju fil-fond f'każ ta' żviluppi ekonomiċi sinifikanti u mhux mistennija li jeħtieġu analiżi urġenti, hija għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati.
(10) Proċedura li tissorvelja u tikkoreġi żbilanċi makroekonomiċi negattivi, b'elementi preventivi u korrettivi, se teħtieġ għodod ta' sorveljanza msaħħa bbażati fuq dawk użati fil-proċedura ta' sorveljanza multilaterali. Dawn jistgħu jinkludu missjonijiet ta' sorveljanza msaħħa mill-Kummissjoni b'kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għal Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jew Stati Membri Stati Membri li jkunu qed jipparteċipaw fl-ERM II, fl-Istati Membri u rappurtar addizzjonali mill-Istat Membru fil-każ ta' żbilianċi severi, inklużi żbilanċi li jipperikolaw it-tħaddim xieraq tal-unjoni ekonomika u monetarja. Is-sħab soċjali u partijiet interessati nazzjonali oħrajn għandhom, meta jkun xieraq, ikunu involuti fid-djalogu.
(11) Meta jiġu eżaminati l-iżbilanċi, għadhom jitqiesu s-severità tagħhom▌ u l-effetti potenzjali negattivi ekonomiċi u finanzjarji li jaggravaw il-vulnerabbiltà tal-ekonomija tal-UE u li huma theddida għat-tħaddim mingħajr xkiel tal-unjoni monetarja. Jinħtieġu azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi u d-diverġenzi fil-kompetittività fl-Istati Membri kollha, partikolarment fiż-żona tal-euro. Madankollu n-natura, l-importanza u l-urġenza tal-isfidi ta' politika jistgħu jvarjaw b'mod sinifikanti skont l-Istati Membri kkonċernati. Minħabba l-vulnerabbiltajiet u d-daqs tal-aġġustament meħtieġ, il-ħtieġa ta' azzjoni ta' politika hija partikolarment urġenti fi Stati Membri li persistentement juru defiċits kbar fil-kontijiet kurrenti u telf kbir fil-kompetittività. Barra minn hekk, fl-Istati Membri li jakkumulaw bilanċi favorevoli kbar fil-kontijiet kurrenti, il-linji ta' politika għandu jkollhom lgħan li jidentifikaw u jimplimentaw ir-riformi strutturali li jgħinu fit-tisħiħ tad-domanda domestika u l-potenzjal tat-tkabbir tagħhom.
(11a)Għandhom jitqiesu wkoll il-kapaċità tal-aġġustament ekonomiku u l-istorja riċenti tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-konformità ma' rakkomandazzjonijiet preċedenti maħruġa skont dan ir-Regolament u rakkomandazzjonijiet oħra maħruġa skont l-Artikolu 121 tat-Trattat bħala parti mis-sorveljanza multilaterali, b'mod partikolari l-linji gwida għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni.
(12) Jekk ikunu identifikati żbilanċi makroekonomiċi, għandhom jiġu indirizzati rakkomandazzjonijiet, li meta jkun xieraq jinvolvu lill-Kumitati rilevanti, lill-Istat Membru kkonċernat biex tiġi pprovduta gwida dwar reazzjonijiet politiċi adattati. Ir-reazzjoni politika tal-Istat Membru kkonċernat għall-iżbilanċi għandha tkun f'waqtha u għandha tuża l-istrumenti politiċi kollha disponibbli taħt il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi. Fejn ikun xieraq, il-partijiet interessati nazzjonali rilevanti, inklużi s-sħab soċjali għandhom ikunu involuti wkoll b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE u l-arranġamenti nazzjonali legali u politiċi. Ir-reazzjoni politika għandha titfassal skont l-ambjent u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-Istat Membru kkonċernat u għandha tkopri l-oqsma politiċi ekonomiċi ewlenin, li potenzjalment jinkludi l-politiki fiskali u tal-pagi, is-swieq tax-xogħol, is-swieq tal-prodotti u s-servizzi u r-regolamentazzjoni tas-settur finanzjarju. Jeħtieġ li jittieħed kont tal-impenji taħt il-ftehimiet ERM II.
(13) It-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet bikrija tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku lill-Istati Membri jew lill-Unjoni jindirizzaw riskji ta' natura makrofinanzjarja. Dawn għandu jkunu ukoll jistħoqqilhom azzjoni ta' segwitu xierqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-sorveljanza tal-iżbilanċi, fejn ikun xieraq. Is-sistema ta' indipendenza u kunfidenzjalità tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku għandu tiġi rrispettata b'mod strett.
(14) Jekk ikunu identifikati żbilanċi makroekonomiċi severi, inklużi żbilanċi li jxekklu t-tħaddim xieraq tal-unjoni ekonomika u monetarja, għandha titnieda proċedura ta' żbilanċ eċċessiv li tista' tinkludi ħruġ ta' rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru, ħtiġijiet ta' sorveljanza u monitoraġġ imsaħħa u fir-rispett tal-Istat Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, il-possibilità ta' infurzar skont ir-Regolament (UE) Nru […/…](3) fl-eventwalità ta' nuqqas sostnut biex tittieħed azzjoni korrettiva.
(15) Kwalunkwe Stat Membru soġġett għall-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv għandu jistabbilixxi pjan ta' azzjoni korrettiva li jistipula dettalji tal-politiki tiegħu mfassla biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. Il-pjan ta' azzjoni korrettiva għandu jinkludi tabella ta' skadenza għall-implimentazzjoni tal-miżuri previsti. Din għandha tkun approvata mill-Kunsill permezz ta' rakkomandazzjoni. Ir-rakkomandazzjoni għandha tintbagħat lill-Parlament Ewropew.
(15a)Il-Kunsill għandu jingħata s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet individwali fejn tiġi ddikjarata in-nonkonformità mar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill fil-qafas tal-pjan ta' azzjoni korrettiva. Bħala parti mill-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri mwettqa fi ħdan il-Kunsill, kif speċifikat fl-Artikolu 121(1) tat-Trattat, dawn id-deċiżjonijiet individwali huma segwitu integrali għar-rakkomandazzjonijiet imsemmija adottati mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 121(4) tat-Trattat fil-kuntest ta' pjan ta' azzjoni korrettiva.
(16) Peress li qafas effettiv għall-identifikazzjoni u l-prevenzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri minħabba kummerċ qawwi u interkonnessjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-effett laterali tal-politiki ekonomiċi nazzjonali fuq l-Unjoni u ż-żona tal-euro b'mod ġenerali u jista' jinkiseb aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stipulati fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
(16a)Meta l-Kunsill u l-Kummissjoni japplikaw dan ir-Regolament, għandhom jirrispettaw bis-sħiħ ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali u s-sħab soċjali u jirrispettaw id-differenzi fis-sistemi nazzjonali, bħalma huma s-sistemi għall-formazzjoni tal-pagi.
(16b)Jekk il-Kunsill iqis li Stat Membru m'għadux milqut minn żbilanċ eċċessiv, il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv tingħalaq wara li l-Kunsill jirrevoka r-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikoli 7, 8 u 10 fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni. Dan isir abbażi ta' analiżi komprensiva mill-Kummissjoni li turi li l-Istat Membru aġixxa f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u li turi li l-kawżi sottostanti u r-riskji assoċjati identifikati fir-Rakkomandazzjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv m'għadhomx jeżistu, inter alia billi jitqiesu l-prospetti u l-iżviluppi makroekonomiċi kif ukoll l-effetti mifruxa. Għandha ssir dikjarazzjoni pubblika biex tissenjala t-tmiem tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Kapitolu I
Suġġett u definizzjonijiet
Artikolu 1
Suġġett
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-identifikazzjoni, ta' żbilanċi makroekonomiċi, kif ukoll il-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fl-Unjoni.
1a.Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat fil-kuntest tas-semestru Ewropew kif stipulat fir-Regolament UE Nru […/…] dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi.
1b.L-applikazzjoni tar-Regolament għandha tirrispetta bis-sħiħ l-Artikolu 152 TFUE u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa skont dan ir-Regolament għandhom jirrispettaw il-l-istituzzjonijiet u l-prattiki nazzjonali għall-formazzjoni tal-pagi. L-applikazzjoni għandha tikkunsidra l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Unjoni Ewropea, u għaldaqstant m'għandhiex taffettwa d-dritt li wieħed jinnegozja, jikkonkludi u jinforza ftehimiet kollettivi u li tittieħed azzjoni kollettiva skont il-liġi u l-prattiki nazzjonali.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:
(a)
“żbilanċi” tfisser kwalunkwe xejra li tagħti bidu għal żviluppi makroekonomiċi li qed jaffettwaw negattivament jew għandhom il-potenzjali li jaffettwaw negattivament, it-tħaddim xieraq tal-ekonomija ta' Stat Membru jew tal-unjoni ekonomika u monetarja, jew tal-Unjoni b'mod ġenerali.
(b)
“żbilanċi eċċessivi” tfisser żbilanċi severi, inklużi żbilanċi li jxekklu jew li jistgħu jxekklu t-tħaddim xieraq tal-unjoni ekonomika u monetarja.
Kapitolu II
L-identifikazzjoni tal-iżbilanċi
Artikolu 3
It-tabella ta' valutazzjonijiet
1. It-tabella ta' valutazzjoni inklużi l-indikaturi għandhom jintużaw bħala għodda biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni bikrija u l-monitoraġġ tal-iżbilanċi.
2. It-tabella ta' valutazzjoni għandha tkun magħmula minn għadd żgħir ta' indikaturi makroekonomiċi u makrofinanzjarji rilevanti, prattiċi, sempliċi, li jistgħu jitkejlu u disponibbli għall-Istati Membri. Din għandha tippermetti l-identifikazzjoni bikrija tal-iżbilanċi makroekonomiċi li jitfaċċaw kemm fuq perjodu ta' żmien qasir kif ukoll l-iżbilanċi li jinħolqu minħabba xejriet strutturali u fit-tul.
2a.It-tabella ta' valutazzjoni għandha inter alia tinkludi indikaturi li jkunu utli għall-identifikazzjoni bikrija ta':
a)
żbilanċi interni, inklużi dawk li jistgħu jinħolqu mid-dejn pubbliku u privat, l-iżviluppi tas-swieq finanzjarji u tal-assi inklużi s-settur tad-djar, l-evoluzzjoni tal-flussi ta' kreditu tas-settur privat u l-evoluzzjoni tal-qgħad.
b)
żbilanċi esterni, inklużi dawk li jistgħu jinħolqu mill-evoluzzjoni tal-kont kurrenti u l-pożizzjonijiet tal-investimenti netti tal-Istati Membri, tar-rati ta' kambju reali effettivi, tal-ishma tas-swieq tal-esportazzjoni u tal-bidliet fl-iżviluppi tal-prezzijiet u l-ispejjeż kif ukoll il-kompetittività mhux marbuta mal-prezzijiet, filwaqt li jitqiesu l-komponenti differenti tal-produttività,
2b.Fil-qari ekonomiku tat-tabella ta' valutazzjoni fil-mekkaniżmu ta' twissija, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni mill-qrib fir-rigward tal-iżviluppi fl-ekonomija reali inklużi t-tkabbir ekonomiku, is-sitwazzjoni tal-impjiegi u l-qgħad, il-konverġenza ekonomika nominali u reali ġewwa u barra ż-żona tal-euro, l-iżviluppi tal-produttività u l-elementi motriċi rilevanti tagħha bħalma huma l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp u l-investiment barrani/domestiku, kif ukoll l-iżviluppi settorjali inkluż is-settur tal-enerġija, li jaffettwaw il-PDG u l-prestazzjoni tal-kont kurrenti.
It-tabella ta' valutazzjoni għandu jkun fiha wkoll limiti indikattivi għal dawn l-indikaturi biex iservu ta' livelli ta' twissija. L-għażla tal-indikaturi u l-limiti għandha twassal għall-promozzjoni tal-kompetittività fl-UE.
It-tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi, u b'mod partikolari l-limiti ta' twissija, għandhom ikunu simetriċi u għandhom ikunu divrenzjati għall-Istati Membri fiż-żona tal-euro u għal dawk li mhumiex fiż-żona tal-euro jekk dan ikun iġġustifikat minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-unjoni monetarja u minħabba ċirkostanzi ekonomiċi rilevanti. Fl-iżvilupp tat-tabella ta' valutazzjoni għandu jiġi kkunsidrat ukoll l-indirizzar taċ-ċirkostanzi ekonomiċi eteroġenji, inklużi l-effetti ta' rkupru.
2c.Ix-xogħol tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku għandu jingħata l-konsiderazzjoni dovuta fit-tfassil tal-indikaturi rilevanti għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku jipprovdi l-fehmiet tiegħu dwar l-abbozz ta' indikaturi, rilevanti għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.
3. Il-lista ta' indikaturi u l-limiti li għandhom jiġu inklużi fit-tabella ta' valutazzjoni ▌ għandhom isiru pubbliċi.
4. ▌L-adegwatezza tat-tabella ta' valutazzjoni, inklużi l-kompożizzjoni tal-indikaturi, il-limiti stabbiliti u l-metodoloġija użata, għandhom jiġu vvalutati fuq bażi regolari u aġġustati jew immodifikati meta meħtieġ. It-tibdiliet fil-metodoloġija sottostanti u l-kompożizzjoni tat-tabella ta' valutazzjoni u l-limiti assoċjati għandhom isiru pubbliċi.
4a.Il-valuri tal-indikaturi fuq it-tabella ta' valutazzjoni għandhom jiġi aġġornati tal-anqas fuq bażi annwali.
Artikolu 4
Il-mekkaniżmu ta' twissija
1. Il-mekkaniżmu ta' twissija huwa mfassal biex jiffaċilita l-identifikazzjoni bikrija u l-monitoraġġ tal-iżbilanċi. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport annwali li jkun fih valutazzjoni ekonomika u finanzjarja kwalitattiva bbażata fuq tabella ta' valutazzjoni b'sett ta' indikaturi mqabbla mal-limiti indikattivi. Ir-rapport, inklużi l-valuri tal-indikaturi tat-tabella ta' valutazzjoni, għandu jsir pubbliku.
2. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jkun fih valutazzjoni ekonomika u finanzjarja li tqiegħed il-moviment tal-indikaturi f'perspettiva, u jekk ikun hemm bżonn juża indikaturi ekonomiċi u finanzjarja rilevanti oħra meta jeżamina l-evoluzzjoni tal-iżbilanċi. M'għandhomx jintlaħqu konklużjonijiet mill-qari mekkaniku tal-indikaturi tat-tabella ta' valutazzjoni. Il-vlutazzjoni għandha tqis l-evoluzzjoni tal-iżbilanċi fl-Unjoni u fiż-żona tal-euro. Ir-rapport għandu jindika wkoll jekk il-qbiż tal-limiti ▌fi Stat Membru wieħed jew aktar jurix li possibbilment qed jitfaċċaw żbilanċi. Il-valutazzjoni ta' Stati Membri li juru defiċits kbar fil-kontijiet kurrenti tista' tvarja minn dik ta' Stati Membri li jakkumulaw bilanċi favorevoli kbar fil-kontijiet kurrenti.
3. Ir-rapport għandu jidentifika l-Istati Membri li l-Kummissjoni tqis li jistgħu jintlaqtu minn żbilanċi jew li jistgħu jkunu f'periklu li jintlaqtu minn żbilanċi.
3a.Ir-rapport għandu jintbagħat fil-ħin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitati Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
4. Bħala parti mis-sorveljanza multilaterali skont l-Artikolu 121(3) tat-Trattat, il-Kunsill għandu jiddiskuti u jwettaq valutazzjoni ġenerali tar-rapport tal-Kummissjoni. Il-Grupp tal-Euro għandu jiddiskuti r-rapport safejn dan ikun relatat ma' ▌Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.
Artikolu 5
Rieżami fil-fond
1. Wara li jkunu kkunsidrati kif dovut id-diskussjonijiet fil-Kunsill u fil-Grupp tal-Euro, kif previst fl-Artikolu 3(4), jew f'każ ta' żviluppi ekonomiċi sinifikanti u mhux mistennija li jeħtieġu analiżi urġenti għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tipprepara rieżami fil-fond għal kull Stat Membru li tikkunsidra li jista' jiġi affettwat jew li jista' jkun f'periklu li jiġi affettwat mill-iżbilanċi ▌. ▌.
Ir-rieżami fil-fond għandu jibni fuq analiżi dettaljati taċ-ċirkustanzi skont kull pajjiż, inklużi l-pożizzjonijiet ta' tluq differenti fost l-Istati Membri; dan għandu jistudja l-firxa wiesgħa ta' varjanti ekonomiċi u għandu jinvolvi l-użu ta' għodod analitiċi u informazzjoni kwalitattiva ta' natura speċifika għall-pajjiż. Għandu jirrikonoxxi l-partikolaritajiet nazzjonali rigward ir-relazzjonijiet industrijali u d-djalogu soċjali.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tagħti l-kunsiderazzjoni dovuta għal kwalunkwe informazzjoni oħra li, fil-fehma tal-Istat Membru kkonċernat tkun rilevanti, u li l-Istat Membru jkun ressaq.
Ir-rieżami għandu jsir fl-istess żmien li jsiru l-missjonijiet ta' sorveljanza fl-Istat Membru konċernat skont l-Artikolu 11e.
2. Ir-rieżami fil-fond għandu jinkludi evalwazzjoni ta' jekk l-Istat Membru inkwistjoni hux milqut mill-iżbilanċi, u jekk dawn l-iżbilanċi humiex żbilanċi eċċessivi. Għandu jistudja l-oriġini tal-iżbilanċi identifikati fl-isfond taċ-ċirkostanzi ekonomiċi prevalenti, inklużi l-kummerċ qawwi u l-interkonnessjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-effetti mifruxa tal-politiki ekonomiċi nazzjonali. Ir-rieżami se janalizza l-iżviluppi rilevanti relatati mal-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi. Għandu jikkunsidra wkoll ir-rilevanza tal-iżviluppi ekonomiċi fl-Unjoni u fiż-żona tal-euro b'mod ġenerali. Dan għandu jikkonsidra, b'mod partikolari:
(a)
fejn xieraq, jekk l-Istat Membru li jkun qed jiġi rieżaminat ħax azzjoni xierqa b'reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet u l-istediniet tal-Kunsill indirizzati lill-Istati Membri li jkunu qed jiġu rieżaminati adottati skont l-Artikoli 121, 126 u 148tat-Trattat u skont l-Artikoli 6, 7, 8 u 10 ta' dan ir-Regolament;
(b)
l-intenzjonijiet ta' politika tal-Istat Membru li jkun qed jiġi rieżaminat, kif riflessi fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma u fejn adatt fil-Programm ta' Stabbiltà u Konverġenza ▌;
(c)
kwalunkwe twissijiet jew rakkomandazzjonijiet ▌mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku dwar riskji sistemiċi indirizzati jew ir-riskji li jkunu rilevanti għall-Istat Membru li jkun qed jiġi rieżaminat. Is-sistema ta' kunfidenzjalità tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku għandu jkun irrispettat.
2a.Ir-rieżami fil-fond għandu jkun disponibbli għall-pubbliku. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultati tar-rieżami fil-fond.
Artikolu 6
Azzjoni ta' prevenzjoni
1. Jekk, abbażi tar-rieżami fil-fond tagħha msemmija fl-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tqis li Stat Membru qed jesperjenza żbilanċi, din għandha tinforma b'dan lill-Kunsill u lill-Grupp tal-Euro kif ukoll lill-Parlament Ewropew. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista' jindirizza r-rakkomandazzjonijiet neċessarji lill-Istat Membru kkonċernat, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 121(2) TFUE.
2. Il-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bir-rakkomandazzjoni ▌. Ir-rakkkommandazzjoni tal-Kunsill għandha ssir pubblika.
2a.Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandhom jirrispettaw b'mod sħiħ l-Artikolu 152 tat-TFUE u għandhom iqisu l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
3. Il-Kunsill għandu jagħmel reviżjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet kull sena u jista' jemendahom kif inhu xieraq skont il-paragrafu 1.Il-Kunsill għandu jagħmel rieżami tar-rakkomandazzjoni kull sena fil-kuntest tas-semestru Ewropew u jista' jaġġustaha jekk ikun xieraq skont il-paragrafu 1.
KAPITOLU III
Il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv
Artikolu 7
Il-ftuħ tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv
1. Jekk, abbażi tar-reviżjoni fil-fond imsemmija fl-Artikolu 5, il-Kummissjoni tqis li l-Istat Membru kkonċernat huwa affettwat bi żbilanċi eċċessivi, din għandha tinforma lill-Kunsill kif inhun xieraqJekk, abbażi tar-rieżami fil-fond imsemmi fl-Artikolu 5, il-Kummissjoni tqis li l-Istat Membru kkonċernat huwa affettwat bi żbilanċi eċċessivi, din għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Grupp tal-Euro b'dan kif ukoll lill-Parlament Ewropew.
Il-Kummissjoni għandha tinforma wkoll lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej rilevanti u lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, li jkun mistieden jieħu l-passi li jqis neċessarji.
2. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista' jadotta rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 121(4) tat-Trattat filwaqt li jiddikjara li hemm żbilanċ eċċessiv u jirrakkomanda lill-Istat Membru kkonċernat jieħu azzjoni korrettiva.
Ir-rakkomandazzjoni għandha tistabbilixxi n-natura u l-implikazzjonijiet tal-iżbilanċi u tispeċifika sett ta' rakkomandazzjonijiet ta' politika biex jiġu segwiti u d-data ta' skadenza sa meta l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta pjan ta' azzjoni korrettiva. Il-Kunsill jista“, kif previst fl-Artikolu 121(4) tat-Trattat, jagħmel ir-rakkomandazzjoni tiegħu pubblika.
Artikolu 8
Il-pjan ta'azzjoni korrettiva
1. Kwalunkwe Stat Membru li għalih tinfetaħ proċedura ta' żbilanċ eċċessiv għandu jippreżenta pjan ta' azzjoni korrettiva lill-Kunsill u lill-Kummissjoni abbażi ta', u sad-data ta' skadenza li trid tkun stabbilita fir-rakkomdanzzjoni skont l-Artikolu 7. Il-pjan ta' azzjoni korrettiva għandu jistabbilixxi l-azzjonijiet politiċi speċifiċi ▌li l-Istat Membru kkonċernat implimenta jew għandu l-intenzjoni li jimplimenta u għandu jinkludi tabella ta' skadenza għall-implimentazzjoni tiegħu. Il-pjan ta' azzjoni korrettiva għandu jqis l-impatt ekonomiku u soċjali ta' dawn l-azzjonijiet ta' politika u għandu jkun konsistenti mal-Linji Gwida Ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi u l-Linji Gwida dwar l-Impjiegi.
2. Fi żmien xahrejn wara s-sottomissjoni tal-pjan ta' azzjoni korrettiva u abbażi ta' rapport tal-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jivvaluta l-pjan ta' azzjoni korrettiva. Jekk jitqies suffiċjenti, abbażi ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill għandu japprovah permezz ta' rakkomandazzjoni li telenka l-azzjonijiet speċifiċi meħtieġa u d-dati ta' skadenza biex dawn jittieħdu u jistabbilixxi skeda ta' żmien għas-sorveljanza bl-attenzjoni dovuta tal-kanali ta' trażmissjoni u filwaqt li jirrikonoxxi li jista' jkun hemm dewmien twil bejn l-adozzjoni tal-azzjoni korrettiva u r-riżoluzzjoni reali tal-iżbilanċi.
2a.Jekk l-azzjonijiet meħudin jew previsti fil-pjan ta' azzjoni korrettiva jew l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħhom jitqiesu mhux suffiċjenti, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjoni lill-Istat Membru biex jippreżenta pjan ta' azzjoni korrettiva ġdid fi żmien xahrejn bħala regola. Il-pjan ta' azzjoni korrettiva l-ġdid għandu jkun eżaminat skont il-proċedura stipulata f'dan l-artikolu.
3. Il-pjan ta' azzjoni korrettiva, ir-rapport tal-Kummissjoni u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill imsemmijin fil-paragrafi 2 u 2a għandhom isiru pubbliċi.
Artikolu 9
Il-monitoraġġ tal-azzjoni korrettiva
1. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni adottata skont l-Artikolu 8(2). Għal dan l-għan, l-Istat Membru għandu jirraporta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni f'intervalli regolari fil-forma ta' rapporti ta' progress li l-frekwenza tagħhom għandha tkun stabbilita mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(2).
2. Il-Kunsill għandu jagħmel ir-rapporti ta' progress tal-Istati Membri disponibbli għall-pubbliku.
3. Il-Kummissjoni tista' twettaq missjonijiet ta' sorveljanza fl-Istat Membru kkonċernat biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni korrettiva, b'kooperazzjoni mal-BĊE meta dawk il-missjonijiet jikkonċernaw l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jew Stati Membri li jkunu qed jipparteċipaw fl-ERM II. Għaldaqstant, fejn ikun xieraq, is-sħab soċjali u partijiet interessati nazzjonali oħrajn għandhom ikunu involuti fid-djalogu.
4. F'każ ta' bidla rilevanti kbira fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi, il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista' jemenda r-rakkomandazzjonijiet adottati skont l-Artikolu 8(2) b'konformità mal-proċedura stabbilita fl-istess Artikolu. Fejn ikun xieraq, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun mistieden jippreżenta pjan ta' azzjoni korrettiva rivedut li għandu jkun ezaminat skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8.
Artikolu 10
Il-valutazzjoni tal-azzjoni korrettiva
1. Abbażi ta' rapport tal-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jivvaluta jekk l-Istat Membru kkonċernat ikunx ħa l-azzjoni korrettiva rakkomandata b'konformità mar-rakkomandazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 8(2).
2. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jsir pubbliku.
3. Il-Kunsill għandu jagħmel il-valutazzjoni tiegħu sad-data ta' skadenza stabbilita mill-Kunsill fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu adottati skont l-Artikolu 8(2).
4. Fejn jikkunsidra li l-Istat Membru ma jkunx ħa l-azzjoni korrettiva rrakkomandata, il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jaddotta deċiżjoni li tiddikjara nonkonformità u rakkomandazzjonijiet li tistabbilixxi skadenzi ġodda biex tittieħed azzjoni korrettiva. F'dan il-każ, il-Kunsill Ewropew għandu jiġi infurmat u l-konklużjonijiet tal-missjonijiet ta' sorveljanza msemmija fl-Artikolu 9(3) għandhom isiru pubbliċi.
Ir-rakkomandazzjoni dwar id-dikjarazzjoni ta' nonkonformità mill-Kummissjoni għandha titqies adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix, b'maġġoranza kkwalifikata li jirrifjuta r-rakkomandazzjoni fi żmien għaxart ijiem meta l-Kummissjoni tadottataha. L-Istat Membru konċernat jista' jitlob li ssir laqgħa tal-Kunsill biex issir votazzjoni dwar id-deċiżjoni.
B'konformità mal-Artikolu 11e, il-Parlament Ewropew jista“, fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta' Stat Membru, jistieden lill-President tal-Kunsill, il-Kummissjoni u, fejn ikun xieraq, lill-President tal-Grupp tal-Euro jidhru quddiem il-kumitat kompetenti tiegħu biex jiddiskutu d-deċiżjoni ta' dikjarazzjoni ta' nonkonformità.
5. Fejn il-Kunsill jikkunsidra abbbażi tar-rapport tal-Kummissjoni li l-Istat Membru jkun ħa l-azzjoni korrettiva rakkomandata, il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv għandha tiġi kkunsidrata li miexja fit-triq it-tajba u għandha titqiegħed fi stat ta' sospensjoni filwaqt li s-sorveljanza għandha tkompli skont l-iskeda ta' żmien adottata fir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 8(2). Il-Kunsill għandu jagħmel pubbliċi r-raġunijiet tiegħu għaliex qiegħed il-proċedura f'pożizzjoni ta' sospensjoni filwaqt li jirrikonoxxi l-azzjonijiet ta' politika korrettivi li ttieħdu mill-Istat Membru.
▌
Artikolu 11
L-għeluq tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv
Il-Kunsill għandu jirrevoka r-rakkomandazzjonijiet maħruġa skont l-Artikoli 7, 8 u 10 fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni hekk kif iqis li l-Istat Membru m'għadux milqut minn żbilanċi eċċessivi kif deskritt fir-rakkomandazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(2) u għandu jagħmel dikjarazzjoni pubblika li tirrifletti dak il-fatt.
Artikolu 11a
Il-votazzjoni fil-Kunsill
Għall-miżuri msemmijin fl-Artikoli 7 sa 11, il-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jieħu kont tal-vot tal-membru tal-Kunsill li jirrappreżenta lill-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 11b
Il-missjonijiet ta' sorveljanza
1.Il-Kummissjoni għandha tiżgura djalogu permanenti mal-awtoritajiet tal-Istati Membri skont l-objettivi ta' dan ir-Regolament. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha, b'mod partikolari twettaq missjonijiet bl-iskop li tivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika reali fl-Istat Membru u tidentifika kwalunkwe riskju jew diffikultà fil-konformità mal-objettivi ta' dan ir-Regolament.
2.Tista' ssir sorveljanza ikbar fir-rigward tal-Istati Membri li jkunu suġġetti għal rakkomandazzjoni dwar l-eżistenza ta' pożizzjoni ta' żbilanċ eċċessiv b'konformità mal-Artikolu 7(2) ta' dan ir-Regolament għall-finijiet ta' monitoraġġ in situ.
3.Meta l-Istat Membru kkonċernat ikun Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro jew li jkun jkun qed jipparteċipa fl-ERM II, il-Kummissjoni tista' tistieden rappreżentanti tal-Bank Ċentrali Ewropew, jekk ikun xieraq, biex jipparteċipaw fil-missjonijiet ta' sorveljanza.
4.Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-eżitu tal-missjoni msemmija fit-tieni paragrafu u jekk ikun xieraq tista' tiddeċiedi li tippubblika r-riżultati tagħha.
5.Meta torganizza l-missjonijiet ta' sorveljanza msemmija fit-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni tista' tittrażmetti r-riżultati proviżorji tagħha lill-Istati Membri kkonċernati għall-kummenti tagħhom.
Artikolu 11c
Id-djalogu ekonomiku
1.Sabiex jissaħħaħ id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u biex jiġu żgurati trasparenza u responsabilità ikbar, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' jistieden lill-President tal-Kunsill, il-Kummissjoni u, fejn ikun xieraq, lill-President tal-Kunsill Ewropew jew lill-President tal-Grupp tal-Euro jidhru quddiem il-kumitat sabiex jiddiskutu:
(a)
l-informazzjoni pprovduta mill-kunsill dwar il-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika skont l-Artikolu 121(2) TFUE;
(b)
gwida ġenerali għall-Istati Membri maħruġa mill-Kummissjoni fil-bidu taċ-ċiklu annwali ta' sorveljanza;
(c)
kwalunkwe konklużjoni milħuqa mill-Kunsill Ewropew dwar orjentazzjonijiet għall-politiki ekonomiċi fil-kuntest tas-Semestru Ewropew;
(d)
ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali mwettqa skont dan ir-Regolament;
(e)
kwlaunkwe konklużjoni milħuqa mill-Kunsill Ewropew dwar l-orjentazzjonijiet għas-sorveljanza multilaterali u r-riżultati tagħha;
(f)
kwalunkwe rieżami ta' sorveljanza multilaterali fi tmiem is-Semestru Ewropew;
(g)
rakkomandazzjonijiet meħuda skont l-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 10(4) ta' dan ir-Regolament;
2.Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' joffri lill-Istat Membru kkonċernat bir-rakkomandazzjoni jew deċiżjoni tal-Kunsill l-opportunità li jipparteċipa fl-iskambju ta' fehmiet b'konformità mal-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 10(4).
3.Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jinformaw regolarment lill-Parlament Ewropew bir-riżultati tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 11d
Rieżami
1.Fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u kull ħames snin minn hemm “il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
Dak ir-rapport għandu jevalwa, inter alia:
a)
l-effikaċità tar-regolament
b)
il-progress fl-iżgurar ta' koordinazzjoni iktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u konverġenza sostnuta tal-prestazzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri skont it-Trattat
Fejn xieraq, dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat bi proposta għal emendi għal dan ir-Regolament.
3.Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 11e
Rapport
Kull sena minn hemm “il quddiem, il-Kummissjon għandha tippubblika rapport kull sena dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament inkluż l-aġġornar tat-tabella ta' valutazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 4 u għandha tippreżentah lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.
KAPITOLU IV
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 12
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f“Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.