Emendi tal-Parlament Ewropew adottati fit-23 ta' Ġunju 2011 għal proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri ta' infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro (COM(2010)0525 – C7-0299/2010 – 2010/0279(COD))(1)
* Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar miżuri ta' infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 136, flimkien mal-Artikolu 121(6) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew(1),
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(-1a)Il-qafas imtejjeb ta' governanza ekonomika għandu jsejjes ruħu fuq bosta politiki interkonnessi għal tkabbir u impjiegi sostenibbli, li għandhom ikunu koerenti ma' xulxin, b'mod partikulari strateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi, b'enfasi partikolari fuq l-iżvilupp u t-tisħiħ tas-suq intern, it-titjib tal-kummerċ internazzjonali u tal-kompetittività, qafas effettiv għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-pożizzjonijet baġitarji eċċessivi (il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir), qafas b'saħħtu biex jiġu evitati u korretti l-iżbilanċi makroekonomiċi, rekwiżiti minimi għall-oqfsa baġitarji nazzjonali, regolamentazzjoni u superviżjoni msaħħa tas-suq finanzjarju.
(-1b)Il-Kummissjoni għandu jkollha rwol aktar isħaħ fil-proċedura tas-sorveljanza msaħħa fir-rigward tal-evalwazzjonijiet li huma speċifiċi għal kull Stat Membru, il-monitoraġġ, il-missjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u t-twissijiet.
(1) Il-koordinazzjoni tal-linji politiċi ekonomiċi tal-Istati Membri fl-Unjoni għandu jkun żviluppat fil-kuntest ta' linji gwida wiesa' ta' politika ekonomika u linji gwida ta' impjieg, kif stipulat mit-Trattat, għandha tkun magħmula minn konformità mal-prinċipji ta' gwida ta' prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi u kondizzjonijiet monetarji sodi u sostenibbli u bilanċ ta' pagamenti sostenibbli.
(2) L-esperjenza miksuba matul l-ewwel deċenju tal-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja turi ħtieġa għal governanza ekonomika mtejba fl-Unjoni, li għandha tinbena fuq sjieda nazzjonali aktar b'saħħitha tar-regoli u l-politiki maqbula komunement u fuq qafas aktar b'saħħtu ta' sorveljanza fil-livell tal-Unjoni tal-politiki ekonomiċi nazzjonali.
(2a)Il-kisba u ż-żamma ta' Suq Uniku dinamiku għandhom jitqiesu bħala element tal-funzjonament xieraq u bla problemi tal-unjoni ekonomika u monetarja.
(3) B'mod partikolari, is-sorveljanza tal-linji politiċi ekonomiċi tal-Istati Membri għandha titwessa' lil hinn mis-sorveljanza baġitarja biex jiġu evitati żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi u l-Istati Membri affettwati jkunu megħjuna jfasslu pjanijiet korrettivi qabel ma d-diverġenzi jrabbu l-għeruq u qabel ma l-proċessi ekonomiċi u finanzjarji jkollhom bidla għal direzzjoni li verament ma tkunx favorevoli. Dan it-twessigħ għandu jimxi pass pass mal-approfondiment tas-sorveljanza fiskali.
(4) Teħtieġ proċedura stipulata fil-leġiżlazzjoni biex tgħin ħalli jingħelbu żbilanċi bħal dawn.
(5) Huwa xieraq li tkun supplimentata s-sorveljanza multilaterali msemmija fl-Artikolu 121(3) u (4) tat-TFUE b'regoli speċifiċi għad-detezzjoni, il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Huwa essenzjali li l-proċedura għandha tkun inkorporata fiċ-ċiklu tas-sorveljanza multilaterali annwali.
(5a)Id-dejta tal-istatistika affidabbli hija l-bażi għas-sorveljanzi tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Bl-iskop li tkun iggarantita statistika soda u indipendenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, li għandha tkun konsistenti mal-kodiċi Ewropew tal-prattika fl-istatistika kif jingħad fir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Barra minhekk, id-disponibilità ta' dejta fiskali soda hija wkoll relevanti għas-sorveljanza tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Dan ir-rekwiżit għandu jkun iggarantiti mir-regoli li hemm dispost għalihom f'dan is-sens fir-Regolament (KE) Nru ].../...] dwar l-infurzar effettiv ta' sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, b'mod partikolari l-Artikolu 6a tiegħu.
(5b)It-tisħiħ tal-governanza ekonomika għandu jinkludi involviment aktar mill-qrib u aktar f'waqtu min-naħa tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali. Filwaqt li jirrikonoxxi li l-kontropartijiet tal-Parlament Ewropew fil-qafas ta' dan id-djalogu huma l-Istituzzjonijiet Ewropej u r-Rappreżentanti tagħhom, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' joffru l-opportunità lill-Istat Membru li jkollu x'jaqsam ma' deċiżjoni tal-Kunsill skont it-termini tal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament li jipparteċipa fi skambju ta' opinjonijiet.
(6) L-infurzar tar-Regolament (UE) Nru [.../...] għandu jkun imsaħħaħ billi jiġu stabbiliti depożiti li jħallu l-imgħax f'każ ta' non-ottemperanza mar-rakkomandazzjoni li tittieħed azzjoni korrettiva rakkomandata li jkunu kkonvertiti f'multa ta' kull sena f'każ ta' non-ottemperanza ripetuta mar-rakkomandazzjoni li jkunu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fil-istess proċedura ta' żbilanċ. Dawn il-miżuri ta' infurzar għandhom japplikaw għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ▌.
▌
(8) F'każ ta' nuqqas ta' konformità mar-rakkomandazzjonijet tal-Kunsill id-depożitu b'imgħax jew il-multi għandhom ikunu imposti sakemm il-Kunsill jistabbilixxi li l-Istat Membru ħa azzjoni korrettiva biex jikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu.
(9) Barra minn hekk, jekk l-Istat Membru jonqos b'mod repetut milli jfassal pjan ta' azzjoni korrettiva biex tiġi indirizzata r-rakkomandazzjoni ta-Kunsill dan għandu jkun suġġetti b'mod ugwali għal multa annwali bħala regola, sakemm il-Kunsill jistabbilixxi li l-Istat Membru stabbilixxa pjan ta' azzjoni korrettiva li jindirizza r-rakkomandazzjoni tiegħu.
(10) Biex ikun żgurat trattament ugwali bejn l-Istati Membri, id-depożitu bl-imgħax u l-multa għandhom ikunu l-istess għall-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro u ugwali għal 0,1 % tal-prodott gross domestiku (PGD) tal-Istat Membru kkonċernat fis-sena ta' qabel.
(10a)Il-Kummissjoni għandha wkoll tkun tista' tirrakkomanda r-riduzzjoni tal-portata ta' sanzjoni jew li tikkanċellaha fuq il-bażi ta' ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali.
(11) Il-proċedura għall-applikazzjoni ta' sanzjonijiet fuq l-Istati Membri li jonqsu milli jieħdu miżuri effettivi biex jikkoreġu l-iżbilanċi makroekonomċi eċċessivi għandha titfassal b'tali mod li l-applikazzjoni tas-sanzjoni fuq dawk l-Istati Membri tkun ir-regola u mhux l-eċċezzjoni.
(12) Il-multi msemmijin fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament għandhom jikkostitwixxu dħul ieħor, kif imsemmi fl-Artikolu 311 tat-Trattat, u għandhom jiġu assenjati għal mekkaniżmi ta' stabbiltà biex jipprovdu assistenza finanzjarja, li ġew maħluqa minn Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro sabiex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha.
(13) Is-setgħa li tadotta deċiżjonijiet individwali għall-applikazzjoni tas-sanzjoni stipulata f'dan ir-Regolament għandha tiġi kkonferita lill-Kunsill. Bħala parti mill-koordinazzjoni tal-linji politiċi ekonomiċi tal-Istati Membri mmexxija fil-Kunsill kif speċifikat fl-Artikolu 121(1) tat-TFUE, dawn id-deċiżjonijiet individwali huma segwitu integrali tal-miżuri adottati mill-Kunsill skont l-Artikolu 121 tat-TFUE u r-Regolament (KE) Nru […/…].
(14) Billi dan ir-Regolament fih regoli ġenerali għall-infurzar effettiv tar-Regolament (UE) Nru […/…], għandu jiġi adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja msemmija fl-Artikolu 121(6) tat-Trattat.
(15) Billi ma jistax jinkiseb qafas effettiv b'mod suffiċjenti biex jinstabu u jiġu evitati l-iżbilanċi makroekonomiċi mill-Istati Membri minħabba fl-interkonnessjonijiet kummerċjali u finanzjarji profondi bejn l-Istati Membri u r-riperkussjonijiet tal-linji politiċi ekonomiċi nazzjonali fuq l-Unjoni u fuq iż-żona tal-euro b'mod ġenerali u dan jista' jinkiseb aħjar f'livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema ta' sanzjonijiet għal korrezzjoni effettiva ta' żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro.
2. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru […/…].
Barra minn hekk, għandha tapplika d-definizzjoni li ġejja:
“ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali” tfisser ċirkostanzi fejn eċċess ta' defiċit tal-gvern fuq il-valur ta' referenza jitqies eċċezzjonali fi ħdan it-tifsira tat-tieni inċiż tal-Artikolu 126(2)(a) tat-TFUE u kif speċifikat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97(3).
Artikolu 3
Sanzjonijiet
1. Għandu jiġi impost depożitu bl-imgħax b'deċiżjoni tal-Kunsill, li jkun qed jaġixxi fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, jekk tiġi adottata deċiżjoni tal-Kunsill dwar azzjoni korrettiva bi qbil mal-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) Nru .../2011▌, meta ▌l-Kunsill jikkonkludi ▌li l-Istat Membru kkonċernat ma ħax l-azzjoni korrettiva rrakkomandata wara rakkomandazzjoni.
▌1a.Multa annwali għandha tiġi imposta bid-deċiżjoni tal-Kunsill, b'azzjoni fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jekk:
a)
żewġ rakkomandazzjonijiet suċċessivi tal-Kunsill fl-istess proċedura ta' żbilanċ ikunu addottati skont it-termini tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru [.../...], meta l-Kunsill iqis li l-Istat Membru jkun issottometta pjan insuffiċjenti ta' azzjoni korrettiva,
b)
żewġ rakkomandazzjonijiet suċċessivi tal-Kunsill jiġu adottati f'konformità mal-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) Nru […/…],
Il-multa għandha tiġi imposta permezz tal-konverżjoni tad-depożitu bl-imgħax impost f'multa annwali bi qbil mal-Artikolu 3(1).
1b.Id-deċiżjonijiet li hemm riferimenet għalihom fil-paragrafu 1 u 1a għandhom jitqiesu li ġew adottati mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix b'maġġoranza kwalifikata li jirrifjuta r-rakkomandazzjoni fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni. Il-Kunsill jista' jemenda r-rakkomandazzjoni filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.
1c.Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill għandha tinħareġ fi żmien għoxrin jum minn meta jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 1 u 1a.
2. Id-depożitu bl-imgħax jew il-multa annwali li għandhom jiġu rakkomandati mill-Kummissjoni għandhom ikunu ta' 0.1% tal-PGD tal-Istat Membru kkonċernat fis-sena preċedenti.
3. B'deroga mill-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista“, minħabba raġunijiet ta' ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali jew wara talba raġunata mill-Istat Membru kkonċernat indirizzata lill-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem minn mindu l-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 u 1a ikunu ġew sodisfatti, tipproponi li tnaqqas l-ammont tad-depożitu b'imgħax tal-multa jew li tħassarha.
4. Jekk Stat Membru jkun ikkostitwixxa depożitu b'imgħax jew ikun ħallas multa annwali għal sena kalendarja partikolari u l-Kunsill wara dan jikkonkludi, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru […/…] li l-Istat Membru ħa l-azzjoni korrettiva rakkomandata matul dik is-sena partikolari, id-depożitu mħallas għas-sena partikolari flimkien mal-imgħax li jkun iddekorra fuqu jew l-multa mħallsa għas-sena partikolari għandha tingħata lura lill-Istat Membru pro rata temporis.
Artikolu 4
L-allokazzjoni tal-multi
Il-multi msemmija fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament għandhom jikkostitwixxu dħul ieħor, kif imsemmi fl-Artikolu 311 tat-Trattat, u għandhom jiġu assenjati għall-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja. Sakemm jinħoloq mekkaniżmu ta' stabbiltà ieħor mill-Istati Membri li għandhom l-euro bħala munita, biex jipprovdi assistenza finanzjarja sabiex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha, il-multi għandhom jiġu assenjati lil dak il-mekkaniżmu tal-aħħar.
Aritkolu 5
Il-votazzjoni fil-Kunsill
Għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 3, il-membri tal-Kunsill biss li jirrappreżentaw lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jivvutaw u l-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jqis il-vot tal-membru tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru kkonċernat.
Maġġoranza kkwalifikata tal-membri tal-Kunsill imsemmija fl-ewwel paragrafu ta' qabel għandha tiġi definita skont l-Artikolu 238(3)(a) tat-Trattat.
Artikolu 5a
Djalogu ekonomiku
Biex jitjieb id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u biex ikunu żgurati aktar trasparenza u responsabilità politika, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' jistieden lill-President tal-Kunsill, il-Kummissjoni u, kif ikun xieraq, lill-President tal-Eurogroup ħalli jidher quddiem il-kumitat ħalli jiddiskutu d-deċiżjonijiet meħudin skont it-termini tal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.
Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' joffri l-opportunità lill-Istat Membru li jkollu x'jaqsam ma' tali deċiżjonijiet li jipparteċipaw fi skambju ta' opinjonijiet.
Artikolu 5b
Rieżami
1.Fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u wara kull ħames snin sussegwenti, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jevalwa, inter alia:
(a)
l-effikaċja tar-regolament,
(b)
il-progress fl-iżgurar ta' kordinament eqreb tal-politiki ekonomiċi u konverġenza sostnuta tal-prestazzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri f'konformità mat-Trattat.
2.Jekk ikun adatt, dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta sabiex dan ir-Regolament jiġi emendat.
3.Ir-rapport u kwalunkwe proposta li takkumpanjah għandhom jiġu mgħoddija lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.