Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali (2011/2051(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali” (COM(2010)0672),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)(2),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2006/144/KE(3) u 2009/61/KE dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-iżvilupp rurali(4),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli(5),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għal bdiewa(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020(8),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill tas-17 ta' Marzu 2011 dwar “il-PAK fid-dawl tas-sena 2020”,
– wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Marzu 2010 dwar ' ir-riforma tal-politika agrikola komuni fl-2013“,
– wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, “Il-PAK sal-2020 – l-ikel, ir-riżorsi naturali u ż-żoni rurali – l-isfidi futuri”,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall- Iżvilupp Reġjonali (A7-0202/2011),
A. billi settur agrikolu Ewropew sostenibbli, produttiv u kompetittiv jagħmel kontribut vitali biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti mit-Trattati għall-PAK u l-objettivi tal-Istrateġija UE 2020, billi jista' jgħin ukoll biex jiġu affrontati l-isfidi politiċi ġodda bħalma huma s-sigurtà tal-provvista tal-ikel, l-enerġija u l-materja prima industrijali, it-tibdil fil-klima, l-ambjent u l-bijodiversità, is-saħħa u l-bidla demografika, u billi r-riforma tal-PAK li se sseħħ dalwaqt se tkun l-ewwel waħda li fiha l-Parlament Ewropew se jikkoleġiżla flimkien mal-Kunsill, skont it-Trattat ta' Lisbona,
B. billi s-sigurtà tal-ikel tibqa' l-isfida ċentrali għall-agrikoltura mhux biss fl-UE imma globalment, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, minħabba li l-popolazzjoni tad-dinja mistennija tikber minn 7 għal aktar minn 9 biljun ruħ sal-2050, li tkun tirrikjedi żieda ta' 70 % fil-produzzjoni agrikola globali skont il-FAO; billi se jkun hemm bżonn li jiġi prodott aktar ikel fuq sfond ta' spejjeż ogħla ta' produzzjoni, volatilità severa fis-swieq agrikoli u pressjoni li qiegħda tiżdied fuq ir-riżorsi naturali, li jfisser li l-bdiewa se jkollhom jipproduċu aktar filwaqt li jużaw anqas art, anqas ilma u konsum imnaqqas ta' enerġija,
C. billi l-ikel għandu importanza strateġika u billi l-mod l-aktar favorevoli li bih tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel hu billi jiġi sostnut settur agrikolu stabbli u kompetittiv; billi PAK b'saħħitha hija ċentrali għal dan u għall-preservazzjoni, is-sostenibilità ambjentali u l-iżvilupp ekonomiku taż-żoni rurali tal-UE quddiem it-theddida tal-abbandun tal-art, l-ispopolament rurali u t-tnaqqis ekonomiku,
D. billi r-riforma tal-PAK fl-2003 u l-Kontroll tas-Saħħa tal-Politika Agrikola Komuni fl-2008 fittxew li jikkontribwixxu għal arkitettura ġdida għall-PAK li hija waħda aktar effettiva u trasparenti, karatterizzata minn orjentament akbar lejn is-suq; billi dan il-proċess għandu jitkompla u l-amministrazzjoni tal-istrumenti u l-proċeduri tal-PAK trid tiġi ssimplifikata b'mod sinifikanti fil-prattika sabiex jonqos il-piż minn fuq il-bdiewa u l-amministrazzjonijiet,
E. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-futur tal-PAK wara l-2013 il-Parlament Ewropew qiegħed il-pedament għal politika tal-agrikoltura sostenibbli li tkun tippermetti lill-produtturi Ewropej jkunu kompetittivi fis-suq lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali, u billi appoġġja l-kunċett ta' agrikoltura multifunzjanali, b'bażi wiesgħa mifruxa mal-Ewropa kollha, b'mod partikolari f'żoni li għandhom żvantaġġi naturali u f'żoni estremament periferali, u qies id-diffikultajiet iffaċċjati mill-azjendi tal-biedja ż-żgħar,
F. billi l-PAK trid tkun mgħammra bl-istrumenti meħtieġa biex tlaħħaq ma kriżijiet serji tas-suq u tal-provvista u ma' volatilità estrema tal-prezzijiet fis-settur agrikolu; billi għandu jiġi żgurat li dawn l-istrumenti mhux biss ikunu aġġornati u effettivi imma wkoll flessibbli, ħalli jkunu jistgħu jiġu implimentati malajr jekk ikun meħtieġ,
G. billi l-inkorporazzjoni ta' objettivi mġedda u ambizzjużi fil-PAK, partikolarment relatati mal-ħarsien tal-konsumatur, il-ħarsien ambjentali, il-benesseri tal-annimali u l-koeżjoni reġjonali, għandha tintlaqa' b'sodisfazzjon u dawn l-istandards għolja għandhom jiġu difiżi fil-livell internazzjonali ħalli jiġu żgurati l-vijabilità u l-kompetittività tal-bdiewa Ewropej, li jiffaċċjaw spejjeż ogħla ta' produzzjoni; billi l-produttività u s-sigurtà tal-ikel fuq żmien twil, speċjalment minħabba t-tħarbit klimatiku, jiddependu minn kura kif għandha tkun tar-riżorsi naturali, b'mod partikolari l-ħamrija, l-użu tal-ilma u l-bijodiversità,
H. billi s-settur agrikolu għandu rwol kruċjali xi jwettaq fil-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima, b'mod partikolari billi jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tiegħu stess, billi jiżviluppa s-sekwestru tal-karbonju u permezz tal-produzzjoni tal-bijomassa u tal-enerġija sostenibbli, biex b'hekk tinħoloq nixxiegħa ta' introjtu addizzjonali għad-dħul tal-bdiewa,
I. billi l-PAK għandha tappoġġja wkoll l-immaniġġjar speċifiku tal-art tal-biedja li hija għanja fil-bijodiversità (bħalma hi l-art tal-biedja b'valur ta' natura għoli) u ekosistemi agrikoli fi ħdan iż-żoni tan-Natura 2000 u, f'dan il-kuntest, tranżizzjoni għal mudelli b'fatturi produttivi baxxi (inkluża l-biedja organika), mergħat li permanentement ma jinħartux jew artijiet mistagħdra agrikoli,
J. billi s-sehem tan-nefqa tal-PAK fil-baġit tal-UE naqas minn kważi 75 % fl-1985 għal 39,3 % li huwa pproġettat għall-2013; billi l-PAK bħala waħda mill-eqdem politiki tal-UE u waħda minn dawk ikkomunitarizzati tirrappreżenta inqas minn 0,5 % tal-PDG tal-UE filwaqt li l-infiq pubbliku jammonta għal madwar 50 % tal-PDG, u billi, wara t-tkabbiriet suċċessivi tal-Unjoni Ewropea, l-erja tal-art agrikola żdiedet b'40 % u hemm bdiewa d-doppju tal-għadd li kien hemm fl-2004,
K. billi skond l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni tal-Eurobarometru, 90 % taċ-ċittadini tal-UE mistħarrġa jikkonsidraw l-agrikoltura u ż-żoni rurali li huma importanti għall-futur tal-Ewropa, 83 % taċ-ċittadini tal-UE mistħarrġa huma favur l-appoġġ finanzjarju lill-bdiewa u, bejn wieħed u ieħor, huma jemmnu li l-politika agrikola għandha tkompli tiġi mwettqa fuq livell Ewropew,
L. billi l-Parlament Ewropew diġà f'ħafna okkażjonijiet esprima ruħu kontra r-rinazzjonalizzazzjoni tal-PAK u kontra estensjoni tal-kofinanzjament, li tista' taffettwa l-kompetizzjoni ġusta fi ħdan is-suq intern tal-UE, u għaldaqstant, filwaqt li jħares “'il quddiem lejn ir-riforma li dalwaqt issir, għal darba oħra jwarrab kull tentattiv li l-PAK tiġi nazzjonalizzata mill-ġdid permezz tal-kofinanzjament tal-pagamenti diretti jew trasferiment ta' fondi lejn it-tieni pilastru,
M. billi PAK b'żewġ pilastri għandha tinżamm kif inhi, filwaqt li l-istruttura u l-objettivi ta' kull pilastru jiġu definiti b'mod ċar u ddisinjati b'tali mod li jkun jippermetti li kull wieħed jikkumplementa lill-ieħor,
N. billi l-bdiewa ż-żgħar fl-UE jagħmlu kontribut vitali għall-objettivi tal-PAK u billi l-ostakoli li jiffaċċjaw iridu jitqiesu kif dovut fil-proċess ta' riforma,
O. billi, fl-Istati Membri l-ġodda li qegħdin japplikaw għal skema ta' pagament uniku skont l-erja, porporzjon kbir tal-bdiewa, speċjalment fis-settur tat-trobbija tal-annimali, mhumiex intitolati għal pagamenti diretti minħabba li mhumiex proprjetarji ta' art agrikola;
P. billi l-bdiewa qed jirċievu sehem li qed jonqos kostantament tal-valur miżjud iġġenerat mill-katina tal-provvista tal-ikel u billi katina tal-provvista tal-ikel li tiffunzjona kif suppost u miżuri għat-titjib tal-pożizzjoni ta' negozjar tal-produtturi huma prerekwiżiti meħtieġa biex jiġi żgurat li l-bdiewa jottjenu ritorn ġust għall-prodott tagħhom,
Q. billi d-dħul reali per capita tal-bdiewa naqas drammatikament f'dawn l-aħħar sentejn u billi, bħala riżultat tat-tnaqqis kostanti, issa niżel “l isfel mil-livell li kien laħaq kważi 15-il sena ilu, billi l-introjti agrikoli huma notevolment aktar baxxi (b'40 % kif inhu stmat għal kull unità tax-xogħol) milli fil-bqija tal-ekonomija, u d-dħul għal kull abitant fiż-żoni rurali huwa konsiderevolment aktar baxx (b'madwar 50 %) milli fiż-żoni urbani u billi d-data tal-Eruostat turi li l-impjiegi fis-settur agrikolu naqsu b'25 % bejn is-sena 2000 u s-sena 2009,
R. billi l-ekonomija tad-dinja kulma jmur qed issir aktar integrate u s-sistemi tal-kummerċ qed ikunu liberalizzati aktar permezz ta' negozjati multilaterali u bilaterali u billi l-ftehimiet fil-livell multilaterali u bilaterali jridu jiżguraw li l-metodi ta' produzzjoni tal-pajjiżi terzi għall-esportazzjoni lejn l-UE jipprovdu lill-konsumaturi Ewropej l-istess garanzija f'dawk li huma saħħa, sikurezza tal-ikel, benesseri tal-annimali, sostenibilità u standards soċjali minimi bħal dawk ipprovduti mill-metodi tal-UE,
S. billi l-iżvilupp rurali, quddiem id-disparitajiet dejjem akbar, it-telf tal-kapital soċjali u tal-koeżjoni, l-iżbilanċi demografiċi u l-migrazzjoni “l barra, huwa component vital ital-PAK u billi l-politiki futuri tal-iżvilupp rurali jeħtieġ li jaħdmu lejn bilanċ territorjali aħjar u joffru governanza anqas burokratika u aktar parteċipattiva tal-programmi ta' żvilupp rurali, li għandhom jinkludu miżuri biex tiżdied il-kompetittività tas-settur tal-biedja u jingħata appoġġ effikaċi lit-tisħiħ u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali, jitħares l-ambjent jiġu promossi l-edukazzjoni u l-innovazzjoni, tingħata spinta lill-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali, speċjalment fiż-żoni anqas vantaġġjati, u l-abbandun tal-biedja min-naħa taż-żgħażagħ jiġi kontrobattut,
T. billi, fuq naħa waħda, huma biss 6 % tal-bdiewa Ewropej li għandhom anqas minn 35 sena, u, fuq in-naħa l-oħra, 4,5 miljun bidwi se jirtira fl-10 snin li ġejjin; billi r-rinnovament ġenerazzjonali għandu għalhekk jitqies bħala waħda mill-isfidi prijoritarji għall-PAK il-futura,
U. billi l-PAK trid tqis il-ħtieġa li jiġu mitigati l-limitazzjonijiet speċifiċi u l-problemi strutturali li qed jiffaċċjaw is-settur agrikolu u dak tal-forestrija fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-UE bħala riżultat tal-insularità u l-bogħod tagħhom u l-fatt li l-ekonomija rurali tiddependi ħafna minn għadd żgħir ta' prodotti agrikoli,
V. billi l-politika dwar il-kwalità hija parti integrali tal-PAK futura, li jfisser li l-iżvilupp u t-tisħiħ ta' din il-politika, b'mod partikolari fil-każ tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, se jkunu deċiżivi għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli tal-agrikoltura Ewropea,
1. Jilqa' bil-kbir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali”; jagħraf il-ħtieġa li l-PAK tkompli tiġi riformata f'konformità man-natura li qiegħda tinbidel tal-industrija tal-biedja fl-UE27 u l-kuntest internazzjonali l-ġdid tal-globalizzazzjoni; jitlob li tkompli sseħħ PAK b'saħħitha u sostenibbli b'baġit proporzjonat sew mal-objettivi ambizzjużi li għandhom jiġu segwiti fi sforz biex jiġu ffaċċjati l-isfidi l-ġodda; iwarrab b'mod determinat kull ċaqliqa lejn nazzjonalizzazzjoni mill-ġdida tal-PAK;
2. Jitlob li l-PAK tibqa' strutturata madwar żewġ pilastri; jirrimarka li l-ewwel pilastru għandu jibqa' ffinanzjat għalkollox mill-baġit tal-UE u fuq bażi annwali, filwaqt li l-ipprogrammar multiannwali, approċċ kuntrattwali u l-kofinanzjament għandhom ikomplu japplikaw taħt it-tieni pilastru; jinsisti li l-istruttura ta' żewġ pilastri għandha sservi l-għan taċ-ċarezza, fejn kull wieħed mill-pilastri jikkumplementa lill-ieħor mingħajr ma jsir irduppjar; l-ewwel pilastru għandu jirrealizza objettivi li jirrikjedu azzjoni ġenerali filwaqt li t-tieni pilastru għandu jkun orjentat lejn l-eżiti u flessibbli biżżejjed biex faċilment jakkomoda speċifiċitajiet nazzjonali, reġjonali u/jew lokali; iqis, għalhekk, li, filwaqt li l-arkitettura attwali b'żewġ pilastri għandha tinżamm, it-tibdil fiha huwa essenzjali sabiex il-miżuri kollha meħtieġa fil-qafas taż-żewġ pilastri u l-arranġamenti finanzjarji rispettivi tagħhom ikunu fil-mira b'mod aktar effettiv;
3. Jindika li s-sigurtà tal-ikel tibqa' r-raġuni għall-eżistenza tal-agrikoltura, mhux biss fl-UE iżda wkoll madwar id-dinja, u b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, peress li d-dinja għandha quddiemha l-isfida li titma' 9 biljun ruħ sal-2050 filwaqt li tnaqqas l-użu tar-riżorsi skarsi, b'mod partikolari l-ilma, l-enerġija u l-art; jitlob għal politika agrikola Ewropea sostenibbli, produttiva u kompetittiva li tkun tagħmel kontribut sinifikanti biex jintlaħqu l-objetivi stabbiliti mit-Trattati għall-prijoritajiet tal-PAK u tal-Istrateġija UE 2020 ta' tkabbir intelliġenti, inklussiv u sostenibbli; jemmen li l-agrikoltura tinsab fil-pożizzjoni t-tajba biex tagħmel kontribut maġġuri biex jiġi indirizzat b'mod determinat it-tibdil tal-klima, filwaqt li toħloq impjiegi ġodda permezz ta' tkabbir ekoloġiku u tforni enerġija rinnovabbli filwaqt li fl-istess ħin tkompli tipprovdi prodotti tal-ikel sikuri u ta' kwalità għolja u sigurtà tal-ikel għall-konsumaturi Ewropej;
4. Iqis li hu essenzjali li jiġi stabbilit sett ċar ta' regoli għall-perjodu t-twil ħalli l-bdiewa Ewropej ikunu jistgħu jippjanaw l-investiment meħtieġ biex jimmodernizzaw il-prattiki agrikoli u jiżviluppaw metodi innovattivi li se jwasslu għal aktar sistemi agrikoli li huma agronomikament b'saħħithom u sostenibbli, proċess vitali biex tiġi ggarantita l-kompetittività tagħhom fis-suq lokali, reġjonali u internazzjonali;
5. Jemmen li, fl-interessi tas-simplifikazzjoni, iċ-ċarezza u l-approċċ komuni, l-iffinanzjar ta' kull pilastru tal-PAK għandu jiġi miftiehem mill-bidu tar-riforma;
6. Jitlob li l-baġit agrikolu tal-UE għall-perjodu baġitarju li jmiss iżomm mill-inqas il-livell tal-baġit agrikolu għall-2013; jagħraf li se jkunu meħtieġa riżorsi finanzjarji adegwati bil-għan li jiġu affrontati l-isfidi tas-sigurtà tal-ikel, il-ħarsien ambjentali, it-tibdil tal-klima u l-bilanċ territorjali f'UE mkabbra, kif ukoll bil-għan li l-PAK tkun tista' tikkontribwixxi għas-suċċess tal-Istrateġija UE 2020;
7. Jinsab konvint li din il-politika agrikola l-ġdida, immirata lejn sistemi ta' produzzjoni sostenibbli tal-ikel u l-ħarsien tal-ambjent, għandha primarjament tkun ibbażata fuq kumplementarjetà ġenerali ikbar bejn l-ewwel pilastru, li jkopri l-pagamenti diretti, u t-tieni pilastru, li jitratta l-miżuri li jappoġġjaw l-iżvilupp rurali; hu tal-fehma li taħt il-PAK il-ġdida l-fondi pubbliċi jridu jiġu rikonoxxuti bħala sura leġittima ta' ħlas għall-beni pubbliċi pprovduti lis-soċjetà li l-ispejjeż tagħha mhumiex kumpensati minn prezzijiet tas-suq u li l-flejjes pubbliċi għandhom jintużaw biex il-bdiewa jingħataw inċentiv biex iwasslu servizzi extra ambjentali fl-Ewropa kollha; jemmen li dan l-approċċ immirat se jirrealizza objettivi fl-UE kollha filwaqt li joffri l-flessibilità meħtieġa biex jakkomoda d-diversità agrikola tal-UE; jemmen li din is-sistema twassal biex kull element tal-pagamenti jipprovdi benefiċċji pubbliċi ċari b'mod trasparenti għal min iħallas it-taxxi, il-bdiewa u s-soċjetà inġenerali;
8. Jitlob li s-sostenibilità, il-kompetittività u l-ekwità ikunu l-prinċipji ta' gwida li jkunu l-bażi ta' PAK li tippriżerva l-karattru speċjali tas-setturi individwali u tal-postijiet ta' produzzjoni individwali, bil-kompitu li tforni lill-popolazzjoni kwantitajiet suffiċjenti ta' ikel sikur u san bi prezzijiet xierqa, u tipprovdi materja prima għal industrija Ewropea b'saħħitha tal-ipproċessar u tal-prodotti tal-ikel agrikoli, kif ukoll għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli; jenfasizza li l-istandards tal-UE f'dawk li huma s-sikurezza tal-ikel, il-ħarsien ambjentali, il-benesseri tal-annimali u r-rispett għal standards soċjali minimi huma l-ogħla fid-dinja; jitlob għal PAK li tiggarantixxi l-istandards għolja tal-agrikoltura Ewropea fil-kompetizzjoni internazzjonali (ħarsien tal-kwalità esterna);
9. Jirrikonoxxi li ħafna minn dawn l-isfidi l-ġodda huma inkorporati f'impenji u trattati internazzjonali li huma legalment vinkolanti li l-UE qablet dwarhom u ffirmat, bħalma huma l-Protokoll ta' Kjoto/il-Ftehimiet ta' Cancun u l-Konvenzjonijiet ta' Ramsar u Nagoya;
10. Jenfasizza li s-semplifikazzjoni hija fundamentali u għandha tkun objettiv li jixpruna l-PAK futura, bi tnaqqis tal-ispejjeż għall-amministrazzjoni tal-politika fil-livell tal-Istati Membri, u li jinħtieġu bażijiet legali komuni ċari, li għandhom jiġu nnotifikati fil-pront u jkunu jistgħu jintużaw għal interpretazzjoni uniformi;
11. Jenfasizza li l-iżvilupp ta' politika dwar il-kwalità tal-ikel, inkluż f'termini ta' indikazzjoni ġeografika (PDO/IĠP/STG) għandu jkun aspett ta' prijorità tal-PAK u għandu jiġi approfondit u msaħħaħ sabiex l-UE tkun tista' żżom il-pożizzjoni ta' tmexxija tagħha f'dan il-qasam; huwa tal-fehma li, fil-każ ta' dawn il-prodotti ta' kwalità għolja, għandu jkun permess l-użu ta' strumenti oriġinali ta' ġestjoni, protezzjoni u promozzjoni, sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw b'mod armonjuż u jkomplu jagħmlu l-kontribuzzjoni tagħhom għall-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli tal-agrikoltura Ewropea;
12. Jitlob lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp għall-iskop ta' innovazzjoni u promozzjoni; iħeġġeġ għalhekk li r-riċerka tal-UE u l-programmi ta' żvilupp tal-futur jiddedikaw attenzjoni kostanti għar-riċerka dwar in-nutrizzjoni u dik agrikola;
Pagamenti diretti
13. Jinnota li l-pagamenti diretti diżakkoppjati, li jiddependu mir-rekwiżiti tal-kundizzjonalità, jistgħu jgħinu biex jiġu appoggiati u stabilizzati l-introjti tal-azjendi tal-biedja, sitwazzjoni li tippermetti lill-bdiewa jfornu, minbarra l-produzzjoni tal-ikel, beni pubbliċi ta' importanza vitali għas-soċjetà kollha kemm hi, bħalma huma s-servizzi tal-ekosistemi, impjiegi, immaniġġjar tal-pajsaġġ u l-vitalità tal-ekonomija rurali fl-Ewropa kollha; iqis li l-pagamenti diretti għandhom jippremjaw lill-bdiewa talli jipprovdu dawn il-beni pubbliċi, peress li s-suq ma jfornix beni pubbliċi biss u għadu ma jirrikumpensax lill-bdiewa talli jipprovduhom, fi żmien meta l-bdiewa spiss jiffaċċjaw spejjeż għolja tal-produzzjoni bil-għan li jipproduċu ikel ta' kwalità għolja u jieħdu prezzijiet baxxi għall-prodott tagħhom meta jitlaq mill-azjenda tal-biedja tagħhom;
14. Jitlob li l-ewwel pilastru jkun wieħed b'saħħtu u ffinanzjat tajjeb biex jibqa' jeżisti u jkun kapaċi jilqa' għall-isfidi l-ġodda fl-agrikoltura Ewropea;
15. Jitlob tqassim ġust tal-finanzjament tal-PAK għall-ewwel u t-tieni pilastru kemm fost l-Istati Membri u kemm fost il-bdiewa fi ħdan l-Istati Membri, li fihom approċċ prammatiku għandu jkun il-prinċipju fundamentali għall-kriterji oġġettivi; iqis inaċċettabbli inkonsistenzi gravi fit-tqassim ta' dawn ir-riżorsi lill-Istati Membri; iqis li dan jinvolvi s-sostituzzjoni gradwali, wara perjodu tranżizzjonali, tas-sistema bbażata fuq valuri ta' referenza storiċi mhux aġġornati, bil-pagamenti tal-appoġġ li jkunu ġusti u għalhekk allokati b'mod aktar effettiv fost il-pajjiżi, fost is-setturi agrikoli differenti u l-bdiewa; jinnota li dan jitlob ukoll għal pagamenti ta' appoġġ aktar effettivi li huma mmirati aħjar u joffru inċentivi akbar biex jgħinu l-agrikoltura tagħmel il-bidla lejn sistemi tal-biedja aktar sostenibbli; f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Komunità, jirrifjuta l-pagament dirett uniformi b'rata waħda għall-UE kollha li ma jkunx qed jirrifletti d-diversità Ewropea; jikkunsidra li l-priżervazzjoni tad-diversità tal-agrikoltura u tal-postijiet tal-produzzjoni fl-UE hija għan ċentrali u għalhekk jappoġġja li kemm jista' jkun jitqiesu l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-produzzjoni fl-Istati Membri permezz ta' sistema ta' pagamenti diretti aktar immirata;
16. Jesprimi ruħu favur skema ta' pagament uniku li, fl-aħjar interess ta' tqassim ekwu mal-UE kollha tar-riżorsi tal-pagamenti diretti, twassal għal ċertu ammont ta' ridistribuzzjoni; jipproponi li kull Stat Membru għandu jirċievi persentaġġ minimu tal-pagamenti diretti medji tal-UE u li għandu jiġi ffissat limitu; jappoġġja pubblikament l-implimentazzjoni l-aktar bikrija possibbli b'perjodu tranżizzjonali limitat;
17. Fir-rigward tal-pagamenti diretti lill-azjendi individwali jesprimi ruħu favur l-idea li jitħallew barra l-valuri ta' referenza storiċi u individwali użati għat-tqassim fost l-Istati Membri u jitlob li ssir tranżizzjoni lejn primjum tal-pagamenti diżakkoppjati skont l-erja, reġjonali jew nazzjonali matul il-perjodu finanzjarju li jmiss; f'dan il-kuntest jirrikonoxxi, però, li s-sitwazzjoni tvarja ħafna bejn l-Istati Membri individwali u li dan il-fatt jitlob miżuri speċjali skont ir-reġjun;
18. Iqis li l-Istati Membri li bħalissa qed japplikaw l-iskema ta' pagament uniku skont l-erja (SAPS) għandhom, wara perjodu ta' tranżizzjoni limitat, jaqilbu għal skema ta' pagament uniku bi drittijiet għal ħlas; jitlob li jingħata appoġġ, inkluż l-appoġġ finanzjarju u tekniku fit-twettiq tat-tranżizzjoni;
19. Jilqa' r-rikonoxximent tar-rwol tal-bdiewa żgħar fl-agrikoltura Ewropea u fl-iżvilupp rurali; jesprimi ruħu favur li tiġi stabbilita skema ta' għajnuna speċifika u ssemplifikata għall-bdiewa ż-żgħar, li jgħinu biex l-iżvilupp rurali jiġi stabbilizzat; jistieden lill-Kummissjoni, fl-interessi tat-trasparenza u ċ-ċertezza ġuridika, tistabbilixxi kriterji flessibbli u oġġettivi għall-istatus tal-bdiewa żgħar li għandu jiġi definit f'kull Stat Membru; jitlob li l-Istati Membri jiddeċiedu, skont is-sussidjarjetà, liema bdiewa jikkwalifikaw għal din l-iskema;
20. Jitlob għal aktar semplifikazzjoni tas-sistema tal-pagamenti diretti, speċjalment għal regoli ta' trasferiment semplifikati għad-drittijiet għall-pagamenti fil-każ ta' non-attivazzjoni, għar-regoli li jirregolaw ir-riserva nazzjonali, skont it-tranżizzjoni għall-iskema reġjonali/nazzjonali ta' pagament uniku skond l-erja , għat-tgħaqqid tad-drittijiet għall-pagamenti minimi u għal sistema ta' monitoraġġ effikaċi u mhux burokratika għaż-żewġ pilastri; iqis li s-sistemi amministrattivi ppruvati li jaħdmu tajjeb għandhom jiġu kkunsidrati b'mod pożittiv fir-rigward tal-ambitu ta' kontroll obbligatorju;
21. Jinnota l-ħtieġa tal-miżuri immirati għat-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur agrikoli, peress li 6 % biss tal-bdiewa Ewropej għandhom anqas minn 35 sena u, fl-istess ħin 4,5 miljun bidwi kellu jirtira fl-għaxar snin li jmiss; jirrikonoxxi li bdiewa żgħażagħ jiffaċċjaw ostakoli biex ivaraw azjenda, bħalma huma spejjeż ta' investiment għolja u nuqqas ta' aċċess għall-art u l-kreditu; jenfasizza l-fatt li l-miżuri għall-bdiewa żgħażagħ li jinsabu fit-tieni pilastru ħarġu insuffiċjenti biex iwaqqfu t-tixjiħ rapidu tas-settur agrikolu u jitlob li jitressqu proposti biex din ix-xejra insostenibbli tinqaleb, u li għandhom jinkludu bidliet għar-regoli li jirregolaw ir-riserva nazzjonali biex jiġu mmirat aktar għall-bdiewa żgħażagħ;
22. Jisħaq fuq il-fatt li l-PAK m'għandhiex tiddiskrimina bejn is-sessi u li ż-żewġ konjuġi għandhom jiġu assenjati l-istess drittijiet meta jkunu qed jaħdmu fl-attività kummerċjali; jenfasizza l-fatt li madwar 42 % tas-26,7 miljun persuna li jaħdmu regolarment fl-agrikoltura fl-Unjoni Ewropea huma nisa, imma li attività kummerċjali waħda biss minn kull ħamsa (madwar 29 %) hi mmanniġġjata minn mara;
23. Iqis li d-diżakkoppjament essenzjalment wera s-siwi tiegħu, peress li jippermetta awtonomija akbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet min-naħa tal-bdiewa, jiżgura li l-bdiewa jwieġbu għas-sinjali tas-suq u jqiegħed il-parti l-kbira tal-PAK fil-kaxxa l-ħadra tad-WTP; jappoġġja s-suġġeriment tal-Kummissjoni li fil-futur ukoll, il-primjums akkoppjati għandhom jibqgħu jitħallsu f'ċerti żoni fejn ma teżisti l-ebda alternattiva għall-forom ta' produzzjoni u prodotti stabbiliti u kost-effettiv; għaldaqstant jirrikonoxxi li l-primjums ibbażati fuq il-produzzjoni jistgħu jkunu difensibbli f'qafas deskritt b'mod dejjaq ħafna anki wara l-2013;
24. Jitlob għalhekk li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jippermettu li parti mill-pagamenti diretti jibqgħu jew kollha jew parzjalment akkoppjati fil-limiti tad-WTO bil-għan li jiġu ffinanzjati miżuri biex jiġi mitigat l-impatt tad-diżakkoppjament f'żoni u setturi speċifiċi li huma ekonomikament, ambjentalment u soċjalment sensittivi; jemmen barra minn hekk li dawn il-pagamenti jistgħu jippromwovu miżuri ambjentali bbażati fuq iż-żoni u koeżjoni territorjali u jippromwovu, jappoġġjaw u jagħtu spinta lis-setturi ewlenin, inklużi t-titjib tal-kwalità, il-produzzjoni tal-materja prima agrikola, ċerti tipi speċifiċi ta' produzzjoni u ċerti tipi ta' biedja;
25. Jinnota li għal raġunijiet storiċi, l-azjendi tal-biedja fl-Unjoni Ewropea jvarjaw ħafna fl-istrutturi f'dawk li huma d-daqs, l-arranġamenti tax-xogħol, il-produttività tax-xogħol u l-forma ġuridika; jinsab konxju li l-pagamenti diretti qed jiġu allokati b'tali mod li l-leġittimità tagħhom ġiet indubjata; jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni li jiġi introdott l-ogħla limitu għall-pagamenti diretti u jilqa' dan it-tentattiv li tiġi indirizzata l-kwestjoni tal-leġittimità tal-PAK u l-aċċettazzjoni pubblika; jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi simili li jikkontribwixxu għal dawn, bħalma hi sistema ta' digressività tal-pagamenti diretti fid-dawl tad-daqs tal-impriżi agrikoli li tkun tqis il-kriterju oġġettiv tal-impjiegi u l-prattiki sostenibbli;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti prattiċi sabiex jgħinu s-settur tat-trobbija tal-annimali għall-perjodu ta' żmien medju u fit-tul biex ilaħħqu mal-prezzijiet tal-mezzi tal- produzzjoni li qed jogħlew; iqis li din il-ħaġa tista' tinvolvi inċentivi għall-użu ta' sistemi tal-bur u għelejjel tal-proteina f'tinwib ta' art li tinħadem, li jkunu jġibu vantaġġi ekonomiċi akbar għall-bdiewa, ikunu jwieġbu għall-isfidi l-ġodda u jnaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-għelejjel tal-proteina u jistgħu jkollhom impatt favorevoli fuq l-ispiża tal-għalf tal-annimali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi element ta' flessibilità għall-Istati Membri fuq il-linji tal-Artikolu 68 attwali, biex jiġi evitat li l-azjendi tal-biedja li jrabbu l-bhejjem li huma ffukati fuq il-kwalità u s-sostenibilità jiġu esklużi mis-sistema l-ġdida ta' appoġġ u biex jitqies il-karattru speċifiku tagħhom;
27. Iqis li l-pagamenti diretti għandhom jiġu riżervati biss għal bdiewa attivi;huwa konxju tal-fatt li fil-qafas tas-sistema ta' pagamenti diżakkoppjati għandu jingħata pagamenti diretti kull bidwi li juża għall-produzzjoni jew iżomm l-artijiet agrikoli bil-għan li jżommhom fi stat agrikolu u ekoloġiku tajjeb; jistieden lill-Kummissjoni għalhekk biex toħloq definizzjoni ta' “bidwi attiv” li tista' tiġi amministrata mill-Istati Membri mingħajr sforz jew spejjeż amministrattivi addizzjonali, filwaqt li għandu jiġi żgurat li l-attivitajiet agrikoli tradizzjonali (full-time u diversi gradi ta' part-time), hu x'inhu l-istatus tagħhom, jiġu kklassifikati bħala biedja attiva u li jitqiesu l-varjetà tad-drittijiet tas-sjieda tal-art u diversi suriet ta' arranġamenti għall-ġestjoni tal-art kif ukoll l-arranġamenti tal-art komuni; iqis li hu meħtieġ li jiġi speċifikat li d-definizzjoni ta' bidwi attiv għandha teskludi każijiet li fihom l-ispejjeż amministrattivi biex isir pagament huma ogħla mill-ammont attwali tal-pagament innifsu;
28. Jesprimi ruħu favur l-ibbilanċjar ta' żvantaġġi naturali fil-qafas tat-tieni pilastru u kontra pagament komplementari fil-qafas tal-ewwel pilastru minħabba l-piż amministrattiv addizzjonali;
Il-komponent tal-ħarsien tar-riżorsi u l-politika ambjentali
29. Iqis li l-ħarsien u l-ġestjoni mtejba tar-riżorsi naturali huma element importanti fil-biedja sostenibbli, li jiġġustifika, fil-qafas tal-isfidi u l-objettivi l-ġodda tal-Istrateġija UE 2020, inċentivi addizzjonali biex il-bdiewa jiġu inkoraġġiti jadottaw prattiki ambjentalment sodi li jmorru lilhinn mir-rekwiżiti ta' bażi tal-Kondizzjonalità u jkunu jikkumplementaw il-programmi agrikoli ambjentali li diġà jeżistu;
30. Jemmen li l-ħarsien tar-riżorsi naturali għandhom ikunu konnessi aktar mill-qrib mal-għoti tal-pagamenti diretti u jitlob, għalhekk, li tiddaħħa, permezz ta' komponent ta' ekoloġizzar, skema ta' inċentivizzazzjoni fl-UE kollha bl-objettiv li jiġu żgurati s-sostenibilità tal-biedja u s-sigurtà tal-ikel għat-tul permezz tal-ġestjoni effikaċi tar-riżorsi skarsi (l-ilma, l-enerġija, il-ħamrija) filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni fuq perjodu twil billi jitnaqqas l-użu tal-mezzi tal-produzzjoni; jemmen li din l-iskema għandha tipprovdi appoġġ massimu għall-bdiewa li huma involuti jew li jixtiequ jkunu involuti aktar, pass pass, fi prattiki agrikoli maħsuba biex jaslu għal sistemi ta' produzzjoni aktar sostenibbli;
31. Jenfasizza li din l-iskema għandha tmur id f'id ma' semplifikazzjoni tas-sistema ta' Kundizzjonalità għar-riċevituri tal-pagamenti diretti, għandha tiġi applikata permezz ta' miżuri sempliċi, għandha tibbilanċja l-prestazzjoni ambjentali u ekonomika, għandha tkun relevanti mil-lat agronomiku u ma għandhiex tkun diskriminatorja lejn il-bdiewa li diġà qed jipparteċipaw ħafna fi programmi agrikoli ambjentali;
32. Iwarrab l-implimentazzjoni ta' sistema ta' pagamenti addizzjonali ġdida li twassal għal kontroll żejjed u sistemi ta' sanzjonijiet għall-ekoloġizzar; jinsisti li l-ostakoli prattiċi għall-bdiewa u l-kumplessità amministrativa għall-awtoritajiet għandhom jiġu evitati; jinsisti, barra minn hekk, li, sabiex jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi assoċjati ma' dawk il-miżuri, il-kontrolli agrikoli kollha għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu operati b'mod konkomitanti;
33. Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tressaq mill-aktar fis possibbli valutazzjoni tal-impatt tal-prattiċitajiet involuti fl-implimentazzjoni ta' komponent ta' ekoloġizzar; jenfasizza li miżuri ambjentali għandhom il-potenzjal li jagħtu spinat lill-effiċjenza tal-produzzjoni tal-bdiewa u jinsisti li kull spiża jew dħul predeterminati, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' tali miżuri, għandhom jiġu koperti;
34. Hu tal-fehma li l-ekoloġizzazzjoni għandha tiġi segwita fl-Istati Membri kollha permezz ta' katalgu prijoritarju ta' miżuri bbażati fuq iż-żoni u/jew fil-livell tal-azjendi agrikoli li huma ffinanzjati 100 % mill-UE; iqis li kull min jirċievi dawn il-pagamenti partikolari għandu jimplimenta ċertu għadd ta' miżuri ta' ekoloġizzar, li għandhom jibnu fuq strutturi eżistenti, magħżula minn lista reġjonali jew nazzjonali stabbilita mill-Istat Membru fuq il-bażi ta' lista usa' tal-UE, li hija applikabbli għat-tipi kollha ta' biedja; iqis li eżempji ta' tali miżuri jistgħu jinkludu:
–
appoġġ għal emissjonijiet baxxi tal-karbonju u miżuri biex jiġu limitati jew maqbuda l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra
–
appoġġ għal konsum baxx ta' enerġija u effiċjenza enerġetika
–
faxex ta' ħarsien, marġini tal-għelieqi, il-preżenza ta' għeluq b'ringieli ta' sġajriet, eċċ.
–
mergħat permanenti
–
tekniki tal-biedja ta' preċiżjoni
–
tinwib tal-għelejjel u diversità tal-għelejjel
–
pjanijiet għall-effiċjenza tal-għalf;
35. Jemmen li l-UE għandha rwol xi twettaq biex jintlaħqu l-isfidi tas-sigurtà tal-ikel u tas-sigurtà tal-enerġija, u għalhekk jeħtieġ jiżgura li l-agrikoltura twettaq rwol sħiħ fit-trattament ta' dawn iż-żewġ sfidi; jemmen għalhekk, li mhuwiex xieraq li jiddaħħal twarrib obbligatorju fil-lista ta' miżuri ta' sostenibilità kif propost mill-Kummissjoni;
36. Jitlob li l-PAK tinkludi miri għall-użu tal-enerġija sostenibbli; jemmen li s-settur agrikolu jista' juża 40 % fjuwils rinnovabbli sal-2020 u jkun ħieles mill-fjuwils fossili sal-2030;
37. Jinnota li l-bijoteknoloġija tal-ġenerazzjoni li jmiss hi lesta issa u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa politika transsettorjali dwar il-bijomassa għall-bijoteknoloġija tal-ġenerazzjoni li jmiss, inklużi kriterji dwar is-sostenibilità għall-bijomassa bħala parti mir-riforma tal-PAK sabiex tippermetti l-iżvilupp ta' suq sostenibbli għall-bijomassa mill-agrikoltura, l-impriżi agroindustrijali u l-forestrija billi tinċentivizza l-ġbir tar-residwi disponibbli għall-produzzjoni tal-bijoenerġija, waqt li tipprevjeni żieda fl-emissjonijiet u telf tal-bijodiversità;
38. Jisħaq fuq il-fatt li l-politiki Ewropej razzjonali bħal diesel orħos għall-użu agrikolu u eżenzjonijiet mit-taxxa tas-sisa għall-enerġija u l-fjuwil prodotti għal skopijiet agrikoli, b'mod partikulari għall-pompi għat-tisqija li jaħdmu bl-elettriku, jistgħu jgħinu lill-bdiewa Ewropej jipproduċu aktar u jfornu s-swieq domestiċi kif ukoll dawk ta' esportazzjoni fil-prodotti agrikoli; jisħaq ukoll fuq l-importanza ta' sistemi innovattivi għat-tisqija sabiex tiġi żgurata s-sostenibilità tal-agrikoltura Ewropea, minħabba l-effetti devastanti tat-tibdil fil-klima bħan-nixfa, l-imwieġ ta' sħana u d-deżertifikazzjoni tal-art agrikola intenzjonata biex tipprovdi l-ikel lill-poplolazzjoni;
39. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati sistemi effiċjenti għat-tisqija sabiex jiġu żgurati metodi agrikoli effiċjenti fl-Istati Membri li jkunu kapaċi jkopru d-domanda domestika għall-ikel u jfornu lis-suq tal-esportazzjoni fil-prodotti agrikoli, waqt li jitqies li fil-ġejjieni se jkun hemm nuqqas ta' ilma, u b'mod partikulari, ta' ilma għax-xorb;
40. Jiddeplora l-fatt li l-miri ta' bijodiversità tal-UE għadhom ma ntlaħqux u jistenna li l-PAK tikkontribwixxi għall-isforzi sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u l-miri ta' Nagoya għall-bijodiversità;
41. Jitlob li l-PAK il-ġdida tippromwovi l-konservazzjoni tad-diversità ġenetika, tikkonforma mad-Direttiva 98/58/KE dwar il-Benesseri tal-Annimali u tastjeni milli tiffinanzja l-produzzjoni tal-ikel minn annimali kklownjati u l-frieħ tagħhom jew id-dixxendenti tagħhom;
42. Jemmen li metodi ta' produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-benesseri tal-annimali wkoll għandhom impatt pożittiv fuq saħħet l-annimali, il-kwalità u s-sigurtà tal-ikel filwaqt li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;
43. Jenfasizza l-importanza li jiġu eżaminati l-opportunitajiet kollha possibbli għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, bl-involviment tal-partijiet interessati kollha, sabiex tiġi protetta l-ħamrija;
Kondizzjonalità u semplifikazzjoni
44. Jirrimarka li s-sistema kondizzjonalità tesiġi li l-għoti ta' pagamenti diretti jkun suġġett għall-konformità mar-rekwiżiti statutorji u ż-żamma tal-art agrikola f'kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba, u għadha wieħed mill-mezzi l-aktar xierqa biex jiġi ottimizzat il-provdiment ta' servizzi bażiċi ta' ekosistema mill-bdiewa u biex jiġu ffaċċjati sfidi ambjentali ġodda billi tiġi ggarantita l-provvista ta' prodotti pubbliċi bażiċi; jinnota, madankollu, li l-implimentazzjoni tal-Kundizzjonalità ltaqgħet ma' firxa ta' problemi li għandhom x'jaqsmu mal-amministrazzjoni u l-aċċettazzjoni mill-bdiewa;
45. Iqis li l-pagamenti diretti mhumiex iġġustifikati mingħajr kundizzjonijiet u għalhekk li sistema ta' Kundizzjonalità li, bħala riżultat tal-ekoloġizzar tal-PAK, hija semplifikata u effiċjenti fil-prattika u fil-livell amministrattiv f'dawk li huma kontrolli għandha tapplika l-istess għar-riċevituri kollha tal-pagamenti diretti; jenfasizza li l-Kundizzjonalità għandha tkun ibbażata fuq ir-riskji u proporzjonali u għandha tiġi rrispettata u infurzata b'mod suffiċjenti mill-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej kompetenti;
46. Iqis li ħarsien u mmaniġġjar aħjar tar-riżorsi għandhom ukoll ikunu element bażiku fil-biedja fl-ambitu tal-Kundizzjonalità, li bħala riżultat tiegħu jistgħu jinkisbu benefiċċji ambjentali akbar; jitlob li l-kontrolli tal-Kundizzjonalità jiġu ssemplifikati, jsiru effikaċi u effiċjenti u li jkun hemm approċċ b'mira speċifika għall-ambitu tal-Kundizzjonalità; jitlob li jsir l-iskambju u l-integrat tas-sistemi tal-aħjar prattiki bejn l-aġenziji li jħallsu u l-korpi ta' monitoraġġ, bħalma huma l-interoperabilità tal-bażijiet tad-data u l-aħjar użu tat-teknoloġija xierqa, bil-għan li jitnaqqas kemm jista' jkun il-piż burokratiku għall-bdiewa u l-amministrazzjoni; iqis li l-Kundizzjonalità għandha tkun ristretta għal standards relatati mal-biedja, li jistgħu jiġu mmonitorjati b'mod sistemiku u ċar u huma bbażati fuq obbligu li jinkisbu r-riżultati, u li r-regoli għandhom jiġu armonizzati; jenfasizza l-importanza tal-livelli ta' tolleranza u l-applikazzjoni tal-proporzjonalità fi ħdan kwalunkwe sistema ġdida ta' pieni;
47. Iqis li l-monitoraġġ tal-kundizzjonalità għandu jkun konness aktar mal-kriterji tal-prestazzjoni u mal-inkoraġġiment tal-bdiewa li jiksbu r-riżultati; jemmen barra minn hekk li l-bdiewa nfushom għandhom ikunu aktar involuti f'dan il-monitoraġġ, minħabba l-ħila esperta u l-esperjenza prattika tagħhom, u jqis li dan ikollu l-effett li jagħti eżempju u jkun ta' motivazzjoni b'mod partikolari għall-bdiewa li huma anqas effiċjenti;
48. Jirrifjuta l-introduzzjoni, fis-sistema ta' kundizzjonalità, ta' rekwiżiti ta' piż u mhux ċari, li joriġinaw mid-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma, sakemm ma jikunx ġie ċċarat l-istat attwali tal-implimentazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri kollha;
49. Jagħraf l-isforzi konsiderevoli li diġà saru fis-settur tat-trobbija tal-bhejjem, li bħalissa jinsab f'diffikultà, biex il-bini u t-tagħmir jiġi mtejjeb biex jilħaq l-istandards tal-iġjene u s-saħħa; mingħajr ħsara għall-prinċipji tas-sikurezza tal-ikel u tat-traċċabilità tal-ikel, jitlob għal rieżami kritiku ta' ċerti standards tal-iġjena, tas-saħħa tal-annimali tal-immarkar tal-annimali bil-ħsieb li jintemmu l-piżijiet sproporzjonati imposti fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); jistieden b'mod partikolari lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid l-istandards tal-iġjene, partikolarment l-ikkummerċjar lokali jew dirett u kemm idunu tajbin il-prodotti fil-ħwienet, bil-għan li tagħmilhom proporzjonati mar-riskji u tevita li tqiegħed piż sproporzjonat fuq kanali ta' produzzjoni żgħar bħalma huma r-relazzjonijiet direttiv bejn il-produttur u l-konsumatur u ktajjen qosra tal-provvista tal-ikel;
Strumenti tas-suq, xibka ta' sikurezza u mmaniġġjar tar-riskji
50. Iqis li huwa importanti li wieħed ikun jista' jieħu azzjoni biex jopponi l-volatilità eċċessiva tal-prezzijiet u jirreaġixxi kmieni biżżejjed għall-kriżijiet ikkawżati mill-instabilità tas-swieq fil-kuntest tal-PAK u fis-swieq dinjija; jirrikonoxxi r-rwol fundamentali li kellhom il-miżuri ta' appoġġ għas-suq fir-reazzjoni għall-kriżijiet fis-settur agrikolu fil-passat, b'mod partikolari r-rwol tal-interventi u tal-ħżin privat; jenfasizza li l-miżuri ta' appoġġ għas-suq għandhom ikunu effettivi u attivati fil-pront meta jkun meħtieġ biex jiġu evitati problemi serji għall-produtturi, il-proċessuri u l-konsumaturi u biex il-PAK tkun tista' tilħaq l-objettiv strateġiku primarju tagħha: is-sigurtà tal-ikel;
51. Jenfasizza li l-PAK għandha tinkorpora ċertu għadd ta' strumenti flessibbli u effettivi tas-suq li jaġixxu ta' xibka ta' sikurezza, iffissati fil-livelli xierqa u disponibbli fil-każ ta' tħarbit serju tas-suq; jemmen li dawn l-istrumenti ma għandhomx jiġu attivati fuq bażi permanenti u ma għandhomx iservu ta' żbokk kontinwu u bla limitu għall-produzzjoni; jirrimarka li wħud minn dawn l-istrumenti diġà jeżistu, iżda jistgħu jiġu adattati, filwaqt li oħrajn jistgħu jinħolqu skont il-ħtieġa; iqis li, minħabba l-kundizzjonijiet li huma differenti ħafna minn xulxin fis-setturi individwali, soluzzjonijiet settorjali ddivrenzjati huma aktar adattati minn approċċi ġenerali; jiġbed l-attenzjoni lejn id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-bdiewa meta jippruvaw jippjanaw bil-quddiem fi żminijiet ta' volatilità estrema; iqis li, minħabba l-volatilità akbar tas-swieq, l-istrumenti tas-suq jeħtieġ li jiġu eżaminati mill-ġdid biex tissaħħaħ l-effiċjenza u l-flessibilità tagħhom, jiġu żgurati l-użu aktar rapidu, l-estensjoni għal setturi oħra jekk ikun hemm bżonn u l-aġġustament għall-prezzijiet tas-suq attwali u tiġi pprovduta xibka ta' sikurezza effikaċi mingħajr ma jinħoloq it-tgħawwiġ;
52. Huwa tal-fehma li dawn l-istrumenti għandhom jinkludu strumenti speċifiċi ta' ġestjoni tal-provvista li, jekk jintużaw b'mod ġust u fuq bażi li ma tkunx diskriminatorja, jistgħu jipprovdu ġestjoni effikaċi tas-suq u jipprevjenu l-kriżijiet relatati mal-produzzjoni żejda, mingħajr ebda spiża għall-baġit tal-Unjoni;
53. Jitlob għal xibka ta' sikurezza b'ħafna livelli estiża biex tkopri s-setturi kollha, li tkun tinkludi kumbinazzjoni ta' għodod bħalma huma l-ħżin pubbliku u privat, l-intervent pubbliku, strumenti li jirrigwardaw it-tħarbit tas-suq u klawżola ta' emerġenza; jitlob li f'każijiet ta' tfixkil temporanju tas-suq għandhom ikunu permessi għal setturi speċifiċi l-ħżin privat u l-interventi pubbliċi; jitlob barra minn hekk li jiġu stabbiliti, b'mod komuni għas-setturi kollha, strument kontra t-tfixkil tas-suq u klawżola ta' emerġenza, li jippermettu lill-Kummissjoni li, f'ċerti ċirkostanzi, f'każijiet ta' kriżi, taġixxi fuq perjodu li jkun limitat għal mhux aktar minn sena, li għandu jkun aktar effiċjenti milli kien il-każ sa issa; iqis, għalhekk, li għandha ssir disponibbli linja baġitarja speċjali ta' riżerva li tkun tista' tiġi attivata malajr f'baġits futuri tal-UE biex tiġi provduta għodda ta' reazzjoni rapida f'każ ta' kriżijiet serji fis-swieq agrikoli;
54. Iqis li l-użu tal-istrumenti ta' intervent jaqa' fi ħdan l-ambitu tal-kompetenzi eżekuttivi tal-Kummissjoni; jenfasizza madankollu li l-Parlament Ewropew trid tiġi mgħarrfa minnufih bl-azzjonijiet ikkontemplati; jenfasizza f'dan il-kuntest li l-Kummissjoni għandha tqis kif dovut il-pożizzjonijiet adottati mill-Parlament;
55. Jitlob li l-effikaċja tas-sistema ta' intervent tittejjeb permezz ta' valutazzjoni annwali, imwettqa b'mod prammatiku u fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-swieq;
56. Iqis li, minħabba l-isfidi ambjentali, klimatiċi u epidemjoloġiċi antiċipati u minħabba l-fluttwazzjonijiet konsiderevoli tal-prezzijiet fis-swieq agrikoli, miżuri addizzjonali aktar effettivi ta' prevenzjoni tar-riskji, li jkunu aċċessibbli għall-bdiewa kollha fid-diversi Stati Membri, huma ta' importanza vitali, fil-livell ta' Unjoni, Stat Membru u azjendi tal-biedja individwali, biex jiġu mħarsa l-introjti;
57. Ifakkar li l-produzzjoni orjentata lejn is-suq, il-pagamenti diretti u l-kompetittività jinsabu fil-qalba ta' kwalunkwe kopertura tar-riskju, u li hija wkoll ir-responsabilità tal-bdiewa li jikkunsidraw u jantiċipaw ir-riskju; jappoġġja lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, biex iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-bdiewa strumenti nazzjonali ta' kopertura tar-riskju mingħajr ir-rinazzjonalizzazzjoni u t-tgħawwiġ tas-swieq; hu tal-fehma, għaldaqstant, li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa regoli komuni dwar il-promozzjoni mhux obbligatorja ta' sistemi ta' ġestjoni tar-riskju mill-Istati Membri – jekk xieraq, billi jinħolqu regoli Komunitarji konformi mar-regoli tal-WTO fi ħdan l-Organizzazzjoni Unika tas-Suq Komuni – bil-għan li jeliminaw kwalunkwe effett li jgħawweġ l-kompetizzjoni fis-suq intern; jitlob ukoll li l-Kummissjoni jkollha tinnotifika l-miżuri kollha għall-introduzzjoni ta' sistema ta' ġestjoni tar-riskju kif ukoll tippreżenta valutazzjoni tal-impatt rilevanti flimkien mal-proposti leġiżlattivi;
58. Iqis li l-iskemi ta' assikurazzjoni tas-settur privat, kif ukoll l-iskemi ta' assikurazzjoni għar-riskji multipli (bħalma huma l-assikurazzjoni kontra l-klima, l-assikurazzjoni kontra t-telf ta' dħul), il-kuntratti tal-futuri u l-fondi mutwi, parzjalment iffinanzjati minn fondi pubbliċi, jistgħu jiġu żviluppati u promossi bħala għażliet fl-Istati Membri minħabba li r-riskji qed jiżdiedu; japprova b'mod partikulari f'dan ir-rigward azzjoni konġunta mill-bdiewa biex jiffurmaw konsorzji u kooperattivi; jilqa' l-iżvilupp tal-għodod innovattivi ġodda; jenfasizza, madankollu, li għandhom ikunu konformi mad-WTO u ma jgħawġux il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni intra-UE u l-kummerċ; jitlob. għalhekk, li jiġi pprovdut qafas għal dawk l-Istati Membri li jimplimentaw dawn il-miżuri, li għandu jiġi mnaqqax fl-organizzazzjoni komuni tas-suq unika;
59. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina sa liema punt jista' jiġi estiż ir-rwol tal-gruppi tal-produtturi jew tal-assoċjazzjonijiet settorjali jew tal-“interprofessjonijiet” fil-prevenzjoni tar-riskji u fil-promozzjoni tal-kwalità għas-setturi kollha tal-produzzjoni; jitlob li l-miżuri ta' dan it-tip jikkunsidraw il-prodotti koperti mill-iskemi tat-tabella ta' kwalità;
60. Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi, bħala parti mir-riforma tal-PAK, miżuri speċifiċi biex tinkuraġġixxi t-twaqqif ta' programmi operattivi ġodda, sabiex il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tissaħħaħ;
61. Jesprimi ruħu favur li s-sistema tas-suq taz-zokkor tal-2006 tiġi estiża tal-anqas tal-2020 fis-sura eżistenti tagħha u jitlob għal miżuri xierqa biex tiġi salvagwardjata l-produzzjoni taz-zokkor fl-Ewropa u biex is-settur taz-zokkor tal-UE jkun jista' jittejjeb fil-kompetittività tiegħu fi ħdan qafas sostenibbli;
62. Jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi vvalutata s-sitwazzjoni speċifika tas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, qabel Marzu 2015, sabiex jiġu żgurati l-funzjonament bla xkiel u l-istabilità tas-suq tal-ħalib;
63. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tipproponi li d-drittijiet tat-tħawwil fis-settur tal-inbid jinżammu sa wara l-2015 u li dan għandha tqisu fir-rapport ta' valutazzjoni tagħha li għandu jitressaq fl-2012, dwar ir-riforma tal-OKS tal-inbid tal-2008;
64. Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-produzzjoni tal-ħalib għall-agrikoltura Ewropea u għas-sussistenza u ż-żamma taż-żoni rurali, speċjalment reġjuni bi bwar għall-produzzjoni tal-ħalib u reġjuni żvantaġġati mil-lat naturali fl-UE, u jisħaq fuq il-bżonn li tiġi garantita sigurtà sostenibbli tal-provvista tal-prodotti tal-ħalib għall-konsumaturi Ewropej; jinsab konvint li s-sigurtà tal-provvista tal-prodotti tal-ħalib hija garantita l-aħjar mod permezz ta' suq tal-prodotti tal-ħalib stabbli, li fih il-bdiewa jkunu jistgħu jaqalgħu prezz ġust għall-prodotti tagħhom; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni tissorvelja u tippermetti l-iżvilupp sostenibbli tas-suq tal-prodotti tal-ħalib, permezz ta' strumenti politiċi suffiċjenti għall-ħalib u l-prodotti tiegħu għaż-żmien wara l-2015 u qafas ta' kompetizzjoni ġusta li jiggarantixxi pożizzjoni iktar b'saħħitha għall-produtturi primarji u distribuzzjoni iktar ibbilanċjata tad-dħul tul il-katina tal-produzzjoni tal-ikel kollha kemm hi (mill-azjenda tal-biedja sal-ħanut bl-imnut);
65. Iqis li s-sistemi ta' ġestjoni għandhom jiġu msaħħa fir-rigward tal-frott u l-ħxejjex (iċ-ċitru u l-prodotti kollha kkonċernati), l-inbid u ż-żejt taż-żebbuġa, u li jinħtieġu fond għall-kriżijiet aktar effiċjenti fir-rigward tal-frott u l-ħxejjex, ġestjoni aħjar tal-kriżijiet fis-settur tal-inbid u sistema ta' ħżin privata aġġornata għaż-żejt taż-żebbuġa;
Il-Kummerċ internazzjonali
66. Jistieden lill-UE tiżgura li jkun hemm konsistenza bejn il-PAK u l-politiki tagħha tal-iżvilupp u tal-kummerċ; b'mod partikulari jħeġġeġ lill-UE toqgħod attenta għas-sitwazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u ma tipperikolax il-kapaċità tal-produzzjoni tal-ikel u s-sikurezza tal-ikel fit-tul f'dawk il-pajjiżi u l-abilità tal-popolazzjonijiet tagħhom li jitimgħu lilhom infushom, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD); iqis, għalhekk, li l-ftehimiet kummerċjali tal-UE dwar l-agrikoltura ma għandhomx itellfu s-swieq fil-pajjiżi l-anqas żviluppati;
67. Ifakkar fl-impenn mogħti mill-membri tad-WTO waqt il-Konferenza Ministerjali ta' Ħong Kong li jaslu għall-eliminazzjoni ta' kull sura ta' sussidji tal-esportazzjoni f'paralleliżmu sħiħ mal-impożizzjoni tad-dixxiplina fuq il-miżuri kollha tal-esportazzjoni b'effett ekwivalenti, notevolment il-krediti tal-esportazzjoni, intrapriżi kummerċjali agrikoli tal-istat u l-regolazzjoni tal-għajnuna f'sura ta' ikel;
68. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni tal-impatt dettaljat tan-negozjati kummerċjali kollha li għaddejjin bħalissa, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur, li ma għandux jaffetta b'mod ħażin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u jxekkel l-effikaċja tal-PAK lejn 2020;
69. Jinnota li l-ikel mhuwiex biss merkanzija imma li l-aċċess għall-ikel huwa fundamentali għall-eżistenza tal-bniedem; jistieden lill-UE tuża l-politiki kummerċjali u ta' żvilupp tagħha biex tippromwovi prattiki tal- biedja sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi l-anqas żviluppati u fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fil-kuntest tal-fatt li d-domanda u l-prezzijiet tal-ikel qegħdinjiżdiedu;
70. Jitlob lill-Kummissjoni teżamina xi rwol kellha l-konċentrazzjoni tal-kummerċ internazzjonali taċ-ċereali fil-varjazzjonijiet fil-prezzijiet;
Il-katina tal-provvista tal-ikel
71. Jitlob li jiġu fformulati soluzzjonijiet fuq livell globali biex jindirizzaw l-ispekulazzjoni tal-prodotti bażiċi agrikoli u l-volatilità tal-prezzijiet peress li potenzjalment ipoġġu s-sikurezza tal-ikel f'riskju; jirrikonoxxi, madankollu, l-importanza ta' suq tal-futuri tal-prodotti bażiċi agrikoli li jiffunzjona kif suppost; hu tal-opinjoni li azzjoni internazzjonali kkordinata hi l-unika mezz effettiv biex titrażżan l-ispekulazzjoni eċċessiva; jappoġġa, f'dan ir-rigward, il-proposta tal-President Franċiż tal-G20 li l-grupp għandu jaqbel dwar miżuri biex tiġi miġġielda l-volatilità li qed tiżdied fil-prezzijiet ta' prodotti bażiċi agrikoli; jesprimi ruħu favur sistema dinjija ta' rrapportar u ta' azzjoni kkordinata għall-istokkijiet agrikoli maħsuba biex tipprovdi is-sikurezza tal-ikel; jiġbed l-attenzjoni, għalhekk,li għandu jiġi kkunsidrat il-ħżin ta' stokkijiet ta' prodotti bażiċi agrikola importanti; jenfasizzi li jekk dawn l-oġġettivi għandhom jintlaħqu, il-kapaċitajiet ta' ħażna jridu jiżdiedu u l-monitoraġġ tas-suq u l-istrumenti ta' sorveljanza jridu jiġu żviluppati; jenfasizza b'mod partikolari l-effetti allarmanti li l-volatilità globali tal-prezzijiet għandha fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
72. Jenfasizza l-fatt li – għall-kuntrarju tas-setturi “l fuq u ”l isfel fil-katina tal-produzzjoni agrikola primarja – id-dħul medju tal-bdiewa u tal-unitajiet domestiċi rurali baqgħu jonqsu kontinwament f'dawn l-aħħar deċenni meta mqabbla mal-bqija tal-ekonomija, fejn laħaq biss nofs id-dħul tal-unitajiet domestiċi urbani, filwaqt li l-kummerċjanti u l-bejjiegħa bl-imnut għandhom saħħa tas-suq u marġini li żdiedu sostanzjalment fil-katina tal-ikel;
73. Jitlob li jittieħdu miżuri biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-ġestjoni u s-saħħa tal-ikkurdar tal-produtturi primarji u tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi vis-à-vis operaturi ekonomiċi oħra fil-katina tal-ikel (primarjament il-bejjiegħa bl-imnut, il-produtturi u il-kumpaniji tal-mezzi tal-produzzjoni), filwaqt li jiġi rrispettat il-funzjonament xieraq tas-suq intern; hu tal-opinjoni li l-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel trid tiġi mtejba b'mod urġenti permezz ta' inizjattivi leġiżlattivi biex tinkiseb aktar trasparenza fil-prezzijiet tal-ikel u azzjoni biex jiġu indirizzati prattiki kummerċjali inġusti, u b'hekk il-bdiewa jkunu jistgħu jottjenu l-valur miżjud li jistħoqqilhom; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa u tippromwovi l-kompetizzjoni ġusta; jemmen li l-ħatra ta' ombudsmen għandu jiġi kkunsidrat bil-ħsieb li jissolvew tilwimiet bejn l-operaturi tul il-katina tal-provvista tal-ikel;
74. Iqis, barra minn hekk, li bil-ħsieb li l-bdiewa jingħataw pożizzjoni aktar b'saħħitha fil-katina tal-ikel, għandhom jiġu żviluppati strumenti li se jgħinu lill-bdiewa joperaw ktajjen ta' produzzjoni qosra li jkunu trasparenti u effiċjenti, li jkollhom impatt ambjentali limitat, li jippromwovu l-kwalità u jipprovdu tagħrif lill-konsumatur, jinvolvu inqas intermedjarji u jippromwovu l-formazzjoni ġusta u trasparenti tal-prezzijiet;
75. Jitlob iż-żamma tal-iskema sabiex tipprovdi appoġġ għall-aktar membri foqra tas-soċjetà
L-Iżvilupp rurali
76. Jagħraf l-importanza tal-politiki tal-iżvilupp rurali kif iddefiniti u ffinanzjati fit-tieni pilastru, minħabba l-kontribut tagħhom għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali, il-modernizzazzjoni, l-innovazzjoni, l-infrastruttura u l-kompetittività u l-ħtieġa ta' aktar żvilupp fl-ekonomija rurali, is-settur tal-ikel agrikolu u s-settur mhux tal-ikel u kwalità tal-ħajja aħjar fiż-żoni rurali; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jintlaħqu l-objettivi politiċi, inklużi l-objettivi tal-Istrateġija UE 2020 ta' takbbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, li għandhom ukoll ikun ta' benefiċċju prinċipalment għall-bdiewa u għall-komunitajiet rurali;
77. Iqis li l-miżuri ta' żvilupp rurali għandhom iwieġbu għall-isfidi fl-oqsma tas-sigurtà tal-ikel, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, it-tibdil tal-klima, it-telf tal-bijodiversità, it-tnaqqis tal-ilma u l-fertilità tal-ħamrija, u għandhom isaħħu l-koeżjoni territorjali bbilanċjata u l-impjiegi; iqis li dawn il-miżuri għandhom ukoll jinkoraġġixxu l-awtosuffiċjenza fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fuq il-post fl-azjendi tal-biedja stess, b'mod partikolari mill-prodotti ta' skart agrikolu; jafferma li l-miżuri ta' żvilupp rurali għandhom jgħinu biex valur miżjud akbar jibqa' jinżamm fiż-żoni rurali, filwaqt li jiġi promoss it-tisħiħ tal-infrastruttura rurali u l-provvediment ta' servizzi għall-but ta' kulħadd għall-popolazzjonijiet u n-negozji lokali;
78. Iqis li, f'dan il-kuntest, għandha tiġi ddedikata attenzjoni partikolari għall-appoġġ lill-bdiewa żgħażagħ; jemmen li, minħabba l-fatt li l-popolazzjoni rurali fl-Ewropa qiegħda tixjieħ rapidament, huwa essenzjali li jsiru miżuri attraenti biex jinkoraġġixxu l-istabbiliment ta' bdiewa żgħażagħ u nies oħra li jidħlu ġodda fil-qasam tal-biedja u li s-skemi ta' appoġġ fit-tieni pilastru għandhom jiġu estiżi, pereżempju aċċess għal art, għotjiet u selfiet favorevoli, partikolarment fl-oqsma tal-innovazzjoni, tal-modernizzazzjoni u tal-iżvilupp tal-investiment eċċ, u jistenna li l-implimentazzjoni ta' tali mekkaniżmi se tkun disponibbli fl-Istati Membri kollha;
79. Jipproponi li persentaġġ sostanzjali tal-art agrikola għandha tiġi koperta minn skemi agrikoli ambjentali, li għandhom jipprovdu inċentivi finanzjarji u tekniċi ħalli l-bdiewa jaqilbu għal mudelli tal-biedja li jkunu aktar sostenibbli, aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, u li jitolbu anqas mezzi tal-produzzjoni;
80. Jenfasizza li l-politika tal-iżvilupp rurali għandha tippermetti li l-potenzjal naturali u uman kollu taż-żoni rurali jiġi mmexxi u wżat ukoll permezz ta' produzzjoni agrikola ta' kwalità, pereżempju permezz tal-bejgħ dirett, il-promozzjoni tal-prodotti, il-forniment tas-swieq lokali u d-diversifikazzjoni kif ukoll punti fejn tinbiegħ il-bijomassa, l-effiċjenza enerġetika, eċċ.;
81. Jenfasizza li tinħtieġ infrastruttura xierqa għall-iżvilupp u t-tixrid tal-għarfien agrikolu u sistemi ta' innovazzjoni agrikola, inklużi opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ, servizzi ta' pariri għall-azjendi tal-biedja u l-iskambju tal-aħjar prattiki, ħalli l-agrikoltura tiġi mmodernizzata, il-bdiewa innovattivi jkunu jistgħu jgħaddu l-esperjenza tagħhom lill-oħrajn u jittejbu l-ktajjen ta' valur miżjud fiż-żoni rurali; jemmen li tali programmi għandhom ikunu disponibbli fl-Istati Membri kollha;
82. Jappoġġa, għaldaqstant, l-introduzzjoni ta' miżuri b'miri speċifiċi, li għandhom jiġu deċiżi mill-Istati Membri fi ħdan it-tieni pilastru, ħalli jintlaħqu objettivi komuni ta' żvilupp rurali tal-UE (Strateġija 2020); jenfasizza l-importanza ta' qafas ġenerali Ewropew b'miri speċifiċi u orjentat biex ikun hemm eżitu, filwaqt li jagħraf li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali huma fl-aħjar pożizzjoni biex jiddeċiedu dwar il-programmi li, lokalment, jistgħu jagħtu l-ikbar kontribut lill-miri Ewropej; jitlob, għalhekk, li jiġu applikati s-sussidjarjetà u l-flessibilità meta jkunu qed jiġu ddisinjati programmi ta' żvilupp rurali u li jkun hemm approċċ b'saħħtu ta' sħubija lokali u sottoreġjonali parteċipattiva, filwaqt li jiġi applikat il-metodu LEADER fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-programmi ta' żvilupp rurali Ewropej u nazzjonali futuri; iqis li kontribuzzjoni nazzjonali mnaqqsa applikabbli għall-miżuri li għandhom miri aktar speċifiċi għandha tiġi determinata fuq il-bażi ta' valutazzjonijiet tal-impatt u simulazzjonijiet dettaljati;
83. Hu favur, fil-kuntest tal-iżvilupp rurali, il-fatt li l-miżuri mmirati jiġu provduti wkoll għall-protezzjoni tal-foresti tal-muntanji;
84. Jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi għodod ta' finanzjament ġodda li jappoġġaw speċjalment lill-bdiewa li jidħlu fis-settur agrikolu biex jiksbu aċċess għal self favorevoli, jew sistema ġdida, pereżempju msejħa JERICHO (“Joint Rural Investment CHOice”), għall-Fond għall-Iżvilupp Rurali, ibbażata fuq l-esperjenza mill-inizjattiva JEREMIE taħt il-Fondi Strutturali;
85. Jenfasizza li ż-Żoni Żvantaġġati (ŻŻ) ta' sikwit ikunu ta' valur kbir f'dak li għandu x'jaqsam mal-pajsaġġ ikkultivat, maż-żamma tal-bijodiversità u mal-provvediment ta' benefiċċji ambjentali kif ukoll għad-dinamiżmu taż-żoni rurali; jappoġġja pubblikament f'dan il-kuntest il-fatt li l-allowance kompensatorja għaż-żoni żvantaġġjati fit-tieni pilastru jibqgħu jinżammu kif inhuma u jitlob li l-effikaċja tagħha tiżdied; jemmen li n-natura ta' mira speċifika tal-appoġġ għall-bdiewa li joperaw fiż-ŻŻ huwa tal-akbar importanza għall-kontinwazzjoni tal-attivitajiet agrikoli f'dawn iż-żoni, u b'hekk titnaqqas it-theddida tal-abbandun tal-art; jenfasizza li l-irqaqat tal-kriterji għandhom jitħallew f'idejn l-Istati Membri, u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, fi ħdan il-qafas tal-UE;
86. Jenfasizza li l-istrutturi rurali jiddifferixxu ħafna fl-Istati Membri u għalhekk jirrikjedu miżuri differenti; għaldaqstant jitlob li jkun hemm flessibilità akbar sabiex l-Istati Membri u r-reġjuni jkunu jistgħu jadottaw miżuri volontarji, li għandhom jiġu kofinanzjati mill-UE bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri jkunu ġew notifikati lill-Kummissjoni u approvati; jirrimarka li r-rata ta' kofinanzjament għandha tkompli tqis iċ-ċirkostanzi u l-bżonnijiet speċifiċi tar-reġjuni ta' konverġenza fil-perjodu ta' wara l-2013;
87. Jesprimi ruħu favur l-idea li għal miżuri li jaqgħu taħt it-tieni pilastru u li jkunu ta' importanza partikolari għal xi Stati Membri, ir-rati ta' kofinanzjament attwali għandhom ikomplu japplikaw wara l-2013; Jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe kofinanzjament nazzjonali addizzjonali ma għandux iwassal għal rinazzjonalizzazzjoni tat-tieni pilastru jew iżidu d-disparità fil-kapaċità tal-Istati Membri li jikkofinanzjaw il-prijoritajiet tagħhom;
88. Ifakkar li l-modulazzjoni, fil-varjetajiet kollha tagħha, kemm obbligatorja kif ukoll volontarja, bħala mezz għall-iffinanzjar tal-miżuri tal-iżvilupp rurali tiskadi fl-2012 u jenfasizza l-bżonn li r-riżorsi adegwati ta' finanzjament jiġu żgurati għat-tieni pilastru fil-perjodu ta' finanzjament li jmiss;
89. Jitlob li fir-rigward tat-tqassim tar-riżorsi tat-tieni pilastru jiġu evitati tibdiliet f'daqqa peress li l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u l-azjendi agrikoli jeħtieġu sikurezza u kontinwità sabiex ikunu jistgħu jippjanaw; jenfasizza li d-diskussjonijiet dwar l-allokazzjoni ta' dan il-finanzjament għandhom ikunu parti waħda mad-diskussjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-finanzjament taħt l-ewwel pilastru; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tistabbilixxi approċċ prammatiku, bħala l-prinċipju fundamentali għar-ridistribuzzjoni tal-fondi tat-tieni pilastru; jagħraf il-ħtieġa ta' distribuzzjoni ġusta tal-fondi tat-tieni pilastru bejn l-Istati Membri skont il-kriterji objettivi li għandhom jirriflettu d-diversità tal-bżonnijiet fiż-żoni Ewropej; jappoġġja pubblikament li dawn il-bidliet jinkisbu wara perjodu ta' tranżizzjoni limitat b'mod parallet mal-bidliet magħmula fid-distribuzzjoni tal-fondi tal-ewwel pilastru;
90. Jesprimi ruħu favur regoli dwar il-kofinanzjament fl-iżvilupp rurali li jippermetti, fil-livell reġjonali u lokali, li jkun hemm kumplementarjetajiet bejn il-fondi pubbliċi u privati tas-sehem kofinanzjat nazzjonalment, u b'hekk jiġu msaħħa l-mezzi disponibbli biex jiġu segwiti l-objettivi ddefiniti mill-politika pubblika għaż-żoni rurali;
91. Jitlob għal semplifikazzjoni fil-livelli kollha tal-ippjanar u l-immaniġġjar tal-programmi fit-tieni pilastru bil-għan li tingħata spinta lill-effiċjenza; jitlob barra minn hekk għal sistemi semplifikati, effettivi u effiċjenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar tal-miżuri tal-kundizzjonalità; jemmen li l-kontrolli u l-immonitorjar għall-ewwel u t-tieni pilastru għandhom jiġu armonizzati u magħmula aktar koerenti, b'regoli u proċeduri simili, biex jitnaqqas il-piż ġenerali tal-kontrolli minn fuq il-bdiewa; jitlob għal operazzjoni aktar flessibbli tal-perjodu ta' impenn ta' ħames snin għall-miżuri agrikoli ambjentali;
92. Jitlob li l-kooperattivi jkunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/61/KE rigward in-noneleġibilità ta' intrapriżi li jaqbżu l-limiti stabbiliti tal-SMEs għall-aċċess għall-finanzjament għall-iżvilupp rurali u, b'mod ġenerali, ħlasijiet ta' għajnuna “l fuq minn ċertu limitu;
93. Huwa tal-fehma li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom ikomplu jibbenefikaw minn trattament speċifiku taħt politika għall-iżvilupp rurali fil-ġejjieni, minħabba li d-diffikultajiet ġeografiċi li jaffaċċaw u l-għadd żgħir ta' prodotti agrikoli li fuqhom tiddependi l-ekonomija rurali f'dawn iż-żoni jiġġustifika ż-żamma ta' rata ta' kofinanzjament Komunitarju sa 85 % sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-programmi ta' żvilupp rurali tagħhom;
94. Jilqa' l-pass lejn livell ogħla ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE bejn il-programmi ta' żvilupp rurali u l-politika ta' koeżjoni b'mod partikolari, bl-għan li jiġu evitati duplikazzjoni, objettivi kontradittorji u sovrapposizzjonijiet; ifakkar, madankollu, li l-iskala tal-proġetti taħt il-politika ta' koeżjoni tal-UE u l-programmi ta' żvilupp rurali hija differenti u għalhekk huwa favur li l-fondi jibqgħu distinti u li l-programmi ta' żvilupp rurali jżommu l-attenzjoni tagħhom fuq il-komunitajiet rurali u jiġu ppriservati bħala strumenti li huma politikament awtonomi;
95. Huwa tal-fehma li politika ta' koeżjoni flimkien mal-PAK ġdid u b'saħħtu joħorġu l-potenzjal ekonomiku taż-żoni agrikoli u jiġġeneraw impjiegi sikuri, u dan jiggarantixxi l-iżvilupp sostenibbli ta' dawn iż-żoni;
96. Jenfasizza l-importanza tal-politiki intiżi li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi sabiex jiġu adottati prattiki li jipproteġu l-ambjent u jiżguraw is-sotenibbiltà tar-riżorsi naturali f'każijiet fejn l-attivitajiet tal-biedja, b'mod partikolari l-użu tal-ilma, għandhom implikazzjonijiet transkonfinali;
o o o
97. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.