Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2011 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2007-2013 (16973/3/2010 – C7-0024/2011 – 2010/0048(APP))
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill (16973/3/2010),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda(1),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0024/2011),
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet għal tweġiba orali f'isem il-Kumitat tiegħu għall-Baġits li saru lill-Kunsill (O-0074/2010 - B7-0310/2010) u lill-Kummissjoni (O-0075/2010 - B7-0311/2010) fl-20 ta' Mejju 2010 u d-dibattitu waqt il-plenarja fil-15 ta' Ġunju 2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Settembru 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2007-2013(2),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 75 u 81(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0253/2011),
A. billi l-istrument legali eżistenti li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali jeħtieġ li jiġi emendat wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona,
B. billi t-tliet istituzzjonijiet li huma indirizzaw dan ir-rekwiżit kif ġej:
–
il-Kummissjoni ppreżentat l-hekk imsejjaħ “Pakkett ta' Lisbona” li jinvolvi proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2007-2013, abbozz ta' Ftehim Interistituzzjonali dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u propsta biex jiġi emendat ir-Regolament Finanzjarju,
–
il-Kunsill stabbilixxa l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2007-2013,
–
il-Parlament għamel mistoqsijiet orali, adotta riżoluzzjoni u pprova jiddiskuti l-“Pakkett ta' Lisbona” mal-istituzzjonijiet l-oħra fi trilogu matul il-proċedura baġitarja tal-2011,
C. billi l-Parlament iqis li l-Ftehim Interistituzzjonali attwali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda jibqa' fis-seħħ sakemm ir-regolament il-ġdid li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali jidħol fis-seħħ, bl-eċċezzjoni tal-artikoli li m'għadhomx japplikaw wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona,
D. billi, minkejja l-isforzi tal-presidenza fil-kariga Belġjana u dik Ungeriża, il-Kunsill ma wriex ir-rieda li jidħol f'negozjati dwar il-pakkett ta' Lisbona, kif previst fl-Artikolu 312(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
E. billi t-tnaqqis fil-grad ta' flessibilità fil-qafas finanzjarju multiannwali propost mill-Kunsill jillimita s-setgħat u l-prerogattivi tal-Parlament meta mqabbla ma' dawk li jgawdi minnhom bħalissa,
F. billi t-Trattat ta' Lisbona ma kienx maħsub li jwassal għal tnaqqis fil-prerogattivi tal-Parlament , u l-Parlament mhuwiex lest jaċċetta dan it-tnaqqis,
1. Jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2007-2013;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-proċedura leġiżlattiva ngħalqet u biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.