Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2627(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0381/2011

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 06/07/2011 - 6.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0327

Testi adottati
PDF 432kWORD 111k
L-Erbgħa, 6 ta' Lulju 2011 - Strasburgu
Tħejjija ta' Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2012
P7_TA(2011)0327RC-B7-0381/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2011 dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2012

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2011 (COM(2010)0623/2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas eżistenti dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, b'mod partikolari l-Anness 4 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tad-djalogu regolari tal-Kummissarji kollha mal-kumitati parlamentari u r-rapport ta' sinteżi tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati tas-7 ta' Ġunju 2011 imressaq lill-Konferenza tal-Presidenti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar “Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva”(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar “Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali”(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi sa tmiem l-2011 għandu jsir rieżami tal-Ftehim Qafas fid-dawl tal-esperjenza prattika, li jipprovdi wkoll opportunità biex jittejbu l-metodi ta' ħidma interna, pereżempju fir-rigward tad-djalogu regolari, it-titjib tat-trasparenza u l-integrazzjoni tal-input mill-kumitati, filwaqt li titqies għalkollox l-esperjenza disponibbli sabiex tipprovdi bażi soda għat-tħejjija tal-prijoritajiet tal-Parlament,

B.  billi l-kriżi finanzjarja u l-miżuri meħuda biex tiġi affrontata għadhom qed ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri u l-istabbiltà taż-żona tal-euro,

C.  billi l-Kummissjoni jeħtiġilha taġixxi sal-limitu aħħari tas-setgħat legali u tal-awtorità politika tagħha; billi l-Unjoni Ewropea ma tistax tiffunzjona b'mod effikaċi jekk il-Kummissjoni ma tidentifikax, ma tesprimix fil-prattika u ma tippromwovix l-interess ġenerali tal-Istati Membri u taċ-ċittadini tagħha, u jekk ma taqdix b'effiċjenza dmirha li tissorvelja l-implimentazzjoni tat-Trattati u tal-liġijiet tal-UE,

D.  billi l-Kummissjoni għandha rwol ewlieni fit-tiswir tal-ġejjieni tal-UE u għandha tuża l-programm ta' ħidma li jmiss tagħha biex tippromwovi l-objettivi u l-valuri tal-Unjoni, issaħħaħ il-proprjetà tal-proġett tal-UE, terfa' lill-UE mill-kriżi u tiżgura li tkun rappreżentata u li żżomm il-pożizzjoni rispettata tagħha fid-dinja,

E.  billi waħda mill-isfidi li taffaċċja l-Kummissjoni fit-tfassil tal-programm tagħha hija li tiġġieled kontra l-approċċ settorjali tagħha stess li ilu stabbilit u li minflok toħloq sinerġiji bejn il-politiki, tiżgura l-koerenza bejn l-objettivi u l-metodi, u tintegra l-ħarsien tal-prinċipji fundamentali bħan-nondiskriminazzjoni, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza quddiem il-liġi fil-miżuri leġiżlattivi jew nonleġiżlattivi kollha tagħha,

Ir-restawr tat-tkabbir għall-impjiegi: l-aċċellerazzjoni lejn l-2020

1.  Ifakkar li jeħtieġ li l-baġit tal-UE jirrifletti l-prijoritajiert politiċi tal-UE; itenni l-ħtieġa li jiddaħħlu riżorsi proprji ġodda u li jiżdied l-investiment fil-livell tal-UE bħala għajnuna biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija UE 2020;

2.  Għalhekk, jitlob li jinbdew djalogu u kooperazzjoni miftuħa u kostruttivi fil-livell tal-UE dwar l-iskop, il-kamp ta' applikazzjoni u d-direzzjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali (MFF) u r-riforma tas-sistema ta' dħul tiegħu, inkluża konferenza dwar ir-riżorsi proprji li tinvolvi lill-Membri tal-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali;

3.  Ifakkar fil-linji gwida tiegħu għall-MFF wara l-2013, kif adottati fir-rapport tal-Kumitat Speċjali tiegħu dwar l-isfidi baġitarji u r-riżorsi baġitarji għal Unjoni sostenibbli wara l-2013 bit-titolu “Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva”; ifakkar li l-kunsens tal-Parlament, mogħti abbażi ta' rapport tal-Kumitat għall-Baġits, huwa obbligatorju biex il-Kunsill jadotta l-MFF; ifakkar li, skont l-Artikoli 312(5) u 324 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Parlament Ewropew irid ikun involut kif xieraq fil-proċess ta' negozjar tal-MFF li jmiss;

4.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jikkonformaw mat-Trattat ta' Lisbona u jagħmlu kull sforz biex jaslu malajr għal ftehim mal-Parlament dwar metodu ta' ħidma prattiku għall-proċess ta' negozjar tal-MFF li jmiss; ifakkar fir-rabta bejn riforma tad-dħul u riforma tal-infiq u jitlob, għalhekk, impenn sod biex fil-kuntest tan-negozjati tal-MFF li jmiss, jiġu diskussi l-proposti dwar ir-riżorsi proprji l-ġodda;

5.  Jitlob li l-proposti dwar il-Qafas Strateġiku Komuni (CSF) li jkopri l-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) jiġu ppreżentati malajr kemm jista' jkun, u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, bil-bażi legali tiegħu jkun l-Artikoli 289 (1) u 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tippreżenta proposta ġdida għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea;

6.  Jenfasizza l-importanza li titressaq b'urġenza l-proposta rigward il-Fond Soċjali Ewropew bħala għodda prinċipali fil-ġlieda kontra l-qgħad u fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali u l-faqar permezz ta' titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali; jikkunsidra li għandha ssir enfasi akbar fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ, li huwa għoli b'mod allarmanti, kif ukoll fuq il-problema tat-tfal li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tissokta b'ħidmietha u l-kooperazzjoni mal-Parlament u mal-Kunsill dwar it-titjib tal-kwalità tal-leġiżlazzjoni; f'dan il-kuntest, jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżguraw li t-tabelli ta' korrelazzjoni jiġu inklużi sistematikament fl-atti leġiżlattivi kollha biex juru b'mod ċar kif il-liġi tal-UE qed tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali u li qed tiġi applikata b'mod effikaċi;

8.  Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-implimentazzjoni xierqa u f'waqtha tal-liġi tal-UE permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża s-setgħa eżekuttiva tagħha u, jekk ikun meħtieġ, tibda proċedimenti ta' ksur biex tiżgura t-traspożizzjoni xierqa u infurzar effikaċi;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tallinja l-acquis mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 290 u 291 TFUE mill-aktar fis possibbli, skont skeda ta' żmien ċara, u għalhekk jistedinha tressaq it-testi leġiżlattivi meħtieġa;

Ir-regolamentazzjoni tas-Suq Finanzjarju: tlestija tar-riforma

10.  Jenfasizza li l-kriżi ekonomika għad triġ tiġi indirizzata permezz tal-iżvilupp ta' qafas ta' governanza ekonomika bis-setgħa li jinforza d-dixxiplina u l-koordinazzjoni fiskali, jistabbilizza l-unjoni monetarja u jżid il-livell tal-investiment f'impjiegi produttivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq mill-aktar fis possibbli, proposti għal mekkaniżmu ta' kriżi permanenti ġestit skont ir-regoli tal-Unjoni, studju ta' fattibilità dwar it-twaqqif ta' sistema għall-ħruġ komuni ta' bonds sovrani Ewropej abbażi ta' obbligazzjoni in solidum u proposti biex l-Istrateġija UE 2020 tiġi integrata bis-sħiħ fil-qafas ta' stabbiltà kif ukoll għal arranġament uniku ta' rappreżentanza esterna għaż-żona tal-euro;

11.  Jirrimarka li, f'dak li jirrigwarda r-regolazzjoni finanzjarja, flimkien mal-miżuri meħuda biex itejbu l-kapaċità ta' rkupru tas-sistema finanzjarja u l-kapaċita li tassorbi t-telf jeħtieġ li jkun hemm miżuri biex ma jitħalliex li r-riskju jinġema' u miżuri biex jitnaqqsu l-konsegwenzi ta' falliment; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għal sorveljanza mtejba tal-akkumulazzjoni tar-riskju min-naħa tal-banek, is-separazzjoni tal-attivitajiet bakarji u ta' funzjonijiet utilitarji, u proposti robusti biex il-fallimenti tal-banek jiġu mmaniġġjati b'mod aktar ordnat; jissottolinja, barra minn hekk, f'dan il-kuntest il-ħtieġa li jkunu rregolati l-entitajiet intimament marbuta ma' sistemi bankarji u li jipprovdu funzjonijiet simili imma li mhumiex suġġetti għall-istess regolazzjoni (“shadow banking”);

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq b'urġenza:

   proposta għal direttiva dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (MIFID), li tistabbilixxi qafas regolatorju għan-negozjar ta' titoli, ċentri tan-negozjar u t-tmexxija tan-negozju minn impriżi tal-investiment, u
   proposta robusta dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet għall-banek/istituzzjonijiet tal-kreditu, ladarba jkunu konklużi t-testijiet tal-istress fil-qasam bankarju li qed isiru bħalissa;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-2012 tippreżenta lill-Parlament:

   proposti oħra biex jiġi integrat l-ibbankjar tal-konsumaturi, li għad għandu karattru nazzjonali qawwi, bl-għan li jiġu sfruttati bis-sħiħ il-vantaġġi ta' suq finanzjarju fl-UE kollha għall-benefiċċju tal-konsumaturi u n-negozji,
   proposta għal mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni ta' kriżijiet għall-kumpanniji tal-assigurazzjoni;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li tibqa' ssir enfasi fuq il-ħarsien tal-investitur u fuq il-fiduċja tal-investitur; iqis li l-inizjattivi biex tinġieb lura l-fiduċja fis-sistema finanzjarja huma essenzjali u għandhom jinvolvu rieżami wiesa' tal-prattiki ta' diliġenza dovuta, tar-“riskju morali” tal-gruppi transkonfinali, is-sistema ta' inċentivi u ta' rimunerazzjoni u t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont usa' tas-sistema finanzjarja;

15.  Jenfasizza r-rwol sinifikanti tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu fl-iżvilupp u d-deterjorament tal-kriżi tad-djun fiż-żona tal-euro u l-implikazzjonijiet għas-sistema bankarja Ewropea; għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi mingħajr dewmien qafas leġiżlattiv rivedut biex issaħħaħ ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu; iqis li l-ħolqien ta' Aġenzija Ewropea ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu jintroduċi għadd kbir ta' approċċi li jintlaqa' tajjeb;

Tkabbir intelliġenti

16.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex sa tmiem din is-sena tressaq proposta leġiżlattiva għall-Programm Qafas li jmiss għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni li tippromwovi s-sħubijiet pubbliċi-privati, tnaqqas il-burokrazija, ittejjeb l-approċċ multidixxiplinari u żżid il-parteċipazzjoni ta' atturi iżgħar u impriżi innovattivi fil-proġetti; iqis li jeħtieġ li jiżdied il-baġit għar-riċerka u l-iżvilupp għall-perjodu ta' finanzjament li jmiss sabiex l-UE ma taqax aktar lura fir-rigward tal-kompetituri tagħha, meta titqies iż-żieda enormi fl-infiq għar-riċerka u l-iżvilupp f'xi reġjuni oħra fid-dinja (bħall-Istati Uniti u, speċjalment, iċ-Ċina), u sabiex ikun ta' appoġġ sħiħ għall-objettivi tal-Istrateġija UE 2020;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta approċċ aktar tolleranti tar-riskju u bbażat fuq il-fiduċja għall-programmi tagħha ta' riċerka u żvilupp biex tnaqqas il-burokrazija u żżid il-parteċipazzjoni ta' impriżi innovattivi fil-proġetti;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi mobilizzat il-finanzjament għall-investimenti f'netwerks b'veloċità għolja; jenfasizza li broadband għal kulħadd huwa essenzjali biex l-Ewropa tikkompeti globalment u biex ikun żgurat li l-ebda Ewropew ma jaqa' lura;

19.  Jitlob li l-Kummissjoni fil-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2012 taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżgura t-traspożizzjoni tajba u f'waqtha tar-riformi tal-2009 fil-leġiżlazzjoni qafas dwar il-komunikazzjoni; jinnota, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu infurzati obbligi tal-aċċess għas-suq u benefiċċji oħra għall-konsumatur, inklużi informazzjoni mtejba dwar il-kuntratti u l-prezzijiet u miżuri għat-trasferiment tan-numri;

20.  Jinnota l-ħtieġa li fil-Programm ta' Ħidma għall-2012 b'reazzjoni għal żviluppi teknoloġiċi ġodda jiġu indirizzati għadd ta' oqsma, filwaqt li jittejjeb is-Suq Uniku Diġitali; dawn għandhom jinkludu l-“cloud computing”, “l-Internet tal-Oġġetti”, il-firem elettroniċi u s-sigurtà ċibernetika;

21.  Jistenna li l-Kummissjoni tiżgura li l-miżuri dwar tnaqqis tar-rati għall-roaming tad-dejta jidħlu fis-seħħ għalkollox fl-2012;

22.  Jenfasizza l-importanza ta' strateġija ICT u li jitlesta s-Suq Uniku Diġitali Ewropew, li jipprovdu opportunitajiet ta' tkabbir enormi għall-industriji u l-SMEs fil-kummerċ transkonfinali, iqarrbu lin-nies, isawwru mill-ġdid il-mod li bih jaħdmu u jgħixu, jipprovdu għodda ġdida għall-edukazzjoni u t-taħriġ, u jtejbu l-aċċess għas-servizzi pubbliċi u d-data miftuħa; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ għall-ICT sabiex l-UE tista' tkun fuq quddiem fis-swieq emerġenti bħat-teknoloġiji tas-saħħa u n-netwerks tat-trasport u tal-elettriku aktar ekoloġiċi;

23.  Ifakkar fl-importanza dejjem ikbar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (IPR) għat-tkabbir ekonomiku u l-potenzjal kreattiv tal-Ewropa u jenfasizza li trid tiġi ggarantita l-protezzjoni adegwata ta' dawk id-drittijiet; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi segwitu malajr bi proposti ta' rieżami konkreti f'dan il-qasam; jenfasizza l-importanza tal-IPR għall-industriji kulturali u kreattivi u għall-aċċess għal prodotti u servizzi kulturali;

Tkabbir sostenibbli

24.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-istrateġija tagħha dwar il-klima biex tħeġġeġ ir-rwol ewlieni tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fl-istess ħin issaħaħ il-kompetittività tal-UE u tgħin biex jintlaħaq ftehim internazzjonali bilanċjat;

25.  Jitlob strateġija komprensiva tal-UE dwar l-enerġija esterna li tinkorpora kwistjonijiet dwar il-materja prima u l-elementi rari u li tagħti prijorità lis-swieq globali miftuħa; jitlob ukoll politika dwar l-enerġija tal-UE sostenibbli, kompetittiva u integrata, skont liema politika l-varjetà u s-sehem relattiv tas-sorsi ta' enerġija u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jiġu indirizzati flimkien bħala parti minn approċċ koeżiv, u jqis li t-tlestija tas-suq intern tal-enerġija hija ta' importanza fundamentali għall-kompetittività u t-tkabbir tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni biex tħaffef l-iżvilupp ta' netwerk Ewropew integrat tal-enerġija billi tressaq il-proposti enfasizzati fil-pakkett tagħha dwar l-infrastruttura tal-enerġija;

26.  Bil-ħsieb li jintlaħaq l-objettiv ta' suq uniku tal-enerġija fl-2014, jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma tal-enerġija u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tadotta l-miżuri implimentattivi rilevanti mingħajr dewmien, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tintroduċi kull proposta ġdida meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

27.  Jitlob li ssir reviżjoni urġenti tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari bl-għan li tissaħħaħ, partikolarment billi jitqiesu r-riżultati tat-testijiet tal-istress implimentati wara l-inċident ta' Fukushima;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għas-Seba' Programm Komunitarju ta' Azzjoni Ambjentali u għal strateġija soda u integrata dwar il-bijodiversità;

29.  Iqis li r-riforma tal-PAK għandha tiżgura li l-PAK tiġi allinjata sew mal-għanijiet tal-Istrateġija UE 2020 u li s-sostenibbiltà tingħata prijorità fil-PAK sabiex tkun żgurata l-vijabbiltà fit-tul tal-produzzjoni Ewropea tal-ikel, filwaqt li jittejbu l-kompetittività u l-kapaċità ta' innovazzjoni tal-bdiewa, jiġi promoss l-iżvilupp rurali, tinżamm id-diversità tat-tip ta' biedja u tal-produzzjoni u tiġi evitata l-burokrazija;

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta l-funzjonament tas-Sistema ta' Twissija Bikrija u Rispons Bikri u tas-Sistema ta' Twissja Rapida għall-Ikel u l-Għalf bl-għan li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li jista' jkun hemm;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva biex tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' ikel li joriġina minn annimali kklonati u mill-frieħ tagħhom, u jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva ġdida dwar l-ikel il-ġdid;

32.  Jesprimi dispjaċir qawwi għad-dewmien tal-linji gwida dwar it-TEN-T u l-proposti tal-pakkett dwar l-ajruporti; jilqa' l-White Paper dwar il-Futur tat-Trasport u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq il-proposti leġiżlattivi previsti fiha mill-aktar fis possibbli; iqis li għad irid jintlaħaq suq ferrovjarju Ewropew integrat u interoperabbli, u jemmen li r-reviżjoni f'waqtha tal-linji gwida TEN-T għandha tingħata prijorità sabiex jiġi żviluppat netwerk komprensiv ta' trasport multimodali b'komodalità u interoperabilità effiċjenti; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tressaq proposta leġiżlattiva dwar is-settur ferrovjarju u l-estensjoni tal-kompetenzi tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni u tas-sikurezza; jinsisiti li hemm ħtieġa urġenti għal finanzjament aħjar tat-TEN-Ts u għat-titjib tal-koordimanet permezz tal-finanzjament ta' koeżjoni;

33.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni sal-2012 iddaħħal Karta Ewropea tad-drittijiet tal-passiġġieri bil-modi kollha tat-trasport;

34.  Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' implimentazzjoni sħiħa tal-Ajru Uniku Ewropew, inkluż l-istabbiliment ta' Blokki ta' Spazju tal-Ajru Funzjonali u tas-SESAR sabiex jaqdu l-ħtiġijiet futuri ta' kapaċità tal-ispazju tal-ajru u ta' sikurezza; jiddeplora n-nuqqas li tiġi żgurata t-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet fuq likwidi, aerosols u ġels fit-trasport tal-passiġġieri bl-ajru, tneħħija li għandha tibqa' prijorità għall-Kummissjoni;

35.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' riforma komprensiva u ambizzjuża tal-politika komuni tas-sajd, filwaqt li jirrifjuta sejħiet għar-rinazjonalizzazzjoni, u jenfasizza li għandha tinkludi integrazzjoni ta' approċċ ekosistemiku, ir-reġjonalizzazzjoni, miżuri definiti ċar għas-sajd fuq skala żgħira, impetu ġdid għas-settur tal-akkwakultura fl-Ewropa u ġlieda serja kontra s-sajd illegali, mhux regolat u mhux rappurtat u r-rimi tal-qabdiet; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Kummissjoni tista' ma tressaqx proposta ġdida dwar miżuri tekniċi qabel l-2013, meta jiskadu l-miżuri transnazzjonali eżistenti;

Tkabbir inklużiv

36.  Jilqa' l-inizjattivi emblematiċi dwar ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda u l-pjattaforma dwar il-faqar, iżda jiddispjaċih li ftit hemm proposti leġiżlattivi fil-qasam tal-impjiegi u tal-affarijiet soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tressaq strateġija soċjali ġdida allinjata mal-avvanzi ewlenin tat-Trattat ta' Lisbona, filwaqt li tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tad-djalogu soċjali fil-qasam tal-pagi u l-pensjonijiet u, bi qbil mal-Artikolu 153(5) tat-TFUE, tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri u tas-sħab soċjali u tiżgura l-leġittimità demokratika tal-proċess permezz tal-involviment tal-Parlament Ewropew;

37.  Jitlob li jkun hemm politika ta' koeżjoni mal-UE kollha wara l-2013 u li t-tħejjija għal dik il-politika ta' koeżjoni futura tissimplifika l-fondi u l-programmi eżistenti, tiżgura riżorsi finanzjarji adegwati u tallinja l-politika mal-għanijiet tal-Istrateġija UE 2020, filwaqt li toħloq valur miżjud permezz ta' sinerġiji ma' politiki interni oħra; jistenna li l-Kummissjoni jkollha rwol kostruttiv ta' medjatur tul il-proċeduri kollha relatati mal-adozzjoni ta' regolamenti li jkopru l-politika ta' koeżjoni, fir-rispett tal-prinċipju tal-kodeċiżjoni, bil-għan li jintlaħaq ftehim kemm jista' jkun kmieni fil-proċedura leġiżlattiva sabiex jiġi evitat dewmien mhux mixtieq u biex jingħelbu b'mod effikaċi id-diffikultajiet inerenti tal-bidu li jistgħu jinħolqu fil-proċess ta' implimentazzjoni tal-programmi operattivi tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

38.  Jappoġġa inizjattivi maħsuba biex jirrikonċiljaw il-ħajja tax-xogħol ma' dik tal-familja u jemmen li l-Kummissjoni għandha tressaq proposti leġiżlattivi biex tindirizza titpi differenti ta' liv – jiġifieri liv tal-paternità, tal-adozzjoni u tal-ulied – u tistabbilixxi strateġija Ewropea bbażata fuq l-aqwa prattiki fl-Istati membri bil-għan li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-ilħiq tal-miri tar-rati tal-impjieg stipulati fl-Istrateġija UE 2020; jilqa' l-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni biex titnaqqas id-diverġenza fil-pagi bejn is-sessi, iżda jiddispjaċih li d-diverġenza fil-pagi għadha sfida reali li għad trid tingħeleb, u jtenni t-talba tiegħu għal impenn b'saħħtu bil-għan li jindirizza l-kawżi multipli ta' diżugwaljanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel permezz ta' rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti;

39.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-Kummissjoni għadha ma ressqitx proposta leġiżlattiva biex tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa fil-qafas ta' strateġija komprensiva b'approssimazzjoni adegwata tas-sanzjonijiet;

40.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar in-nuqqas ta' proposta u inizjattivi fil-qasam tas-saħħa pubblika u jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar prodotti mediċinali ta' terapiji avvanzati; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li fl-2012 temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza li fatturi u dejta ġodda jindikaw il-ħtieġa ta' bidla u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta l-att li jemenda b'urġenza, filwaqt li tikkunsidra wkoll li tivvaluta estensjoni tal-ambitu ta' dik id-direttiva sabiex jitnaqqas ir-riskju mis-sustanzi li huma tossiċi għar-riproduzzjoni u jitħarsu s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol tal-ħaddiema Ewropej;

41.  Jenfasizza li għandhom jingħataw importanza l-programmi multiannwali ġodda fl-oqsma tal-eukazzjoni, il-kultura, il-midja awdjoviżivi, iż-żgħażagħ, l-isport u ċ-ċittadinanza, li huma essenzjali għas-suċċess tal-istrateġija UE 2020 u għaż-żamma tad-diversità multikulturali u lingwistika fl-UE, u li huma forza qawwija favur il-koeżjni u l-integrazzjoni soċjali; iqis li azzjonijiet u miżuri bbażati fuq qafas baġitarju adegwat u effiċjenti għandhom jittieħdu biex jiggarantixxu li dawn il-programmi stabbiliti jkomplu jaqdu l-ħtiġijiet taċ-ċittadini Ewropej wara l-2013;

L-isfruttar tal-potenzjal tas-Suq Uniku għat-tkabbir

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tkun aktar sistematika hija u tapplika t-“test tal-SMEs”, li għadu ma ġiex applikat sewwa u b'mod konsistenti fil-proposti leġiżlattivi kollha, partikoalrment fil-livell nazzjonali; għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni tressaq standards u rekwiżiti minimi, ibbażati fuq l-aqwa prattika, biex it-test tal-SMEs jiġi applikat fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali;

43.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Att dwar is-Suq Uniku iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta biex timmodernizza u tissimplifika l-proċeduri tal-akkwist pubbliku għall-awtoritajiet kontraenti u l-SMEs, inkluż it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol;

44.  Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni fil-Programm ta' Ħidma għall-2012 li tirrevedi l-politika tal-konsumatur u l-istrateġija leġiżlattiva, filwaqt li tintegra inizjattivi fis-servizzi rilevanti kollha tal-Kummissjoni; jinnota, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jkun żgurat li l-konsumaturi kollha fl-Unjoni Ewropea jirċievu l-protezzjoni sħiħa offruta mil-leġiżlazzjoni ewlenija, bħalma huma d-direttivi dwar il-prattiki kummerċjali inġusti u dwar il-kreditu tal-konsumaturi;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ b'riforma ambizzjuża tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali biex tippromwovi mobilità vera tal-ħaddiem fl-UE billi tissimplifika l-proċeduri tar-rikonoxximent awtomatiku filwaqt li tirrispetta s-sikurezza tal-pazjenti, tqawwi l-mobilità ta' dawk li għadhom kemm iggradwaw u terġa' teżamina ċerti professjonijiet regolati jew ċerti setturi minnhom;

46.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq pogramm ta' “ġustizzja għat-tkabbir”, li jtejjeb l-aċċess għall-ġustizzja għan-negozji u l-konsumaturi, u għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni tressaq b'urġenza l-proposta tagħha dwar ir-riżoluzzjoni alternattiva ta' kontroversji fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, kif ġie mħabbar;

It-twettiq tal-aġenda taċ-ċittadin: libertà, sigurtà u ġustizzja

47.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' proposta leġiżlattiva dwar is-solidarjetà msaħħa fi ħdan l-UE fil-qasam tal-asil, u jinnota li x-xogħol għandu jkompli fuq il-pakkett tal-asil sabiex titwaqqaf sistema Ewropea komuni għall-asil li tiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni u rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u li ma tħalix li l-liġi dwar l-asil tkun strumentalizzata għal finijiet oħra;

48.  Huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni tajba tal-acquis eżistenti dwar l-asil (Dublin, Eurodac, il-proċedura ta' lqugħ u d-direttiva ta' kwalifika għall-protezzjoni tal-persuni li jfittxu l-asil), li jfisser li l-istandards komuni Ewropej mhumiex garantiti, u b'hekk jitnaqqar ukoll is-sens ta' solidarjetà;

49.  Jinnota l-pakkett tal-Kummissjoni dwar il-vittmi u jqis li huwa importanti ħafna li jissaħħu d-drittijiet tal-vittmi tat-terroriżmu u l-kriminalità fl-UE u l-appoġġ għal dawn il-vittmi;

50.  Jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tiżgura li l-acquis ta' Schengen jiġi rrispettat bis-sħiħ u li kwalunkwe proposta mill-Kummissjoni għandha tiġi ttrattata bl-użu tal-metodu Ewropew; jirrikonoxxi l-bżonn ta' fruntieri esterni intelliġenti u n-neċessità ta' ġestjoni aħjar tal-fruntieri esterni u politika effikaċi u kredibbli dwar il-fruntieri esterni; iqis li l-kontroll tal-aċċess għat-territorju tal-UE hu wieħed mill-funzjonijiet prinċipali ta' żona mingħajr fruntier interni, li l-kontroll tal-fruntieri fil-fruntieri esterni tal-UE jeħtieġlu jittejjeb kontinwament biex jirrispondi għal sfidi ġodda tal-migrazzjoni u tas-sigurtà, u huwa għalhekk li jeħtieġ li tiġi stabbilita politika bbilanċjata dwar il-viża; f'dan il-kuntest jitlob lill-Kummissjoni tlesti l-istabbiliment tas-sistema SIS II, VIS u Eurodac, kif ukoll l-aġenzija l-ġdida tal-IT; ifakkar li l-ġestjoni effikaċi u integrata tal-fruntieri esterni u interni tal-UE u ta' politika tal-viża hija marbuta b'mod strett mal-politika tal-migrazzjoni u tal-asil, u hija għodda essenzjali għal din il-politika, inklużi kwistjonijiet ta' mobilità u l-evitar tal-abbużi; jiddispjaċih li s-SIS II għadha mhix operattiva u jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha biex timplimenta s-sistema, u se jibqa' jissorvelja mill-qrib l-allokazzjoni tal-baġit tal-UE għal dan;

51.  Għandu fehma pożittiva dwar l-emendar tal-Manwal tas-Sirene, l-aġġornament tal-Manwal Prattiku Komuni għall-Gwardji tal-Fruntiera, l-iżvilupp ulterjuri ta' Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur) u l-istabbiliment ta' sistema ta' Gwardji tal-Fruntiera Ewropej skont il-Programm ta' Stokkolma;

52.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiċċara aktar il-kundizzjonijiet li bihom l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma intitolati jwettqu attivitajiet ta' sorveljanza tal-fruntieri, jaqsmu informazzjoni operattiva u jikkooperaw bejniethom u mal-Frontex; jaqbel mal-idea li l-Frontex se jkollha rwol maġġuri fil-ġestjoni tal-kontroll tal-fruntieri u jilqa' l-ftehim dwar il-modifikazzjoni tal-qafas legali tagħha biex iħalliha tkun iktar effikaċi mil-lat tal-kapaċità operattiva tagħha fuq il-fruntieri esterni;

53.  Jemmen bil-qawwa li l-proposti mistennija dwar reviżjoni tad-Direttiva 95/46/KE u u tad-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Dejta għandhom ikunu ambizzjużi, b'tali mod li jmorru “l hinn mill-protezzjoni insuffiċjenti mogħtija mid-Deċiżjoni ta' Qafas għall-protezzjoni tad-dejta f'dak li kien it-tielet pilastru; jisħaq fuq l-importanza li jiġu indirizzati kwistjonijiet ewlenin dwar is-sigurtà tal-internet fir-rigward tal-”cloud computing' u “l-Internet tal-oġġetti”; jenfasizza li l-protezzjoni tad-dejta għandha tkun ambizzjuża wkoll fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jitlob lill-Kummissjoni tirrispetta l-protezzjoni tad-dejta tal-UE meta tinnegozja ma' pajjiżi terzi, filwaqt li jissottolinja li l-Parlament Ewropew se jeżamina bir-reqqa l-proposti kollha, inklużi PNR tal-UE u sistema tal-UE għall-estrazzjoni tad-dejta finanzjarja u kwalunkwe ftehim tal-UE dwar il-PNR ma' pajjiżi terzi (inklużi n-negozjati li għaddejjin bħalissa mal-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja) għall-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali;

L-ewropa fid-dinja: nagħtu sehemna fix-xena globali

54.  Jenfasizza li l-valuri, il-prinċipji u l-impenji li fuqhom hija bbażata l-UE għandhom ikunu l-prinċipji ewlenin ta' gwida ta' politika barranija magħquda; jisħaq li l-Kummissjoni jeħtiġilha tikkoopera bis-sħiħ ma‐Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, mhux biss dwar it-tkabbir, l-iżvilupp, il-kummerċ u l-għajnuna umanitarja, imma wkoll rigward aspetti esterni ta' politiki interni, b'tali mod li tiżgura aktar koerenza tal-politiki fl-azzjoni tal-UE, b'mod partikolari bejn il-politika tal-kummerċ u dik industrijali, bil-għan li l-kummerċ jintuża bħala strument ġenwin għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa; jenfasizza l-importanza tar-RGħ/VP fl-istabbiliment ta' politika barranija koerenti u magħquda;

55.  Jitlob li jkun hemm kapaċità militari msaħħa permezz ta' aktar qsim komuni tar-riżorsi ħalli l-UE tkun aktar kapaċi tirreaġixxi bil-ħeffa u bl-effikaċja għall-kriżijiet esterni u ssaħħaħ is-sigurtà trans-Atlantika;

Il-Politika Ewropea tal-Viċinat

56.  Jenfasizza li r-reviżjoni tal-istrumenti tal-għajnuna finanzjarja esterna għandha titqies bħala opportunità biex tissaħħaħ il-politika esterna Ewropea, partikolarment fil-proċess attwali ta' tranżizzjoni lejn id-demokrazija fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar; jappella għal aktar flessibilità u ħeffa fl-għoti ta' assistenza finanzjarja lil pajjiżi eliġibbli f'sitwazzjonijiet ta' kriżi; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-pajjiżi benefiċjarji li jassumu l-kontroll tal-għajnuniet u, b'dan il-mod, timmassimizza l-impatt tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tibni fuq it-tagħlimiet misluta mill-ġenerazzjoni preċedenti ta' strumenti finanzjarji esterni u tindirizza t-tħassib muri mill-Qorti tal-Awdituri;

57.  Jilqa' r-rieżami tal-Kummissjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u jistenna proposti konkreti dwar kif għandhom jiġu żviluppati ż-żewġ dimensjonijiet multilaterali tal-PEV, filwaqt li jagħti attenzjoni partikolari lill-pajjiżi Għarab li qed jaspiraw għad-demokrazija; jenfasizza l-ħtieġa għal impetu ġdid; jilqa' l-proposti mfissra fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Mejju 2011 dwar ir-rieżami tal-PEV u jitlob implimentazzjoni rapida tal-miżuri konkreti għal ħidma mill-ġdid mal-pajjiżi qrib tal-UE; jenfasizza li l-impenn tal-UE għal rabtiet eqreb mal-pajjiżi ġirien tagħha se jkun magħmul minn kombinazzjoni ta' assistenza finanzjarja miżjuda, appoġġ imsaħħaħ għad-demokrazija, aċċess għas-suq u mobilità mtejba; jitlob rieżami tal-Unjoni għall-Mediterran, abbażi ta' evalwazzjoni tan-nuqqasijiet kurrenti u fid-dawl ta' avvenimenti riċenti marbuta mar-Rebbiegħa Għarbija;

It-Tkabbir tal-UE.

58.  Jistenna li l-Kummissjoni tissokta b'ħidmitha dwar in-negozjati tal-adeżjoni; jenfasizza li, wara l-konklużjoni b'suċċess tan-negozjati mal-Kroazja, it-tħejjija tan-negozjati għandha tkompli ma' pajjiżi kandidati oħra fil-Punent tal-Balkani, filwaqt li fl-istess ħin jisħaq li dawn il-pajjiżi jeħtiġilhom jieħdu l-passi kollha biex ikunu għalkollox u rigorożament konformi mal-krietrji ta' Kopernħagen; barra minn hekk, għandhom jingħataw attenzjoni partikolari s-sitwazzjoni fil-Bosnja-Ħerzegovina u l-Moldova kif ukoll l-isforzi biex tinstab soluzzjoni għall-kontroversja dwar l-isem ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; jittama li t-taħditiet li għaddejjin f'Ċipru jwasslu għal riżoluzzjoni komprensiva, u jistenna li t-Turkija tikkontribwixxi għal dan il-proċess billi taqdi l-obbligi tagħha skont il-Protokoll ta' Ankara;

59.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mal-Kosovo biex mill-aktar fis possibbli tistabbilixxi pjan tar-rotta għal-liberalizzazzjoni tal-viża, minħabba li l-Kosovo waħdu mill-Balkani tal-Punent għandu skema tal-viża mal-UE; jilqa' f'dan ir-rigward il-ftehim reċenti bejn is-Serbja u l-Kosovo;

Politika tal-kummerċ komprensiva

60.  Jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea fin-negozjati kummerċjali bilaterali u reġjonali kollha li għaddejin sabiex tilħaq eżitu pożittiv għal ftehimiet kummerċjali komprensivi u bbilanċjati fl-2012, li jsaħħu b'mod sinifikanti l-prospettivi kummerċjali tal-UE u l-opportunitajiet għall-kumpaniji tal-UE fid-dinja kollha; iqis, madankollu, li sforzi sostnuti tal-UE huma meħtieġa biex jiġi sfruttat iż-żmien ta' opportunità fl-2011 fin-negozjati multilaterali tar-Rawnd ta' Doha li għandhom iwittu t-triq għal stabilità ekonomika dinjija;

61.  Iqis li l-Unjoni Ewropea għandha ssaħaħ ir-rabtiet kummerċjali tagħha mal-protagonisti ekonomiċi u politiċi l-kbar tad-dinja, b'mod partikolari l-Istati Uniti, iċ-Ċina, ir-Russja, l-Indja, il-Ġappun u l-Brażil, billi tuża l-mezzi u l-istrumenti ta' kooperazzjoni eżistenti u tespandihom kull meta dan ikun possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm assoċjazzjoni msaħħa tal-Parlament fin-negozjati li għaddejjin u fid-definizzjoni ta' mandati ta' negozjati għall-ftehimiet ta' investiment; jitlob lill-Kummissjoni tikkonkludi n-negozjati dwar ftehimiet bilaterali u reġjonali dwar il-kummerċ ħieles li għaddejjin bħalissa, u tipproponi regolamenti addizzjonali u effikaċi ta' salvagwardja li jmorru magħhom; jinnota li dawn għandhom jitqiesu bħala strateġija komplimentari u mhux bħala alternattiva għall-qafas multilaterali;

62.  Iqis li l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-kummerċ u l-investiment fid-dinja kollha għadha kwistjoni ċentrali u element essenzjali tal-istrateġija kummerċjali dinjija tal-UE; jinnota, f'dan ir-rigward, li r-Rapport riċenti tal-Kummissjoni għall-2011 dwar l-Ostakli għall-Kummerċ u l-Investiment juri ostakli sinifikanti u mhux ġustifikati fir-relazzjonijiet tagħna ma' sħab strateġiċi, li jillimitaw l-aċċess għas-suq lill-pajjiżi terzi maġġuri; għaldaqstant itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tkun iffukata u iebsa f'ħidmitha fuq din l-aġenda u tkompli tiġġieled kontra miżuri protezzjonisti mhux ġustifikati, filwaqt li tiżgura li l-politika tal-kummerċ tibqa' għodda għall=ħolqien tal-impjiegi sew fi ħdan l-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tagħmel ħilitha biex tidentifika u progressivament telimina ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ u l-investiment trans-Atlantiku, partikolarment fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku u l-istandardizzar, bl-aqwa użu possibbli tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku, bħala mezz għall-ilħiq ta' suq trans-Atlantiku sal-2015;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-inklużjoni fil-ftehimiet kummerċjali kollha ta' dispożizzjonijiet vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem, standards soċjali u ambjentali kif speċifikat f'għadd ta' rapporti ta' inizjattiva proprja adottati fl-2010;

Il-politiki tal-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja

64.  Jitlob li l-Kummissjoni fl-2012 tressaq inizjattiva dwar il-finanzjament innovattiv tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA), sabiex taqdi impenji dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju; barra minn hekk, jitlob li jitressqu proposti leġiżlattivi li jindirizzaw ulterjorment ir-rifuġji fiskali, il-flussi illegali tal-kapital u l-użu ħażin tat-trasferiment tal-prezzijiet bħala segwitu għall-Komunikazzjoni dwar “Il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa”;

65.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta komunikazzjoni bi proposti konkreti dwar l-istabbiliment ta' rabta effiċjenti bejn l-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp, li għandha tqis il-flessibilità meħtieġa biex tippermetti li f'sitwazzjonijiet ta' tranżizzjoni jkun hemm rabta bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp (LRRD); jappoġġa l-espansjoni tal-programmi tal-ikliet fl-iskejjel biex ikopru t-tfal kollha f'postijiet fejn hemm ħafna ġuħ bl-użu ta' ikel prodott lokalment u bit-tmiem tal-ħlas mill-utenti għall-iskejjel primarji u s-servizzi tas-saħħa essenzjali, i kkumpensati b'żieda fl-għajnuna mid-donaturi skont il-bżonn;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq inizjattiva leġiżlattiva biex idaħħal it-trasparenza fl-industriji tal-estrazzjoni permezz ta' miżuri vinkolanti fil-livell tal-UE, sabiex tagħti aċċess lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għad-dħul iġġenerat mir-riżorsi naturali tagħhom, biex b'hekk jiġu megħjuna jerfgħu lill-komunitajiet tagħhom mill-faqar;

o
o   o

67.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0266.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0297.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0331.

Avviż legali - Politika tal-privatezza