Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2011 dwar in-nisa u t-tmexxija tal-intrapriżi (2010/2115(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa li saret f'Pekin f'Settembru 1995, id-dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottati f'Pekin u d-dokumenti li rriżultaw minnhom adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Pekin +5, Pekin +10 u Pekin + 15 dwar aktar azzjonijiet u inizjattivi biex jimplimentaw id-dikjarazzjoni u l-programm ta' azzjoni ta' Pekin, adottati fid-9 ta' Ġunju 2000, fil-11 ta' Marzu 2005 u fit-12 ta' Marzu 2010 rispettivament,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 5, 21 u 23 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jenfasizza valuri komuni għall-Istati Membri bħall-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jsemmi l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-Progress fir-rigward tal-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2011,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 intitolata “Lejn Att dwar is-Suq Uniku għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna: 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin” (COM(2010)0608),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 bl-isem “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” (COM(2010)0491),
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-6 ta' Ġunju 2010 dwar it-tmexxija korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta' rimunerazzjoni (COM(2010)0284),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2010 bl-isem Impenn imsaħħaħ għall-ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: Karta f'Isem il-mara' (COM(2010)0078),
– wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi adottat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2006, u l-Patt Ewropew il-ġdid għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi adottat mill-Kunsill Ewropew fis-7 ta' Marzu 2011,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 96/694/KE tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u tal-irġiel fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet,
– wara li kkunsidra l-laqgħa annwali tal-Forum Ekonomiku Dinji, li saret bejn is-26 u d-29 ta' Jannar 2011 f'Davos, u l-programm bl-isem “Il-Mexxejja Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri”,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar it-tmexxija korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-8 ta' Marzu 2011 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea - 2010(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Ġunju 1995 dwar ir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa f'Pekin: “Il-Ġlieda favur l-Ugwaljanza, l-Iżvilupp u l-Paċi”(3), tal-10 ta' Marzu 2005 dwar is-segwitu tal-Pjattaforma ta' Azzjoni tar-raba' konferenza dinjija dwar in-nisa (Pekin + 10)(4) u tal-25 ta' Frar 2010 dwar il-Pjattaforma ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (Pekin + 15)(5),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0210/2011),
A. billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea, imħaddan fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u wieħed mill-objettivi u l-kompiti tagħha, u billi l-Unjoni stipulat għaliha nnifisha l-kompitu speċifiku li tintegra l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet kollha tagħha,
B. billi wieħed mill-objettivi prijoritarji tal-Unjoni Ewropea għandu jkun li tagħmilha possibbli għan-nisa kompetenti u kwalifikati li jilħqu karigi li llum huma diffiċli li jintlaħqu, billi jitneħħew l-ostakoli persistenti u l-inugwalzi bejn il-ġeneri li jżommu lin-nisa milli javvanzaw fil-karrieri tagħhom,
C. billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-qasam tax-xogħol għandha tippromwovi mingħajr distinzjoni lill-irġiel u lin-nisa fi ħdan is-suq tax-xogħol u fil-karigi ta' tmexxija fil-livelli kollha, fl-interess tal-ġustizzja soċjali biex isir użu sħiħ tal-ħiliet tan-nisa għat-tisħiħ tal-ekonomija fl-istess waqt, u għandha tiggarantixxi l-iżvilupp tan-nisa bl-istess mod bħal dak tal-irġiel,
D. billi fl-2008 59,5% tal-kwalifiki universitarji mogħtija fl-UE ngħataw lin-nisa, billi l-għadd ta' nisa fil-fakultajiet tal-negozju, tal-ġestjoni u tal-liġi huwa akbar mill-għadd ta' rġiel, billi madankollu l-proporzjon ta' nisa fl-ogħla korpi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-akbar intrarpiżi kkwotati fil-borża kien biss l-10,9% fl-2009,
E. billi fatturi oħra possibbli li jimpedixxu r-rappreżentanza tan-nisa jistgħu wkoll jiġu attribwiti għal taħlita ta' diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess, imġiba sterjotipata li għandha tendenza li tippersisti fi ħdan l-intrapriżi u li tillimita l-eżistenza ta' ggwidar professjonali għall-mexxejja nisa potenzjali,
F. billi studji tal-Kummissjoni Ewropea u tas-settur privat urew korrelazzjoni bejn ir-riżultati ekonomiċi u finazjarji mtejba tal-intrapriżi u l-preżenza tan-nisa fi ħdan il-korpi ta' teħid ta' deċiżjoni tagħhom; billi joħroġ ċar minn dan li rappreżentanza sinifikanti tan-nisa fil-karigi ta' tmexxija tikkostitwixxi għodda ta' veru għar-rendiment u għall-kompetittività ekonomika,
G. billi għaldaqstant huwa essenzjali li jiddaħħlu metodi bħall-istudji ta' każi individwali u l-iskambju tal-prattiki tajbin f'dan il-qasam kif ukoll azzjonijiet affirmattivi sabiex jitlaħaq użu ottimu tar-riżorsi umani tan-nisa fil-livelli kollha tal-ħajja tal-intrapriżi,
H. billi, madankollu, għalkemm b'differenzi minn pajjiż għal ieħor u bjen setturi professjonali differenti, illum in-nisa jirrappreżentaw biss 10% mill-membri tal-bord ta' tmexxija tal-ikbar intrapriżi elenkati fl-Unjoni Ewropea, u 3% biss mill-presidenti ta' dawn il-bordijiet, filwaqt li d-differenza fis-salarji skont is-sessi għadha ta' 17,5% fl-UE kollha kemm hi, u dan japplika wkoll għal karigi tat-tmexxija,
I. billi l-għadd ta' nisa fil-bordijiet tal-intrapriżi bħalissa qed jiżdied b'nofs perċentwal fis-sena; billi b'din ir-ratta bil-mod se jgħaddu 50 sena qabel il-bordijiet tal-intrapriżi se jkollhom mill-inqas 40% minn kull sess,
J. billi l-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-sindikati u lil dawk li jimpjegaw jinsabu “l bogħod milli jilħqu rappreżentanza bilanċjati bejn in-nisa u l-irġiel, ħaġa li tirrifletti r-rappreżentanza dgħajfa tan-nisa fil-korpi ta' tmexxija tal-intrapriżi; billi, madankollu il-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-għaqdiet tal-ħaddiema u u lil min iħaddem jistgħu jagħtu kontribut lit-tixrid u l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward,
K. billi hu l-kompitu ta' dawk li jfasslu l-politiki, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri, u tal-intrapriżi li jeliminaw l-ostakli għad-dħul tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fil-korpi ta' tmexxija b'mod partikolari, u li joffru opportunitajiet indaqs lin-nisa sabiex dawn ikun jista' jkollhom aċċess għall-karigi ta' responsabilità sabiex ikun garantit l-użu effikaċi tar-riżorsi eżistenti kollha, jiġi ottimizzat il-fluss tal-kompetenzi u tal-kwalitajiet femminili u sabiex ikun sfruttat kemm jista' jkun il-potenzjal uman li l-Unjoni Ewropea tibbenefika minnu, u li jitħarsu l-valuri ewlenin tal-UE, minħabba li l-ugwaljanza hi prinċipju fundamentali,
L. billi l-inizjattivi u l-miżuri proattiva li ttieħdu mis-settur privat, bl-ambizzjoni li joħolqu rappreżentanza miżjuda tan-nisa, bħal dawk bil-ħsieb ta' valorizzazzjoni tar-riżorsi umani fi ħdan l-intrapriżi fid-dawl ta' segwitu aħjar tal-karriera tan-nisa, jew tal-ħolqien ta' riżorsi barra l-intrapriżi li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni u l-promozzjoni tan-nisa u l-iskambju regolari tal-prattiki tajba, irriżultaw li huma siewja u għandhom ikunu nkoraġġuti, anke jekk għadhom mhumiex biżżejjed biex tinqaleb il-folja fi ħdan l-intrapriżi, u li n-nisa għadhom sottorappreżentati fit-tmexxija tagħhom,
M. billi l-Kummissjoni ħabbret li se tippreżenta miżuri leġiżlattivi sabiex tiżgura li intrapriżi kkwotati fil-borża jieħdu miżuri effettivi sabiex jiksbu rappreżentanza indaqs ta' nisa u rġiel fil-bordijiet tagħhom, f'każ li l-awtoregolamentazzjoni tonqos milli tagħmel dan fi żmien it-12-il xahar li ġejjin,
1. Jilqa' l-miżuri mħabbra mill-Kummissjoni fl-1 ta' Marzu 2011, u b'mod partikolari l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi leġiżlazzjoni Ewropea fl-2012 jekk l-intrapriżi ma jirnexxilhomx jiksbu permezz ta' miżuri volontarji l-miri ta' 30% ta' nisa fil-bordijiet tal-intrapriżi sal-2015 u ta' 40% sal-2020,
2. Iħeġġe lill-intrapriżi jilħqu l-limitu minimu kritiku ta' 30% nisa fost il-membri tal-korpi ta' tmexxija sal-2015 u ta' 40% sal-2020,
3. Jinnota il-progress ċar fir-rappreżentanza tan-nisa fin-Norveġja mill-adozzjoni fl-2003 ta' leġiżlazzjoni li timponi limitu minimu ta' 40% ta' rappreżentanza ta' kemm nisa kif ukoll irġiel fi ħdan il-bordijiet ta' tmexxija tal-intrapriżi elenkati li jkollhom iktar minn 500 impjegat u li tiddisponi għal sanzjonijiet effettivi f'każ ta' nuqqas ta' osservanza;
4. Jenfasizza li l-intrapriżi jeħtieġ jiżguraw trattament indaqs u opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel fid-dinja tax-xogħol u, b'kunsiderazzjoni ta' dan l-għan, għandhom ikunu adottati miżuri li jevitaw kull xorta ta' diskriminazzjoni;
5. Jilqa' l-inizjattivi tal-Istati Membri bħal Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u Spanja li ffissaw limitu minimu ta' rappreżentanza tan-nisa fi ħdan il-korpi ta' tmexxija li għandu jiġi osservat mill-intrapriżi, u jsegwi d-dibattiti dwar ir-rappreżentanza tan-nisa fi Stati Membri oħra bħall-Belġju, il-Ġermanja u l-Italja; jinnota li l-espressjoni tal-volontà politika hija l-uniku mod biex jitħaffef il-proċess tal-adozzjoni ta' miżuri kontraenti maħsuba biex jikkontribwixxu għal rappreżentanza indaqs tal-irġiel u tan-nisa fil-korpi ta' tmexxija tal-intrapriżi;
6. Jilqa' l-Kodiċi ta' Governanza tal-Korporazzjonijiet tal-Finlandja, skont liema l-korpi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-intrapriżi jrid ikollhom kemm rappreżentanti rġiel kif ukoll nisa u jrid ikun hemm żvelar pubbliku ta' kwalunkwe nuqqas ta' konformità; jinnota li, minħabba l-kodiċi, il-proporzjon ta' nisa fil-korpi tat-teħid ta' deċiżjoni tal-intrapriżi Finlandiżi issa hu ta' 25% u li, minn meta tħabbret l-introduzzjoni tal-kodiċi, il-proporzjon ta' intrapriżi kkwotati fil-borża b'nisa fil-bordijiet superviżorji jew ta' tmexxija tagħhom tela' minn 51% għal madwar 70%;
7. Jinsisti li r-reklutaġġ f'karigi fil-korpi ta' tmexxija tal-intrapriżi għandu jkun ibbażat fuq il-kompetenzi mitluba fil-forma ta' ħiliet, kwalifiki u esperjenza u li l-prinċipji ta' trasparenza, oġġettività, inklusività, effettività, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandhom jiġu osservati fil-politiki korporattivi ta' reklutaġġ;
8. Hu tal-fehma li għandha titqies l-introduzzjoni ta' regoli effettivi li jwaqqfu lill-persuna milli jkollhom karigi multipli fil-bordijiet tad-diretturi, kemm biex xi postijiet jinżammu liberi għan-nisa, kif ukoll biex jgħinu biex ikunu żgurati l-effettività u l-indipendenza tal-membri tal-bordijiet f'intrapriżi ta' daqs medju u kbir;
9. Jenfasizza li l-intrapriżi pubbliċi kkwotati fil-borża għandhom jagħtu l-eżempju billi jimplimentaw rappreżentanza bbilanċjata ta' nisa u rġiel fil-bordijiet tagħhom u fil-karigi tat-tmexxija tagħhom fil-livelli kollha;
10. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimplimentaw politiki ġodda li jagħmluha possibbli li iktar nisa jinvolu ruħhom fit-tmexxija tal-intrapriżi, b'mod partikolari billi:
a.
jibdew djalogu, mhux limitat għall-kwistjoni tal-kwoti, mal-bordijiet tal-intrapriżi kbar u mas-sħab soċjali dwar modi kif tiżdied ir-rappreżtanza tan-nisa, li jista' jsir ta' kull sena;
b.
jappoġġaw inizjattivi maħsuba biex jevalwaw u jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-kumitati ta' reklutaġġ u f'oqsma oħra, eżempju fir-rigward tad-differenzi fis-salarji, il-klassifikazzjoni tal-impjiegi, it-taħriġ u l-evoluzzjoni tal-karriera;
c.
jippromwovu responsabilità korporattiva soċjali għall-intrapriżi Ewropej, b'impenn sabiex jiżguraw responsabilità maniġerjali għal servizzi li jqisu lin-nisa u lill-familji;
d.
jappoġġaw miżuri kulturali li jorjentaw lin-nisa żgħażagħ iktar lejn studji xjentifiċi u teknoloġiċi, kif jitlob il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonaijiet Uniti;
e.
jintroduċu miżuri u arranġamenti speċifiċi għad-dispożizzjoni ta' servizzi ta' kwalità għolja u li wieħed jiflaħ iħallas għalihom, pereżempju ta' kura tat-tfal u tal-anzjani u persuni dipendenti oħra, inċentivi fiskali għall-intrapriżi jew kumpens ieħor li jgħinu lin-nisa u lill-irġiel impjegati f'negozji jibbilanċjaw l-impenji tal-familja u dawk tax-xogħol tagħhom;
f.
jiżviluppaw kapaċitajiet individwali tan-nisa fl-intrapriżi fejn jaħdmu, permezz ta' korsijiet speċifiċi ta' taħriġ ulterjuri u forom oħra ta' appoġġ professjonali, bħal akkumpanjament professjonali dedikat u netwerking sabiex jippreparawhom b'mod effettiv għall-kompiti ta' tmexxija fil-livelli kollha;
g.
jiżviluppaw taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni;
h.
jippromwovu impenji preċiżi u li jistgħu jitkejlu min-naħa tal-intrapriżi;
i.
jinkoraġġixxu “l-partijiet interessati kollha joħolqu inizjattivi li jbiddlu l-mod kif wieħed iħares lejn in-nisa fil-qasam tax-xogħol u kif in-nisa stess iħarsu lejhom infushom, biex ikun possibbli għal iktar nisa li jieħdu responsabilitajiet tat-tmexxija fil-lat operattiv tan-negozju, u mhux biss fil-lat funzjonali; hu tal-fehma li tali inizjattivi għandhom jimmiraw biex iħeġġu l-bniet u n-nisa żgħażagħ iqisu spektrum usa” ta' karrieri bl-appoġġ tal-għalliema, il-membri tal-familja u diversi mudelli ta' rwoli, u jippreżentaw b'mod pożittiv it-tmexxija femminili fil-midja Ewropea;
j.
jidentifikaw modi biex tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa minn gruppi partikolarment sottorappreżentati, bħan-nisa immigranti jew nisa minn minoranzi etniċi;
11. Jenfasizza l-problema tad-differenzi fis-salarji fi ħdan il-intrapriżi, u b'mod partikolari, differenzi bejn is-salarji ta' nisa f'karigi ta' tmexxija u s-salarji tal-kontropartijiet maskili tagħhom; Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu miżuri biex jitrattaw l-inugwaljanza fis-salarji li għadha teżisti teżisti li hi konnessa mal-isterjotipi tradizzjonali li jeffettwaw l-iżvilupp tal-karrieri u li huma parzjalment responsabbli għas-sottorappreżentanza tan-nisa fil-korpi ta' tmexxija tal-intrapriżi;
12. Iqis b'mod partikolari li l-intrarpiżi li huma mitluba jippreżentaw kontijiet dettaljati tad-dħul u tal-ħruġ għandhom jiġu mitluba jiksbu rappreżentanza bbilanċjata ta' nisa u rġiel fil-bordijiet tagħhom f'tul ta' żmien raġonevoli;
13. Iħeġġeġ lill-intrapriżi jadottaw u jimplimentaw kodiċijiet tal-governanza korporattiva bħala mod kif jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-bordijiet tal-intrapriżi, billi jutilizzaw il-pressjoni tal-pari biex jinfluwenzaw l-organizzazzjonijiet minn ġewwa u jimplimentaw ir-regola ta' “konformità jew spjegazzjoni” li tobbliga lill-intrapriżi jikkjarifikaw għalfejn ma jkun hemm mill-inqas mara waħda fuq il-bord;
14. Hu tal-fehma li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu inizjattivi mfassla biex jindirizzaw il-qsim aktar ġust tal-kura u tar-responsabilitajiet tal-familja mhux biss fi ħdan il-familja, iżda wkoll bejn il-familja u s-soċjetà, u jnaqqsu d-differenzi fis-salarji bejn in-nisa u l-irġiel għall-istess xogħol; iqis li għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi biex:
a.
jiġu indirizzati problemi fl-aċċess għal faċilitajiet ta' kura tat-tfal, li għandu jkun bi prezz li jintlaħaq, li jittieħed kont tiegħu u lokali,
b.
jiddaħħlu prattiki flessibbli ta' xogħol biex titjieb il-kapaċità organizzattiva u jiġi massimizzat il-kontribut tan-nisa; tali prattiki jeħtieġ li jgawdu l-appoġġ u l-kooperazzjoni tal-forza tal-ħidma kollha kemm hi; it-tmexxija tajba, għalhekk, hija meħtieġa sabiex jiġu sfidati attitudnijiet kulturali u prinċipji tradizzjonali tan-negozju tajjeb, u sabiex jintroduċu modi ta' ħsieb ġodda dwar ir-rwol tan-nisa u l-irġiel fis-soċjetà, ippjanar tal-forza tal-ħidma sostenibbli, il-kapital soċjali u r-responsabilità lejn il-komunità;
15. Iħeġġeġ lill-maniġers f'livelli għolja fil-korporazzjonijiet biex iqajmu l-kuxjenza tal-persunal fuq ix-xejriet tal-karrieri tal-irġiel u n-nisa u sabiex jinvolvu rwieħhom personalment fil-monitoraġġ tal-karrieri u fi programmi ta' appoġġ għan-nisa f'karigi għolja fil-intrapriżi tagħhom;
16. Jistieden lill-Kummissjoni:
a.
tippreżenta, malajr kemm jista' jkun, data attwali komprensiva dwar ir-rappreżentanza tan-nisa fit-tipi kollha ta' intrapriżi tal-UE u dwar il-miżuri obbligatorji u mhux obbligatorji meħuda mis-settur tan-negozju kif ukoll dawk il-miżuri adottati riċentement mill-Istati Membri sabiex ikabbru din ir-rappreżentanza,
b.
wara dan l-eżerċizzju, u jekk jinstab li l-passi meħuda mill-intrapriżi u mill-Istati Membri jkunu inadegwati, tipprevedi leġiżlazzjoni, li tkun tinkludi kwoti, sal-2012 biex tkabbar ir-rappreżentanza tan-nisa fil-korpi ta' tmexxija tal-intrapriżi sa 30% sal-2015 u sa 40% sal-2020, filwaqt li tqis ir-responsabilitajiet tal-Istati Membri kif ukoll il-partikolaritajiet ekonomiċi, strutturali (id-daqs tal-intrapriżi), ġuridiċi u reġjonali tagħhom;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan direzzjonali li jistabbilixxi miri speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u li jistgħu jintlaħqu biex tinkiseb rappreżentanza bbilanċjata fl-intrapriżi tad-daqsijiet kollha, u jistieden lill-Kummissjoni tħejji gwida speċifika għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi websajt iddedikata għall-prattika tajba f'dan il-qasam, għat-tixrid u l-iskambju tal-aħjar prattiki; jenfasizza l-importanza li tiġi stabbilita strateġija ta' komunikazzjoni sabiex il-pubbliku u s-sħab soċjali jkunu infurmati b'mod effettiv dwar is-sinifikat ta' tali miżuri; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex inedu kampanji ta' informazzjoni mmirati;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.