Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2242(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0228/2011

Testi mressqa :

A7-0228/2011

Dibattiti :

PV 06/07/2011 - 3
PV 06/07/2011 - 5
CRE 06/07/2011 - 3
CRE 06/07/2011 - 5

Votazzjonijiet :

PV 06/07/2011 - 6.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0331

Testi adottati
PDF 551kWORD 182k
L-Erbgħa, 6 ta' Lulju 2011 - Strasburgu
Il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu
P7_TA(2011)0331A7-0228/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2011 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet rigward il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu (2010/2242(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2009(1) dwar it-twaqqif, is-setgħat, l-għamla numerika u l-mandat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Kriżi Finanzjarja, Ekonomika u Soċjali (“il-Kumitat CRIS”), adottata skont l-Artikolu 184 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 li jtawwal il-mandat tal-Kumitat CRIS sal-31 ta' Lulju 2011(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport ta' nofs il-perjodu)(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar il-finanzjament innovattiv fil-livell globali u Ewropew(4),

–  wara li kkunsidra l-aġenda leġiżlattiva kurrenti tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari rigward il-bidla fit-Trattat, il-governanza ekonomika, l-Att dwar is-Suq Uniku u l-politiki dwar l-enerġija,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tiegħu wara l-proposti tal-Kumitat Speċjali dwar l-Isfidi tal-Politika u r-Riżorsi tal-Baġit għal UE Sostenibbli wara l-2013 (SURE) rigward il-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid,

–  wara li kkunsidra l-kontribuzzjonijiet mill-Parlamenti nazzjonali li ġejjin: il-Bundesrat tal-Awstrija, in-Nationalrat tal-Awstrija, is-Senat u l-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Belġju, l-Assemblea Nazzjonali tal-Bulgarija, is-Senat tar-Repubblika Ċeka, il-Kamra tad-Deputati tar-Repubblika Ċeka, il-Folketinget tad-Danimarka, l-Eduskunta tal-Finlandja, l-Assemblée Nationale ta' Franza, il-Bundestag tal-Ġermanja, il-Bundesrat tal-Ġermanja, il-Vouli Ton Ellinon tal-Greċja, l-Assemblea Nazzjonali tal-Ungerija, il-Kamra tad-Deputati tal-Italja, is-Senat tar-Repubblika tal-Italja, is-Saeima tal-Latvja, is-Seimas tal-Litwanja, il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Pajjiżi l-Baxxi, is-Sejm tal-Polonja, is-Senat tal-Polonja, l-Assemblea tar-Repubblika tal-Portugall, il-Kamra tad-Deputati tar-Rumanija, is-Senat tar-Rumanija, il-Kunsill Nazzjonali tas-Slovakkja, l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tas-Slovenja, ir-Riksdagen tal-Isvezja, u l-House of Lords u l-House of Commons tar-Renju Unit,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Speċjali għall-Kriżi Finanzjarja, Ekonomika u Soċjali (A7-0228/2011),

A.  billi l-ispejjeż soċjali tal-kriżi huma għoljin, bil-livell tal-impjiegi fl-UE jinżel b'1,8 %, bir-riżultat ta' 23 miljun persuna ekonomikament attiva qiegħda (9,6 % tat-total), rata ta' qgħad taż-żgħażagħ ta' 21 %, prospetti inċerti ta' titjib fl-irkupru tal-livelli tal-impjiegi u 17 % taċ-ċittadini tal-UE fir-riskju tal-faqar(5),

B.  billi l-irvellijiet popolari fin-naħa t'isfel tal-Baħar Mediterran u fil-Lvant Nofsani jistgħu jitqiesu bħala konsegwenza ta', inter alia, nuqqasijiet ekonomiċi u soċjali, inugwaljanzi u qgħad għoli li jaffettwaw partikolarment il-ġenerazzjoni ta' żgħażagħ mgħallma u billi dawn iservu biex ifakkruna fil-valur tad-demokrazija u jservu ta' prova li l-globalizzazzjoni titlob tweġibiet komprensivi rigward ir-rikonoxximent u l-osservanza tad-drittijiet u l-libertajiet bażiċi u t-tneħħija tal-inugwaljanzi bejn il-pajjiżi u bejn il-livelli differenti tas-soċjetà f'kull pajjiż,

C.  billi tliet snin wara l-kollass tal-Lehman Brothers, ittieħdu ċerti miżuri sabiex tiġi miġġielda l-kriżi finanzjarja; billi, madankollu, tenħtieġ aktar ħidma għall-ħolqien ta' settur finanzjarju sostenibbli li jkun kapaċi jlaħħaq ma' imġiba spekulattiva eċċessiva u li jiffinanzja l-ekonomija reali, preferibbilment permezz tal-finanzjament tal-ħtiġijiet ta' investiment għall-perjodu twil ta' żmien u għall-ħolqien tal-impjiegi; billi r-riforma tal-governanza ekonomika għadha ma indirizzatx biżżejjed il-kwistjoni tal-iżbilanċi fil-livelli globali u tal-UE,

D.  billi l-kriżi finanzjarja wasslet għal kriżi ekonomika u soċjali li flimkien ħolqu kriżi politika f'xi pajjiżi,

E.  billi, sal-2013, il-Kummissjoni Ewropea qed tipprevedi li t-tkabbir tal-produzzjoni huwa mistenni jonqos b'madwar 4,8 % tal-PGD f'termini annwali medji u, matul id-deċennju li ġej, mistenni jkun ħafna iktar baxx milli tul l-aħħar 20 sena(6),

F.  billi l-kriżi turi nuqqas ta' fiduċja, kunfidenza u viżjoni fi ħdan l-UE,

G.  billi l-bini ulterjuri ta' ekonomija soċjali tas-suq u l-valuri tagħha hu għan ewlieni tal-Unjoni Ewropea,

H.  billi n-numru ta' nies li jgħixu fi prosperità relattiva żdied, iżda fl-istess ħin kibru d-distakki ekonomiċi u soċjali,

I.  billi l-kriżi finanzjarja globali kellha impatt kbir fuq il-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) u b'mod partikolari l-għan li l-faqar dinji jitnaqqas bin-nofs sal-2015,

J.  billi mill-kriżi ħareġ ċar il-bżonn għal progress lejn il-ħolqien ta' governanza ekonomika ġenwina tal-Unjoni, li tikkonsisti f'għadd sistematiku ta' politiki intiżi sabiex jiżguraw it-tkabbir sostenibbli, impjiegi tajbin u stabbli, dixxiplina baġitarja, il-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, il-kompetittività u l-produttività fl-ekonomija tal-UE, u regolarizzazzjoni u sorvelanzja aktar stretti tas-swieq finanzjarji, kif ukoll mekkaniżmu adegwat sabiex tinsab soluzzjoni għall-kriżi finanzjarja,

K.   billi l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 bit-titolu “Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva”, iddikjara b'mod ċar li minkejja t-tfaddil realizzabbli, il-baġit tal-UE, fil-livell attwali globali tiegħu ta' 1 % tal-ING, mhuwiex kapaċi jnaqqas id-defiċit finanzjarju frott il-bżonnijiet ta' finanzjar addizzjonali li ġejjin mit-Trattat u minn prijoritajiet u impenji tal-politika eżistenti; billi l-Parlament Ewropew huwa għalhekk konvint li għall-MFF li jmiss hemm bżonn żieda fir-riżorsi ta' mill-inqas 5 % meta mqabbla mal-livell tal-2013;

L.   billi fl-istess riżoluzzjoni, il-Parlament Ewropew jinnota li l-limitu massimu tar-riżorsi proprji ma nbidilx sa mill-1993; jemmen li l-limitu massimu tar-riżorsi proprji jista' jeħtieġ xi aġġustament progressiv peress li Stati Membri jagħtu aktar kompetenzi lil, u jistabbilixxu aktar objettivi għall-Unjoni; jikkunsidra li filwaqt li l-limitu attwali tar-riżorsi proprji, li jiġi stabbilit unanimament mill-Kunsill, jipprovdi biżżejjed flessibilità baġitarja biex jilqa' l-aktar sfidi importanti tal-Unjoni iżda xorta ma jkunx biżżejjed sabiex il-Baġit tal-UE jsir għodda reali għall-governanza ekonomika Ewropea, jew biex jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-investiment fl-istrateġija tal-Ewropa 2020 fil-livell tal-UE;

M.  billi biex jiġi żgurat tkabbir sostenibbli fl-Unjoni u biex jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, jenħtieġ it-tqassim mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet ta' ħlasijiet mhux użati lejn programmi konġunti mmirati għat-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi, u t-tisħiħ tas-self mogħti mill-BEI u l-ħolqien ta' proġett ta' suq ta' bonds li jattira investituri pubbliċi u privati u li jista' jintuża għall-finanzjament ta' proġetti konġunti ta' interess għall-Unjoni kollha kemm hi (bonds għal proġetti speċifiċi),

I.Id-dejn sovran Ewropew u l-kriżi tal-euro, inkluż il-ħruġ reċiproku ta' dejn pubbliku u l-Eurobonds

1.  Ifakkar fit-triangolu ta' vulnerabilitajiet interkonnessi, fejn l-iżbilanċ fil-politika fiskali ta' xi Stati Membri amplifika d-defiċits pubbliċi ta' qabel il-kriżi u l-kriżi finanzjarja kkontribwiet b'mod sinifikanti biex tkompli tkabbar dan id-defiċit, b'segwitu ta' tensjonijiet fis-swieq tad-dejn sovran f'ċerti Stati Membri;

2.  Jenfasizza li wara l-klassifikazzjoni aktar baxxa tad-dejn sovran tal-Greċja, l-Irlanda, u l-Portugall mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kien hemm riperkussjonijiet fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro u bidla fil-portafolli li tirrifletti imġiba spekulattiva u beżgħana mir-riskju min-naħa tal-investituri u li, bħala konsegwenza ta' dan, il-finanzjament tas-suq b'rati sostenibbli ma baqax possibbli għall-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall, b'riżultat tal-għoti ta' għajnuna finanzjarja mill-programmi UE-FMI;

3.  Iqis li l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) għandha tiġi nkluża fil-programmi ta' assistenza finanzjarja tal-FMI;

4.  Ifakkar li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu kellhom rwol sinifikanti fit-tkattir tal-kriżi finanzjarja permezz tal-assenjazzjoni ta' klassifikazzjonijiet ħżiena għal strumenti finanzjarji strutturati, li kellhom jitniżżlu; jaqbel mal-prinċipji stabbiliti mill-Bord tal-Istabilità Finanzjarja f'Ottubru 2010 li jagħtu gwida ġenerali dwar kif titnaqqas id-dipendenza mill-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni, u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra kif dovut il-konsultazzjoni pubblika li ntemmet f'Jannar 2011;

5.  Jitlob li ssir verifika trasparenti tad-dejn pubbliku sabiex jiġi ddeterminat l-oriġini tiegħu u tiġi aċċertata l-identità tat-titulari prinċipali tat-titoli tad-dejn u l-ammonti involuti;

6.  Jinnota li l-approċċi bilaterali jew multilaterali mill-Istati Membri huma ta' theddida għall-integrazzjoni ekonomika, l-istabilità finanzjarja u l-kredibbiltà tal-euro u jilqa' l-prinċipju tas-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, li għandu l-għan li jegħleb l-iżbilanċi interni eċċessivi fi ħdan l-UE;

7.  Jenfasizza l-fatt li l-kriżi tad-dejn sovran żvelat ir-riskji tal-iżbilanċi intra-Ewropej; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tirreaġixxi bħala entità unika, biex tiżviluppa koordinament aktar mill-qrib ta' politika fiskali, u fejn xieraq, b'politika komuni b'baġit tal-UE suffiċjenti ffinanzjat parzjalment permezz ta' riżorsi proprji, u biex tistabbilixxi dispożizzjonijiet adegwati għall-ġestjoni tal-kriżijiet u għall-konverġenza ekonomika;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi rrazzjonalizzat l-infiq tal-Istati Membri permezz tal-baġit tal-UE b'mod partikolari f'oqsma li fihom l-UE għandha aktar valur miżjud mill-baġits nazzjonali;

9.  Jenfasizza li l-perspettivi ta' tkabbir tal-Istati Membri għandhom jiġu kkunsidrati bħala fattur kruċjali fid-definizzjoni tal-livell relattiv tar-rati ta' interessi marbuta ma' dak id-dejn sovran, b'mod partikolari, fir-rigward tal-għajnuna pprovduta mill-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u mill-2013 mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MSE);

10.  Jirrikonoxxi l-isforzi meħuda mill-Istati Membri b'ħafna dejn għat-twettiq tal-konsolidazzjoni tal-baġit u tar-riformi strutturali;

11.  Jenfasizza li l-banek matriċi li joriġinaw fl-Istati Membri taż-żona tal-euro wkoll huma responsabbli għall-prattiki irresponsabbli ta' self imwettqa mill-banek sussidjarji tagħhom fi Stati Membri oħra, li, pereżempju, ikkontribwixxew għal bżieżaq fil-qasam tad-djar fi Spanja, fl-Irlanda u l-Latvja, u li rriżultaw fid-diffikulatijiet baġitarji esperjenzati minn dawn l-Istati Membri attwalment; jinnota, għalhekk, li l-għotja ta' għajnuna finanzjarja lil dawn l-Istati Membri mdejna, jekk tkun neċessarja, isservi mhux biss l-interess partikolari tagħhom, iżda wkoll l-interessi ta' dawk l-Istati Membri fiż-żona tal-euro li l-banek parent tagħhom ma żviluppawx, qabel xejn, prattiki responsabbli ta' self fis-sussidjarji tagħhom;

12.  Jenfasizza li l-Istati Membri kollha għandhom importanza sistemika; jitlob pakkett ta' riforma komprensiv, soċjalment inklussiv u koesiv li jindirizza d-dgħjufijiet tas-sistema finanzjarja; jitlob l-iżvilupp tal-kunċett ta' Teżor Ewropew biex jissaħħaħ il-pilastru ekonomiku tal-UEM; jitlob, barra minn hekk, miżuri biex jingħeleb in-nuqqas attwali ta' kompetittività permezz ta' riformi strutturali xierqa li jindirizzaw l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-kawżi ewlenin tal-kriżi tad-dejn pubbliku, fejn meħtieġ; jinnota lil-Istati Membri jeħtieġu jmorru lura għal finanzi pubbliċi u rati ta' tkabbir sostenibbli, skont politiki sodi għal infiq pubbliku ta' kwalità u ġbir ta' taxxi ġust u effiċjenti;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq investigazzjoni dwar sistema futura tal-Eurobonds, sabiex tiddetermina l-kundizzjonijiet li jrendu sistema bħal din vantaġġuża għall-Istati Membri parteċipanti kollha u għaż-żona tal-euro kollha kemm hi; jirrimarka li l-Eurobonds joffru alternattiva vijabbli għas-suq tal-bonds tad-dollaru tal-Istati Uniti, u jistgħu jippromwovu l-integrazzjoni tas-suq Ewropew tad-dejn sovran, inaqqsu l-ispejjeż tas-self, iżidu l-likwidità, id-dixxiplina u l-konformità baġitarja mal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir (PST), jippromwovu riformi strutturali koordinati, u jwasslu għal swieq tal-kapital aktar stabbli, li jippromwovu l-idea tal-euro bħala “żona ta' rifuġju” globali; ifakkar li l-ħruġ komuni ta' Eurobonds jeħtieġ mixja ulterjuri lejn politika ekonomika u fiskali komuni;

14.  Jenfasizza, għalhekk, li jekk jinħarġu l-Eurobonds, il-ħruġ għandu jkun limitat għal proporzjon ta' dejn ta' 60 % tal-PGD skont responsabilità in solidum bħala dejn sovran prijoritarju u għandu jkun marbut mal-inċentivi għat-tnaqqis tad-dejn sovran sa dan il-livell; jissuġġerixxi li l-għan ewlieni tal-Eurobonds għandu jkun it-tnaqqis tad-dejn sovran u l-prevenzjoni tal-periklu morali u l-prevenzjoni ta' spekulazzjoni kontra l-euro; jinnota li l-aċċess għal dan it-tip ta' Eurobonds jeħtieġ ftehim dwar, u l-implimentazzjoni ta' programmi li jistgħu jitkejlu ta' tnaqqis ta' dejn;

15.  Jinnota li hemm qbil politiku dwar ir-rieżami tal-Artikolu 125 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) sabiex tinbidel is-sistema temporanja tal-EFSF f'Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità (MES) permanenti sal-2013; jitlob li l-MES ikun ikkonvertit f'Aġenzija Ewropea għad-Dejn aktar tard u li l-Parlament Ewropew ikollu rwol aktar konsistenti f'din l-emenda tat-Trattat;

16.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' responsabilità soċjali murija mill-professjonisti tal-industrija għas-servizzi finanzjarji li ma ċedewx parti mill-bonus tagħhom, għal mill-anqas sena waħda, għal proġett soċjali, bħat-tnaqqis tal-qgħad taż-żgħażagħ fl-Unjoni;

II.  Żbilanċi globali u governanza

17.  Ifakkar li kemm xi ekonomiji żviluppati u wkoll xi ekonomiji emerġenti, bħall-USA u ċ-Ċina jikkontribwixxu għall-iżbilanċi globali; jilqa' l-parteċipazzjoni attiva u l-integrazzjoni taċ-Ċina fis-sistema ta' governanza ekonomika globali;

18.  Jinnota li aktar min-nofs tal-ekonomija globali tinsab barra mill-UE, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ġappun, u żvilupp reċenti u bla preċedenti li jirrappreżenta bidla totali tas-sitwazzjoni li kienet tirrenja qabel;

19.  Jenfasizza li biex jerġa' jkollna bilanċ globali hemm bżonn ta' approċċ assimetriku: pajjiżi b'bilanċi favorevoli esterni kbar (eż. iċ-Ċina) jeħtieġ li jiddiversifikaw il-muturi tat-tkabbir u jagħtu spinta lid-domanda interna, billi l-pajjiżi bi żbilanċi kbar (eż. l-Istati Uniti tal-Amerika) jeħtieġ li jżidu t-tifdil domestiku u jlestu r-riformi strutturali;

20.  Jenfasizza li s-swieq finanzjarji għandhom iservu l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija reali;

21.  Jappoġġa l-G20 fl-isforzi tiegħu biex jirregola s-swieq tad-derivattivi tal-prodotti; jitlob lill-Kummissjoni tindirizza l-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq agrikoli, timplimenta l-miżuri ta' qafas kollha miftehma fil-livell tal-G20 u tiġġieled l-ispekulazzjoni eċċessiva u dannuża, b'mod partikolari permezz tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tas-swieq li jmiss tkun introdotta fl-UE, u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar Abbuż tas-Suq(7) u d-Direttiva dwar l-Istrumenti Finanzjarji tas-Swieq(8);

22.  Ifakkar fl-importanza tal-materja prima għall-Unjoni Ewropea, kif ukoll is-sigurtà tal-ikel u l-istabilità tal-prezzijiet madwar id-dinja, speċjalment għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pressjonijiet inflazzjonarji li l-iskarsità tal-ikel u l-instabilità tal-prezzijiet jikkawżaw globalment; jistieden, għalhekk lill-Unjoni Ewropea żżid l-isforzi tagħha biex tnaqqas id-dipendenza fuq il-materja prima billi tħaffef it-titjib tal-istandards ta' effiċjenza u ukoll billi ssaħħaħ il-produzzjoni u l-użu tal-materjali rinnovabbli; jinnota li sabiex tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel u l-istabilità tal-prezz tal-ikel, jeħtieġ li jiġu ġeneralizzati metodi sostenibbli ta' produzzjoni filwaqt li jiddaħħlu mill-ġdid mekkaniżmi għall-ġestjoni tal-provvista; għal dan il-għan, jitlob għal aktar trasparenza u reċiproċità kummerċjali; iwissi, barra minn hekk, kontra tendenzi protezzjonisti fil-qasam ta' materja prima strateġika;

23.  Jitlob li jkun regolat aħjar it-tpartit ta' inadempjenzi ta' kreditu;

24.  Jieħu nota tat-tendenza li jkunu investiti ammonti kbar mill-investiment privat fl-ekonomiji emerġenti, bi flussi ta' dħul ta' kważi USD triljun mistennija fl-2011(9); jitlob lill-FMI jiżviluppa qafas għall-prevenzjoni tal-formazzjoni ta' bżieżaq spekulattivi permezz tas-superviżjoni tal-flussi ta' kapital globali u jieħu miżuri adegwati għall-prevenzjoni ta' żviluppi dannużi; jirrikonoxxi li l-kontrolli tal-kapital mhumiex alternattiva valida għal politiki ekonomiċi adegwati u dawn għandhom jintużaw biss bħala l-aħħar rimedju; jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi jieħdu miżuri komuni kontra l-formazzjoni ta' dawn il-bżieżaq spekulattivi;

25.  Jinnota r-riskji possibbli, f'termini ta' kondizzjonijiet mhux ottimali għall-finanzjament fit-tul tal-ekonomija reali, u ta' konċentrazzjoni kontinwa tal-atturi fis-suq finanzjarju, inklużi l-istituzzjonijiet u l-iskambji finanzjarji; b'kunsiderazzjoni ta' dan kollu, jitlob lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku jsegwi mill-qrib l-iżvilupp ta' kull riskju sistemiku kaġun tal-konċentrazzjoni fis-swieq finanzjarji;

26.  Jenfasizza l-fatt li filwaqt li l-UE għandha kont kurrenti bbilanċjat u ma tikkontribwixxix għall-iżbilanċi globali, hi tista' tintlaqat b'mod qawwi mill-korrezzjoni diżordinata tal-iżbilanċi permezz tad-deprezzament tad-dollaru Amerikan; jinnota li l-UE għandha tikkoordina l-politiki tagħha dwar il-kummerċ u l-iżbilanċi tal-munita mill-qrib mal-Istati Uniti bil-ħsieb li jkun evitat id-deprezzament rapidu tad-dollaru; iħeġġeġ lill-Istati Uniti tal-Amerika, kif ukoll lil atturi globali ewlenin, biex jiżguraw li l-ġestjoni attwali tirrappreżenta sforz multilaterali li jinkludi l-valuti dinjin ewlenin; jilqa' l-fatt li tħabbru lindikaturi għall-iżbilanċi globali u jitlob li tali indikaturi jitqiesu bis-sħiħ fit-tfassil ta' politiki makroekonomiċi;

27.  Jenfasizza li l-UE teħtieġ tindirizza numru ta' sfidi sabiex ittejjeb ir-rwol tagħha bħala attur globali, b'mod partikolari n-nuqqas ta' kompetittività u konverġenza, stabilità finanzjarja insuffiċjenti, rati ta' impjieg intern u ta' tkabbir dgħajfa, żieda fl-iżbilanċi interni kaġun tal-espansjoni tas-suq intern u l-UME u n-nuqqas ta' piż politiku fil-livell internazzjonali, minħabba inter alia, in-nuqqas ta' koerenza tar-rappreżentazzjoni tagħha fis-swieq internazzjonali, li tista' titjieb bl-implimentazzjoni ta' miżuri li jiżguraw ir-rappreżentazzjoni internazzjonali komuni tal-euro, kif iddikjarat fit-Trattat;

28.  Ifakkar li l-UE għandha titkellem b'vuċi waħda, ikollu rappreżentant wieħed fuq il-bord tal-FMI fuq medda ta' żmien medja, b'mod partikolari għaż-żona tal-euro, u fejn xieraq, tirrappreżenta l-Istati Membri u tippromwovi globalment id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, kondizzjonijiet tax-xogħol u ta' għajxien deċenti, governanza tajba, l-iżvilupp sostenibbli, il-kummerċ ħieles u ġust u l-għanijiet klimatiċi f'konformità mal-aġenda interna tagħha, kif ukoll tiġġieled kontra l-korruzzjoni, il-frodi tat-taxxa, l-evażjoni fiskali u r-rifuġji fiskali;

29.  Iqis li l-Ewropa għandha timmira li tikseb ftehim kummerċjali globali bbilanċjat, ħieles u ġust sabiex jitnaqqsu l-kuntrasti bejn l-ekonomiji emerġenti u dawk żviluppati; jitlob it-tneħħija tal-ostakoli kummerċjali; iqis li n-nuqqas ta' ftehim kummerċjali globali hu żvantaġġ kbir, peress li l-ekonomiji emerġenti huma mblukkati minn dawk żviluppati fuq proġetti ta' esportazzjoni agrikola u dawk emerġenti qegħdin jimblukkaw servizzi minn ekonomiji avvanzati;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa tal-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-akkwist pubbliku, fuq bażi trasparenti u reċiproka;

31.  Jenfasizza l-importanza tal-ispirtu ta' reċiproċità u ta' benefiċji reċiproċi li jistgħu jinkisbu permezz tar-rabtiet tal-UE mas-sieħba strateġiċi ewlenin tagħha. iqis f'dan ir-rigward li l-UE għandha tikkunsidra jekk huwiex rakkomandabbli li tgħammar lilha nnifisha b'għodod li permezz tagħhom teżamina l-prattiċi ekonomiċi relatati mal-għajnuna mill-Istat ta' pajjiżi terzi u għall-verifika ta' kull imġiba li jista' jkollha l-għan li tittrasferixxi teknoloġiji fundamentali barra mit-territorju tal-UE;

32.  Jinnota li fil-preżent, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) jitlob l-ibbilanċjar konġunt tal-kontijiet fil-livell reġjonali biss; jitlob l-adozzjoni ta' regoli aktar ċari dwar il-kontabilità, li jeħtieġu li l-impriżi u l-fondazzjonijiet kollha jżommu l-kotba skont il-pajjiż u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni fiskali internazzjonali permezz ta' ftehimiet bejn l-awtoritajiet dwar l-iskambju tal-informazzjoni;

33.  Ifakkar fl-insistenza tiegħu dwar riforma wiesgħa tal-governanza ekonomika u finanzjarja globali, sabiex tkun promossa t-trasparenza u r-responsabbiltà u sabiex tkun żgurata l-koerenza bejn il-politiki tal-istituzzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali; jitlob li l-istituzzjonijiet Bretton Woods u korpi eżistenti oħra ta' governanza ekonomika, inkluż il-G20 jiġu integrati, bħala l-ewwel pass lejn struttura ta' governanza ekonomika globali, fis-sistema tan-NU, fejn ikunu jistgħu jipparteċipaw flimkien mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), mal-ILO u flimkien ma' organizzazzjoni dinjija għall-klima li għad trid tinħoloq;

34.  Jitlob lill-pajjiżi tal-G20 jadottaw minnufih miżuri ta' politika globali u koordinati li jikkontribwixxu għal tkabbir globali sostenibbli, b'saħħtu, stabbli u bilanċjat; jitlob il-parteċipazzjoni tal-parlamenti rispettivi għat-tkattir tal-leġittimità u r-responsabilità; jitlob, barra minn hekk, li ssir riforma tal-FMI u biex dan jingħata iktar riżorsi finanzjarji, sabiex tissaħħaħ it-trasparenza u r-responsabilità u biex dan issir aktar demokratiku, filwaqt li jissaħħaħ ir-rwol tiegħu fis-sorveljanza ekonomika u finanzjarja tal-membri tiegħu, bil-għan li tkun stabbilita xibka ta' sikurezza kredibbli għall-ġlieda kontra l-iżbilanċi globali;

35.  Jistieden l-introduzzjoni ta' arranġamenti ġodda għall-għajnuna finanzjarja, kif ġej:

   FMI riformat jista' jaġixxi ta' sellief tal-aħħar istanza u jista' jelimina l-ħtieġa tal-pajjiżi individwali li jakkumulaw riżervi ta' likwidità jekk jissaħħu l-kapaċità tiegħu li jipprovdi likwidità fil-perjodu qasir ta' żmien u x-xbieki globali ta' sigurtà finanzjarja;
   MDGs: il-kriżi attwali enfasizzat il-ħtieġa tal-ħolqien ta' inċentivi għas-swieq finanzjarji biex jippromwovu investiment fit-tul u żvilupp sostenibbli; ir-rwol finanzjarju tal-banek u organizzazzjonijiet ta' żvilupp multilaterali u bilaterali għandu jiġu aġġornat u mtejjeb b'reazzjoni għaż-żieda fit-talbiet ta' finanzjament minn pajjiżi li qiegħdin jiżviluppaw; id-dħul mit-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji jista' jintuża b'mod parzjali għall-finanzjament tal-kisbiet tal-MDGs u dawn ser ikunu meħtieġa biex jintlaħqu l-impenji għat-tibdil fil-klima; l-importanza li jinstabu strumenti ta' finanzjament tal-iżvilupp oħrajn għandha tkun esplorata b'mod kontinwu, speċjalment ir-ristrutturar tad-dejn u t-tħassir tad-dejn tal-ifqar pajjiżi u l-promozzjoni tal-flussi tar-rimessi; għandhom jerġgħu jiġu enfasizzati l-impenji previsti għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u għandhom ikunu esplorati sorsi innovattivi addizzjonali ta' finanzjament sabiex jitnaqqas id-distakk finanzjarju kaġun tal-ekonomiji li qed jiċkienu fid-dinja li qed tiżviluppa; l-Istati Membri għandhom jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jassenjaw 0,7 % tal-ING għall-għajnuna tal-iżvilupp immirata għall-finanzjament tal-kisbiet tal-MDGs;
   l-UE għandha tidentifika prijoritajiet politiċi u tiftiehem dwar il-finanzajament għal kooperazzjoni Ewro-Mediterranja aktar mill-qrib wara t-taqlib u l-iżviluppi assoċjati fil-pajjiżi sieħba tal-Mediterran tan-Nofsinhar; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-ħtieġa li l-bonds tal-proġetti Ewropej jiġu estiżi għall-proġetti Ewro-Mediterranji fl-oqsma tat-trasport u l-enerġija, l-aġenda diġitali, u l-edukazzjoni, biex jinħoloq valur miżjud għaż-żewġ naħat tal-Mediterran;

III.  L-argumenti favur sistema monetarju ġdid

36.  Ifakkar li l-ebda pajjiż jew blokk ta' pajjiżi ma jgawdi minn gwerra tal-valuti li tista' twassal biex jisfaw fix-xejn l-isforzi taċ-ċittadini tal-UE b'risposta għall-ħtieġa li jitnaqqas id-dejn sovran u jsiru riformi strutturali; jinnota li l-euro ppreveniet l-isplużjoni ta' kriżi tal-valuti tat-tip li storikament hi marbuta mal-kriżijiet finanzjarji; ifakkar li r-regoli tas-sistema tal-kummerċ multilaterali (WTO) ma jkoprux flussi ta' kapital u m'għandhomx kontroparti fil-forma ta' sistema monetarja multilaterali;

37.  Ifakkar fl-għan tal-G20 tal-Korea tal-bini ta' sistema monetarja internazzjonali (IMS) aktar stabbli u reżistenti jirrikonoxxi t-tħassib globali dwar il-funzjonament tal-IMS u jitlob li ssir qabża kbira “l quddiem urġentement; jitlob, għalhekk, li l-IMS tiġi riformata b'tali mod li tiġi żgurata l-kooperazzjoni makroekonomika sistematika u komprensiva bi tkabbir globali sostenibbli u bbilanċjat;

38.  Jenfasizza li l-IMS għandha tindirizza inter alia:

   ir-rati tal-kambju: l-ewwel pass għandu jkun li nimxu skont politiki li jippermettu r-rati tal-kambju jaġġustaw b'mod suffiċjenti għal elementi fundamentali makroekonomiċi;
   valuta ta' riserva: riformi fis-sistema ta' riserva internazzjonali se jkunu meħtieġa biex tkun evitata sitwazzjoni fejn ir-riservi jwasslu għal żbilanċi globali; ir-riserva internazzjonali attwali bbażata fuq id-dollaru tista' tkun sostitwita gradwalment minn sistema multilaterali bbażata fuq Drittijiet Speċjali ta' Prelevament (SDRs) li jirrappreżentaw pakkett wiesa' ta' valuti minn madwar id-dinja, b'mod partikolari r-renminbi Ċiniż u r-real Brażiljan;
   flussi ta' kapital; sistema multilaterali tar-regoli trid tkun adottata biex tiffavorixxi movimenti ta' kapital fuq perjodu twil ta' żmien, biex tiffaċilita flussi ta' ħruġ ta' kapital ordinarji u biex tevita effetti ta' xkiel fi swieq frammentati tat-titoli u biex tiżgura l-funzjonament trasparenti, miftuħ u bla xkiel tas-swieq tal-bonds tat-teżor filwaqt li jiġi evitat l-użu ħażin tagħhom bħala mezzi għall-promozzjoni ta' politiki merkantili jew ta' tifqir tal-ġirien;

39.  Jitlob, barra minn hekk, li ssir riflessjoni dwar il-possibbiltà - fuq perjodu ta' żmien twil - tal-ħolqien ta' valuta ta' riserva globali bbażata fuq l-iżvilupp u t-trasformazzjoni tal-SDRs u tal-FMI;

IV.  Iż-żieda fil-kompetittività u s-sostenibilità tal-UE, l-implimentazzjoni tal-istrateġija UE 2020 bit-trawwim tal-innovazzjoni u l-investiment fuq perjodu ta' żmien twil għall-impjiegi u t-tkabbir

Kompetittività, konverġenza u l-istrateġija UE 2020

40.  Jitlob li tingħata kunsiderazzjoni sħiħa u konsistenti għall-għanijiet tal-istrateġija UE 2020, u l-ħtieġa li jingħeleb kull żbilanċ intern tal-UE fid-definizzjoni tal-kontenut tas-Semestru Ewropew;

41.  Jenfasizza l-importanza ta' politiki tal-Unjoni ta' appoġġ reċiproku fit-twettiq tal-istrateġija tal-UE 2020 għal tkabbir u impjiegi intelliġenti, sostenibbli u inklussivi, msaħħa b'għodod differenti ta', inter alia, edukazzjoni li tħares “il quddiem, strateġiji ambjentali, tal-klima u l-enerġija li jħarsu ”l quddiem, l-effiċjenza tar-riżorsi, politika agrikola mġedda, il-politika ta' koeżjoni, l-istrateġiji ta' innovazzjoni u ta' Riċerka u Żvilupp, baġit tal-UE mġedded u baġit nazzjonali aktar allinjat b'appoġġ ta' dawn l-għanijiet komuni;

42.  Jenfasizza li l-element ta' sostenibilità tal-Istrateġija tal-Ewropa 2020 jeħtieġ jiġi allinjat fost l-oqsma ta' politika rilevanti kollha sabiex l-UE terġa' tieħu t-treġija dinjija; jenfasizza li biex l-Ewropa tibqa' kompetittiva fl-ekonomija globali għandha tmexxi t-trasformazzjoni, favur l-ambjent, lejn soċjetà b'riżorsi sostenibbli effiċjenti; jenfasizza li l-investimenti fuq skala kbira fl-infrastruttura favur l-ambjent huma mezz eċċellenti biex jistimulaw l-irkupru u l-promozzjoni tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq perjodu twil ta' żmien;

43.  Ifakkar li għadu ma kienx irrealizzat il-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku u tenħtieġ determinazzjoni politika u azzjoni deċiża għal-liberalizazzjoni tal-potenzjal sħiħ tiegħu għas-sostenibilità u t-tkabbir u l-impjiegi soċjalment inklussivi; jenfasizza l-bżonn ta' aktar żvilupp għas-settur tas-servizzi Ewropew u t-tisħiħ tal-kummerċ fis-servizzi;

44.  Jenfasizza li s-suċċess tal-istrateġija Ewropa 2020 tiddependi fuq l-impenn tal-UE kollha kemm hi u fuq is-sjieda tagħha mill-Istati Membri, il-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-sieħba soċjali; ifakkar fl-importanza ta' djalogu soċjali u negozjar kollettiv b'saħħithom fil-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020, kif ukoll tal-promozzjoni ta' djalogu soċjali Ewropew ġenwin dwar il-politiki u l-miżuri makroekonomiċi; jinnota li dawn il-miżuri għandhom jiġu segwiti sabiex jinkiseb kunsens dwar kif se nimxu “l quddiem;

45.  Jieħu nota tas-setgħat u r-responsabilitajiet dejjem akbar tal-awtoritajiet reġjonali u lokali; ifakkar li żewġ terzi tal-investiment pubbliku fl-Ewropa jinsab fil-livell sub-nazzjonali; jinnota li l-għażla tal-livell li fih isir u jitwettaq l-investiment pubbliku għandu impatt sinifikanti fuq l-effiċjenza tiegħu; jenfasizza għalhekk l-importanza li jiġi żgurat investiment pubbliku fl-iktar livell effiċjenti ta' governanza;

46.  Iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali u lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jaġixxu b'mod responsabbli fir-rigward tal-UE fit-teħid tad-deċiżjonijiet nazzjonali tagħhom u biex jinkludu d-dimensjoni tal-UE fid-diskussjonijiet nazzjonali tagħhom;

47.  Jenfasizza li l-konsolidazzjoni fiskali għandha tkun akkumpanjata minn miri għal żmien medju u twil bħal dawk identifikati mill-istrateġija Ewropa 2020, speċjalment rigward il-ħolqien tal-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, l-investiment fl-infrastruttura, l-effiċjenza tar-riżorsi, it-trasformazzjoni ekoloġika tal-ekonomija u ekonomija bbażata fuq l-għarfien, sabiex jiżdiedu l-kompetittività u l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali; jinnota li l-politiki nazzjonali u tal-UE differenti għandhom jipprovdu appoġġ koerenti għall-istrateġija u li d-dixxiplina tal-baġit, tista“, jekk tkun imposta mingħajr strateġija mhux definita tajjeb, timmina l-prospetti ta' tkabbir, tnaqqas il-kompetittività u tkun ta' ħsara serja għall-ekonomija fuq perjodu twil ta' żmien; ifakkar li ladarba l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni falla – l-istrateġija Ewropa 2020 għandha tinkludi miri vinkolanti mfassla mill-Kummissjoni għall-Istati Membri b'valuri massimi u minimi li għandhom jiġu applikati għal ċerti aspetti makroekonomiċi tal-ekonomiji tagħhom;

48.  Jitlob li ssir verifika stretta tal-Istati Membri kollha, li għandha titnieda mill-Kummissjoni b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Eurostat, sabiex ikun iddeterminat l-istatus finanzjarju reali tagħhom, biex b'hekk ikun iffaċilitat it-teħid ta' deċiżjonijiet ibbażati fuq il-fatti fir-rigward tal-Istrateġija Ewropa 2020 u ta' proġetti reġjonali u ta' koeżjoni; jitlob l-iskrutinju ta' kull programm ta' finanzjament fl-Unjoni Ewropea u tas-sussidji nazzjonali u reġjonali; jirrakkomanda l-intensifikar tal-proġetti u tal-programmi, li s-suċċess tagħhom hu essenzjali u wara dan il-qerda ta' sussidji u skemi ta' żvilupp ekonomiku ineffettivi;

49.  Jirrimarka li n-nisa, b'mod partikulari, huma f'riskju akbar li jesperjenzaw il-faqar; jinnota li tul il-kriżi l-faqar tat-tfal żdied f'numru ta' Stati Membri; jenfasizza li dan mhux aċċettabbli u li t-tendenzi negattivi għandhom jitreġġgħu lura; jitlob, għalhekk, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi f'netwerk b'saħħtu għall-qerda tal-faqar tat-tfal permezz ta' approċċi mmirati lejn it-tfal, b'miri speċifiċi għat-tfal u b'iffukar qawwi fuq id-drittijiet tat-tfal;

50.  Jinnota l-importanza ta' sistemi ta' għajnuna soċjali b'saħħithom li jaġixxu bħala stabilizzaturi ekonomiċi fi żminijiet ta' kriżi; jenfasizza, għalhekk, li filwaqt li jenħtieġ li l-finanzi pubbliċi jiġu kkonsolidati, jeżisti ukoll każ konvinċenti għas-salvagwardja tas-servizzi tas-settur pubbliku u għaż-żamma tal-livelli eżistenti ta' protezzjoni soċjali fejn xieraq; jitlob għall-adozzjoni ta' miżuri li huma mmirati għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fid-dħul, b'mod partikolari bl-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

51.  Jenfasizza li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku m'għandux inaqqas il-progress fil-politiki ta' rikonċiljazzjoni li jirrigwardaw il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u tad-dar, b'mod partikolari dawk li jiffaċilitaw l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol;

52.  Jinnota l-isfidi li jirriżultaw mill-kriżi, bi tnaqqis kbir fl-attività ekonomika, tnaqqis fir-rata tat-tkabbir ikkawżat minn żieda qawwija fil-qgħad strutturali u fit-tul, u tnaqqis fir-rati tal-investiment pubbliku u privat, kif ukoll żieda fil-kompetizzjoni minn ekonomiji emerġenti;

53.  Jirrikonoxxi li, biex jingħelbu l-iżbilanċi attwali ġewwa l-UE, l-approċċ “daqs wieħed tajjeb għal kulħadd” mhux se jkun biżżejjed u li, sabiex tkun effettiva, il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika jeħtieġ li tqis sew il-punti tat-tluq tal-ekonomiji nazzjonali tal-UE u tal-ispeċifitajiet tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa għal koordinament ekonomiku u progress fit-treġġiegħ lura ta' finanzi sodi;

54.  Jitlob kompatibilità akbar u komplementarjetà akbar bejn il-baġits nazzjonali u l-baġit tal-UE; huwa tal-fehma li l-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss għandu jiffoka fuq l-oqsma prijoritarji ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 u għandu jiżgura l-finanzjament adegwat tal-inizjattivi ewlenin fl-oqsma fejn l-UE għandha kompetenza kondiviża mal-Istati Membri, li jistgħu jipprovdu valur miżjud Ewropew qawwi;

55.  Jenfasizza li kemm il-politiki agrikoli u kemm dawk ta' koeżjoni għandu jkollhom rwol ewlieni fl-appoġġ tal-istrateġija tal-Ewropa 2020; hu konvint li għandha titkompla r-riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) fil-kuntest tal-indirizzar tal-isfidi globali; jemmen li l-premessa għas-suċċess tal-istrateġija Ewropa 2020 huwa l-iżgurar tal-koerenza bejn il-politiki tal-UE, inklużi aspetti differenti bħalma huma l-allinjament tal-baġits nazzjonali u tal-UE, inkluża l-PAK, u l-Fondi ta' Koeżjoni, pereżempju billi tkun garantita allokazzjoni ġusta tar-riżorsi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, skont prinċipji ċari maħsuba biex isaħħu l-konverġenza u jippromwovu l-kompetittività, filwaqt li ssir enfasi fuq dawk l-Istati Membri u reġjuni li jinsabu fl-akbar bżonn u fuq politiki dwar l-infiq fuq l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp;

56.  Ifakkar, barra minn hekk, li l-istrateġija Ewropa 2020 se tkun kredibbli biss jekk tkun appoġġjata minn riżorsi finanzjarji adegwati, u għalhekk huwa favur:

   l-adozzjoni ta' konklużjonijiet konsistenti fil-kuntest tal-qafas multiannwali finanzjarju li jmiss u fuq baġit tal-UE li jiffoka fuq politiki li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020;
   id-distribuzzjoni tal-fondi tal-UE fuq il-bażi tal-effikaċja ekonomika, soċjali u ambjentali tagħhom; fondi mhux meħuda mill-Istati Membri għandhom ikunu riallokati għall-investiment pubbliku fil-livell tal-UE għal proġetti konġunti jew programmi li jippromwovu t-tkabbir, il-kompetittività u l-impjieg bħall-investiment fl-infrastruttura, fl-edukazzjoni, fl-innovazzjoni, fir-riċerka u fl-iżvilupp;
   il-provviżjoni ta' assistenza teknika mmirata għat-titjib fit-teħid ta' fondi u għar-realizzazzjoni effettiva ta' proġetti ta' investiment;
   rwol aktar prominenti għall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fit-tisħiħ tar-rwol katalitiku u tal-funzjoni ta' lieva li għandhom il-fondi strutturali;
   l-iżvilupp ulterjuri u l-użu ottimali ta' strumenti ta' finanzjament innovattivi, li jinvolvu l-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), kif ukoll il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) (pereżempju t-taħlit ta' għotjiet u self, strumenti ta' kapital ta' riskju, forom ġodda ta' kondiviżjoni tar-riskju u garanziji);
   inċentivi biex it-tfaddil privat jitmexxa lejn investiment fit-tul permezz ta' inċentivi u mekkaniżmi adegwati;
   l-iżvilupp ta' finanzjament ta' investiment għat-tul li jinvolvi fondi kemm pubbliċi u kemm privati;
   l-introduzzjoni ta' bonds ta' proġetti sabiex jiġi sfruttat il-kapital privat biex ikunu ssodisfati l-bżonnijiet tal-isfidi infrastrutturali tal-Ewropa;
   azzjoni li tiżgura d-disponibilità ta' ammonti ferm akbar ta' kapital ta' riskju marbutin mal-investiment fit-tul;
   azzjoni biex tiżgura aċċess iktar faċli għall-fondi u anqas burokrazija, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), filwaqt li jiġu rispettati standards trasparenti stretti;

Politiki dwar l-enerġija u t-trasport u s-suq intern

57.  Iqis il-ħolqien ta' Komunità Ewropea tal-Enerġija bħala proġett politiku ewlieni għat-twettiq tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 għat-tkomplija tat-transizzjoni lejn enerġiji rinnovabbli bl-immassimizzar tal-effiċjenza tal-enerġija, iż-żieda tal-indipendenza enerġetika tal-UE u l-ħolqien ta' suq tal-enerġija interkonness b'mod reali; jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tiegħu;

58.  Jemmen li għandhom jissaħħu r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi produtturi taż-żejt u ta' gass naturali u l-pajjiżi konsumaturi, fuq kollox dawk tal-Ewropa, b'kunsiderazzjoni wkoll tal-iżviluppi reċenti fix-xenarju politiku fil-Mediterran; iqis li politika komuni għall-enerġija sostenibbli u l-kisba tal-ħtiġijiet ta' materja prima jeħtieġ jiġu implimentati bħala kwistjoni ta' urġenza, sabiex jiġu evitati effetti negattivi li jistgħu jdewmu l-irkupru u l-iżvilupp futur tal-ekonomija Ewropea;

59.  Jenfasizza r-rwol ewlieni li għandu l-allinjament tal-prinċipji tal-effiċjenza tar-riżorsi fil-politiki kollha tal-UE għall-iżgurar tal-kompetittività tal-UE, inkluż l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi ġodda innovattivi u ta' metodi ġodda għat-tnaqqis tad-dħul, l-imminimizzar tal-iskart, it-titjib tal-ġestjoni tal-istokkijiet tar-riżorsi, it-tibdil tal-modi ta' konsum, it-titjib tal-loġistika u l-iżgurar li l-proċessi ta' produzzjoni, u l-metodi ta' ġestjoni u negozju jiġu ottimizzati b'tali mod li jiżġuraw l-applikazzjoni ta' approċċ ċikliku fit-tfassil ta' prodotti u servizzi “mill-bidu sat-tmiem”;

60.  Ifakkar li l-aċċess għall-enerġija u l-materja prima, kif ukoll l-użu effiċjenti tagħhom, huma vitali biex tkun żgurata l-kompetittività ġenerali tal-UE; jenfasizza li sabiex l-UE tibqa' kompetittiva fuq medda ta' żmien twila, teħtieġ li tkun mexxejja dinjija fil-promozzjoni tal-iffrankar u tal-effiċjenza tal-enerġija, tar-riċerka ta' teknoloġiji ħodor ġodda u tal-investiment fihom, tad-diversifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-provvista tal-enerġija kif ukoll tal-iżvilupp u taż-żieda fl-użu ta' għejun ta' enerġija rinovabbli. ifakkar li t-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija u l-materja prima jikkontribwixxi għall-iżgurar tal-kompetittività tal-UE, filwaq li jgħin ukoll biex jinkiseb l-għan tal-inflazzjoni tal-UE;

61.  Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni mill-qrib lill-politika tat-trasport, b'mod partikolari għall-estensjoni tan-netwerks tat-trasport Ewropej, filwaqt li aċċess imtejjeb għal dawn in-netwerks għal reġjuni anqas iffavoriti, bl-għajnuna tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta' Koeżjoni, se jikkontribwixxi sostanzjalment għall-konsolidazzjoni tas-suq uniku; jenfasizza l-importanza li jkun hemm sistema tat-trasport interkonnessa u effiċjenti, li tiffaċilita l-moviment ħieles tan-nies, tal-prodotti u tas-servizzi u li tippromwovi t-tkabbir; jenfasizza l-importanza tan-netwerks tat-trasport Trans-Ewropej (TEN-T) fil-provviżjoni ta' valur miżjud Ewropew sostanzjali, peress li dawn jgħinu t-tneħħija ta' imblukkar, l-eliminazzjoni ta' ostakoli fiżiċi bħad-differenzi bejn il-qisien tal-linji tal-ferrovija, u l-iżgurar tal-infrastruttura transkonfinali;

62.  Iqis l-Att tas-Suq Uniku bħala inizjattiva politika ewlenija li ssejjes l-pedamenti tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 u tal-inizjattivi ewlenin immirati għall-isfruttament sħiħ tal-potenzjal ta' tkabbir tas-suq intern u t-twettiq tas-suq uniku, skont l-ispirtu tar-rapport Monti; jenfasizza li l-kriżi wriet biċ-ċar l-importanza li tissaħħaħ il-bażi industrijali tal-UE u l-potenzjal tal-innovazzjoni billi jiġu faċilitati l-aċċess għas-suq u l-mobilità u permezz tal-ġlieda kontra l-frammentazzjoni soċjali u territorjali fl-UE kollha;

Il-mobilità u l-immigrazzjoni

63.  Jenfasizza li kemm ir-rivoluzzjonijiet kbar fir-reġjuni tal-viċinat tagħna u kemm l-iżviluppi demografiċi ġewwa l-UE jindikaw il-ħtieġa ta' politika ta' migrazzjoni komuni; jenfasizza li għandu jitħeġġeġ aċċess akbar għas-swieq tax-xogħol u tal-mobilità bl-għoti ta' kondizzjonijiet u ta' drittijiet ta' impjieg u soċjali indaqs għal kulħadd, inkluż ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u tad-diplomi madwar l-UE, flimkien mat-trasferabilità tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali u l-portabilità tad-drittijiet għall-pensjoni sabiex jissaħħaħ is-suq uniku Ewropew;

64.  Iqis li l-Ftehim ta' Schengen għadu jirrappreżenta kisba eċċezzjonali għaċ-ċittadini kollha tal-UE u li dan għandu jiġi salvagwardjat; jitlob, f'dan ir-rigward it-tisħiħ ulterjuri tal-kooperazzjoni; jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar il-bidliet ipotetiċi għar-regoli ta' Schengen; jinsisti dwar il-ħtieġa li l-Parlament jiġi inkluż fil-proċess leġiżlattiv u jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri ma jitħallewx jieħdu deċiżjonijiet unilaterali f'dan il-qasam; ifakkar li l-adozzjoni tal-Ftehim ta' Schengen jirrappreżenta pass lejn integrazzjoni akbar tal-UE u li għandu jiġi ssalvagwardjat il-prinċipju tal-moviment ħieles għall-persuni;

65.  Jitlob għal politika tal-immigrazzjoni tal-UE komuni u jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni biex jinfetħu aktar modi legali biex wieħed ikun jista' jiġi jaħdem fl-UE; jenfasizza l-ħtieġa għal riforma tas-sistema tal-Blue Card attwali (billi din tiġi estiża biex tkopri numru ferm akbar ta' impjiegi u professjonijiet); jinnota li dawk li jħaddmu fl-UE qegħdin jiddependu dejjem aktar fuq persuni minn pajjiżi barra mill-UE biex jidħlu għal impjiegi f'setturi bħall-agrikoltura, l-ortikultura, it-turiżmu, il-kura tal-anzjani u l-infermerija, peress li anqas u anqas ċittadini tal-UE huma disponibbli biex jaħdmu f'dawn is-setturi; jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni dwar ħaddiema staġjonali, teħtieġ tipprovdi lil dawn il-ħaddiema, li ħafna drabi huma vulnerabbli u esposti, b'kundizzjonijiet aħjar u tistabbilixxi stat legali li jipproteġihom mill-isfruttament;

L-SMEs, l-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp

66.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinkoraġġixxi u tiffaċilita iktar finanzjament fil-forma ta' ishma azzjonarji għall-SMEs, permezz ta' kapital ta' riskju jew tar-reġistrazzjoni tal-ishma, aktar għajnuna mill-fondi strutturali u inqas dipendenza fuq id-dejn, speċjalment f'kumpaniji ta' teknoloġija avvanzata li jkunu għadhom kemm fetħu, li jkunu fi bżonn kbir ta' kapital għar-riċerka u l-iżvilupp; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ l-istrument ta' garanzija tal-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u biex jiġi ssemplifikat l-aċċess għall-fondi għall-SMEs; jinnota l-ħtieġa partikolari li jitħeġġu u jiġu appoġġjati l-intraprendituri nisa;

67.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-ekonomija soċjali (it-tielet settur) fl-Ewropa u s-sinifikat tiegħu fil-promozzjoni tal-innovazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa għall-Ewropa ta' politiki strateġiċi ġodda ta' akkwist pubbliku, ambjentali u effiċjenti fir-rigward tar-riżorsi, għall-appoġġ ta' settur tal-innovazzjoni kompetittiv u ugwali;

68.  Iħeġġeġ sabiex il-BEI u l-FMI jingħataw rwol ewlieni fil-livell Ewropew fil-ħelsien ta' fondi għall-SMEs bl-użu ta' proċeduri aktar effiċjenti u aktar ċari, biex b'hekk jaħdmu f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà u billi jiġi evitat l-istabbiliment ta' skemi paralleli għal strutturi diġà eżistenti fil-livell nazzjonali sabiex l-SMEs ikunu jistgħu jsibu l-punt ta' dħul abitwali tagħhom faċilment; jirrakkomanda li l-BEI/FEI għandhom jaġixxu ta' filtru, billi jiffokaw fuq is-setturi ta' prijorità skont l-istrateġija tal-UE 2020, għat-tisħiħ yal-ekonomija, l-impjiegi, is-sostenibilità ambjentali u l-effiċjenza tar-riżorsi, u bħala sors ta' pariri għal gruppi magħżula ta' SMEs, billi jieħdu sehem fid-diskussjonijiet mal-banek u t-timijiet ta' ġestjoni tar-riskju tagħhom bl-għan li jgħinu lill-SMEs jiksbu self fit-tul; jitlob li tintuża għalkollox il-kapaċità tal-BEI li jipprovdi finanzjament;

69.  Jistieden lill-Istati Membri jaċċelleraw il-proċess tagħhom ta' implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (2008) u fir-rieżami tiegħu, ippubblikat mill-Kummissjoni fit-23 ta' Frar 2011, sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament u tiġi appoġġjata l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs;

70.  Jenfasizza li l-ġenerazzjoni li jmiss ta' programmi ta' finanzjament tal-UE għandha tappoġġa sistematikament lill-SMEs li joħolqu l-impjiegi, kemm fis-suq intern u kemm globalment; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ffaċilitat il-ħolqien malajr ta' impriżi li jużaw teknoloġiji ġodda, li jittejjeb il-finanzjament tagħhom, jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u tiġi promossa l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom; hu tal-opinjoni li jkun tajjeb ħafna li jingħata rikonoxximent għar-rwol ewlieni mwettaq mis-sistema ta' banek kooperattivi industrijali u tal-imnut, li jiżguraw l-ottimizzazzjoni tal-istrateġija tal-assistenza u tal-għoti ta' appoġġ reali lis-settur tal-SMEs;

It-tassazzjoni

71.  Jenfasizza li kemm l-UEM u kemm is-suq intern jeħtieġu koordinazzjoni aktar b'saħħitha tal-politiki fiskali nazzjonali; jenfasizza li l-kwalità tat-tassazzjoni għandha tittejjeb biex jingħataw l-inċentivi tajbin għall-impjieg, l-innovazzjoni u l-investiment fit-tul; jitlob lill-Kummissjoni tanalizza, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, ir-reżiljenza fiskali tas-sistemi fiskali tal-Istati Membri, biex ir-riformi fiskali tagħhom ikunu reżistenti għaċ-ċaqliq ekonomiku u ma jkunux jiddependu bla ħtieġa fuq bażijiet fiskali li jkunu ċikliċi ħafna jew li jkun magħruf li jkunu predisposti għall-bżieżaq;

72.  Jappoġġa l-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tittratta l-kompetizzjoni fiskali dannuża, l-evitar jew il-frodi tat-taxxa u r-rifuġji fiskali kemm fl-UE u kemm fil-livell internazzjonali, biex ittejjeb is-sistemi ta' ġbir tat-taxxa u tintroduċi bażi fiskali korporattiva kkonsolidata komuni bi skali indikattivi tat-taxxa, kif ukoll sistema ta' tassazzjoni speċifika u simplifikata għall-SMEs; jilqa' l-istrateġija tal-VAT li għandha tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni bil-ħsieb li tinstab sistema li ma tistax issirilha frodi;

73.  Jinnota li l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali, kif ukoll it-titjib tal-ġbir tat-taxxa, anke fir-rigward ta' pajjiżi terzi, jeħtieġ li jkunu aspett essenzjali tal-isforzi attwali tal-Istati Membri bl-għan tal-konsolidament baġitarju;

74.  Jemmen li mossa bħal din hija essenzjali fil-kuntest attwali, fejn l-Istati Membri għandhom bżonn jikkonsolidaw il-baġits tagħhom; jinnota li l-kompetizzjoni fiskali hija aċċettabbli sakemm din ma tipperikolax il-kapaċità tal-Istati Membri li jiġbru l-introjtu li ġustament jistgħu jippretendu u jfakkar li għandhom jinstabu soluzzjonijiet li jimmimizzaw il-kompetizzjoni fiskali ta' ħsara;

75.  Jemmen li d-distribuzzjoni tal-fondi tal-UE għandha tqis l-istrateġija fiskali tal-Istati Membri u r-rieda tagħhom li jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u fil-promozzjoni ta' kooperazzjoni fiskali akbar;

76.  Jirrikonoxxi n-nuqqas ta' definizzjoni komuni ta' rifuġji fiskali; jitlob tal-anqas definizzjoni uniku Ewropea komuni, sakemm jintlaħaq il-ftehim dwar definizzjoni fil-livell globali;

77.   jistieden lill-Istati Membri, b'kunsiderazzjoni tan-natura fundamentali tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u bil-għan ta' rkupru finanzjarju reali, u biex jinkludu fil-kodiċi penali tagħhom il-premessa li t-twettiq ta' proġetti permezz ta' korruzzjoni, tixħim u l-użu ta' strumenti oħrajn maħsuba biex jinkisbu vantaġġi illeġittimi, twassal għat-tħassir tal-ħlas, jew jekk il-ħlas ikun twettaq, ir-rimborż tad-doppju tal-ammont imħallas;

L-impjiegi

78.  Jenfasizza li impjiegi ġodda u impjiegi aħjar huma prekundizzjoni għall-kisba ta' strateġija ta' tkabbir ġusta, ekoloġika u intelliġenti, u għalhekk jitlob:

   li jinħolqu impjiegi ġodda fis-setturi bbażati fuq l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, bħas-setturi tal-enerġija u l-ambjent, b'tali mod li jiġi żgurat approċċ ibbilanċjat bejn is-sessi;
   miżuri li jtejbu l-effikaċja ta' appoġġ eżistenti tal-UE għall-ħolqien dirett tal-impjiegi disponibbli għall-Istati Membri permezz tal-Fond Soċjali Ewropew;
   azzjonijiet li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol (b'mod partikolari permezz ta' żieda konsistenti fis-servizzi tal-kura tat-tfal għall-but ta' kulħadd), ħaddiema aktar anzjani (mingħajr ma jiġu effettwati l-irtirar u d-drittijiet soċjali tagħhom) u l-immigranti regolari, u li jnaqqsu l-qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ;
   miżuri li jtejbu l-kwalità tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali, u l-promozzjoni effikaċi tat-tagħlim tul il-ħajja u l-intraprenditorija bl-għan li tissaħħaħ l-impjegabbiltà tal-ħaddiema u li jiġi żviluppat kapital uman kompetittiv;
   l-iżvilupp ta' opportunitajiet ta' impjieg u programmi ta' inklużjoni soċjali għall-gruppi l-aktar vulnerabbli bħar-Roma u l-persuni b'diżabilità;
   impjiegi sostenibbli u ta' kwalità għolja li jipproduċu dħul deċenti f'żoni agrikoli u rurali;
   azzjoni kontra x-xogħol mhux iddikjarat;

79.  Jinnota li l-biċċa l-kbira tal-qgħad fl-Istati Membri li fihom attwalment qed jiġu implimentati miżuri ta' awsterità fiskali, hija kkawżata mit-tnaqqis fl-attività ekonomika ġenerali, b'żieda allarmanti tar-rata tal-qgħad fuq perjodu twil; jinnota li l-qgħad fuq perjodu twil ta' żmien jeħtieġ li jiġi ttrattat urġentement billi jista' jkun ta' ħsara kbira ferm għat-tkabbir fuq perjodu twil ta' żmien fil-pajjiżi rispettivi u konsegwentement jista' jnaqqas il-kompetittività tal-Unjoni kollha;

80.  Jinnota li b'riżultat tal-kriżi attwali, is-suq tax-xogħol tal-UE jista' jibqa' frammentat fuq perjodu twil ta' żmien, minn naħa waħda, b'konċentrazzjoni ta' xogħol ta' kwalità għolja fl-Istati Membri b'kontijiet kurrenti bilanċjati, u, min-naħa l-oħra, b'rati għoljin ta' qgħad u b'nuqqas ta' provvista ta' xogħol kompetittiv f'dawk l-Istati Membri li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi u li għandhom l-aktar dejn;

81.  Jemmen li għad hemm ħtieġa li tkun inidirizzata l-kwistjoni ta' governanza korporattiva fir-rigward ta' inċentivi għall-ġestjoni tal-investiment fit-tul u l-ħolqien tal-impjiegi; jissuġġerixxi li għandu jinħareġ rapport annwali li jevalwa r-responsabilità soċjali u ambjentali korporattiva għall-kumpaniji b'aktar minn 250 impjegat u b'fatturat ta' aktar minn EUR 50 miljun;

Strateġija għall-edukazzjoni

82.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni vokazzjonali, universitarja, fit-tfulija kif ukoll tal-adulti għall-innovazzjoni u t-tkabbir u jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni adegwata tal-flessigurtà; jenfasizza l-ħtieġa li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jiġu adattati sabiex in-nies jingħataw l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex ikunu żgurati livelli ogħla ta' impjiegi, produttività, tkabbir u kompetittività;

83.  Jipproponi l-istabbiliment ta' programm ta' tiroċinju tal-UE analogu għall-programm Erasmus, b'involviment sħiħ tas-settur privat; huwa tal-fehma li tali programm għandu jinvolvi gruppi ta' universitajiet, universitajiet tax-xjenzi applikati, istituzzjonijiet għat-taħriġ professjonali, industriji, swieq finanzjarji u SMEs u kumpaniji kbar u għandu jagħti liċ-ċittadini, inklużi gruppi vulnerabbli, aċċess għat-taħriġ, b'mod partikolari fil-ħiliet trasferibbli fl-ekonomija bbażata fuq l-għarfien sabiex jiġi promoss it-tagħlim tul il-ħajja;

84.  Jappoġġa bil-qawwa ż-żieda fil-kwalità tal-edukazzjoni ogħla fl-Ewropa inter alia billi jitnaqqsu aktar l-ostakoli għall-mobilità tal-istudenti, jitjiebu r-rabtiet bejn id-dinja akkademika u dik tan-negozju u titrawwem mentalità aktar intraprenditorjali fis-soċjetà; jipproponi l-introduzzjoni ta' borża ta' studju Ewropea għall-innovazzjoni li għandha tikkontribwixxi għat-trawwim tal-għarfien u tal-ħiliet impjegati f'setturi innovattivi, filwaqt li jkun permess l-istabbiliment ta' netwerks u kooperazzjoni fl-UE; jemmen li tali borża ta' studju għandha tindirizza liż-żgħażagħ fi programmi edukattivi vokazzjonali, stabbiliti u implimentati speċifikament f'kull wieħed mill-Istati Membri;

85.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet, fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali, biex is-settur privat u pubbliku jżidu l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp; jinnota li l-finanzjament tal-universitajiet iseħħ primarjament permezz tal-baġits nazzjonali, li diġà huma taħt pressjoni ta' konsolidament; konsegwentement, iħeġġeġ lill-Istati Membru jiżguraw li s-sistemi rispettivi tagħhom ta' finanzjament għall-universitajiet jitfasslu b'tali mod li jiżguraw il-kapaċità tal-Ewropa għall-iżvilupp teknoloġiku, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi;

86.  Iqis li biex l-Istati Membri jitħeġġu jinvestu aktar fil-qasam edukattiv, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-infiq pubbliku għall-edukazzjoni, ir-riċerka u t-taħriġ vokazzjonali meta jiġi evalwat l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta' żmien tal-Istati Membri;

87.  Jappoġġa l-appell mill-Assoċjazzjoni Universitarja Ewropea (EUA) għal żieda fl-investiment pubbliku fl-edukazzjoni ogħla għal 3 % tal-PGD; jemmen li din il-mira teħtieġ evalwazzjoni kwalitattiva ta' tali nefqa fl-evalwazzjoni tal-SGP;

88.  Jitlob li jsir titjib fl-edukazzjoni għall-impjiegi li ma jeħtieġux studji universitarji permezz tal-iżvilupp tal-apprentistat;

V.  Naħsbu f'impostazzjoni ġdida għall-UE: lil hinn mill-governanza ekonomika Ewropea

89.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea tinsab f'salib it-toroq: jew l-Istati Membri jiddeċiedu li jingħaqdu mal-isforzi għall-approfondiment tal-integrazzjoni jew, minħabba l-istaġnar fil-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet u d-diverġenzi fil-livell ekonomiku, l-UE tista' tinfired;

90.  Iwissi dwar ir-riskji tal-irtirar f'sistema ekonomika frammentata li tkun vulnerabbli għall-protezzjoniżmu u għall-populiżmu;

91.  Jistieden unjoni politika aktar demokratika fejn l-istituzzjonijiet tal-UE jingħataw rwol aktar b'saħħtu kemm fit-tfassil u kemm fl-implimentazzjoni ta' politiki komuni; jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-leġittimità u l-kontroll demokratiċi tal-Unjoni;

92.  Jenfasizza l-importanza tar-rispett tal-prinċipji li jsejsu l-proġett Ewropew, b'mod partikolari, l-ugwaljanza tal-Istati Membri, is-solidarjetà, il-koeżjoni u l-kooperazzjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa tal-adeżjoni ma' dawn il-prinċipji billi jiġu indirizzati b'mod effikaċi l-iżbilanċi interni u jsir progress lejn konverġenza sostanzjali permez tal-koordinament bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro u dawk li mhumiex membri taż-żona tal-euro;

93.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' Kummissjoni Ewropea aktar b'saħħitha, li tkun aktar responsabbli fir-rigward tal-Parlament u li jwettaq rwol ewlieni bħala l-vuċi ewlenija taċ-ċittadini, speċjalment meta tipprovdi forum għal dibattiti pubbliċi transkonfinali, b'kunsiderazzjoni tar-riperkussjonijiet tad-deċiżjonijiet nazzjonali f'oqsma bħall-ekonomija u l-governanza soċjali;

94.  Jenfasizza li l-governanza ekonomika, bil-politiki ekonomiċi, fiskali u soċjali konverġenti, trid tiġi organizzata bl-użu tal-metodu Komunitarju u mmexxija mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni bil-parlamenti nazzjonali li jkunu għal kollox involuti;

95.  Iqis li l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) u t-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej hija l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba iżda jemmen li hu meħtieġ progress akbar sabiex, b'mod partikolari, tkun żgurata sorveljanza diretta fil-livell ta' UE ta' istituzzjonijiet sistemiċi bħall-entitajiet b'effett qawwi ta' lieva u bl-infurzar ta' ġabra unika ta' regoli; jenfasizza l-ħtieġa li l-aġenziji l-ġodda jkunu pprovduti bir-riżorsi umani u finanzjarji proporzjonati mar-responsabilitajiet dejjem jikbru tagħhom;

96.  Jemmen li, flimkien mas-sorveljanza bl-għan li tiżgura l-istabbiltà finanzjarja, hemm ħtieġa għal mekkaniżmi ta' sorveljanza u ta' prevenzjoni ta' bżieżaq potenzjali u għall-allokazzjoni ottimali tal-kapital fid-dawl tal-isfidi u l-objettivi makroekonomiċi u ukoll il-ħtieġa għal investiment fl-ekonomija reali; iqis, b'żieda ma' dan, li l-politika fiskali teħtieġ tintuża bħala għodda għal dan il-għan;

97.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti addizzjonali għar-regolament ta' strutturi tas-suq finanzjarju li d-daqs tagħhom jista' jkun ta' theddida għall-kapaċità tar-regolaturi li jirreżistu t-talbiet tagħhom, u għas-superviżuri li jagħmlu superviżjoni ġenerali tal-attivitajiet tagħhom u speċjalment dwar is-sistema bankarja parallela u dwar il-livell ta' lieva tal-banek; jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra possibilitajiet regolatorji bħal-limitu u d-disinċentivar tad-daqs kif ukoll tal-mudelli kummerċjali;

98.  Jenfasizza li biex tingħeleb il-kriżi tad-dejn pubbliku u jiżdiedu l-kompetittività, il-konverġenza u s-solidarjetà tal-UE tenħtieġ orjentazzjoni tal-kompetenzi u l-infiq lejn l-Unjoni , fejn il-piż fuq il-baġits nazzjonali jonqos konsiderevolment, u jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu sinerġiji sinifikanti bejn il-baġits nazzjonali u l-baġit tal-UE, li jkunu jippermettu użu u allokazzjoni ottimali ta' riżorsi fiskali eżistenti fuq il-livelli kollha, waqt li jkun irrispettat il-prinċipju tas-subsidarjetà sabiex ikunu appoġġati r-reġjuni b'saħħithom u l-istati;

99.  Jikkonkludi, li sabiex tintlaħaq unjoni politika u integrazzjoni ekonomika proporzjonali mal-unjoni monetarja, f'konformità mal-prijoritajiet miftiehma mill-Kunsill Ewropew, l-UE teħtieġ baġit li jkun kbir biżżejjed sabiex jakkomoda l-euro b'mod sostenibbli, filwaqt li jipprovdi l-munita bi spazju baġitarju rilevanti fil-livell tal-organizzazzjoni politika li tinħareġ minnu;

100.  Ifakkar li l-istudji li jippreċedu r-realizzazzjoni tal-unjoni monetarja – l-aktar ir-rapport McDougall, li analizza l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan Werner – affermaw li l-volum ta' baġit simili jkollu jkun ta' bejn 2.5 u 10 fil-mija tal-ING, suġġett għal jekk u liema funzjonijiet ta' riallokazzjoni jiġu assunti mill-baġit tal-Unjoni, li l-baġit ikun hemm bżonn li jkun iffinanzjat fuq il-bażi ta' riżorsi proprji, u li għandu jintuża biex jiffinanzja politiki u miżuri fl-oqsma tal-politika ta' barra, tas-sigurtà u tad-difiża, is-setturi tal-enerġija u t-trasport, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u r-R&Ż, u li l-baġits nazzjonali jitnaqqsu b'mod korrispondenti sabiex tinkiseb in-newtralità fiskali għaċ-ċittadini u għan-negozji;

101.  Jenfasizza l-bżonn li jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-politiki ekonomiċi u soċjali, inkluż permezz tat-tisħiħ u tal-istituzzjonalizzazzjoni tad-djalogu makroekonomiku soċjali;

102.  Ifakkar li l-Unjoni Ewropea tnissel il-leġittimità tagħha mill-valuri demokratiċi li tipproġetta, l-għanijiet li ssegwi u l-poteri, l-istrumenti u l-istituzzjonijiet li tipposjedi; hu tal-fehma li l-approfondiment tal-integrazzjoni ekonomika hu meħtieġ biex jiżgura l-istabilità taż-żona tal-euro u tal-Unjoni kollha kemm hi, u li dan jeħtieġ aktar żviluppi rigward ir-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro, maġġoranza kwalifikata ta' votazzjoni fuq bażi tat-taxxa korporattiva, miżuri għall-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-evitar tat-taxxa, il-ħruġ reċiproku ta' dejn sovran u ta' Eurobonds li jistimulaw id-dixxiplina fiskali, il-kapaċità ta' self tal-UE, bilanċ aħjar bejn il-politiki ekonomiċi u soċjali, riżorsi proprji għall-baġit tal-UE u r-rwoli tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew;

103.  Jemmen li d-deċiżjonijiet politiċi dwar il-governanza ekonomika m'għandhomx ipoġġu fil-periklu l-impenji maqbula fil-livell tal-UE li jirriflettu l-miri u l-interessi tal-Istati Membri kollha u tali deċiżjonijiet għandu jkollhom għeruqhom fit-Trattat u għandhom ikunu segwiti bl-involviment istituzzjonali sħiħ u l-iskrutinju tal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew;

104.  Jitlob strateġija komprensiva għar-rispons għall-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni, b'governanza ekonomika rinfurzata bħala l-bażi fundamentali tar-rispons tal-UE; jitlob ukoll iż-żamma tar-rieda li titkompla l-konsolidazzjoni fiskali, it-tkabbir sostenibbli, it-tisħiħ tar-riformi strutturali u r-reviżjoni totali tas-settur bankarju; jieħu nota tal-patt Euro Plus propost mill-Kunsill bħala element wieħed tal-pakkett ta' governanza ekonomika nnegozjat bejn il-Parlament u l-Kunsill;

105.  Jitlob li t-Trattat Euratom ikun ittrasformat f'Komunità Ewropea għall-Enerġija ;

106.  Iqis li, flimkien mal-bidliet fit-trattat għall-mekkaniżmu tal-istabilità, dawn il-kwistjonijiet interkonnessi għandhom jiġu ttrattati fil-qafas ta' Konvenzjoni, li għandha titlaqqa' skont l-Artikolu 48(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

107.  Jemmen li, jekk ma jkunux ittrattati, se jkun neċessarju li jsir rikors għall-kooperazzjoni msaħħa skont l-Artikolu 329 tat-TFUE, sabiex iż-żona tal-euro tkun tista' tiffunzjona b'mod demokratiku u effiċjenti;

108.  Ifakkar li rispons Ewropew għall-kriżi għandu jissejjes fuq l-approfondiment tal-integrazzjoni Ewropea, it-tkomplija tal-metodu komunitarju, il-konsolidazzjoni tad-djalogu interparlamentari, il-promozzjoni tad-djalogu soċjali, it-tisħiħ tal-istat assistenzjali l-appoġġ tal-inklużjoni soċjali, il-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli, u bil-bini ulterjuri tal-ekonomija tas-suq soċjali u tal-valuri tagħha, bħala mira essenzjali tal-Unjoni Ewropea, sabiex iċ-ċittadini kollha jingħaqdu kollha madwar proġett Ewropew imsejjes fuq il-valuri mnaqqxa fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

o
o   o

109.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Eurogroup, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Bank Ewropew tal-Investiment, lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lis-sħab soċjali.

(1) ĠU C 230 E, 26.8.2010, p. 11.
(2) ĠU C 257 E, 24.9.2010, p. 211.
(3) Testi adottati, P7_TA(2010)0376.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0080.
(5) Eurostat, Statistics in focus, 9/2010, Population and social conditions http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_OFFPUB/KS-SF-10-009/EN/KS-SF-10-009-EN.PDFu l-Kummissjoni Ewropea, Employment in Europe 2010 (http://ec.europa.eu/employment_social/eie/executive_summarys_en.html#top).
(6) Kummissjoni Ewropea, Impact of the current Economic and Financial crisis on potential output, Occasional Papers 49, Ġunju 2009, Tabella V, Paġna 33 (http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/publication15479_en.pdf).
(7) Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16).
(8) Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fi strumenti finanzjarji (ĠU L 145, tat-30.4.2004, p. 1).
(9) IMF Staff Position Noteposition, 19 February 2010, SPN/10/04, Capital Inflows: The Role of Controls.

Avviż legali - Politika tal-privatezza