Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2753(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0392/2011

Dibattiti :

PV 06/07/2011 - 17
CRE 06/07/2011 - 17

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2011 - 7.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0336

Testi adottati
PDF 296kWORD 57k
Il-Ħamis, 7 ta' Lulju 2011 - Strasburgu
Bidliet fis-sistema Schengen
P7_TA(2011)0336RC-B7-0392/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2011 dwar il-bidliet fil-Ftehim ta' Schengen

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-TUE u l-Artikoli 18, 20, 21, 67, 77 u 80 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tad-19 ta' Ġunju 1990,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)(2),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' evalwazzjoni biex jissorvelja l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen (COM(2010)0624),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' rapport dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' evalwazzjoni biex jissorvelja l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen (PE460.834),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu b'mod ħieles fit-territorju tal-Istati Membri(3),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta' Mejju 2011dwar il-migrazzjoni (COM(2011)0248),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Barranin tad-9 ta' Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropea tal-24 ta' Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ħolqien taż-żona ta' Schengen u l-integrazzjoni tal-acquis ta' Schengen fil-qafas tal-UE huma wħud mill-ikbar kisbiet tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea, immarkat mit-tneħħija tal-kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni u minn libertà tal-moviment bla preċedent għal popolazzjoni ta' iktar minn 400 miljun persuna f'żona ta' 4 312 099 km2,

B.  billi l-libertà tal-moviment saret waħda mill-pilastri taċ-ċittadinanza tal-UE u waħda mill-pedamenti tal-UE bħala żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, li tinkludi d-dritt ta' moviment u għejxien liberu għaċ-ċittadini fl-Istati Membri kollha filwaqt li jgawdu l-istess drittijiet, protezzjonijiet u garanziji, li jinkludu l-projbizzjoni tal-forom kollha ta' diskriminazzjoni fuq il-bażi taċ-ċittadinanza,

C.  billi skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u l-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, il-libertà tal-moviment fl-UE tista“, skont kundizzjonijiet speċifiċi, tiġi estiża anke għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti legali fl-UE,

L-avvenimenti riċenti

D.  billi, speċjalment fl-aħħar sena, kien hemm spostament kbir ta' nies minn bosta pajjiżi fl-Afrika ta' Fuq; billi dan l-aħħar is-sistema ta' Schegen kienet taħt pressjoni tant li xi Stati Membri bdew iqisu r-riintroduzzjoni ta' kontrolli fil-fruntieri nazzjonali minħabba li qed jiffaċċaw flussi migratorji f'daqqa ta' immigranti,

E.  billi fl-4 ta' Mejju 2011 il-Kummissjoni ppreżentat diversi inizjattivi għal approċċ aktar strutturat dwar il-migrazzjoni, li jqis b'mod partikolari l-iżviluppi riċenti fir-reġjun tal-Mediterran u li jinkludi proposta dwar Schengen; billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta' Ġunju 2011 jitolbu l-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar “mekkaniżmu ta' protezzjoni” sabiex jirrispondi għal “ċirkustanzi eċċezzjonali” li jistgħu jqiegħdu l-kooperazzjoni ta' Schengen f'riskju,

Il-kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u l-politika ta' migrazzjoni

F.  billi r-regoli ta' Schengen li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera ġew definiti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, li l-Artikoli 23 u 26 tiegħu jistabbilixxu miżuri u proċeduri għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontroll fil-frunteri interni li, madankollu, peress li hu ta' natura unilaterali, ma jagħmilhiex possibbli li l-interess kollettiv tal-UE jirbaħ,

G.  billi l-ħolqien taż-żona Schengen iddefinixxiet fruntiera esterna komuni, li l-UE għandha responsabilità konġunta li tiġġestixxi, skont l-Artikolu 80 tat-TFUE; billi l-UE għadha ma kkonformatx bis-sħiħ ma' dan ir-rekwiżit, għalkemm li ppruvat tistabbilixxi kontrolli u kooperazzjoni effikaċi bejn l-awtoritajiet tad-dwana, tal-pulizija u dawk ġudizzjarji, politika komuni tal-immigrazzjoni, l-asil u l-viża u l-ħolqien tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) u s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS),

Mekkaniżmu ta' evalwazzjoni

H.  billi t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni titlob li l-Istati Membri jkollhom fiduċja sħiħa fil-kapaċità tagħhom li jimplimentaw b'mod sħiħ il-miżuri li permezz tagħhom dawk il-kontrolli setgħu jitneħħew, billi s-sigurtà taż-żona ta' Schengen tiddependi fuq il-mod dixxiplinat u effikaċi li bih Stat Membru jesegwixxi l-kontrolli fil-fruntieri esterni tiegħu, kif ukoll fuq il-kwalità u l-ħeffa li bihom isir l-iskambju tal-informazzjoni permezz tas-SIS; billi t-tħaddim inadegwat ta' xi wieħed jew aktar minn dawn l-elementi jipperikolaw is-sigurtà tal-UE b'mod globali,

I.  billi hu essenzjali li jiġi evalwat li l-Istati Membri jkunu konformi mal-acquis ta' Schegen sabiex jiġi żgurat funzjonament bla xkiel taż-żona Schegen; billi l-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni bbażat fuq il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Evalwazzjoni ta' Schengen (SCH-EVAL), korp purament intergovernattiv, ma weriex li hu biżżejjed effikaċi,

J.  billi l-istandards doppji li bħalissa hemm fil-Ftehim ta' Schengen, fejn jintalbu rekwiżiti għolja mill-pajjiżi kandidati kollha mentri l-pajjiżi Membri taż-żona ta' Schengen jiġu trattati b'mod iktar ħafif, għandhom jitneħħew,

K.  billi mekkaniżmu ġdid ta' evalwazzjoni hu stipulat fil-proposta għal Regolament li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' evalwazzjoni li jissorvelja l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen, li bħalissa qed tiġi eżaminata mill-PE skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja; billi dan il-mekkaniżmu diġà jispeċifika l-proċeduri, prinċipji u għodod li jappoġġaw u jassistu l-konformità tal-Istati Membri mal-acquis ta' Schengen, ukoll fil-preżenza ta' avvenimenti mhux previsti,

Kodeċiżjoni

L.  billi l-Artikolu 77 tat-TFUE jiddikjara li l-Parlament u l-Kunsill, filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jadottaw miżuri li jikkonċernaw, inter alia, il-kontrolli li jiġu suġġetti għalihom il-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni fin-nuqqas ta' kwalunkwe kontroll fuq il-persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni,

L-importanza ta' Schengen

1.  Jenfasizza li l-moviment liberu tal-persuni fiż-żona Schengen diġà kien wieħed mill-ikbar kisbiet tal-integrazzjoni Ewropea, li l-Ftehim ta' Schengen għandu impatt pożittiv fuq il-ħajja ta' mijiet ta' eluf ta' ċittadini, kemm billi jagħmel il-qsim tal-fruntieri konvenjenti, kif ukoll billi jtejjeb l-ekonomija, u li l-libertà tal-moviment hija dritt fundamentali u pilastru taċ-ċittadinanza tal-UE, li l-kundizzjonijiet tal-eżerċitar tiegħu huma stipulati fit-Trattati u fid-Direttiva 2004/38/KE;

Il-governanza ta' Schengen u l-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni

2.  Jirrakkomanda b'qawwa t-tisħiħ tal-governanza ta' Schengen sabiex tgħin tiżgura li kull Stat Membru jkun jista' jikkontrolla b'mod effikaċi s-sezzjoni tiegħu tal-fruntieri esterni tal-UE, tinforza mill-ġdid il-fiduċja reċiproka u tibni fiduċja fl-effettività tas-sistema tal-UE għall-ġestjoni tal-migrazzjoni; jenfasizza fermament il-bżonn li jkun hemm solidarjetà akbar ma' dawk l-Istati Membri li qed jiffaċċaw l-influss qawwi ta' migranti biex dawn jiġu megħjuna jaffrontaw sitwazzjonijiet straordinarji ta' din in-natura;

3.  Jemmen li l-mekkaniżmu ġdid ta' evalwazzjoni ta' Schengen, li bħalissa qed jiġi diskuss fil-Parlament, se jkun parti mit-tweġiba, peress li dan jiżgura mmoniterjar effettiv ta' kwalunkwe tentattiv li jiddaħħlu kontrolli illegali tal-fruntieri interni u jsaħħaħ il-fiduċja reċiproka; jemmen ukoll li s-sistema l-ġdida ta' evalwazzjoni ta' Schengen tagħmilha possibbli li jintalaq u jinkiseb l-appoġġ għal Stat Membru bil-għan li tkun żgurata l-osservanza tal-acquis ta' Schengen fil-każ ta' pressjoni eċċezzjonali fil-fruntieri esterni tal-UE;

4.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni xierqa tar-regoli ta' Schengen mill-Istati Membri anke wara l-adeżjoni tagħhom; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li dan ifisser ukoll li dawk l-Istati Membri li jiffaċċaw problemi jiġu megħjuna fi stadju bikri sabiex ikunu jistgħu jirremedjaw id-defiċenzi tagħhom b'appoġġ prattiku mill-aġenziji tal-UE; hu tal-fehma li l-mekkaniżmu eżistenti ta' evalwazzjoni għandu jissaħħaħ u jsir sistema tal-UE;

5.  Jemmen li l-effettività tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni tistrieħ fuq il-possibilità ta' sanzjonijiet fil-każ li d-defiċenzi jippersistu u jkunu qed jipperikolaw is-sigurtà globali taż-żona Schengen; ifakkar li l-iskop primarju ta' tali sanzjzonijiet huwa li jiskoraġġixxi;

Il-kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen

6.  Jemmen li l-kundizzjonijiet neċessarji għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali diġà ġew stabbiliti b'mod ċar fir-Regolament (KE) Nru 562/2006 (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), li l-Artikoli 23, 24 u 25 tiegħu jipprovdu għall-possibilità li jiġu riintrodotti l-kontrolli fil-fruntieri interni fil-każ biss ta' theddid serju għall-politika pubblika jew is-sigurtà interna; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta inizjattiva mmirata lejn id-definizzjoni tal-applikazzjoni stretta ta' dawk l-Artikoli mill-Istati Membri;

7.  Hu tal-fehma, għalhekk, li kwalunkwe eżenzjoni addizzjonali ġdida mir-regoli kurrenti, bħal raġunijiet ġodda biex jiġu riintrodotti l-kontrolli fil-fruntieri fuq bażi eċċezzjonai, definittivament mhux se ssaħħaħ is-sistema ta' Schengen; jiġbed l-attenzjoni li l-influss ta' migranti u applikanti għall-asil fil-fruntieri esterni per se bl-ebda mod ma jista' jitqies bħala bażi addizzjonali għar-riintroduzzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri;

8.  Jiddispjaċih bil-qawwa bit-tentattiv ta' bosta Stati Membri biex jirriintroduċu l-kontrolli fil-fruntieri, ħaġa li b'mod ċar tipperikola l-ispirtu proprju tal-acquis ta' Schengen;

9.  Hu tal-fehma li l-problemi riċenti bil-Ftehim ta' Schengen ingħataw rotta ġdida bin-nuqqas ta' determinazzjoni biex jiġu implimentati l-politiki Ewropej f'oqsma oħra, b'mod l-iktar kruċjali sistema komuni Ewropea ta' asil u migrazzjoni (li tinkludi li jissolvew il-problemi tal-immigrazzjoni irregolari u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata);

10.  Itenni li hi ta' importanza mill-akbar li jsir progress f'dan ir-rigward, peress li l-iskadenza għall-istabbiliment ta' sistema Ewropea komuni tal-asil ġiet stabbilita għall-2012;

11.  Jafferma mill-ġdid l-oppożizzjoni soda tiegħu għal kwalunkwe mekkaniżmu ġdid ta' Schengen li jkollu objettivi oħra barra dawk li jtejjeb il-libertà tal-moviment u li jsaħħaħ il-governanza tal-UE taż-żona Schengen;

Kodeċiżjoni

12.  Jenfasizza li kwalunkwe tentattiv biex il-bażi legali korretta tkun differenti mill-Artikolu 77 tat-TFUE għall-miżuri kollha f'dan il-qasam se jitqies bħala devjazzjoni mit-Trattati tal-UE u jirriżerva d-dritt li juża r-rimedji legali kollha disponibbli jekk ikun hemm bżonn;

o
o   o

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.
(2) ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.
(3) ĠU C 137 E, 27.5.2010, p. 6.

Avviż legali - Politika tal-privatezza