Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2741(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0388/2011

Testi mressqa :

B7-0388/2011

Dibattiti :

PV 06/07/2011 - 18
CRE 06/07/2011 - 18

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2011 - 7.6

Testi adottati :

P7_TA(2011)0337

Testi adottati
PDF 210kWORD 40k
Il-Ħamis, 7 ta' Lulju 2011 - Strasburgu
L-approċċ tal-Parlament Ewropew rigward l-implimentazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll 1 tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-kooperazzjoni parlamentari fil-qasam tal-PESK/PSDK
P7_TA(2011)0337B7-0388/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2011 dwar l-approċċ tal-Parlament Ewropew għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll 1 tat-Trattat ta' Lisbona rigward il-kooperazzjoni parlamentari fil-qasam tal-PESK/PSDK

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll 1 ta' dan dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna(1) u d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar ir-responsabbiltà politika anessa magħha(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet bażiċi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) fl-2009, ippreżentat lill-Parlament Ewropew b'applikazzjoni tal-Parti II, Taqsima G, Paragrafu 43 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006(3), u b'mod partikulari l-paragrafu 18 ta' dik ir-riżoluzzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar l-iżvilupp tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona(4), u b'mod partikulari l-paragrafi 12, 13 u 14 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza tal-Ispikers tal-Parlamenti tal-UE li saret fi Brussell fl-4 u l-5 ta' April 2011,

–  wara li kkunsidra l-kontribuzzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-XLV laqgħa tal-COSAC li saret f'Budapest mid-29 sal-31 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll 1 jistipula li l-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta' kwalunkwe forma ta' kooperazzjoni interparlamentari effettiva u regolari għandha tkun iddeterminata flimkien bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali,

B.  billi bħala membru tal-Kulleġġ tal-Kummissarji, ir-RGħ/VP huwa suġġett għall-vot ta' approvazzjoni mill-Parlament Ewropew,

C.  billi l-Parlament Ewropew jikkodeċiedi mal-Kunsill dwar il-baġit tal-UE għall-azzjoni esterna, inkluż il-baġit għall-missjonijiet ċivili taħt il-PESK u l-PSDK u l-ispejjeż amministrattivi li jirriżultaw mill-koordinazzjoni militari tal-UE,

D.  billi, skont it-Trattat, il-Parlament Ewropew huwa kkonsultat b'mod regolari fuq l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-PESK u billi l-approvazzjoni tiegħu hi meħtieġa sabiex l-istrateġiji tal-UE jissarfu f'liġijiet u fil-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali, inklużi ftehimiet marbuta l-iktar mal-PESK, bl-unika eċċezzjoni jkunu l-ftehimiet marbuta biss mal-PESK,

1.  Ifakkar li l-Parlament Ewropew huwa sors ta' leġittimità politika għall-PESK u l-PSDK, li fuqhom jeżerċita skrutinju politiku;

2.  Huwa konvint fl-istess ħin li kooperazzjoni interparlamentari msaħħa fil-qasam tal-PESK u l-PSDK tirrinforza l-influwenza parlamentari fuq l-għażliet politiċi li jsiru mill-UE u l-Istati Membri tagħha, bis-saħħa tar-responsabilitajiet tal-Parlament Ewropew għall-politiki komuni tal-Unjoni, inkluża l-PESK/PSDK, u tal-prerogattivi li kull parlament nazzjonali jgawdi fir-rigward tas-sigurtà nazzjonali u d-deċiżjonijiet ta' politika ta' difiża;

3.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' ftehim waqt il-Konferenza tal-Ispikers tal-UE fl-4 u l-5 ta' April 2011 u jantiċipa bi pjaċir li juri l-appoġġ tiegħu għall-Presidenza Pollakka fl-ilħuq ta' ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali dwar forom ġodda ta' kooperazzjoni interparlamentari f'dan il-qasam;

4.  Jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu kif stabbilita fir-rapporti rilevanti u b'mod partikulari:

   li, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll 1 tat-Trattat ta' Lisbona, “il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali għandhom jiddeterminaw flimkien l-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta' koperazzjoni interparlamentari effettiva u regolari fi ħdan l-Unjoni”, sabiex jippromwovu s-sjieda konġunta fl-organizzazzjoni u l-eżerċizzju ta' kooperazzjoni interparlamentari effettiva u regolari;
   li r-rappreżentanza tiegħu stess fi kwalunkwe forma ġdida ta' kooperazzjoni interparlamentari għandha tkun ta' skala li tirrifletti l-firxa u l-importanza tar-rwol tiegħu fl-iskrutinju tal-PESK/PSKD, tagħraf in-natura komuni Ewropea ta' politiki bħal dawn u tissodisfa l-ħtieġa li jkun rifless il-pluraliżmu politiku u ġeografiku tal-Kamra;
   li, fl-insegwiment tal-valur miżjud kif ukoll sabiex ikunu limitati l-ispejjeż, is-Segretarjat u l-bini tal-Parlament Ewropew ikunu, fil-prinċipju, disponibbli biex jappoġġjaw l-organizzazzjoni u l-ospitar tal-laqgħat interparlamentari;
   li l-konklużjonijiet tal-laqgħat interparlamentari ma jkunux jorbtu lill-partijiet li jipparteċipaw;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lil Presidenza Pollakka tal-Konferenza tal-Ispikers tal-Parlamenti tal-UE, lill-Ispikers tal-Parlamenti tal-UE u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0280.
(2) Ibid, anness II.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0227.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0228.

Avviż legali - Politika tal-privatezza