Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2749(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0467/2011

Dibattiti :

PV 07/07/2011 - 11.3
CRE 07/07/2011 - 11.3

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2011 - 12.3

Testi adottati :

P7_TA(2011)0342

Testi adottati
PDF 205kWORD 38k
Il-Ħamis, 7 ta' Lulju 2011 - Strasburgu
L-Indja b'mod partikolari s-sentenza tal-mewt ta' Davinder Pal Singh
P7_TA(2011)0342RC-B7-0467/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2011 dwar l-Indja, b'mod partikolari l-kundanna tal-mewt għal Davinder Pal Singh

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 63/168, li ssejjaħ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 62/149 tat-18 ta' Diċembru 2007, meta 106 pajjiż ivvotaw favur riżoluzzjoni li titlob moratorju dinji fuq is-sentenzi tal-mewt u l-eżekuzzjonijiet, b'34 astensjoni u b'biss 46 vot kontra r-riżoluzzjoni,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 65/206 tal-21 ta' Diċembru 2010 dwar moratorju fuq l-użu tal-piena kapitali,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena Kapitali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2007 dwar moratorju universali fuq il-piena kapitali(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-1994 bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Indja,

–  wara li kkunsidra d-Djalogu Tematiku UE-Indja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar Jum Dinji kontra l-piena kapitali(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-2011 – sa Mejju – twettqu eżekuzzjonjiet f'disa' pajjiżi biss, indikazzjoni ċara li qed jikber dejjem aktar r-rikonoxximent dinji tan-natura krudili u inġusta tal-piena kapitali,

B.  billi l-Indja ilha ma timplimenta l-piena kapitali mill-2004,

C.  billi ngħatat approvazzjoni għall-eżekuzzjoni ta' żewġ ħabsin,

D.  billi, fuq rakkomandazzjoni tal-Ministeru tal-Intern tal-Unjoni, il-President tal-Indja, Pratibha Patil, irrifjuta l-petizzjonijiet għal reviżjoni mressqa skont l-Artikolu 72 tal-Kostituzzjoni Indjana f'isem Davinder Pal Singh Bhullar, mill-Punjab, u Mahendra Nath Das, mill-Assam,

E.  billi Mahendra Nath Das ġie kkundannat għall-mewt fl-1997 wara li nstab ħati ta' qtil, billi r-rimedji legali kollha ġew eżawriti u billi l-eżekuzzjoni tiegħu ġiet sospiża sal-21 ta' Lulju 2011 mill-Qorti Għolja ta' Gauhati fl-Assam (fil-Grigal tal-Indja), minħabba li l-Gvern Indjan talab li jingħata żmien biex jirrispondi lill-Qorti,,

F.  billi Davinder Pal Singh Bhullar ġie kkundannat għall-mewt fid- 29 ta' Awwissu 2001 wara li nstab ħati li kien involut fl-attakk bil-bombi tal-1993 fuq l-Uffiċċju taż-Żgħażagħ tal-Congress fi New Delhi,

G.  billi ċ-ċirkustanzi madwar ir-ritorn ta' Davinder Pal Singh Bhullar lejn India mill-Ġermanja u ż-żmien twil li Mahendra Nath Das għadda l-ħabs jistenna l-eżekuzzjoni jagħtu lok għal tħassib,

H.  billi l-Indja, hija u tippreżenta l-kandidatura tagħha għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem qabel l-elezzjonijiet tal-20 ta' Mejju 2011, impenjat ruħha li żżomm l-ogħla standards f'dak li jirrigwarda l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem,

1.  Jesprimi t-tħassib gravi tiegħu li l-Gvern tal-Indja jista' jerġa' jibda japplika l-piena kapitali wara moratorju de facto ta' seba' snin, u b'hekk imur kontra x-xejra dinjija lejn l-abolizzjoni tal-piena kapitali;

2.  Itenni l-appoġġ sod tiegħu għas-sejħa tal-Assemblea Ġenerali tan-NU għall-istabbiliment ta' moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet bil-għan li l-piena kapitali tiġi abolita;

3.  Jappella b'urġenza lill-Gvern tal-Indja biex ma jwettaqx l-eżekuzzjoni ta' Davinder Pal Singh Bhullar jew ta' Mahendra Nath Das, u li jikkommuta s-sentenzi tal-mewt tagħhom;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Indjani jittrattaw il-każijiet ta' Davinder Pal Singh Bhullar u Mahendra Nath Das b'mod partikolarment trasparenti;

5.  Jistieden lill-Gvern u lill-Parlament tal-Indja jadottaw leġiżlazzjoni li tintroduċi moratorju permanenti fuq l-eżekuzzjonijiet bil-għan li jabolixxu l-piena kapitali fil-ġejjieni qarib;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Indja, lill-Ministru tal-Liġi u l-Ġustizzja tal-Indja, lill-Ministru tal-Intern tal-Indja, lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 219E, 28.8.2008, p. 306.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0351.

Avviż legali - Politika tal-privatezza