Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2011 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Hans-Peter Martin (2011/2104(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Hans-Peter Martin, imressqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta' Vjenna fid-29 ta' April 2011 u mħabbra fis-seduta plenarja tat-12 ta' Mejju 2011,
– wara li sema' lil Hans-Peter Martin fil-21 ta' Mejju 2011, bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, tat-8 ta' April 1965, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008 u tad-19 ta' Marzu 2010(1),
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 57 tal-Kostituzzjoni Awstrijaka;
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0267/2011),
A. billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta' Vjenna talab it-tneħħija tal-immunità ta' Hans-Peter Martin, Membru tal-Parlament Ewropew, sabiex l-awtoritajiet Awstrijaċi jkunu jistgħu jagħmlu l-investigazzjonijiet meħtieġa u jieħdu azzjoni legali kontra Hans-Peter Martin, biex jitolbu tfittxija ta' daru jew l-uffiċċji tiegħu, biex jikkonfiskaw dokumenti u jagħmlu kontrolli fuq il-kompjuter jew tiftixiet elettroniċi oħra li jistgħu jkunu neċessarji u biex jibdew proċedimenti kriminali kontra s-Sur Martin għal raġunijiet ta' miżapproprjazzjoni ta' fondi ta' partit jew kwalunkwe deskrizzjoni legali oħra li tista' tintuża għall-offiża jew offiżi kriminali allegati quddiem il-qrati kriminali li jkollhom il-ġurisdizzjoni,
B. billi t-tneħħija tal-immunità ta' Hans-Peter Martin tikkonċerna offiżi allegati marbuta mal-miżapproprjazzjoni ta' fondi ta' partit, kwistjoni rregolata mit-Taqsima 2b tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi,
C. billi għalhekk ta' min jirrakkomanda li titneħħa l-immunità parlamentari fil-każ inkwistjoni;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Hans-Peter Martin;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tal-Awstrija u lil Hans-Peter Martin.
Kawża 101/63 Wagner vs Fohrmann u Krier [1964] Ġabra 195; Kawża 149/85 Wybot vs Faure et [1986] Ġabra 2391; Kawża T- 345/05, Mote vs Il-Parlament [2008] Ġabra II-2849; Kawżi magħquda C-200/07 u C-201/07 Marra vs De Gregorio u Clemente [2008] Ġabra I-7929, Kawża T-42/06. Gollnisch vs Il-Parlament.