Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX) (COM(2010)0061 – C7-0045/2010 – 2010/0039(COD))
(Proċedura leġislattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0061),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 74 u 77(1)(b) u(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0045/2010),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikolu 77(2)(b) u (d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni motivata mressqa mis-Senat Pollakk fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li tisħaq li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jikkonformax mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-15 ta' Lulju 2010(1),
– wara li kkunsidra l-impenn tar-rappreżentanti tal-Kunsill fl-ittra tal-7 ta' Lulju 2011 li japprovaw il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0278/2011),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari kif tinstab hawnhekk;
2. Japprova d-dikjarazzjoni tiegħu annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni
4. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta' Settembru 2011 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 1168/2011.)
ANNESS
Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew jisħaq li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jagħmlu ħilithom u jużaw terminoloġija xierqa u newtra fit-testi leġiżlattivi meta jindirizzaw il-kwistjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li l-preżenza tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri ma tkunx ġiet awtorizzata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jew ma tkunx għadha awtorizzata. F'każijiet bħal dawn, l-istituzzjonijiet tal-UE m'għandhomx jirreferu għall-“immigrazzjoni illegali” jew “migranti illegali” imma għall-“immigrazzjoni irregolari” jew “migranti irregolari”.
Dikjarazzjoni COM dwar il-monitoraġġ ta' operazzjonijiet ta' ritorn
Il-Kummissjoni timpenja lilha nfisha biex tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq bażi annwali dwar l-implimentazzjoni tal-monitoraġġ ta' operazzjonijiet ta' ritorn kif hemm imsemmi fl-Artikolu 9(1b).
Ir-rapport ser ikun ibbażat fuq l-informazzjoni kollha rilevanti li ssir disponibbli mill-Aġenzija, il-Bord ta' Tmexxija tagħha, u l-Forum Konsultattiv stabbilit mill-abbozz ta' Regolament. F'dan ilkuntest għandu jkun innutat li l-Forum Konsultattiv għandu aċċess sħiħ għall-informazzjoni kollha dwar ir-rispett għad-drittijiet fundamentali skont l-Artikolu 26a.
Ir-rapport ser jagħti attenzjoni partikolari għall-applikazzjoni tal-“kriterji oġġettivi u trasparenti” li għandhom jiġu osservati matul l-operazzjoni ta' ritorn imwettqa mill-Aġenzija Frontex.
L-ewwel rapport annwali għandu jkun ippreżentat qabel tmiem l-2012.
Dikjarazzjoni COM dwar il-ħolqien ta' sistema Ewropea ta' gwardji tal-fruntieri
Il-Kummissjoni timpenja lilha nfisha li tniedi studju ta' fattibbiltà rigward il-ħolqien ta' sistema Ewropea ta' gwardji tal-fruntieri, kif hemm imsemmi fil-programm ta' Stokkolma, fi żmien sena mill-adozzjoni ta' dan ir-Regolament. L-eżitu tal-istudju ser jikkontribwixxi għall-evalwazzjoni prevista mill-Artikolu 33(2a) ta' dan ir-Regolament.
Il-Kummissjoni timpenja lilha nfisha wkoll li tanalizza jekk hemmx ħtieġa għal emenda teknika tar-Regolament (KE) Nru 863/2007 (li jistabbilixxi Timijiet ta' Intervent Rapidu fil-Fruntieri) fir-rigward tal-użu tal-isem “Timijiet ta' Gwardji tal-Fruntieri Ewropej ”.