Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (COM(2010)0509 – C7-0289/2010 – 2010/0262(COD))
(Proċedura leġislattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0509),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 207, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0289/2010),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-kontribut ippreżentat mill-Parlament Portugiż dwar l-abbozz ta' att leġislattiv,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0256/2011),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta' Settembru 2011 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 207,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara l-preżentazzjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,
B'aġir skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja(1),
Billi:
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju(2) jirrikjedi li oġġetti b'użu doppju (inklużi softwer u teknoloġija) jkunu suġġetti għal kontroll effettiv meta jiġu esportati mill-Unjoni jew ikunu fi transitu fiha, jew jitwasslu lejn pajjiż terz bħala riżultat tas-servizzi ta' senserija pprovduti minn sensar residenti jew stabbilit fl-Unjoni.
(2) Sabiex l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jħarsu l-impenji internazzjonali tagħhom, l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 jistabbilixxi l-lista komuni ta' oġġetti b'użu doppju u teknoloġija msemmija fl-Artikolu 3 ta' dak ir-Regolament, li jimplimenta l-kontrolli ta' oġġetti b'użu doppju li dwarhom intlaħaq ftehim internazzjonali. Dawn l-impenji ttieħdu fil-kuntest tal-parteċipazzjoni fi ħdan il-Grupp Awstralja, ir-Reġim ta' Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili (MTCR), il-Grupp ta' Fornituri Nukleari (NSG), il-Ftehim ta' Wassenaar u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC).
(3) L-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 jistipula li l-Anness I għandu jiġi aġġornat b'konformità mal-obbligi u l-impenji rilevanti, u kull modifika tagħhom, li l-Istati Membri aċċettaw bħala membri tar-reġimi internazzjonali ta' nonproliferazzjoni u l-arranġamenti għall-kontroll tal-esportazzjoni, jew bir-ratifika tat-trattati internazzjonali rilevanti.
(4) L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 għandu jiġi emendat biex iqis it-tibdil li ntlaħaq ftehim dwaru fi ħdan il-Grupp Awstralja, il-Grupp ta' Fornituri Nukleari, ir-Reġim ta' Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili u l-Ftehim ta' Wassenaar, wara l-adozzjoni ta' dak ir-Regolament.
(5) Sabiex ikunu ffaċilitati r-referenzi għall-awtoritajiet u operaturi għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, għandha tiġi ppubblikata verżjoni aġġornata u kkonsolidata tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 428/2009.
(6) Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 428/2009 għandu jiġi emendat kif xieraq,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 għandu jiġi sostitwit bl-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f“Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Lista msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009
LISTA TA' OĠĠETTI B'UŻU DOPPJU
Din il-lista timplimenta kontrolli ta' oġġetti b'użu doppju maqbula internazzjonalment inkluż l-Arranġament ta' Wassenaar, ir-Reġim għall-Kontroll tat-Teknoloġija Missilistika (MTCR), il-Grupp tal-Fornituri Nukleari (NSG), il-Grupp tal-Awstralja u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC).
WERREJ
Noti
Definizzjonijiet
Akronomi u abbrevjazzjonijiet
Kategorija 0 Materjali, faċilitajiet u tagħmir nukleari
Kategorija 1 Materjali speċjali u tagħmir relatat
Kategorija 2 L-Ipproċessar ta' Materjali
Kategorija 3 Elettronika
Kategorija 4 Kompjuters
Kategorija 5 Telekommunikazzjoni u “sigurtà tal-informazzjoni”
Kategorija 6 Sensuri u lasers
Kategorija 7 Navigazzjoni u avjonika
Kategorija 8 Materjal navali
Kategorija 9 Aerospazju u Propulsjoni
(It-test sħiħ tal-Anness mhuwiex riprodott hawnhekk minħabba t-tul tiegħu. Għal dak it-test, jekk jogħġbok irreferi għall-proposta tal-Kummissjoni COM(2010)0509).