Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006 (05812/2011 – C7-0061/2011 – 2006/0263(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05812/2011),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali 2006 (11964/2007),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 192, 207 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0061/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81 u l-Artikolu 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0280/2011),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi, fuq talba mill-Parlament, kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, jiġifieri dwar il-pjanijiet ta' azzjoni u l-programmi, kif ukoll id-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-korpi stabbiliti mill-Ftehim;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq lill-Parlament u lill-Kunsill, rieżami tal-implimentazzjoni tal-Ftehim, fl-aħħar sena ta' applikazzjoni, qabel ma jinfetħu negozjati għat-tiġdid tal-Ftehim, b'mod partikulari fir-rigward tal-istrumenti tal-Unjoni għall-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ fis-settur tal-foresti;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Injam Tropikali.