Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2091(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0291/2011

Testi mressqa :

A7-0291/2011

Dibattiti :

PV 12/09/2011 - 28
CRE 12/09/2011 - 28

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2011 - 5.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0360

Testi adottati
PDF 402kWORD 92k
It-Tlieta, 13 ta' Settembru 2011 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tan-nisa li jkunu qed joqorbu lejn l-età tal-pensjoni
P7_TA(2011)0360A7-0291/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa li jkunu qed joqorbu lejn l-età tal-pensjoni (2011/2091(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 2 u 3 tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 19,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikoli 21, 23 u 25 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 bit-titolu “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2009 dwar kif għandna nittrattaw l-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-UE (Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2009)' (COM(2009)0180),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies li huma esklużi mis-suq tax-xogħol (2008/867/KE)(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport ikkummissjonat mill-Kummissjoni tat-22 ta' Lulju 2010 bit-titolu Aċċess għall-kura tas-saħħa u kura fit-tul - Ugwali kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel?

–  wara li kkunsidra r-rapport ikkummissjonat mill-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2009 bit-titolu Politiki ta' inklużjoni attiva għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi“,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-perjodu 2011-2020,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2010 dwar l-impatt ta' popolazzjoni u forza tax-xogħol li qegħdin jixjieħu fuq il-politiki tal-impjieg,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2010 dwar tixjiħ attiv,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar ħajja f'saħħitha u dinjituża,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2009 dwar opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa: tixjiħ attiv u dinjituż,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-1 ta' Mejju 2008 mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol bit-titolu Kundizzjonijiet tax-xogħol għal forza tax-xogħol li qiegħda tixjieħ“,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Internazzjonali ta' Madrid dwar it-Tixjiħ, adottat fit-Tieni Assemblea Dinjija dwar it-Tixjiħ (A/CONF.197/9 8) fit-12 ta' April 2002,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar ir-rwol tan-nisa f'soċjetà li qed tixjieħ(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7–0291/2011),

A.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nondiskriminazzjoni, fost affarijiet oħra fuq il-bażi tal-età, huma prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea mħaddna fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u wieħed mill-objettivi u kompiti tal-Komunità,

B.  billi l-Istrateġija Ewropa 2020 tistabbilixxi mira għal rata ta' impjieg headline ta' 75 % kemm għan-nisa kif ukoll għall-irgiel u tiddikjara l-objettiv li jitnaqqas in-numru ta' dawk li qegħdin jgħixu fir-riskju tal-faqar, b'20 miljun persuna; billi l-grupp ta' nisa li qabżu l-età ta' 50 sena, minħabba l-livelli għoljin ta' faqar u qgħad marbutin ma' dan il-grupp, jirrappreżenta għalhekk grupp deċisiv li fir-rigward tiegħu għandhom jintlaħqu dawn iż-żewġ miri,

C.  billi l-persistenza ta' sterjotipi tal-ġeneru li, flimkien mad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-konfront ta' persuni mdaħħlin fiż-żmien fis-suq tax-xogħol, tnaqqas l-opportunitajiet ta' impjieg, taħriġ u promozzjoni għan-nisa mdaħħla fiż-żmien u hija responsabbli parzjalment għar-riskju miżjud ta' faqar fl-età avvanzata,

D.  billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru hija tip speċifiku ta' diskriminazzjoni sal-punt li hi sistematika u tinfired mal-forom l-oħra kollha ta' diskriminazzjoni u tiżdied magħhom,

E.  billi s-suq tal-impjieg huwa ferm aktar dinamiku u fluwidu llum il-ġurnata minn qatt qabel, li jfisser li l-impjieg fl-istess qasam ma għadux garantit għal tul ħajja ta' bniedem; billi, għalhekk, il-kriżi ekonomika wriet biċ-ċar li n-nisa għandhom rwol importanti fi ħdan is-suq tax-xogħol,

F.  billi l-kompetittività ekonomika futura tal-Ewropa, il-prosperità u l-inklussività jiddependu kruċjalment fuq l-abilità tagħha li ttejjeb effettivament l-użu tar-riżorsi tax-xogħol tagħha, mhux biss billi testendi l-perjodu ta' impjieg matul il-ħajja ta' bniedem iżda wkoll bil-ħolqien tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sistemi tas-sigurtà soċjali li t-tnejn isostnu titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u huma ta' benefiċċju għall-ekonomija, filwaqt li dan jinkludi wkoll politiki xierqa għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-familja u l-ħajja privata u biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta u l-isterjotipi tas-sessi li jwasslu għal lakuni bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol,

G.  billi bejn l-1990 u l-2010 l-popolazzjoni fl-UE-27 ta' persuni impjegati ta' età bejn 20-64 sena żdiedet b'1,8 %, il-popolazzjoni ta' persuni impjegati mdaħħla fiż-żmien (aktar minn 65 sena) żdiedet bi 3,7 %, u l-proporzjon taż-żgħażagħ impjegati (0-19-il sena) naqas b' 5,4 %; billi l-proporzjon tal-popolazzjoni f'età ta' aktar minn 65 sena huwa proġettat li se jiżdied minn 17,4 % fl-2010 għal 30 % fl-2060(3)

H.  billi fl-2008 r-riskju tal-faqar fost in-nisa mdaħħla fiż-żmien kien ta' 22 % kontra 16 % fir-rigward tal-irġiel tal-istess età(4),

I.  billi, minħabba r-rata tad-divorzju li dejjem qiegħda tiżdied u għomor iqsar għall-irġiel,in-nisa qegħdin ta' spiss ikollhom rappreżentazzjoni qawwija wisq fost l-anzjani iżolati u din it-tendenza qiegħda tiżdied biż-żmien; billi r-romol u n-nisa anzjani li jgħixu waħedhom huma, b'mod ġenerali, f'riskju ogħla ta' faqar, iżolament u esklużjoni soċjali,

J.  billi r-rata ta' impjieg fost in-nisa ta' età bejn 55-64 sena kienet 37,8 % fl-2009 kontra 54,8 % għall-irġiel tal-istess età(5),

K.  billi r-rata ta' qgħad huwa ogħla fost in-nisa milli fost l-irġiel fil-21 Stat Membru u, anke jekk r-rata ta' qgħad fit-tul fost l-irġiel hija ogħla minn dik għan-nisa fi 12-il pajjiż, hemm aktar probabbiltà li l-qgħad tan-nisa jkun qiegħed jinħeba bħala “nuqqas ta' attività” jekk ikunu miżżewġin jew qed irabbu t-tfal,

L.  billi d-dħul medju fis-siegħa tan-nisa taħt it-30 sena huwa 92 % dak tal-irġiel, u 67,5 % għal dawk bejn 50-59 sena(6), u l-medja tad-differenza bejn il-pagi bbażata fuq il-ġeneru fl-UE għadha għolja sa 17,5 %,

M.  billi d-differenzi bejn is-sessi fl-istatus soċjo-ekonomiku għandhom l-għeruq fil-parti l-kbira tagħhom fid-diviżjoni tar-rwoli tradizzjonali bejn is-sessi, fejn l-irġiel huma meqjusa li għandhom ir-responsabbiltà ewlenija li jipprovdu finanzjarjament għall-familja u n-nisa huma responsabbli għal xogħol fid-dar u biex jieħdu ħsieb il-familja mingħajr ħlas, inkluża kura tal-familja aktar mifruxa, u dan għandu impatt kbir fuq il-kapaċità tan-nisa, meta mqabbla ma' tal-irġiel, li jakkumulaw drittijiet tas-sigurtà soċjali, pereżempju, għall-irtirar tagħhom,

N.  billi hemm possibbiltà akbar li n-nisa jkollhom karrieri iqsar, bi progress bilmod u/jew interrotti u qligħ medju aktar baxx mill-irġiel, li huwa rifless fid-distakk tal-pagi bejn in-nisa u l-irġiel u joħloq differenzi fil-kontribuzzjonijiet tan-nisa u l-irġiel għall-kontabilità tal-pensjoni, u b'hekk iżid ir-riskju tal-faqar għan-nisa anzjani,

O.  billi d-distakk bejn il-ġeneri huwa iċken qabel ma tifforma l-familja u tiżdied meta l-individwi jsiru koppja; billi jkun hemm tnaqqis fir-rata tal-impjiegi meta n-nisa jkollhom l-ewwel tarbija u billi dawn jakkumulaw żvantaġġi fis-suq tax-xogħol fl-istadji bikrija taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, b'rabta mal-kura tat-tfal, li fi stadju aktar tard jinbidel fil-kura tal-persuni anzjani, u ta' spiss twassal għal faqar minkejja li l-persuna tkun impjegata,

P.  billi n-nisa mdaħħla fiż-żmien, meta jitqabblu mal-irġiel, ta' spiss jagħżlu jew ikollhom jagħżlu xogħol part-time u ta' spiss jitilqu mis-suq tax-xogħol billi jagħżlu jew ikollhom jagħżlu li jirtiraw kmieni,

Q.  billi l-importanza ta' approċċ ibbażat fuq il-ġeneru għall-politiki ta' suq tax-xogħol attiv hija rikonoxxuta fuq livell wiesa' fi kważi l-pajjiżi Ewropej kollha, iżda valutazzjonijiet tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol juru li l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għadha mhix uniformi u pjuttost dejqa fil-mira tagħha,

R.  billi n-nisa ta' età ta' aktar minn 50 sena ħafna drabi jkollhom iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni doppja jew fuq diversi livelli bbażata fuq sterjotipi tal-ġeneru u tal-età, li ta' spiss huma aggravati mix-xogħol u t-tendenzi tal-ħajja speċifiċi għall-ġeneru tagħhom (pereżempju, waqfiet temporanji mix-xogħol, impjieg part-time, il-fatt li jistgħu jirrinunzjaw għax-xogħol tagħhom sabiex jieħdu ħsieb il-familji tagħhom jew biex jaħdmu fin-negozju tal-familja tagħhom, speċjalment fin-negozji ta' distribuzzjoni jew fil-biedja, mingħajr ma jitħallsu salarju jew mingħajr ma jkollhom skema ta' sigurtà soċjali, u d-distakk fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel); billi, madanakollu, hemm tendenza li n-nisa jkollhom jaffrontaw akkumulazzjoni akbar ta' żvantaġġi minn irġiel tal-istess gruppi; billi, barra minn hekk, fi żmenijiet ta' riċessjoni ekonomika n-nisa kkonċernati jinsabu f'periklu akbar li jsiru foqra,

S.  billi ħafna drabi fis-suq tax-xogħol, in-nisa jitqiesu bħala “xjuħ” f'età ħafna iżgħar mill-irġiel; billi 58 % tal-Ewropej jaħsbu li d-diskriminazzjoni tal-età hija mifruxa ħafna(7)

T.  billi l-vjolenza kontra nisa mdaħħla fiż-żmien hija kwistjoni sottovalutata ħafna minħabba r-reżistenza min-naħa tan-nisa mdaħħla fiż-żmien li jiżvelaw l-abbuż, sterjotipi mill-fornituri tas-servizzi li jemmnu li n-nisa mdaħħla fiż-żmien għandhom inqas riskju, u l-firxa fqira ta' għażliet disponibbli għan-nisa mdaħħla fiż-żmien li huma vittmi ta' abbuż,

U.  billi l-edukazzjoni dwar l-ugwaljanza mill-età bikrija, il-politiki ta' gwida vokazzjonali, u l-politiki li jippromwovu l-impjieg tan-nisa huma l-uniċi modi kif tista' titwaqqaf id-diskriminazzjoni ta' dan it-tip għal dejjem,

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li l-2012 tkun nominata s-Sena Ewropea għal Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet, u jistieden lill Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu passi xierqa u effettivi għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, anke billi jittrattaw l-isterjotipi assoċjati mad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru u l-età u billi jippromwovu s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-diskriminazzjoni fuq diversi livelli kontra n-nisa ta' età akbar minn 50 sena hija riflessa aħjar u tiġi trattata b'mod effettiv fil-metodu miftuħ ta' koordinament fir-rigward tal-pensjonijiet, l-inklużjoni soċjali, l-impjieg, it-tibdil tal-isterjotipi tal-ġeneru u l-inklużjoni tan-nisa f'korpi politiċi u ekonomiċi, għat-teħid tad-deċiżjonijiet;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tar-riforma tal-pensjoni – punt li għandu jitqies ukoll fil-White Paper li jmiss dwar is-sistemi tal-pensjoni u riformi oħra fil-politika tas-sigurtà soċjali –għall-promozzjoni tal-użu ta' kalkolu attwarjali tal-pensjonijiet li jsaħħaħ l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, għall-promozzjoni ta' passi li jnaqqsu r-riskju tal-faqar, li tindirizza l-faqar attwalment esperjenzat minn persuni avvanzati aktar fl-età, li ttejjeb il-kwalità, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-kura tas-saħħa u biex itemm il-prattika ta' rtirar obbligatorju, filwaqt li n-nisa avvanzati aktar fl-età jitħallew jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol billi tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jiddisponu iktar fil-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-pensjonijiet favur il-pensjonijeit tar-romol sabiex in-nisa mdaħħla fiż-żmien ikunu inqas vulnerabbli għar-riskju tal-faqar;

5.  Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza li jittieħdu miżuri li jippromwovu l-inklużjoni tan-nisa mill-kategoriji l-iktar vulnerabbli, jiġifieri l-immigranti, in-nisa minn minoranzi, nisa b'diżabbiltà, nisa bi ftit edukazzjoni, nisa mingħajr esperjenza tax-xogħol, nisa fil-ħabs, eċċ., sabiex ikun garantit id-dritt tagħhom għal ħajja diċenti;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu passi u miżuri biex jiżguraw tixjiħ b'dinjità mingħajr umiljazzjoni, diskriminazzjoni jew kwalunkwe forma ta' vjolenza kontra nisa mdaħħla fiż-żmien;

7.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li n-nisa mdaħħla fiż-żmien jikkostitwixxu riżors ekonomiku u fond ta' esperjenzi u jipprovdu appoġġ vitali għall-komunità u l-familji bħala dawk li jieħdu ħsieb il-persuni dipendenti u wkoll bħala konsulenti f'oqsma tax-xogħol, b'kunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali estensiva tagħhom, u, barra minn hekk, li dawn qed jgħinu jippreservaw id-dinja rurali;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu inizjattivi biex itejbu l-fehim tal-lingwi u l-kulturi ta' teknoloġiji ġodda sabiex jagħmluha possibbli għall-popolazzjoni femminili mdaħħla fiż-żmien li tegħleb il-qabża diġitali u żżid il-ħiliet interpersonali u ta' komunikazzjoni tagħha u l-kapaċitajiet tagħha li tiġġestixxi l-indipendenza u l-interessi tagħha;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkonkludu studju, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, dwar is-sitwazzjoni tan-nisa li għandhom iktar minn 50 sena, b'mod partikolari billi jiffokaw fuq l-esperjenzi tagħhom fis-suq tax-xogħol, l-esperjenzi ta' għoti ta' kura kif ukoll dwar kwistjonijiet tas-saħħa u sfidi oħra li ffaċċaw;

In-nisa fis-suq tax-xogħol:

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu kundizzjonijiet li jħeġġu n-nisa mdaħħla fiż-żmien ikomplu u/jew jerġgħu lura għas-suq tax-xogħol skont is-Sena Ewropea għal Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet, biex il-potenzjal tagħhom ma jinħeliex; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri wkoll jimplimentaw il-miżuri li jħeġġu l-impjegati jtejbu l-politiki tagħhom ta' opportunitajiet indaqs sabiex jiġu indirizzati prassi li jiddiskriminaw kontra n-nisa mdaħħla fiż-żmien u biex impjegati nisa mdaħħla fiż-żmien ikollhom l-istess aċċess għal pereżempju, it-taħriġ, il-promozzjoni u l-iżvilupp tal-karriera;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu approċċ għall-impjieg komprensiv, multidimensjonali, u li jqis l-istat taż-żewġ sessi u li ma jiddiskriminax fuq l-età flimkien ma' politiki soċjali sabiex tiżgura l-impjieg u l-inklużjoni soċjali tan-nisa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iwettqu wkoll reviżjoni fid-dettall dwar is-sitwazzjoni tal-ġenerazzjoni tan-nisa mdaħħla fiż-żmien li diġà jgħixu fil-faqar u biex malajr jieħdu miżuri xierqa u effettivi biex dawn in-nisa jinħarġu mill-faqar;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod adegwat id-diskriminazzjoni multipla li qed jiffaċċaw in-nisa mdaħħla fiż-żmien meta jfittxu aċċess għal impjieg;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa u ttejjeb il-ġbir u l-analiżi ta' dejta speċifika għall-Ewropa, preċiża, rilevanti u kumparabbli dwar il-ġeneru u l-età, b'mod partikolari marbuta mar-rata tal-impjieg u tal-qgħad tan-nisa mdaħħla fiż-żmien, inklużi nisa migranti u b'xi diżabbiltà, l-involviment (informali) tan-nisa mdaħħla fiż-żmien fil-kura (bla ħlas) tal-familji u l-qraba tagħhom, u r-rata tal-persuni anzjani li għadhom dipendenti u dwar l-abbuż tax-xjuħ, li għandha tkun soġġetta għal-leġiżlazzjoni attwali kollha tal-Istati Membri rigward il-protezzjoni tad-dejta;

14.  Jilqa' l-fatt li l-Istati Membri diġà rrikonoxxew li t-tendenzi u l-kawżi tal-inugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol huma relatati strettament mal-istadju taċ-ċiklu tal-ħajja, u jenfasizza li approċċ dwar iċ-ċiklu tal-ħajja tax-xogħol għandu għalhekk, jiġi promoss; madanakollu, – sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-isfidi taċ-ċiklu tal-ħajja b'mod adegwat – , iħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw, permezz ta' miżuri ffokati fil-politiki tagħhom għal suq tax-xogħol attiv, il-pożizzjoni żvantaġġata tan-nisa żgħar u ta' dawk imdaħħla fiż-żmien meta mqabbla ma' dik tal-irġiel tal-istess età u mhux jużaw dawn il-politiki biex jindirizzaw biss in-nisa u l-irġiel f'età adulta;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki biex itejbu l-kwalità tal-kundizzjonijiet ta' xogħol tan-nisa mdaħħla fiż-żmien, sabiex joħolqulhom post tax-xogħol sostenibbli u tajjeb għas-saħħa;

16.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu n-nisa mdaħħla fiż-żmien fi proċessi għal tagħlim tul il-ħajja u biex jiżviluppaw aktar u jsostnu programmi flessibbli ta' taħriġ mill-ġdid li huma adattati għan-nisa mdaħħla fiż-żmien, billi jqisu l-bżonnijiet u l-kapaċitajiet speċifiċi tagħhom biex dawn in-nisa jkunu jistgħu jiġu impjegati aktar faċilment u jgħinuhom jgħixu ħajja indipendenti u attiva, u jaqsmu l-esperjenza akkumulata u l-għarfien tagħhom ma' ġenerazzjonijiet iżgħar;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-iżvantaġġi li jaffrontaw in-nisa fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari dawk ġejjin minn responsabbiltajiet għall-għoti tal-kura, ma għandhomx jippenalizzawhom fir-rigward tad-drittijiet tagħhom għall-pensjoni jew drittijiet oħra ta' sigurtà soċjali;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiddisponu fis-sistemi ta' benessri favur arranġamenti ta' aggregazzjoni li jagħmluha possibbli li l-kontribuzzjonijiet minn perjodi ta' impjieg b'salarju u impjieg indipendenti, jew minn impjiegi differenti, jiżdiedu flimkien, jekk dan ma jkunx sar diġà;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jippromwovu sistemi tal-pensjoni evalwati skont il-ġeneru billi jqisu r-riskju ogħla ta' faqar għan-nisa mdaħħla fiż-żmien, kif ukoll il-pawżi fil-karrieri tagħhom minħabba obbligi ta' kura, sabiex ikun evitat li jinħolqu trappoli ġodda ta' dipendenza;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu, mingħajr telf ta' żmien, miżuri effettivi biex jimplimentaw il-prinċipju ta' paga ugwali għall-istess tip ta' xogħol (eż. permezz ta' skema obbligatorja għall-valutazzjoni tal-impjieg u pjan ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol), sabiex jitneħħa id-distakk fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel, li jista' jgħin ukoll biex jitnaqqas id-distakk fil-pensjonijiet tagħhom, bl-għan li jitnaqqas u fl-aħħar mill-aħħar jiġi eliminat għal kollox il-fattur tar-riskju tal-faqar ogħla għan-nisa - li l-biċċa l-kbira minnhom ikunu mdaħħla fiż-żmien;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw politiki xierqa biex jirrikonċiljaw ix-xogħol, il-familja u l-ħajja privata u biex jintegraw id-dimensjoni tat-tixjiħ fil-politiki kollha rilevanti, permezz tal-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-età, b'kunsiderazzjoni għad-diversi stadji tul il-ħajja; jistieden lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi li jinsab f'Vilnius, biex iħejji l-istudju neċessarju dwar l-impatt u r-riċerka;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ u effikaċi mill-istrumenti u l-programmi eżistenti tal-UE, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa mdaħħla fiż-żmien fis-swieq tax-xogħol u tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni kontra n-nisa mdaħħla fl-età, fl-oqsma kollha;

23.  Jitob lill-Istati Membri jħeġġu l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa mdaħħla fiż-żmien fis-settur tan-negozju billi jħeġġu n-nisa jniedu negozji ġodda u jipprovdulhom sostenn u jiffaċilitaw l-aċċess tan-nisa għall-finanzjament, speċjalment permezz tal-mikrokreditu, u jiżguraw rappreżentanza ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fil-korpi ekonomiċi għat-teħid tad- deċiżjonijiet, inklużi f'bordijiet għat-tmexxija tal-kumpaniji;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu l-kumpaniji jintegraw prinċipji u strumenti għall-ġestjoni tal-età fil-politika tagħhom, b'mod partikolari fil-politika dwar il-persunal tagħhom, biex jadottaw politika “favur l-età avvanzata u sensittiva għall-ġeneru” fuq il-postijiet tax-xogħol, biex jirrikonoxxu u jirrispettaw aktar l-għarfien u l-esperjenza akkumulati tal-impjegati (nisa) tagħhom imdaħħla fiż-żmien, u biex jiżviluppaw politika ta' informazzjoni affidabbli u trasparenti li tagħti l-opportunità lill-impjegati mdaħħla fiż-żmien jippreparaw għall-irtirar billi jkunu jafu bis-sħiħ bil-fatti dwar l-irtirar tagħhom; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-proċeduri għall-impożizzjoni ta' penalitajiet fuq min jimpjega li jiddiskrimina kontra l-impjegati (nisa) mdaħħla fiż-żmien; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li dawn il-politiki jiddaħħlu fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar;

In-Nisa bħala fornituri tal-kura

25.  jistieden lill-Istati Membri jinstensifikaw il-progress lejn l-ilħuq tal-bżonnijiet tal-familji li huma responsabbli għal dawk dipendenti fuqhom u jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssostni l-iżvilupp ta' strutturi għall-kura bl-użu tal-Fondi Strutturali;

26.  Jitlob lill-Istati Membri jiffaċilitaw id-dispożizzjoni għal servizzi tal-kura ta' kwalità, (li jinkludu kura fid-djar għall-anzjani), jiggarantixxu l-aċċessibilità u l-vijabbiltà finanzjarja ta' tali kura ta' kwalità, itejbu l-apprezzament għall-valur tax-xogħol li jsir minn professjonisiti li jagħtu l-kura, u jsostnu l-familji li jipprovdu l-kura lill-persuni mdaħħla fiż-żmien, pereżempju billi joffrulhom kumpens finanzjarju għal dak li jagħmlu u joffrulhom pariri u taħriġ sabiex ikunu jistgħu jagħtu kura informali ta' kwalità għolja;

27.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-bżonn li ssir dispożizzjoni għal standard għoli, kif inhu xieraq, għas-servizzi tal-kura tat-tfal, tal-anzjani u ta' persuni dipendenti oħra, li għandha tiġi offruta bi prezzijiet affordabbli u tkun kompatibbli max-xogħol full-time tal-persuna sabiex ikun żgurat li n-nisa ma jkunux obbligati jinterrompu, jabbandunaw jew iqassru l-karrieri tagħhom biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet ta' persuni li jiddependu mill-kura tagħhom;

28.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dawn is-servizzi tal-kura tat-tfal u tal-persuni dipendenti jikkostitwixxu sors sostanzjali ta' impjiegi li jista' jimtela min-nisa mdaħħla fiż-żmien, li r-rata ta' impjieg tagħhom bħalissa hija waħda mill-iktar baxxi;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ u żvilupp tal-kapaċità sabiex ikunu garantiti servizzi tal-kura ta' kwalità għolja u jieħdu azzjoni kontra n-nuqqas tal-persunal fis-settur privat (il-kura u s-saħħa) ikkaġunat minn tendenzi demografiċi;

30.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jestendu l-aċċess għal-liv tal-ġenituri lin-nanniet u lit-tfal li jkunu qegħdin jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom, u jirrikonoxxu l-kura għal persuni dipendenti, filwaqt li jqisu l-possibbiltà li jiġi żviluppat perjodu ta' liv għal min jagħti l-kura, u jipprovdu servizzi, taħriġ u konsulenza għal dawk li jagħtu l-kura;

31.  Jirrikonoxxi li n-nisa li qegħdin joqorbu l-età tal-irtirar, ta' spiss ikunu nanniet; jirrikonoxxi, mandankollu, li n-nisa li qeghdin joqorbu l-età tal-irtirar m'għadhomx jitqiesu biss bħala dawk li jagħtu l-kura; għalhekk, jitlob lill-Istati Membri biex jikkunsidraw faċilitajiet tal-kura tat-tfal li jistgħu joffru lin-nanniet, jekk dawn jixtiequ jagħmlu dan, il-libertà li jipparteċipaw f'attivitajiet oħra;

32.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-involviment taċ-ċivil u proġetti interġenerazzjonali għal persuni mdaħħla fiż-żmien, permezz ta' inizjattivi u skemi ta' finanzjament;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri fil-livelli kollha, inkluż billi jsostnu l-NGOs rilevanti, jindirizzaw il-bżonnijiet speċjali tal-persuni mdaħħla fiż-żmien, b'mod partikolari nisa mdaħħla fiż-żmien li jgħixu waħedhom, sabiex ma jibqgħux daqshekk iżolati u dipendenti u jippromwovu l-ugwaljanza, is-sigurtà u l-benessri tagħhom;

34.  Jitlob lill-Istati Membri jqisu firxa ta' għażliet ta' akkomodazzjoni u jsostnu gruppi u organizzazzjonijiet komunitarji fil-ġlieda kontra l-iżolament fost in-nisa anzjani u joħolqu ambjent favorevoli fejn titrawwem is-solidarjetà interġenerazzjonali;

35.  Jirrikonoxxi li n-nisa mdaħħla fiż-żmien għandhom ikollhom l-għażla dinjituża li jgħixu kif jixtiequ, sew jekk jixtiequ jibqgħu waħedhom u sew jekk jixtiequ jgħixu f'komunità;

Kwistjonijiet tas-saħħa

36.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu d-dimensjoni tal-ġeneru fis-saħħa bħala parti essenzjali tal-politiki tal-UE dwar is-saħħa, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jadottaw strateġija doppja li tinvolvi l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u azzjonjiet speċifiċi relatati mal-ġeneru, fil-politika nazzjonali u tal-UE dwar is-saħħa;

37.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-importanza tal-kura tas-saħħa kurattiva u paljattiva li tqis l-età u l-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri jespandu r-riċerka dwar mard relatat mal-ġeneru, inkluża riċerka dwar il-kawżi, il-prevenzjoni possibbli u t-trattamenti għal dan il-mard;

38.  Jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tat-trattament preventiv u tal-monitoraġġ mediku fil-kura tas-saħħa, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-metodu miftuħ ta' koordinament biex tiżgura l-iskambju tal-opinjonijiet, tippromwovi l-armonizzazzjoni tal-monitoraġġ mediku fl-UE kollha u tidentifika l-aħjar prattiki u tistabbilixxi linji gwida;

39.  Jilqa' l-isforzi ta' xi Stati Membri li jipprovdu aċċess mingħajr ħlas għall-prevenzjoni ta' mard relatat mal-ġeneru u jħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex isaħħu l-kura tas-saħħa preventiva għal nisa mdaħħla fiż-żmien billi jipprovdu, pereżempju, mammografiji regolari u aċċessibli, ineħħu l-limiti tal-età fl-aċċess għall-prevenzjoni tas-saħħa bħall-iskrinjar tal-kankru tas-sider, u jqajmu l-kuxjenza dwar l-importanza tal-monitoraġġ mediku.

40.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jaddottaw strateġija dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki tas-saħħa u biex jiżguraw l-ugwaljanza fl-aċċess għal kura tas-saħħa u kura fit-tul affordabbli kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, speċjalment għall-persuni mdaħħla aktar fiż-żmien, u għal dawk li huma żvantaġġati fuq diversi livelli;

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri li jiżguraw saħħa u sikurezza mtejba fuq il-post tax-xogħol, u b'hekk jippreservaw l-impjegabbiltà u l-kapaċitajiet tal-ħaddiema biex ikunu aktar f'saħħithom f'età avvanzata;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jissieltu kontra kull forma ta' vjolenza fil-konfront tan-nisa mdaħħla fiż-żmien, filwaqt li jirrikonoxxu li din il-problema mhix stmata biżżejjed, jittrattaw l-isterjotipi fis-soċjetà u jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi jkunu jistgħu jqisu l-bżonnijiet speċifiċi tal-vittmi tal-vjolenza mdaħħla fiż-żmien, sabiex tiġi żgurata t-tgawdija bis-sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi u jintuża bis-sħiħ il-programm DAPHNE;

o
o   o

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0306.
(3) Dokument ta' Ħidma tal-Persunal: Rapport Demografiku 2010, il-Kummissjoni Ewropea, paġna 62
(4) Lista ta' 100 inugwaljanzi, L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi
(5) Rapport dwar il-Progress fl-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel fl-2010, il-Kummissjoni Ewropea, paġna 31.
(6) Il-ħajja tan-nisa u l-irġiel fl-Ewropa - stampa tal-istatistika, Eurostat, 2008, paġna 196.
(7) L-Ewrobarometru speċjali 317, id-Diskriminazzjoni fl-UE fl-2009, Novembru 2009, paġna 71.

Avviż legali - Politika tal-privatezza