Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2026(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0275/2011

Testi mressqa :

A7-0275/2011

Dibattiti :

PV 13/09/2011 - 3
CRE 13/09/2011 - 3

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2011 - 5.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0361

Testi adottati
PDF 226kWORD 60k
It-Tlieta, 13 ta' Settembru 2011 - Strasburgu
Id-direttiva dwar il-medjazzjoni fl-Istati Membri
P7_TA(2011)0361A7-0275/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2011 dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar il-medjazzjoni fl-Istati Membri, l-impatt tagħha fuq il-medjazzjoni u l-adozzjoni tagħha mill-qrati (2011/2026(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 67 u 81(2)g tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-23 ta' April 2008 dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill għall-adozzjoni ta' direttiva dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni fi kwistjoni ċivili u kummerċjali(1).

–  wara li kkunsidra s-seduti ta' smigħ li kellu l-Kumitat għall-Affarijiet Legali fl-20 ta' April 2006, fl-4 ta' Ottubru 2007 u fit-23 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta' Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali(2).

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0275/2011),

A.  billi l-iżgurar ta' aċċess aħjar għall-ġustizzja hija waħda mill-għanijiet ewlenin tal-politika tal-Unjoni Ewropea biex tistabbilixxi żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja; billi l-kunċett ta' aċċess għall-ġustizzja għandu, f'dan il-kuntest, jinkludi l-aċċess għal proċessi adegwati ta' riżoluzzjoni ta' kontroversji għall-individwi u n-negozji;

B.  billi l-għan tad-Direttiva 2008/52/KE huwa li tiġi promossa is-soluzzjoni bonarja tal-kontroversji billi tinkoraġġixxi l-użu ta' medjazzjoni u billi tiżgura relazzjoni bbilanċjata bejn il-medjazzjoni u l-proċedimenti ġudizzjarji,

C.  billi sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-medjazzjoni bħala alternattiva vjabbli għall-approċċ kontenzjuż tradizzjonali u sabiex jiġi żgurat li l-partijiet li jirrikorru għall-medjazzjoni fl-Unjoni Ewropea jibbenefikaw minn qafas ta' leġiżlazzjoni prevedibbli, id-Direttiva tintroduċi prinċipji komuni li jindirizzaw, b'mod partikolari, aspetti ta' proċedura ċivili,

D.  billi, minbarra l-prevedibilità, id-Direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi qafas li jippreserva l-vantaġġ ewlieni tal-medjazzjoni, li hu l-flessibilità; billi dawn iż-żewġ rekwiżiti għandhom jiggwidaw lill-Istati Membri meta jfasslu liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva,

E.  billi d-Direttiva 2008/52/KE wkoll kienet ta' interess għall-Istati ġirien u kellha effett dimostrabbli fuq l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni simili f'uħud minn dawn il-pajjiżi,

F.  billi l-Istati Membru huma meħtieġa li jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel il-21 ta' Mejju 2011, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 10, li għalih id-data ta' konformità kienet il-21 ta' Novembru 2010; billi s'issa l-maġġoranza tal-Istati Membri rraportaw li huma wettqu l-proċess ta' implimentazzjoni jew se jwettquh sad-data tal-iskadenza, u għadd żgħir ta' Stati Membri biss għadhom ma rraportawx il-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva: ir-Repubblika Ċeka, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja,

G.  billi l-Parlament Ewropew iqis importanti li jiġi eżaminat il-mod ta' kif din il-leġiżlazzjoni ġiet implimentata mill-Istati Membri, sabiex ikun jaf x'jaħsbu mill-medjazzjoni l-operaturi u l-utenti u sabiex jidentifika jekk u kif tista' tittejjeb,

H.  billi, għal dan l-iskop, għandha titwettaq analiżi dettaljata tal-approċċ regolatorji ewlenin tal-Istati Membri biex jiġu identifikati prattiki tajba u jissieltu konklużjonijiet dwar kwalunkwe azzjoni ulterjuri fil-livell Ewropew,

I.  billi l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Programm ta' Stokkolma (COM(2010)0171) jipprevedi Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar il-medjazzjoni fl-2013,

J.  billi huwa utli li jiġi kkunsidrat il-mod ta' kif l-Istati Membri implimentaw id-dispożizzjonijiet prinċipali tad-Direttiva tal-Medjazzjoni fir-rigward tal-possibbiltà għall-qrati li jissuġġerixxu l-medjazzjoni direttament lill-partijiet (Artikolu 5), il-garanzija tal-kunfidenzjalità (Artikolu 7), l-inforzabbiltà ta' ftehimiet li jirriżultaw minn medjazzjoni (Artikolu 6), u l-effett tal-medjazzjoni fuq il-perjodi ta' limitazzjoni u ta' preskrizzjoni (Artikolu 8),

K.  billi l-Kummissjoni inkludiet fil-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2011 proposta leġiżlattiva dwar Riżoluzzjoni Alternattiva tal-Kontroversji,

1.  Josserva li r-rekwiżit ta' kunfidenzjalità stabbilit mid-Direttiva kien diġà jeżisti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' ċerti Stati Membri: fil-Bulgarija, il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi li l-medjaturi jistgħu jirrifjutaw jixhdu dwar kontroversja li għaliha huma għamluha ta' medjaturi; fi Franza u l-Polonja, il-liġijiet li jirregolaw il-medjazzjoni ċivili jistabbilixxu dispożizzjonijiet simili; jinnota li, fost l-Istati Membri, l-Italja tadotta approċċ strett fir-rigward tal-kunfidenzjalità tal-proċedimenti ta' medjazzjoni, filwaqt li r-regoli Svediżi dwar il-medjazzjoni jipprovdu li l-kunfidenzjalità mhijiex awtomatika u teħtieġ ftehim bejn il-partijiet f'dan is-sens; iqis li jidher li huwa meħtieġ approċċ aktar koerenti;

2.  Josserva li, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva, il-maġġoranza tal-Istati Membri jiddisponu minn proċedura intiża sabiex il-ftehim li jirriżulta mill-medjazzjoni jingħata l-istess saħħa ta' deċiżjoni ġudizzjarja; jinnota li dan iseħħ jew billi l-ftehim jiġi ppreżentat lill-qorti jew billi l-ftehim jiġi insinwat u li jidher li xi leġiżlaturi nazjonali għażlu l-ewwel soluzzjoni filwaqt li, b'kuntrast ma' dan, f'ħafna Stati Membri l-insinwar huwa għażla disponibbli wkoll skont id-dritt nazzjonali: pereżempju, filwaqt li fil-Greċja u s-Slovenja l-liġi tipprovdi li ftehim ta' medjazzjoni jista' jiġi infurzat mill-qrati, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Ġermanja l-ftehimiet jistgħu jsiru eżegwibbli bħala atti notarili, u fi Stati Membri oħra, inkluża l-Awstrija, jistgħu, bħalma tgħid il-liġi bħalissa, jiġu inforzati bħala atti notarili minkejja n-nuqqas ta' kwalunkwe dispożizzjoni espliċita f'dak is-sens fil-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri kollha li għadhom ma jikkonformawx mal-Artikolu 6 tad-Direttiva, jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli;

3.  Huwa tal-opinjoni li l-Artikolu 8, li jittratta l-effetti tal-medjazzjoni fuq il-perjodi ta' limitazzjoni u ta' preskrizzjoni, huwa dispożizzjoni essenzjali peress li dan jiżgura li l-partijiet li jagħżlu l-medjazzjoni sabiex jippruvaw isolvu kontroversja ma jkunux sussegwentement impediti milli jibdew proċedimenti ġudizzjarji minħabba l-perjodu ta' żmien li huma jkunu għaddew f'medjazzjoni; jinnota li l-ebda problema partikolari ma tqajmet mill-Istati Membri fir-rigward ta' dan il-punt;

4.  Jirrimarka li xi Stati Membri għażlu li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva f'żewġ oqsma, li huma l-inċentivi finanzjarji għall-parteċipazzjoni f'medjazzjoni u r-rekwiżiti ta' medjazzjoni obbligatorja; jinnota li l-inizjattivi nazzjonali ta' dan it-tip jgħinu biex jirrendu r-riżoluzzjoni tat-tilwim aktar effettiva u jnaqqsu l-ammont ta' xogħol tal-qrati;

5.  Jirrikonoxxi li l-Artikolu 5(2) jippermetti lill-Istati Membri jirrikorru għall-medjazzjoni obbligatorja jew dik suġġetta għal inċentivi jew sanzjonijiet, kemm jekk qabel jew wara l-bidu tal-proċedimenti ġudizzjarji, sakemm dan ma jimpedixxix lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt ta' aċċess tagħhom għall-qrati;

6.  Josserva li xi stati Ewropew ħadu numru ta' inizjattivi sabiex jipprovdu inċentivi finanzjarji lill-partijiet li jirreferu l-kawżi għall-medjazzjoni: fil-Bulgarija, il-partijiet se jirċievu rifużjoni ta' 50 % tal-pagament statali diġà mħallas għall-preżentata tal-kontroversja quddiem il-qorti jekk huma jsolvu l-kontroversja permezz tal-medjazzjoni, u l-leġiżlazzjoni Rumena tipprovdi għar-rimborż totali tat-taxxa tal-qorti jekk il-partijiet isolvu kontroversja legali pendenti permezz tal-medjazzjoni; jinnota li tinsab dispożizzjoni simili fil-leġiżlazzjoni Ungeriża u li fl-Italja l-atti u l-ftehimiet ta' medjazzjoni kollha huma eżenti mill-bolol u l-ispejjeż;

7.  Josserva li, flimkien mal-inċentivi finanzjarji, ċerti Stati Membri li s-sistemi ġudizzjarji tagħhom huma mgħobbija żżejjed irrikorrew għal regoli li jagħmlu l-użu tal-medjazzjoni obbligatorju; jinnota li f'tali każijiet ma jistgħux jiġu ppreżentati kontroversji fil-qorti qabel ma l-partijiet ikunu l-ewwel ippruvaw isolvu l-kwistjonijiet permezz tal-medjazzjoni;

8.  Jirrimarka li l-eżempju l-aktar ċar huwa d-Digriet Leġiżlattiv Taljan Nru 28, li għandu l-għan li b'dan il-mod jirriforma s-sistema legali u jagħmel tajjeb għall-qrati Taljani, magħrufin li huma maħnuqa bix-xogħol, billi jnaqqas il-kawżi u l-perjodu ta' żmien medju ta' disa' snin għall-konklużjoni tal-kontestazzjoni ta' kawża ċivili; josserva li, hekk kif previst, dan ma ntlaqax tajjeb mill-professjonisti, li kkontestaw id-digriet quddiem il-qorti u anki strajkjaw;

9.  Jirrimarka li, minkejja l-polemika, l-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tmur lil hinn mir-rekwiżiti essenzjali tal-Direttiva tal-Medjazzjoni jidhru li kisbu riżultati sinifikanti fil-promozzjoni tat-trattament mhux ġudizzarju tal-kontroversji fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali; josserva li r-riżultati miksuba b'mod partikolari fl-Italja, il-Bulgarija u r-Romanija juru li l-medjazzjoni tista' twassal għas-soluzzjoni extraġudizzjarja kosteffikaċi u rapida ta' kontroversji permezz ta' proċessi mfassla skont il-bżonnijiet tal-partijiet;

10.  Josserva li l-medjazzjoni obbligatorja tidher li qed tilħaq l-objettiv fis-sistema legali Taljana billi tnaqqas il-konġestjoni fil-qrati; madankollu, jenfasizza li l-medjazzjoni għandha tiġi promossa bħala forma ta' ġustizzja alternattiva vijabbli, ta' spiża baxxa u aktar rapida minflok aspett obbligatorju tal-proċedura ġudizzjarja;

11.  Jirrikonoxxi r-riżultati pożittivi miksuba mill-inċentivi finanzjarji li jinsabu fil-liġi Bulgara dwar il-medjazzjoni; jirrikonoxxi, madankollu, li dawn huma dovuti wkoll għall-interess fil-medjazzjoni, li ilu jeżisti, mis-sistema legali Bulgara peress li l-komunità tal-medjazzjoni ilha teżisti mill-1990 u ċ-Ċenru ta' Soluzzjoni – kompost minn medjaturi li jaħdmu bix-xifts – ilu jipprovdi servizzi ta' medjazzjoni u informazzjoni bla ħlas u kuljum lill-partijiet f'kawżi pendenti quddiem il-qorti mill-2010; jinnota li fil-Bulgarija żewġ terzi mill-kawżi kienu s-suġġett ta' medjazzjoni u nofs minnhom irriżultaw f'konklużjoni b'suċċess fil-kuntest tal-medjazzjoni;

12.  Jinnota wkoll ir-riżultati pożittivi tal-liġi Rumena dwar il-medjazzjoni: flimkien ma' dispożizzjonijiet dwar inċentivi finanzjarji, Kunsill ta' Medjazzjoni – awtorità nazzjonali għall-prattika ta' medjazzjoni li teżisti bħala entità legali separata u awtonoma – ġie stabbilit; dan huwa ddedikat kompletament għall-promozzjoni ta' attività ta' medjazzjoni, l-iżvilupp ta' standards ta' taħriġ, il-preparazzjoni ta' persuni li jipprovdu korsijiet ta' taħriġ, il-ħruġ ta' dokumenti li jiċċertifikaw il-kwalifiki professjonali tal-medjaturi, l-adozzjoni ta' kodiċi ta' etika u t-tfassil ta' proposti għal aktar leġiżlazzjoni;

13.  Jemmen, fid-dawl ta' dak kollu li ntqal hawn fuq, li l-Istati Membri jinsabu, fit-totalità tagħhom, ġeneralment fit-triq it-tajba sabiex jimplimentaw id-Direttiva 2008/52/KE sal-21 ta' Mejju 2011 u li, għalkemm l-Istati Membri qed jużaw approċċi regolatorji differenti u xi stati għadhom ftit lura, il-fatt jibqa' li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri mhux biss huma konformi, iżda fil-fatt imorru lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva;

14.  Jenfasizza li l-partijiet li huma lesti li jistinkaw għar-riżoluzzjoni tal-każ tagħhom għandhom aktar probabilità li jaħdmu ma' xulxin milli kontra xulxin; huwa tal-fehma li għalhekk dawn il-partijiet għandhom aktar probabilità li jqisu l-pożizzjoni tal-parti l-oħra u li jaħdmu fuq il-kwistjonijiet sottostanti tal-kontroversja; iqis li dan kemm-il darba jkollu l-benefiċċju miżjud li jippreserva r-relazzjoni li l-partijiet kellhom qabel il-kontroversja, u dan huwa importanti ħafna fi kwistjonijiet tal-familja li jinvolvu lit-tfal;

15.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex, fil-Komunikazzjoni tagħha li jmiss dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/52/KE, teżamina wkoll dawk l-oqsma fejn l-Istati Membri għażlu li jestendu l-miżuri tad-Direttiva lil hinn mill-ambitu oriġinali tagħha;

16.  Jenfasizza l-karatteristiċi li huma favorevoli għall-konsumaturi tal-iskemi alternattivi ta' riżoluzzjoni ta' kontroversji, li joffru soluzzjoni prattika mfassla apposta; jitlob f'dan il-kuntest li jkun hemm preżentazzjoni fil-pront ta' proposta leġiżlattiva dwar ir-riżoluzzjoni ta' kontroversji mill-Kummissjoni;

17.  Jinnota li s-soluzzjonijiet li jirriżultaw mill-medjazzjoni u li huma żviluppati bejn il-partijiet ma jistgħux jiġu pprovduti minn imħallef jew ġurija; għalhekk, huwa tal-fehma li l-medjazzjoni għandha aktar probabilità li tipprovdi riżultat li jkun miftiehem b'mod reċiproku mill-partijiet jew li tkun tista' tgawdi minnu kull parti; għalhekk jinnota li hemm aktar probabilità li jiġi aċċettat tali ftehim u li l-konformità ma' ftehimiet li jkunu s-suġġett ta' medjazzjoni hija ta' spiss għolja;

18.  Huwa tal-fehma li hemm bżonn ta' żieda fl-għarfien u fil-fehim tal-medizzjoni u jitlob biex ikun hemm aktar azzjoni rigward l-edukazzjoni, iż-żieda fl-għarfien tal-medjazzjoni, it-tisħiħ tal-użu tal-medjazzjoni min-negozji u r-rekwiżiti tal-aċċess għall-professjoni ta' medjatur;

19.  Jinnota li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiġu inkoraġġiti jiżviluppaw programmi li jippromwovu għarfien xieraq tar-riżoluzzjoni alternattiva tal-kontroversji; iqis li dawk l-azzjonijiet għandhom jindirizzaw il-vantaġġi ewlenin tal-medjazzjoni – l-ispiża, ir-rata ta' suċċess u l-effiċjenza fil-ħin – u għandhom jirrigwardaw l-avukati, in-nutara u n-negozji, partikolarment l-SMEs, kif ukoll l-akkademiċi;

20.  Jagħraf l-importanza li jiġu stabbiliti standards komuni għall-aċċess għall-professjoni ta' medjatur sabiex tiġi mħeġġa kwalita aħjar tal-medjazzjoni u sabiex jiġu żgurati standards għoljin ta' taħriġ professjonali u akkreditazzjoni madwar l-Unjoni;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 122.
(2) ĠU L 136, 24.5.2008, p. 3.

Avviż legali - Politika tal-privatezza