Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2275(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0207/2011

Testi mressqa :

A7-0207/2011

Dibattiti :

PV 12/09/2011 - 27
CRE 12/09/2011 - 27

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2011 - 5.26
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0367

Testi adottati
PDF 351kWORD 99k
It-Tlieta, 13 ta' Settembru 2011 - Strasburgu
L-intraprenditorija tan-nisa fl-impriżi ta' daqs żgħir u medju
P7_TA(2011)0367A7-0207/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2011 dwar l-intraprenditorija tan-nisa f'impriżi żgħar u ta' daqs medju (2010/2275(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta' Awwissu 2008 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (1),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 bl-isem “Implimentazzjoni tal-għanijiet ta' Barċellona rigward il-faċilitajiet ta' kura għat-tfal f'età ta' qabel l-iskola” (COM(2008)0638),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni “Promotion of Women Innovators and Entrepreneurship” (Promozzjoni tal-Innovatriċi u tal-Intraprenditorija tan-Nisa) tal-25 ta' Lulju 2008,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 bit-titolu “'Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”: “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa (COM(2008)0394),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tas-29 ta' Mejju 2000 dwar proċedimenti ta' falliment(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2009 dwar l-Att tan-Negozji Żgħar(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 2006 dwar Wasal iż-żmien li ningranaw – Noħolqu Ewropa ta' imprenditorija u tkabbir(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2002 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill: L-Inizjattiva għat-Tkabbir u l-Impjiegi - miżuri fuq l-assistenza finanzjarja għall-innovazzjoni u għall-ħolqien ta' impjiegi ta' intrapriżi żgħar u medji (SMEs)(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0207/2011),

A.  billi huwa importanti li jkun rikonoxxut li t-tqassim bejn in-nisa u l-irġiel tal-familja u r-responsabbiltajiet domestiċi tagħhom, l-aktar permezz ta' rikors akbar għal liv tal-ġenituri u tal-paternità, huwa essenzjali għall-avvanz u l-ksib tal-ugwaljanza bejn is-sessi u għalhekk jinħtieġ li jinżamm bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, li jista' jgħin lin-nisa jibdew negozju tagħhom biex jiżguraw l-indipendenza finanzjarja tagħhom u l-indipendenza fix-xogħol,

B.  billi l-impjieg indipendenti ġeneralment joffri flessibilità akbar fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol, l-għadd ta' sigħat maħduma u l-post tax-xogħol milli l-impjieg dipendenti, u b'hekk jipprovdi possibilitajiet għal dawk li jimmiraw li joħolqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-kompiti ta' kura tagħhom jew attivtajiet oħra, jew għal dawk li jeħtieġu post tax-xogħol adattat,

C.  billi l-kategorija ta' intrapriżi żgħar ħafna, żgħar u ta' daqs medju (SMEs) hija magħmulha minn intrapriżi li jħaddmu anqas minn 250 persuna u li ta' kull sena l-valur tal-introjtu tagħhom ma jaqbiżx l-EUR 50 miljun u t-total tal-karta tal-bilanċ tagħhom ma jaqbiżx l-EUR 43 miljun,

D.  billi 99 % tat-twaqqif ta' negozji fl-Ewropa huma intrapriżi żgħar ħafna jew intrapriżi żgħar u terz minn dawn jitniedu minn nies qiegħda, u billi l-intrapriżi żgħar ħafna li jimpjegaw anqas minn 10 min-nies jammontaw għal 91 % tan-negozji Ewropej,

E.  billi l-“Pjan ta' Azzjoni: L-Aġenda Ewropea għall-Intraprenditorija” (COM(2004)0070) jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn ta' skemi aħjar tas-sigurtà soċjali, billi l-Kummissjoni qed tippjana li tippreżenta Komunikazzjoni dwar l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar kmieni fl-2011, u billi l-bżonn ta' dispożizzjoni mtejba tas-sigurtà soċjali għal imprendituri nisa partikolarment għandu jkun enfasizzat,

F.  billi n-nisa jistgħu jaffaċċjaw ostakli fl-aċċess għall-appoġġ informazzjonali u finanzjarju u għall-għodda u s-servizzi teknoloġiċi li jistgħu joħolqulhom limiti fil-kapaċità tagħhom li jespandu n-negozji tagħhom u jikkompetu għal kuntratti tal-gvern u muniċipali,

G.  billi, skont it-terminoloġija tal-Kummissjoni Ewropea, l-impjieg indipendenti fals huwa tip ta' impjieg li ma jeżistix li jinħoloq minħabba klassifikazzjoni inadegwata tal-istat ta' impjieg li ssir biex wieħed japprofitta mis-sistema ta' protezzjoni soċjali u li teskludi lil ħaddiema bħal dawn minn drittijiet bażiċi tal-ħaddiema sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-impjieg;billi l-ħaddiema kkonċernati jibqgħu ekonomikament dipendenti,

H.  billi l-intraprendituri huma dawk il-persuni (sidien ta' negozji) li jfittxu biex jiġġeneraw valur, bis-saħħa tal-ħolqien jew tat-tkabbir ta' attività ekonomika, billi jidentifikaw u jisfruttaw prodotti, proċessi jew swieq ġodda(8),

I.  billi intraprenditur mara tista' tiġi ddefinita bħala mara li ħolqot negozju fejn hija għandha l-ikbar sehem fih u fejn hija tieħu interess attiv fit-teħid tad-deċiżjonijiet, fit-teħid tar-riskji u fil-ġestjoni ta' kuljum,

J.  billi bosta negozji, immexxija fil-maġġorparti min-nisa, inbdew fir-reġjuni tal-“Objettiv 1” li dalwaqt se jitneħħew mill-istatus tagħhom ta' reġjuni żvantaġġati meta jissieħbu pajjiżi ġodda,

K.  billi bosta mir-reġjuni li mhux se jibqgħu jirċievu appoġġ jinkludu żoni rurali li għadhom mhumiex adegwatament żviluppati, filwaqt li reġjuni f'pajjiżi li ssieħbu reċentement sikwit ma jkollhomx ir-riżorsi kulturali, soċjali u organizzattivi biex jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-finanzjament Ewropew,

L.  billi hemm diskrepanzi bejn l-Istati Membri u l-għadd ta' intraprendituri nisa; billi inqas nisa milli rġiel iqisu li l-intraprenditorija bħala għażla ta' karriera vijabbli u minkejja r-riżultat pożittiv fl-aħħar għaxar snin fil-għadd ta' nisa li jmexxu SMEs, fl-Unjoni Ewropea huma biss 1 minn 10 nisa li huma intraprendituri meta mqabbla ma' 1 minn 4 rġiel, billi n-nisa jammontaw għal madwar 60 % tal-gradwati universitarji kollha, iżda mhumiex rappreżentati biżżejjed fl-impjieg full-time fis-suq tax-xogħol, partikolarment fil-qasam tan-negozju; billi huwa kruċjali li n-nisa jitħeġġu u jingħataw is-setgħa li jibdew negozji intraprenditorjali sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi eżistenti bejn is-sessi,

M.   billi l-att tal-Istati Uniti “Women's Business Ownership Act (1988)” żied l-ammont ta' nisa proprjetarji ta' negozju bħala perċentwali min-negozji kollha minn 26 % fl-1992 għal 57 % fl-2002; billi s-suċċess ta' dan l-Att jista' jgħin lill-UE fl-identifikazzjoni ta' prattiki tajba,

N.  billi dawk l-intraprendituri nisa li għandhom inqas għarfien dwar l-għażliet disponibbli tal-finanzjament u inqas esperjenza fil-ġestjoni finanzjarja, minħabba fatturi soċjali, jeħtieġu appoġġ mhux biss matul il-fażi tal-bidu imma wkoll tul iċ-ċiklu ekonomiku ta' impriża, minħabba li hemm differenza fit-tip ta' appoġġ meħtieġ għall-ippjanar tan-negozju fil-fażijiet tal-bidu u tal-iżvilupp,

O.  billi l-intraprenditorija femminili u l-SMEs nisa jipprovdu sors ewlieni għal żieda fl-għadd ta' impjiegi femminili u b'hekk jiġi sfruttat iktar il-livell ta' edukazzjoni tan-nisa, kif ukoll jiġi żgurat li n-nisa ma jidħlux għal impjiegi prekarji, u billi l-intraprenditorija tan-nisa tiżgura dinamiżmu u innovazzjoni fin-negozju, li l-potenzjal tiegħu għadu mhux qed jiġi sfruttat fl-Unjoni Ewropea, b'żieda fl-għadd ta' intraprendituri nisa li jirriżulta f'impatt pożittiv u f'kontribuzzjoni immedjata għall-ekonomija b'mod ġenerali; billi fi klima ekonomika instabbli l-miżuri ta' appoġġ għall-intraprendituri nisa huma sikwit ittraskurati,

P.  billi l-irġiel u n-nisa ġeneralment m'għandhomx l-istess opportunitajiet biex imexxu u jiżviluppaw kumpaniji u billi l-promozzjoni tal-intraprenditorija tan-nisa hija proċess twil li titlob il-ħin biex jinbidlu l-istrutturi u l-attitudnijiet fis-soċjetà; billi n-nisa minn dejjem kienu intraprenditorjali, imma r-regoli u l-firda tradizzjonali tar-rwoli fissru li l-intraprenditorija mhux dejjem kienet għażla għan-nisa,

Q.  billi l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) żied sostanzjalment l-attività ta' self tiegħu ddedikata lill-SMEs minn EUR 8,1 biljun fl-2008 għal madwar EUR 11,5 biljun fl-2009; billi l-istrumenti tal-SME mogħtija skont il-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni kienu kontinwament implimentati (EUR 1,13 biljun allokati għall-2007-2013); billi l-Kummissjoni adottat qafas temporanju dwar l-għajnuna statali 2009/2010 li jagħti lill-Istati Membri iktar possibilitajiet biex jindirizzaw l-effetti tal-problema tal-kreditu,

R.  billi programmi ta' dispożizzjoni għall-investiment iqawwu l-kapaċità ta' SME jew intraprenditur biex jifhem il-biżgħat tal-banek jew ta' investituri oħra li jkunu jistgħu jipprovdu finanzjament estern,

S.  billi intraprendituri nisa huma grupp eteroġenu, li jvarja f'termini ta' età, sfond u edukazzjoni, minn dawk li għadhom kemm iggradwaw għal dawk li mxew sew fil-karriera tagħhom li jixtiequ jsibu toroq ġodda biex jużaw it-talenti tagħhom tal-ġestjoni, l-ispirtu intraprenditorjali, il-ħiliet komunikattivi, l-approċċ konsenswali u l-abilità biex jivvalutaw ir-riskji b'mod preċiż, u billi l-intraprendituri nisa huma attivi f'medda wiesgħa ta' setturi u negozji; billi l-irġiel u n-nisa m'għandhomx l-istess opportunitajiet biex imexxu u jiżviluppaw kumpaniji minħabba sterjotipi sesswali u ostakli strutturali, in-nisa li sikwit u inġustifikabbilment huma mifhuma bħala dawk li għandhom nuqqas ta' ħiliet intraprenditorjali bħalma huma l-fiduċja fihom infushom, il-ħiliet tal-ġestjoni, l-assertività u t-teħid tar-riskji,

T.  billi l-konsulenza u l-appoġġ minn nisa attivi kif ukoll minn intraprendituri rġiel jistgħu jgħinu intrapriżi ġodda minn intraprendituri nisa biex jingħelbu ħafna mill-biżgħat marbuta mal-eżordji tan-negozji,

U.  billi huwa importanti li jkunu promossi rakkomandazzjonijiet prattiċi li jqisu r-realtà tal-ħajja tan-negozju u ekonomika fl-ambjent tas-suq kompetittiv,

V.  billi ma kienx hemm biżżejjed riċerka dwar l-intraprenditorija tan-nisa fil-livell tal-UE li tista' tinforma l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki madwar l-UE f'dan il-qasam,

W.  billi, f'ħafna Stati Membri, persuni li jaħdmu għal rashom m'għandhomx drittijiet soċjali xierqa, bħalma huwa l-liv tal-maternità u tal-paternità, l-assigurazzjoni kontra l-qgħad u l-mard, il-ħlas għal diżabilità, dispożizzjonijiet tal-pensjoni u faċilitajiet għat-tfal, anki jekk faċilitajiet simili huma essenzjali biex jippermettu intraprendituri nisa jirrikonċiljaw l-impenn professjonali u l-ħajja familjari u jippermettu l-Unjoni Ewropea tgħolli l-isfida demografika; billi, fil-linji gwida għall-politiki tal-impjegar, l-Istati Membri huma mitluba jippromwovu l-impjieg indipendenti filwaqt li jiżguraw sigurtà soċjali adegwata għall-persuni li jaħdmu għal rashom,

X.  billi hemm grupp magħmul prinċipalment minn nisa li huwa attiv fix-xogħol bħalma hu x-xogħol domestiku jew dak tal-kura privata li mhuwiex uffiċjalment impjegat iżda wkoll li ma jaħdimx għal rasu, u għalhekk ma jibbenefika minn l-ebda protezzjoni soċjali,

Aċċess għall-appoġġ finanzjarju u edukattiv

1.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jagħmlu użu aħjar mill-opportunitajiet tal-iffinanzjar li huma disponibbli għall-intraprendituri nisa bis-saħħa ta' għotjiet speċjali, kapital ta' riskju, dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali u rati mraħħsa tal-interessi li jippermettu aċċess ġust u ugwali għall-finanzjament, bħalma hi l-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress, li tipprovdi mikrokrediti ta' mhux iktar minn EUR 25 000 lil mikrointrapriżi u lil dawk li jridu jibdew negozju żgħir tagħhom mingħajr aċċess għas-servizzi bankarji tradizzjonali, bħalma huma dawk li huma qiegħda;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jifformaw kampanji nazzjonali, inklużi workshops u seminars, li jippromwovu u jinformaw lin-nisa b'mod iktar effettiv dwar il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress u dwar il-possibilitajiet kollha ta' finanzjament offruti minn din il-faċilità;

3.  Jirrimarka li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tal-UE, rikonoxxut mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, waqt li, billi minkejja l-progress sinifikanti li sar, għad fadal ħafna inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel f'termini ta' intraprenditorija u ta' teħid ta' deċiżjonijiet,

4.  Jiddispjaċih li l-kriżi finanzjarja u ekonomika żiedet il-problemi għal bosta intraprendituri nisa potenzjali, speċjalment fl-ewwel tliet snin tan-negozju; jisħaq li l-iżvilupp ta' SMEs li jagħmlu profitt kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa jista' jgħin biex l-Istati Membri jiksbu iktar tkabbir ekonomiku sostenibbli;

5.  Jilqa' t-taqsima separata dwar għajnuna għal intraprenditorija femminili fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 msemmi hawn fuq; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li din l-għajnuna tibqa' tingħata f'qafas ta' appoġġ Komunitarju futur sabiex tgħin jissaħħu l-intraprendituri nisa wara l-iskadenza ta' dan ir-Regolament;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-SMEs immexxija (u mwaqqfa) minn nisa jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-vantaġġi fiskali pprovduti għal SMEs;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw sew ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar proċedimenti ta' falliment u jiżguraw li l-intraprendituri li m'għadhomx biżżejjed flus biex jonoraw l-obbligi kummerċjali tagħhom jew li għaddew minn waqfiet fil-karrieri tagħhom ikollhom aċċess għal assistenza u appoġġ ta' rkupru finanzjarju sabiex ikunu jistgħu jkomplu bi proġetti mibdija jew ibiddlu d-direzzjoni;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-iskambju tal-aħjar prattika bejn ir-reġjuni li mhux se jibqgħu jikkwalifikaw għall-istatus tal-Objettiv 1 u r-reġjuni f'pajjiżi li għadhom kemm issieħbu sabiex jiżguraw l-involviment ta' intraprendituri nisa, partikolarment fis-settur agrikolu bi skala żgħira, kemm biex jippermettilhom jgħaddu l-esperjenza li kisbu, u b'hekk jevitaw it-tneħħija ħesrem tal-appoġġ finanzjarju, kif ukoll bl-għan tat-taħriġ u tal-ħolqien ta' klassi ġdida ta' nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali fil-pajjiżi li ssieħbu l-iktar reċentement;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Konfederazzjoni tan-Negozji Ewropej jippromwovu l-intraprenditorija femminili, l-appoġġ finanzjarju u l-istruttura tal-konsulenza professjonali u biex iwettqu, flimkien ma' skejjel u organizzazzjonijiet tan-negozju u organizzazzjonijiet nazzjonali għan-nisa, programmi ta' dispożizzjoni għall-investiment li jistgħu jgħinu lin-nisa joħolqu pjanijiet kummerċjali vijabbli u jsibu u jiddefinixxu investituri potenzjali;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestigaw l-ostakli għall-intraprenditorija femminili u partikolarment imexxu analiżi komprensiva tal-aċċess tan-nisa għall-finanzi;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lill-banek u lill-istituzzjonijiet finanzjarji jqisu servizzi ta' appoġġ għan-negozji li jistgħu jużawhom faċilment in-nisa;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Konfederazzjoni tan-Negozji Ewropej jikkunsidraw il-ħolqien ta' skemi ta' konsulenza u programmi ta' appoġġ li jagħmlu użu partikulari minn skemi ta' tixjiħ attiv li jutilizzaw is-suġġerimenti u l-esperjenza ta' rġiel u nisa li rtiraw minn professjonijiet intraprenditorjali;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari s-sitwazzjoni tan-nisa li għandhom iktar minn 50 sena biex jgħinuhom iwaqqfu l-kumpaniji tagħhom;

14.  Jinsisti li l-Istati Membri jimplimentaw politiki li jippermettu lin-nisa jiksbu bilanċ adegwat bejn il-ħajja u x-xogħol u jistabbilixxu faċilitajiet xierqa ta' kura għat-tfal, minħabba li l-prezzijiet mhux raġonevoli tagħhom, in-nuqqas ta' disponibilità u ta' kwalità tagħhom joħolqu ostakoli żejda lin-nisa li jixtiequ jniedu intrapriża;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-aċċess għal valutazzjonijiet potenzjali ta' tkabbir ta' intraprendituri nisa li jkejlu l-potenzjal tar-riskju u li huma mmexxija minn konsulenti ta' esperjenza;

16.  Jinnota li diversi studji riċenti taw kreditu lil intraprendituri nisa talli għandhom approċċ iktar meqjus mill-irġiel fit-teħid ta' riskji ekonomiċi u finanzjarji; iqis li s-sejbiet ta' tali studji għandhom jiġu eżaminati iktar mill-qrib biex ikun aċċertat jekk dawn humiex korretti u liema konklużjonijiet għandhom jittieħdu minnhom;

17.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jħaddnu kunċetti edukattivi u nazzjonali biex iqajmu l-kuxjenza tal-bniet għall-intraprenditorji u n-nisa fil-ġestjoni u jiżviluppaw “intraprenditorija żagħżugħa” fl-iskejjel sabiex tul il-kors ta' sena skolastika l-istudenti femminili jkunu jistgħu, jekk jixtiequ, jesperjenzaw iċ-ċiklu tal-ħajja ta' negozju mit-twelid tiegħu, it-treġija u l-likwidazzjoni ta' kumpanija, filwaqt li jintrabat ma' dan il-proċess il-konsulenza minn għalliema u minn konsulenti minn “tixjiħ attiv” mill-komunità kummerċjali lokali.

18.  Jirrikonoxxi li minn età żgħira ħafna bniet ma jitħeġġux jistudjaw suġġetti tal-iskola jew tal-università li huma meqjusa bħala “tal-irġiel” minnhom innifishom, bħax-xjenza, il-matematika u t-teknoloġija; jirrakkomanda l-introduzzjoni fl-iskejjel ta' korsijiet inizjali dwar il-bażi tal-intraprenditorija u twessigħ tal-medda ta' suġġetti u karrieri possibbli miftuħa għall-bniet, sabiex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw il-bażi tal-għarfien u sensiela sħiħa ta' ħiliet neċessarji biex jirnexxu fin-negozju; jenfasizza l-importanza li titjieb l-impjegabilità tat-tfajliet u tan-nisa permezz ta' taħriġ tal-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja;

19.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jinkoraġġixxu programmi ta' intraprenditoriji jew ta' apprendistat ta' sena mmirati għat-tfajliet u skambji f'universitajiet madwar l-Ewropa, fejn l-istudenti jmexxu proġetti ta' żvilupp ibbażati fuq kunċetti reali tan-negozju bil-għan li jibdew kumpanija vijabbli u li tkun tagħmel il-qligħ waqt is-snin tal-edukazzjoni; jikkunsidra wkoll li attivitajiet minn għaqdiet ta' gradwati u ta' studenti għandhom jifformaw parti integrali minn dan il-proċess biex tiddaħħal il-fiduċja u wkoll il-mentalità ta' “mudell” fl-istudenti; jitlob lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prassi f'dan il-qasam;

20.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Konfederazzjoni tan-Negozji Ewropej jinsebilizzaw, u jippromwovu l-programm ta' skambju tal-intraprendituri Ewropej, “Erasmus għall-intraprendituri żgħar”, li għandu l-għan speċifiku li jikkontribwixxi biex titjieb l-intraprenditorija, l-internazzjonalità u l-kompetittività ta' intraprendituri potenzjali li għadhom jibdew fl-UE u ta' mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar li għadhom jibdew, u li joffru l-possibilità lill-intraprendituri ġodda biex jaħdmu sa 6 xhur ma' intraprenditur tal-esperjenza fl-SME tiegħu/tagħha f'pajjiż ieħor tal-UE; jirrakkomanda boroż ta' studju speċifiċi, bħall-għotjiet tal-UE “Leonardo da Vinci”, biex jingħataw lil studenti tfajliet li għandhom potenzjal eċċezzjonali, li laħqu l-ogħla punti f'ċerimonji ta' għoti ta' premji għall-“aqwa prattika” għal gradwati li kisbu suċċess;

21.  Jinsisti li l-Istati Membri jippromwovu aċċess ugwali għall-kuntratti tal-akkwist u jagħmlu l-politika tal-akkwist fis-settur pubbliku “newtrali għas-sessi”;

Aċċess għal opportunitajiet ta' netwerks ta' negozji tradizzjonali u teknoloġiji tal-informazzjoni tal-komunikazzjoni

22.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali mmirati lejn l-istabbiliment ta' ċentri transkonfinali ta' appoġġ għall-intraprendituri nisa sabiex jipprovdu bażi għall-iskambji ta' esperjenza, ir-razzjonalizzazzjoni tar-riżorsi, u d-disseminazzjoni tal-aħjar prassi;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jutilizzaw it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni li jistgħu jgħinu biex ikun hemm sensibilizzazzjoni u appoġġ fin-netwerking għan-nisa; jirrikjedi li l-qasma diġitali madwar l-Ewropa tiġi indirizzata permezz tat-titjib tal-konnessjonijiet broadband, u b'hekk ikun possibbli li n-nisa jkollhom il-flessibilità li jmexxu negozji mid-dar jekk ikunu jixtiequ dan;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-kmamar tal-kummerċ lokali, f'NGOs speċifiċi, fi gruppi li jagħmlu pressjoni u f'organizzazzjonijiet ibbażati fl-industrija li jifformaw l-integrazzjoni ġenerali tal-komunità kummerċjali biex huma jkunu jistgħu jiżviluppaw u jsaħħu l-ħiliet kummerċjali tal-kompetittività, u jistieden lill-kmamar tal-kummerċ biex jagħmlu l-parti tagħhom li jistiednu attivament lil intraprendituri nisa biex ikunu involuti u biex jippromwovu t-twaqqif ta' servizzi speċjali u gruppi rappreżentattivi għal intraprendituri nisa li jassistu t-tisħiħ u l-iżvulupp tagħhom f'kultura intraprenditorjali;

25.  Jitlob lill-Istati Membri jenfasizzaw ir-rwol tal-NGOs fit-tħeġġiġ u fl-iffaċilitar tal-intraprenditorija tan-nisa;

26.  Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prassi sabiex tinkoraġġixxi l-intraprenditorija fost in-nisa; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri u lill-Konfederazzjoni tan-Negozji Ewropej iħeġġu u jagħmlu provediment għal intraprendituri nisa biex ikunu marbuta mas-sħab xierqa tan-negozji f'oqsma oħra sabiex huma jkun jista' jkollhom l-opportunità li jaqsmu l-esperjenzi u l-prattiki u jiksbu fehim aħjar tad-dinja kummerċjali fil-wisa' tagħha;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kunsilli konsultattivi b'għarfien espert speċifiku dwar l-isfidi u l-ostakoli li jħabbtu wiċċhom l-intraprendituri nisa bħala parti min-network tal-Enterprise Europe, li jista' jservi wkoll ta' punti uniċi ta' kuntatt għal każijiet ta' diskriminazzjoni mill-fornituri ta' servizzi finanzjarji dwar l-aċċess għall-kreditu;

28.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' ambaxxaturi nisa, pereżempju n-Netwerk Ewropew ta' Ambaxxaturi Nisa tal-Intraprenditorija (ENFEA), li jenfasizza r-rwol li n-nisa jista' jkollhom fil-ħolqien ta' impjiegi u jippromwovi l-kompetittività billi jispira lin-nisa u lill-bniet biex jiżviluppaw negozju tagħhom bis-saħħa ta' attivitajiet fl-iskejjel, universitajiet, gruppi komunitarji u l-midja; jinnota li l-Ambaxxaturi għandu jkollhom sfondi, etajiet u esperjenzi differenti u jkunu attivi fl-industriji kollha;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tmexxi kampanja li tippromwovi l-involviment tan-nisa fix-xogħol permezz tat-twaqqif tal-kumpaniji tagħhom, u fl-istess ħin biex tipprovdi informazzjoni dwar id-diversi strumenti disponibbli li jiffaċilitaw il-bidu tan-negozji;

30.  Iqis li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi terzi, b'kooperazzjoni mal-missjonijiet kummerċjali tal-Istati Membri, jistgħu jgħinu biex jiġu żviluppati netwerks ta' SMEs immexxija min-nisa;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor data komparabbli u komprensiva dwar l-intraprenditorija femminili fl-Unjoni Ewropea (bħalma hija l-età tal-intraprendituri femminili, it-taqsima tan-negozju, id-daqs tan-negozju, kemm ilu jeżisti n-negozju u l-etniċità skont ir-regolamenti tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tad-data personali) bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, b'tali mod li ma titfax piż żejjed fuq l-SMEs, u tanalizza dawn id-data fir-rapport annwali fuq l-SMEs tal-UE tar-Reviżjoni tal-Prestazzjoni tal-SME; iqis li d-data u l-informazzjoni miġbura għandhom jilluminaw lill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-problemi speċifiċi li intraprendituri nisa jaffaċċjaw;

32.  Jilqa' l-istudju tal-Kummissjoni tal-2008 dwar l-innovaturi nisa u l-intraprenditorija, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaderixxu mar-rakkomandazzjonijiet politiċi tiegħu;

33.  Jitlob li jittieħdu miżuri mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet reġjonali u lokali jittrattaw l-intraprendituri nisa bl-istess mod bħala huma ttrattati l-impjegati meta jiġu għal servizzi soċjali u komunitarji oħra, u biex titjieb il-pożizzjoni soċjali tal-kointraprendituri u l-intraprendituri nisa fl-SMEs – permezz ta' arranġament aħjar tal-maternità, faċilitajiet aħjar tal-kura tat-tfal u tal-kura tal-anzjani u tal-persuni bi bżonnijiet speċjali, kif ukoll dispożizzjoni aħjar tas-sigurtà soċjali, u billi jitkissru l-isterjotipi bbażati fuq is-sessi – u biex titjieb il-pożizzjoni kulturali u legali tagħhom, speċjalment fir-riċerka, fix-xjenza, fl-inġinerija, fil-medja l-ġodda, fl-ambjent, fit-teknoloġija ambjentali u ta' livell ta' karbonju baxx, fis-setturi agrikoli u industrijali f'żoni urbani u rurali;

34.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jeżaminaw l-ostakli għall-awtoimpjieg minn nisa Roma, biex joħolqu programmi li jagħmlu reġistrazzjoni aċċessibbli, rapida u mhux għolja possibbli għal intraprendituri nisa Roma u għal persuni impjegati għal rashom u biex jistabbilixxu modi għal kreditu aċċessibbli – inkluż il-mikrokreditu – għall-finanzjament ta' intrapriżi ta' nisa Roma, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġa dawn l-attivitajiet permezz ta' mekkaniżmi rilevanti ta' fondi;

35.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiġġieldu b'mod attiv l-awtoimpjieg falz billi jiddefinixxi b'mod effettiv l-awtoimpjieg u jissanzjonaw l-awtoimpjieg falz;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu programm immirat biex jgħin lil dawk li jkunu attivi fix-xogħol domestiku, fix-xogħol tal-kura u f'xogħol ieħor ta' servizz, prinċipalment in-nisa, li la huma impjegati u lanqas huma impjegati għal rashom, biex jidħlu fl-impjieg għal rashom iddikjarat jew jistabbilixxu l-intrapriża tagħhom;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joffru appoġġ lil nisa li qed jippjanaw li jibdew jew li jixtru kumpanija, jew li jibdew imexxu negozju tal-familja, inklużi dawk li huma involuti fil-professjonijiet liberali bħalma huma dawk li jkollhom uffiċċju legali jew mediku privat; iqis li l-appoġġ għandu jikkonsisti f'seminars u workshops xierqa ta' taħriġ sabiex jagħmluha possibbli għal dawn in-nisa li jiksbu l-ħiliet maniġerjali biex jaffaċċjaw b'suċċess sitwazzjoni ta' akkwist, partikolarment evalwazzjonijiet, l-ivvalutar ta' kumpanija u kwistjonijiet bankarji u legali; jirrikonoxxi li għandha tingħata attenzjoni partikulari lil nisa taħt il-25 sena u dawk ta' “l fuq minn 50, minħabba li dawn huma l-iktar persuni milquta mill-kriżi finanzjarja;

38.  jistieden lill-Polonja tenfasizza l-intraprenditorija tan-nisa matul il-presidenza tagħha, partikolarment fil-bidu ta' Ottubru permezz tal-Ġimgħa Ewropea tal-SME; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, kemm jista' jkun malajr, pjan ta' azzjoni biex jiżdied il-proporzjon tan-nisa intraprendituri, u biex tniedi kampanji ta' sensibilizzazzjoni li jkissru l-isterjotipi fejn skonthom in-nisa mhumiex kapaċi jkunu mexxejja tajbin fin-negozju;

39.  Jistieden lin-negozji tal-familji jipprovdu l-istess livell ta' oppportunità għall-qraba nisa – bħall-ulied bniet – meta jqisu li jħallu kumpanija lil xi ħadd jew li jittrasferixxuha;

40.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jagħmluha eħfef li wieħed jirrikonċilja t-talbiet li jikkompetu ma' xulxin tal-familja u tal-ħajja privata, li jiffaċilitaw l-impjieg tan-nisa u jgħinu biex jitjiebu l-prospetti tal-karriera għal dawk impjegati għal rashom;

41.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproteġi l-immaġini tan-nisa fil-forom kollha tal-medja tal-komunikazzjoni, u b'hekk tiġġieled kontra l-idea miksuba li n-nisa huma vulnerabbli min-natura tagħhom u li huma suppost inkapaċi li jkollhom kwalitajiet kompetittivi u ta' tmexxija ta' negozju;

42.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-bżonn li jitħeġġu inizjattivi li jgħinu biex jitfasslu u jiġu implimentati politiki pożittivi ta' azzjoni u ta' riżorsi umani fil-livell tal-kumpanija li jippromwovu l-ugwaljanza tas-sessi, filwaqt li jitpoġġa enfasi ikbar fuq il-miżuri ta' sensibilizzazzjoni u ta' taħriġ li jservu biex jippromwovu, jittrasferixxu u jinkorporaw prattiki li kellhom suċċess f'organizzazzjonijiet u f'kumpaniji;

43.  Jirrikonoxxi li fit-23 ta' Frar 2011 ir-reviżjoni tas-Small Business Act għall-Ewropa tat aġenda b'saħħitha għall-SMEs, imma jitlob li l-idea ta' “aħseb fiż-żgħir l-ewwel” xorta titqies f'kull ma jimplimentaw l-UE u l-Istati Membri;

44.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw programmi mfassla biex jagħmluha possibbli li nisa migranti jaħdmu fuq bażi ta' impjieg għal rashom jew li jibdew negozju permezz ta' politiki ta' taħriġ u ta' konsulenza u miżuri ta' appoġġ għall-aċċess għall-kreditu;

45.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrikonoxxu kumpaniji li qed jipprovaw jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u jiffaċilitaw il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja, filwaqt li l-objettiv ikun li wieħed jgħin li jinxterdu l-prattiki ta' eċċellenza f'dan il-qasam;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu rappreżentanza bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fil-bordijiet ta' ġestjoni tal-kumpaniji, partikolarment fejn l-Istati Membri jkollhom l-ishma;

47.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu r-Responsabilità Soċjali Korporattiva fost in-negozji ta' sidien nisa biex jgħinu jiżguraw li x-xogħol u l-ħinijiet ta' ħidma tan-nisa jkunu organizzati fuq bażi iktar flessibbli u biex iħeġġu l-provvediment ta' servizzi li ma jagħmlux ħsara lill-familja;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi politiki ta' taħriġ vokazzjonali u programmi għan-nisa, inkluż l-iżvilupp ta' ħiliet ta' litteriżmu tal-kompjuter, bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-setturi industrijali, b'kunsiderazzjoni tal-appoġġ finanzjarju disponibbli fil-livelli lokali, nazzjonali u Komunitarji u billi jiġu provduti iktar inċentivi biex dawn jintużaw minn kumpaniji kbar u SMEs;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-appoġġ mogħti lill-programmi ta' taħriġ vokazzjonali għan-nisa fl-SMEs industrijali u tappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni, skont is-Seba' Programm Qafas u l-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar, kif approvata fl-Anness III tal-konkużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Santa Maria da Feira tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2000;

50.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-bżonn li jitħeġġeġ l-istabbiliment tan-netwerks tan-nisa fi ħdan kumpaniji, bejn kumpaniji fl-istess settur industrijali u bejn is-setturi industrijali;

51.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jfasslu u jimplimentaw strateġiji biex jindirizzaw id-diskrepanzi kemm fl-ambjent tax-xogħol kif ukoll f'dak li jirrigwarda l-iżvilupp tal-karriera għan-nisa li jaħdmu fix-xjenza u t-teknoloġija;

52.  Iqisha bħala ħaġa importanti li jinxterdu prattiki tajbin dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riċerka industrijali u fl-industriji innovattivi; jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza li l-ġestjoni fil-kumpaniji industrijali b'parteċipazzjoni baxxa tan-nisa ssir iktar konxja mill-perspettiva tas-sessi, li għandha tiġi tinqaleb f'objettivi numeriċi;

o
o   o

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.
(2) ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1.
(3) ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46.
(4) ĠU L 160, 30.6.2000, p. 1.
(5) ĠU C 87E, 1.4.2010, p. 48.
(6) ĠU C 316 E, 22.12.2006, p. 378.
(7) ĠU C 279E, 20.11.2003, p. 78.
(8) “A Framework for Addressing and Measuring Entrepreneurship” minn N. Ahmad u A.N. Hoffman, l-24 ta' Jannar 2008, STD/DOC (2008) 2.

Avviż legali - Politika tal-privatezza