Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-ħatra tal-Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (14862/2011 – C7-0312/2011 – 2011/0806(NLE))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Ottubru 2011 (14862/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 283(2), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0312/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 109 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0337/2011),
A. billi, permezz ta' ittra tal-4 ta' Ottubru 2011, il-Kunsill Ewropew ikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar il-ħatra ta' Jörg Asmussen bħala membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew għal mandat ta' tmien snin;
B. billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament imbagħad evalwa l-kredenzjali tal-persuna nnominata, b'mod partikolari fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 283(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u fid-dawl tal-ħtieġa ta' indipendenza sħiħa tal-Bank Ċentrali Ewropew skont l-Artikolu 130 TFUE, u billi, fit-twettiq ta' dik l-evalwazzjoni, il-kumitat irċieva curriculum vitae mingħand il-kandidat kif ukoll it-tweġibiet tiegħu għall-kwestjonarju bil-miktub li ntbagħatlu,
C. billi l-kumitat imbagħad kellu seduta ta' smigħ ta' siegħa u nofs mal-individwu nnominat fl-10 ta' Ottubru 2011, li fiha għamel dikjarazzjoni ta' ftuħ u mbagħad wieġeb il-mistoqsijiet li sarulu mill-membri tal-kumitat,
1. Jagħti opinjoni favorevoli dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill li Jörg Asmussen jinħatar Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.