Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2011 dwar l-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda (2011/2067(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2010 dwar Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi (COM(2010)0682),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri: It-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020(1),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi(2),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta' min jitħarreġ, tal-internship u tal-apprendistat(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar kuntratti atipiċi, karrieri professjonali sikuri, flessigurtà u forom ġodda ta' djalogu soċjali(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar l-iżvilupp tal-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi ta' ekonomija sostenibbli ġdida(5),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2010 dwar “Politiki dwar impjiegi għal ekonomija kompetittiva, b'livell baxx ta' karbonju, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ekoloġika”,
– wara li kkunsidra l-istudju taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP “Ħiliet għal Impjiegi Ekoloġiċi”, 2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-promozzjoni tal-mobilità tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea(6),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni ta' Bruges dwar it-titjib tal-Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali għall-perjodu 2011-2010, li ġiet adottata fis-7 ta' Diċembru 2010(7),
– wara li kkunsidra it-Tbassir fuq Żmien Medju sal-2020 tas-CEDEFOP dwar id-disponibilità tal-ħiliet u d-domanda għalihom fl-Ewropa (Skills Supply and Demand in Europe: Medium-Term Forecast up to 2020, Cedefop, 2010)(8),
– wara li kkunsidra r-riċerka tas-Cedefop dwar “Il-Ħiliet għall-futur tal-Ewropa: nantiċipaw il-ħtiġijiet ta' ħiliet okkupazzjonali”,
– wara li kkunsidra l-ftehim ta' qafas tal-25 ta' Marzu 2010 dwar swieq tax-xogħol inklużivi, iffirmat mill-EUTC, BUSINESSEUROPE, UEAPME u CEEP,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 dwar Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta' Jannar 2011 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi (COM(2011)0011), u l-Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi anness magħha,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2011 dwar ir-Reviżjoni tal-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa (COM(2011)0078),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 dwar il-konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta' koeżjoni (COM(2010)0642),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar “Progress Lejn l-Objettivi Ewropej Komuni għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ” (SEC(2011)0526),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità u d-dħul fis-seħħ tagħha fl-Unjoni fil-21 ta' Jannar 2011, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità(9),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Fornituri tas-Servizz għal Persuni b'Diżabilità (EASPD) li juri li, minħabba li l-qgħad fl-Ewropa qed jiżdied, qed ikun aktar diffiċli għal persuni b'diżabilità biex jiksbu xogħol u jibqgħu fih u li f'ħafna pajjiżi, il-livell ta' qgħad fost il-persuni b'diżabilità huwa ogħla minn dak fost il-persuni mhux b'diżabilità,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 dwar l-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2010-2015 (COM(2010)0491),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-perjodu 2011-2020,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (COM(2008)0639) u r-Riżoluzzjoni tagħha tas-6 ta' Mejju 2009(10),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0320/2011),
A. billi l-kriżi ekonomika dinjija għolliet il-qgħad fl-Unjoni Ewropea għar-rata attwali ta' 9,5%, li tirrappreżenta total ta' 22,828 miljun ruħ, li minnhom 19,4% huma qiegħda fuq żmien fit-tul, skont ċifri riċenti tal-EUROSTAT; billi l-qgħad taż-żgħażagħ bħalissa huwa ta' 20,4%, u f'xi Stati Membri jilħaq l-40% ,
B. billi fl-SMEs, li huma xprunatur għat-tkabbir ekonomiku, ħolqien tal-impjiegi u l-kisba tal-għanijiet tal-2020, intilfu aktar minn 3.5 miljun impjieg minħabba l-kriżi ekonomika,
C. billi, minħabba l-kriżi ekonomika tal-2008, is-settur primarju u dak tal-manifattura tilfu aktar impjiegi milli kien mistenni u għadu mbassar li jitilfu madwar 2.5 miljun impjieg sal-2020,
D. billi r-reċessjoni ekonomika tal-2008 affettwat kemm id-domanda u kif ukoll il-provvista tal-ħiliet fis-settur tal-impjieg, u għalhekk żdiedet b'mod drammatiku l-inċertezza dwar il-prospetti tax-xogħol u ħolqot il-ħtieġa li n-nies ikunu infurmati aħjar dwar il-prospetti ta' impjieg fis-suq tax-xogħol,
E. billi l-miżuri ta' awsterità li qed jitwettqu f'numru ta' Stati Membri kkoinċidew ma' żidiet kbar ħafna fil-qgħad, u huma parzjalment responsabbli għalihom,
F. billi jeħtieġ li dawk li jfasslu l-politika jħarsu liċ-ċittadini mir-riskju li jispiċċaw bla xogħol, billi jiżguraw li l-forza tax-xogħol ikollha l-ħiliet xierqa biex tkabbar kemm jista' jkun iċ-ċans tagħha ta' impjieg,
G. billi l-progress f'teknoloġiji ġodda u l-bidliet fl-istruttura tal-ekonomiji Ewropej għamluha indispensabbli għall-individwi li jaġġornaw u jtejbu l-ħiliet tagħhom matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom,
H. billi l-promozzjoni ta' ekonomija soċjali, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, ekoloġika u kompetittiva hija waħda mill-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020,
I. billi s-settur tas-servizzi, bħall-bejgħ, is-sigurtà, it-tindif, il-catering, l-assistenza soċjali u s-servizzi personali, għadu mistenni li jkollu żieda kbira fl-impjiegi minn issa sal-2020 u jista' jkun is-settur bl-akbar tkabbir,
J. billi s-settur tal-ikel agrikolu qed jerġa' jikseb importanza globali li teħtieġ ħiliet differenti u ta' livell ogħla iżda li tnaqqas b'mod qawwi l-impjiegi bi ftit ħiliet,
K. billi biex jinkisbu t-tkabbir sostenibbli u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju, il-ħarsien tal-ambjent u l-iżvilupp ta' teknoloġiji ekoloġiċi ġodda se jkun jeħtieġ id-disponibilità ta' ħiliet xierqa,
L. billi bidla teknoloġika u xejriet ġodda fl-organizzazzjoni tax-xogħol fis-setturi naturalment jinfluwenzaw ix-xejriet tal-impjieg fir-rigward tal-ħtiġijiet ta' ħiliet fil-professjonijiet u l-livelli ta' kwalifiki,
M. billi l-ekonomiji jirrikjedu dejjem aktar ħiliet kreattivi, interattivi, komunikattivi u ħiliet ta' soluzzjoni tal-problemi fil-post tax-xogħol filwaqt li l-impjiegi jew il-ħaddiema bi ftit ħiliet li jwettqu funzjonijiet ta' rutina huma f'riskju akbar li jitilfu l-impjieg,
N. billi l-ħaddiema b'livell baxx ta' edukazzjoni u ħiliet, flimkien ma' dawk minn gruppi vulnerabbli oħra, huma f'riskju akbar li jitilfu l-impjieg, li jkunu f'kundizzjonijiet prekarji u ta' faqar sakemm ma jingħatawx taħriġ adegwat u possibilitajiet ta' tħarriġ mill-ġdid li jippermettulhom iżommu mal-pass tar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol,
O. billi l-effettività fit-tul tat-taħriġ u tal-edukazzjoni għolja tiddependi fuq diversi fatturi, bħad-disponibilità ta' edukazzjoni ta' kwalità u l-għoti ta' taħriġ, opportunitajiet indaqs u aċċess mingħajr ostakoli għal kulħadd, id-disponibilità ta' servizzi tal-kura, investiment pubbliku sostnut, qagħda u mmaniġġjar effiċjenti tal-finanzi pubbliċi, u l-artikulazzjoni aħjar tal-ħtiġijiet individwali u tas-suq tax-xogħol;
P. billi l-UE impenjat ruħha li ttejjeb il-livelli tal-edukazzjoni, tnaqqas ir-rata tal-persuni li jħallu l-edukazzjoni kmieni għal inqas minn 10 % sal-2020 u li żżid ir-rata ta' persuni li jispiċċaw l-edukazzjoni terzjarja jew dik ekwivalenti għal mill-inqas 40 %,
Q. billi l-għadd ta' impjiegi li jirrikjedu kwalifiki tekniċi u xjentifiċi għolja huwa mistenni li jogħla, u madwar nofs l-impjiegi kollha fl-2020 se jkunu għal ħaddiema bi kwalifiki medji, filwaqt li 35 % tal-impjiegi se jirrikjedu kwalifiki ta' livell għoli, meta mqabbla mad-29% tal-lum, u billi fil-kategoriji professjonali u fis-setturi kollha tal-ħiliet se jkun hemm ħtieġa ta' kwalifiki addizzjonali għal ekonomiji sostenibbli,
R. billi l-migrazzjoni fi ħdan l-UE, kif ukoll lejha u “l barra minnha, u l-bidla demografika, se jinfluwenzaw b'ħafna modi fil-ġejjieni d-daqs u l-għamla tal-popolazzjoni li taħdem fl-Istati Membri u jkollhom implikazzjonijiet importanti għad-domanda u l-provvista tal-ħiliet, l-aktar f'dawk l-Istati Membri fejn il-popolazzjoni qed tonqos b'ħeffa u li huma suġġetti għal eżodu tal-imħuħ fuq skala kbira,
S. billi l-kompetenzi u l-ħiliet tal-ħaddiema migranti sikwit la jiġu rrikonoxxuti biżżejjed u lanqas isir l-aħjar użu minnhom, u billi l-ħaddiema migranti sikwit iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex jidħlu fis-suq tax-xogħol, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, anki minħabba n-nuqqas ta' għarfien tad-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali tagħhom u n-nuqqas ta' involviment tagħhom fl-assoċjazzjonijiet tal-ħaddiema; billi l-politiki ta' integrazzjoni li jiffavorixxu l-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg għall-popolazzjoni ta' immigranti jistgħu għaldaqstant ikunu ta' kontribut siewi biex jiġu sodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol tal-ġejjieni,
T. billi, għalkemm il-mikrokreditu huwa għodda essenzjali għall-intraprenditorija tan-nisa u l-ħolqien ta' negozji tal-familja, in-nisa għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed fin-negozju fl-Unjoni Ewropea, u jirrappreżentaw medja ta' 30% tal-imprendituri kollha,
U. billi “l fuq minn 60% tal-istudenti li jiggradwaw mill-universitajiet huma nisa, billi ftit wisq nisa u bniet jieħdu t-triq tal-istudji xjentifiċi, u dan iwassal għal segregazzjoni settorjali qawwija, u billi d-differenza fis-sessi bejn l-impjiegi tan-nisa u l-irġiel fis-settur tal-IT kellha t-tendenza li tiżdied flok tonqos biż-żmien,
V. billi n-nisa jinsabu f'pożizzjoni żvantaġġjata fis-suq tax-xogħol u jiġu rappreżentati b'mod sproporzjonat fix-xogħol part-time, f'forom ġodda ta' arranġamenti tax-xogħol, li ta' spiss ikunu prekarji, u jiltaqgħu ma' ostakoli meta jfittxu li jkollhom drittijiet soċjali, il-protezzjoni soċjali u l-benefiċċji kollha,
W. billi t-tkabbir ekonomiku sostenibbli għandu l-potenzjal li jżid l-għadd ta' impjiegi diċenti u li jikkontribwixxi għall-irkupru tal-ekonomiji fl-UE kollha,
X. billi l-UE għadha tinvesti anqas mis-sħab u l-kompetituri ekonomiċi dinjija tagħha, fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fl-edukazzjoni, li huma l-pedamenti għat-tkabbir u t-titjib fil-livell tal-għajxien; billi jinħtieġu investimenti kbar fl-ekonomija tal-għarfien, fit-taħriġ tekniku u biex jiġi aġġornat it-taħriġ vokazzjonali,
Y. billi t-titjib tal-ħiliet permezz tat-taħriġ (upskilling) maħsub u adattat huwa essenzjali biex jgħin lil persuni jiksbu ħiliet ġodda sabiex ikunu jistgħu japprofittaw mit-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli; billi hemm argumenti ekonomiċi konvinċenti favur it-titjib tal-ħiliet, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali; billi t-tnaqqis fl-investiment fit-titjib tal-ħiliet joħloq impatt negattiv fit-tul,
L-isfidi għall-politika tal-impjiegi
1. Ifakkar li, fl-Istrateġija Ewropa 2020, l-Istati Membri qablu dwar objettiv ta' impjiegi ta' 75% għan-nisa u l-irġiel fil-grupp tal-età bejn l-20 u l-64 sal-2020, li huwa objettiv marbut mill-qrib mat-tkabbir ekonomiku u s-sostenibilità tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u tal-finanzi pubbliċi tal-Ewropa; ifakkar li r-rata ta' impjieg għan-nisa fil-mument hija ta' 58.2%; jenfasizza li t-tnaqqis drastiku fir-rata ta' żgħażagħ qiegħda, il-parteċipazzjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-implimentazzjoni effettiva tal-prijoritajiet tal-istrateġija li jikkonċernaw l-inklużjoni huma fost il-prerekwiżiti essenzjali biex tintlaħaq il-mira ta' impjiegi; jenfasizza li l-biċċa l-kbira tal-Programmi ta' Riforma Nazzjonali jonqsu milli jissodisfaw kemm il-mira għall-impjieg kif ukoll għall-faqar, u jistieden lill-partijiet kollha interessati jżidu l-isforzi tagħhom biex l-Istrateġija Ewropa 2020 tkun suċċess;
2. Itenni l-ħames miri ewlenin tal-Unjoni li huma l-promozzjoni tal-impjiegi, it-titjib tal-kundizzjonijiet għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, li jintlaħqu l-objettivi tat-tibdil fil-klima u l-enerġija, it-titjib tal-livelli ta' edukazzjoni u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali;
3. Ifakkar li hemm ostakoli ewlenin li qed ifixklu li l-impjieg fl-UE jiżdied sostanzjalment, li jiġi miġġieled il-qgħad strutturali, li jinħolqu impjiegi ġodda u għaldaqstant li jkun hemm żieda fil-produttività u promozzjoni ta' kompetittività akbar; jemmen li l-isfidi li jridu jiġu affrontati b'mod prijoritarju, minbarra li jiġi żgurat li jkun hemm swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw aħjar, jinkludu l-insuffiċjenza tal-livelli ta' ħiliet u n-nuqqas ta' tqabbil tal-ħiliet mar-rekwiżiti attwali ta' kompetenza ta' bosta ħaddiema tal-lum, kif ukoll il-klassifikazzjonijiet baxxi fil-livelli tal-edukazzjoni f'ċerti pajjiżi Ewropej, meta mqabbla mar-rati internazzjonali; iqis li huwa essenzjali li jkun hemm approċċ integrat biex tiġi żviluppata l-bażi meħtieġa ta' ħiliet sabiex napprofittaw mill-potenzjal ta' ekonomija sostenibbli ġdida, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fil-komunikazzjoni ppjanata tagħha dwar l-impjiegi fl-ekonomija sostenibbli l-ġdida, tagħti segwitu għat-talbiet tal-Parlament f'dan ir-rigward;
4. Jirrimarka li r-rata ta' impjieg u r-rendiment ekonomiku jsaħħu lil xulxin bil-mod kif jiġġeneraw livelli partikolarment għolja ta' tkabbir ekonomiku u ta' impjiegi ta' kwalità; jirrakkomanda b'saħħa, madankollu, li l-Istati Membri jsegwu l-linji gwida integrati tal-Ewropa 2020 għall-politiki tal-impjieg u l-linji gwida ġenerali dwar il-politika ekonomika, filwaqt li jkun żgurat li l-politiki implimentati jirrispondu għaċ-ċirkustanzi nazzjonali, reġjonali u lokali u għal kundizzjonijiet partikulari fl-Istati Membri individwali;
5. Jenfasizza li l-Istati Membri għadhom responsabbli tal-elementi ewlenin tal-politika soċjali bħat-taxxi, il-programmi tal-welfare soċjali, xi regolamenti tax-xogħol, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni; iqis li huwa essenzjali li l-politiki soċjali jirrispondu għaċ-ċirkustanzi nazzjonali, reġjonali u lokali u b'mod partikolari l-kundizzjonijiet fl-Istati Membri individwali;
6. Jappella biex ikun hemm koordinazzjoni mtejba tal-politiki ekonomiċi fost l-Istati Membri, sabiex jiġu promossi t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi u tiġi ffaċilitata l-kompetizzjoni effettiva, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-inugwaljanzi reġjonali fl-Ewropa fir-rigward tar-rati tal-impjieg u tal-qgħad; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw ir-regoli dwar id-dixxiplina baġitarja sabiex jitnaqqas ir-riskju li jispiċċaw f'defiċit eċċessiv, u jappella biex titwettaq sorveljanza baġitarja effettiva, filwaqt li jitħalla li jsir investiment pubbliku b'konformità mal-objettivi ta' tkabbir u tal-impjieg tal-UE; jenfasizza, madankollu, l-importanza ta' valutazzjoni tal-impatt soċjali kif mitlub mit-Trattat u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jevalwaw l-kosti soċjali tat-tnaqqis fl-infiq, l-aktar fl-infiq dedikat għall-edukazzjoni u għall-politiki dwar is-suq attiv tax-xogħol, li jistgħu jipperikolaw il-progressi lejn is-soluzzjoni tan-nuqqas ta' ħaddiema speċjalizzati fl-Ewropa u ż-żamma tar-rendiment ekonomiku;
7. Jappoġġja l-inizjattiva emblematika tal-Kummissjoni fl-Istrateġija Ewropa 2020, bħala qafas għall-promozzjoni tal-kompetittività u l-impjieg, li twettaq qalba għal ekonomija sostenibbli, aktar intelliġenti, u aktar inklużiva; jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni reġjonali fl-implimentazzjoni tal-aġenda; jistieden lill-Kummissjoni tmexxi “l quddiem l-azzjonijiet prijoritarji dwar l-impjiegi u l-ħiliet fl-inizjattiva emblematika, billi tagħti l-importanza xierqa għall-promozzjoni kemm tal-provvista kif ukoll tad-domanda tax-xogħol fil-kunteset ta' ekonomija sostenibbli, inklużiva u bbażata fuq l-għarfien;
8. Iqis li l-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda għandha tiġi kkunsidrata flimkien mal-Programm Qafas tar-Riċerka tal-UE, u li s-sinerġiji bejniethom jistgħu joħolqu tkabbir u impjiegi;
9. Jenfasizza li l-iżviluppi reċenti fis-suq ekonomiku u tax-xogħol, flimkien mal-isfidi fil-ġejjieni, bħal-bidla demografika u t-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli, jirrikjedu strateġiji aħjar ta' impjieg, edukazzjoni u organizzazzjoni tax-xogħol sabiex jittejbu l-kompetittività tal-UE u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien u biex jinħolqu impjiegi ġodda, u għaldaqstant biex jiġi promoss it-“tkabbir intelliġenti” li jikkombina l-impjieg għal kulħadd mal-welfare, kif ukoll il-produzzjoni sostenibbli u l-istili ta' ħajja; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-aċċess universali għat-tagħlim tul il-ħajja, il-kwalifiki u l-ħiliet għall-gruppi tal-età kollha; jenfasizza l-argumenti ekonomiċi għat-titjib tal-ħiliet, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, l-inklużjoni soċjali, il-ġlieda effettiva kontra d-diskriminazzjoni u l-użu aħjar tal-wirt tal-kompetenzi tal-ħaddiema kollha; ifakkar li l-bilanċ bejn il-ħajja privata u l-ħajja tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-titjib tal-kapital uman jinvolvu wkoll benefiċċji mhux ekonomiċi għall-individwu;
10. Jenfasizza li l-arranġamenti nazzjonali tal-flessigurtà jridu jiġu rieżaminati fid-dawl tal-kuntesti soċjoekonomiċi ġodda, jinżammu u, fejn ikun xieraq, jissaħħew u jiġu adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull Stat Membru individwali, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm suq tax-xogħol flessibbli, attiv u inklużiv, taħriġ effettiv aċċessibbli għal kulħadd, u sistemi tas-sigurtà soċjali adegwati; jistieden lill-Istati Membri jakkumpanjaw ir-riformi tagħhom fis-suq tax-xogħol bit-tisħiħ tal-protezzjoni soċjali li tirreżisti l-faqar u tal-protezzjoni mill-qgħad, u bit-titjib fil-kwalità tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi; jenfasizza li l-flessigurtà m'għandhiex tiġi kkusidrata bħala soluzzjoni waħda li tkun adatta għal kulħadd;
11. Jenfasizza l-importanza ta' tagħlim informali u ta' ħiliet permezz tat-tisħiħ ta' kooperazzjoni interġenerazzjonali, li permezz tagħha ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiksbu ħiliet ġodda permezz tat-tagħlim minn ħaddiema akbar fl-età u tal-esperjenza;
12. Jiddispjaċih li għal ħafna ħaddiema r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja tal-familja għadha sfida diffiċli; jistieden lill-Istati Membri jagħtu lill-ġenituri kollha, speċjalment lin-nisa, lill-familji b'ġenitur wieħed, lill-persuni żvantaġġati jew b'diżabilità, opportunitajiet għall-integrazzjoni mhux biss fil-ħajja tax-xogħol iżda wkoll fil-proċessi tat-tagħlim tul il-ħajja; jenfasizza, bħala prerekwiżit, li l-organizzazzjoni tax-xogħol u tal-possibilitajiet ta' taħriġ għandhom isiru kompatibbli mar-responsabilitajiet tal-ġenituri, li l-istrutturi li jilqgħu t-tfal għandhom ikunu aktar effettivi u aċċessibbli u li għandu jingħata appoġġ xieraq lill-ġenituri; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jimplimentaw politiki u programmi ta' appoġġ għal min jieħu ħsieb tal-familji;
13. Iqis li jkun utli li jiġu promossi l-kundizzjonijiet ambjentali li jiffavorixxu t-telexogħol, kull meta tali arranġamenti jistgħu jippromwovu bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u tax-xogħol;
Tweġibiet Il-garanzija tad-disponibilità ta' forza tax-xogħol kwalifikata
14. Jilqa' t-twaqqif tal-Osservatorju Ewropew dwar l-Impjiegi u l-inizjattivi tal-Kummissjoni li tipproduċi Panorama ta' Ħiliet tal-UE u li tirriforma n-netwerk EURES tas-Servizz Ewropew tal-Impjiegi biex jiżdiedu t-trasparenza u l-aċċess għal min ifittex ix-xogħol u biex tiġi promossa l-mobilità tax-xogħol fl-UE; jenfasizza r-rwol ewlieni li għandu l-EURES fil-konsulenza li tingħata lil ħaddiema mobbli u lil min qed ifittex impjieg dwar id-drittijiet tagħhom u, għaldaqstant fit-twettiq ta' suq intern ġenwin, u jilqa' t-tnedija tal-proġett pilota “L-ewwel impjieg EURES tiegħek”, li huwa mmirat għal dawk iż-żgħażagħ li jkunu qed ifittxu xogħol fl-UE-27; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol tal-EURES fir-reġjuni transkonfinali u jqis li s-sħubijiet transkonfinali tiegħu jeħtieġ li jingħataw ir-riżorsi meħtieġa biex ikunu jistgħu jwieġbu għall-isfidi tas-Suq tax-Xogħol Ewropew;
15. Jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja, b'mod partikolari fl-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali, bil-għan li tiġi ggarantita l-possibilità tal-impjieg, u sabiex jiġu aġġornati l-ħiliet tal-forza tax-xogħol u tissaħħaħ il-kompetittività; jirrimarka li l-proporzjon tan-nies li jkomplu jitħarrġu għandu jiżdied ukoll sabiex il-persuni bi kwalifiki ogħla jkunu jistgħu jsibu u jwettqu impjiegi adegwati sa età avvanzata; iqis, f'dan il-kuntest, li għandhom jingħataw inċentivi kemm lill-impjegati kif ukoll lil min iħaddem, b'enfasi partikolari fuq l-SMEs; iqis ukoll li jeħtieġ li jidħlu fis-seħħ strateġiji ta' tagħlim tul il-ħajja aktar komprensivi, u li s-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ professjonali jeħtieġu li jiġu adattati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu b'ħeffa, għall-iżvilupp teknoloġiku u għall-approċċi ġodda għall-organizzazzjoni tax-xogħol;
16. Jiddispjaċih għall-fatt li fi żmien ta' kriżi, l-Istati Membri naqqsu l-baġits tagħhom għall-edukazzjoni u t-taħriġ, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu iżjed fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ;
17. Jappella biex ikun hemm monitoraġġ aħjar ta' kull fergħa professjonali u, skont il-livell ta' kwalifika, tad-domanda futura għall-ħiliet fl-Ewropa, u għat-traspożizzjoni immedjata tar-riżultati fil-politiki tal-edukazzjoni, tat-tagħlim ta' tul il-ħajja u ta' politiki oħra relevanti tal-Istati Membri; jenfasizza l-importanza li l-impjiegi u l-karrieri jsiru aktar attraenti għall-ħaddiema żgħażagħ u li ż-żgħażagħ, b'mod partikulari, għandhom jinżammu infurmati b'mod kontinwu dwar it-tendenzi fis-suq tax-xogħol sabiex huma jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq l-iżvilupp tal-kapaċitajiet li huma verament meħtieġa; iqis li “alleanza ta' tagħrif” li ġġib flimkien in-negozji, is-sħab soċjali u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni tkun strument utli biex jiġu indirizzati l-innovazzjoni u n-nuqqasijiet ta' ħiliet, filwaqt li tikkontribwixxi b'mod sinifikanti fil-promozzjoni tal-interess tal-ekonomija u s-soċjetà inġenerali, speċjalment meta jiġu kkunsidrati l-isfida kritika li jinkiseb impjieg għal kulħadd, l-eliminazzjoni tal-faqar, l-inklużjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku sostnut fl-ekonomija globali;
18. Jenfasizza l-importanza tal-identifikazzjoni bikrija tal-ħtiġijiet ta' ħiliet, u jissuġġerixxi perspettiva ta' mill-anqas 10 snin, u jistieden lill-Istati Membri u, fejn xieraq, lir-reġjuni jwaqqfu ċentru tas-sorveljanza tal-impjiegi li jiffokaw fuq il-bżonnijiet tal-ġejjieni; jenfasizza wkoll l-importanza li jiġu żviluppati sistemi aktar affidabbli sabiex il-ħtiġijiet u n-nuqqasijiet ta' ħiliet fl-UE u fl-Istati Membri fil-ġejjieni jkunu jistgħu jiġu antiċipati, kif ukoll l-importanza ta' investiment kontinwu fl-aġġornar tal-ħiliet u fit-tqabbil aħjar tal-kwalifiki għall-impjiegi; itenni l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-pubbliku jkollu aċċess għal informazzjoni ta' kwalità u jappella għall-iskambju tal-esperjenza u tal-aħjar prattika f'dan ir-rigward; jenfasizza li, sabiex jintlaħaq dan, jeħtieġ li jkun hemm kooperazzjoni aktar b'saħħitha u effettiva bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, inklużi l-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka minn banda, u s-servizzi pubbliċi tal-impjieg, is-sħab soċjali u l-intrapriżi u min iħaddem, mill-banda l-oħra;
19. Jenfasizza l-bżonn li jogħlew il-profil u l-attrattiva ta' professjonijiet u xogħlijiet fejn hemm nuqqas ta' popolazzjoni attiva fis-suq tax-xogħol;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti iktar viżibilità u appoġġ finanzjarju lill-programm Leonardo da Vinci li hu programm li jippermetti l-akkwist ta' ħiliet, għarfien u kwalifiki ġodda, u li jagħmel l-edukazzjoni vokazzjonali aktar attraenti għal kulħadd; jindika, barra minn hekk, li tahrig waqt ix-xogħol hu partikolarment importanti, u jitlob appogg għall-iskemi nazzjonali li jippromwovu dawn it-tipi ta' opportunitajiet għall-izvilupp tal-karriera;
21. Jinnota li s-subprogramm Erasmus għandu rata ta' implimentazzjoni qrib il-100%; ifakkar fl-evidenza dokumentata sew li Erasmus jiffacilita b'mod konsiderevoli l-istudju barra mill-pajjiz u jipprovdi lill-istudenti firxa iktar wiesgħa ta' ħiliet, u li dan konsegwentement itejjeb b'mod sinifikanti l-prospettivi ta' impjieg sussegwenti għal dawk l-istudenti li jippartecipaw f'Erasmus u għaldaqstant jikkontribwixxi sostanzjalment għall-kompetittività tal-Ewropa;
22. Jenfasizza l-importanza ta' sistema edukattiva statali ta' kwalità għolja li tipprovdi aċċess ħieles u ugwali lil kulħadd;
23. Jemmen li huwa vitali li jinħoloq ambjent għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituti ta' riċerka u l-industrija u biex il-kumpaniji industrijali jiġu inkoraġġiti u appoġġjati jinvestu fir-riċerka u fl-iżvilupp; ifakkar li l-istituti ta' edukazzjoni għolja u l-korpi tat-taħriġ jista' jkollhom rwol kruċjali fl-ekonomija reġjonali tal-Istati Membri u huma postijiet uniċi fejn l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka jiltaqgħu u jistgħu jwasslu għall-ħolqien ta' impjiegi, għall-iżvilupp ta' ħiliet intraprenditorjali u ħiliet oħrajn u għal aktar opportunitajiet ta' impjieg; jirrikonoxxi r-rwol tal-inizjattiva Djalogu Università-Kummerċ f'dan il-kuntest; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jippromwovu Skema Ewropea ta' Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS) u jinkoraġġixxu lis-setturi ekonomiċi kollha biex jagħmlu l-almu tagħhom biex jiġu rreġistrati fl-EMAS;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi aktar it-twaqqif ta' Kunsilli tas-Settur Ewropew dwar l-Impjiegi u l-Ħiliet fil-kuntest tal-“Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda”, li għandhom jiġu sostnuti bħala pjattaforma għall-ġbir u l-iskambju ta' informazzjoni miżmuma mill-Istati Membri u r-reġjuni sabiex jgħinu fil-koordinazzjoni tal-isforzi tal-partijiet kollha kkonċernati, kif ukoll bħala għodda ta' appoġġ għall-attivitajiet ta' djalogu soċjali;
25. Iqis li ż-żieda sostanzjali ta' investimenti fl-edukazzjoni, ir-riċerka u fl-innovazzjoni hija fundamentali u għalhekk jemmen li, sabiex l-Istati Membri jiġu mħeġġa jimxu f'din id-direzzjoni, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali għall-infiq pubbliku fl-edukazzjoni, ir-riċerka u t-taħriġ professjonali meta jiġi vvalutat l-objettiv baġitarju tal-Istati Membri fuq terminu medju;
26. Jinnota li l-istrumenti bħall-istħarriġ dwar il-profili tax-xogħlijiet u l-impjieg meħtieġ fis-setturi differenti – abbażi ta' sħubija soċjali – għandhom għaldaqstant jingħataw appoġġ adegwat;
27. Jistieden lill-Kumitati Ewropej għad-Djalogu Soċjali biex jassistu fit-tqabbil aħjar bejn it-taħriġ attwali u d-domanda attwali u futura permezz ta' pjan direzzjonali li jistabbilixxi objettivi u indikaturi ċari għas-sorveljanza tal-progress;
28. Jenfasizza l-ħtieġa li min iħaddem jiġi involut fil-ġestjoni tal-istituzzjonijiet edukattivi u fl-iżvilupp tal-korsijiet, il-metodi ta' tagħlim, l-apprendistati, il-valutazzjoni u l-kwalifiki; jenfasizza l-importanza li jingħataw inċentivi għal min iħaddem li joffri taħriġ għal persuni b'ħiliet baxxi jew mingħajr ħiliet u, konsegwentement, ta' opportunitajiet biex jiksbu esperjenza prattika direttament fuq il-post tax-xogħol;
29. Jiddispjaċih li l-għadd ta' dawk li jħallu l-edukazzjoni kmieni fl-UE għadu għoli wisq; jirrimarka li tnaqqis ta' 1 % biss fl-għadd ta' dawk li jħallu l-edukazzjoni kmieni jista' jwassal għal madwar 500,000 ħaddiem potenzjali fis-suq tax-xogħol; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jimplimentaw politiki aktar effettivi, ibbażati fuq edukazzjoni u taħriġ professjonali moderni u ta' kwalità għolja, bil-għan li jevitaw li jkun hemm min iħalli l-iskola kmieni u jneħħu l-ostakoli li jiskurraġġixxu t-tkomplija tal-istudju, joffru alternattivi ta' tagħlim u taħriġ u possibilitajiet ta' taħriġ mill-ġdid lill-istudenti b'diffikultajiet fit-tagħlim jew b'diżabilitajiet u li jiżviluppaw rabtiet effettivi bejn it-taħriġ tal-bidu u d-dinja tan-negozju; jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni bikrija biex jiġu żviluppati mhux biss il-ħiliet funzjonali futuri tal-persuni, iżda wkoll il-kapaċità tagħhom li jitgħallmu, li jispeċjalizzaw u jiżviluppaw ulterjorment, u jappella sabiex jiġi żviluppat approċċ koerenti, olistiku u fit-tul lejn l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal kif propost fil-Komunikazzjoni rilevanti tal-Kummissjoni;
30. Jiddispjaċih li ħafna persuni b'diżabilità li huma kapaċi jaħdmu ma jiġux integrati fis-suq tax-xogħol, u jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-politiki li joffru alternattivi fir-rigward tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg għal persuni b'diżabilità;
31. Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw pubblikament lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni inizjali ffinanzjati u rregolati b'mod xieraq, li jkopru l-iskola qabel il-primarja, l-iskejjel tal-primarja u s-sekondarja, it-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni terzjarja, b'persunal kwalifikat u mħarreġ tajjeb, li jipprovdi tagħlim u taħriġ u b'pagi u kundizzjonijiet tajba;
32. Jenfasizza l-importanza tas-sistemi tal-edukazzjoni pubblika aċċessibbli għal kulħadd u konformi mal-promozzjoni ta' opportunitajiet ugwali għal kulħadd;
33. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tippromwovi ċentri Ewropej ta' eċċellenza fil-qafas tal-ispeċjalizzazzjonijiet akkademiċi ġodda għall-impjiegi tal-ġejjieni, u li tiffaċilita l-mobilità taż-żgħażagħ f'dan il-qasam; jenfasizza l-importanza li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp ta' ġemgħat ta' intrapriżi innovattivi li jaġixxu bħala xprun deċiżiv għall-iżvilupp ekonomiku lokali u li jistgħu joħolqu impjiegi ġodda fir-reġjuni; iqis li, minħabba l-pass dejjem jiżdied tar-ristrutturar ekonomiku, il-forza tax-xogħol kwalifikata, il-kompetenza maniġerjali, l-innovazzjoni, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-impjiegi ħodor huma kollha prerekwiżiti għat-tkabbir sostenibbli;
34. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintegraw il-kompetenzi tal-ICT, il-litteriżmu diġitali, l-intraprenditorija u l-kompetenzi trasversali importanti bħall-komunikazzjoni bil-lingwi barranin u l-kompetenzi għall-milja u l-iżvilupp personali, iċ-ċittadinanza attiva, il-kreattività, il-kuxjenza kulturali u l-fehim interkulturali, kif ukoll kompetenzi fundamentali li għandhom x'jaqsmu mal-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli, fil-livelli kollha tas-sistemi edukattivi; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li jiġu promossi u rikonoxxuti l-ħiliet “diffiċli” u “faċli” biex jittejbu l-opportunitajiet ta' impjieg tal-persuni; jenfasizza s-siwi tal-kapaċità li wieħed jikkomunika b'lingwi barranin, u jappoġġa t-tagħlim tal-lingwi u l-iżvilupp tat-tagħlim tal-lingwi;
35. Jenfasizza l-ħtieġa għal edukazzjoni mmirata lejn l-innovazzjoni; jenfasizza li għandhom jiġu promossi kemm il-ħsieb mhux skematiku u astratt, kif ukoll l-edukazzjoni teknika meħtieġa biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-futur;
36. Jenfasizza li għandhom isiru sforzi biex jiġi żgurat li t-tfal kollha jiżviluppaw ħiliet tal-IT fundamentali minn età żgħira, li l-IT għandha għaldaqstant tiġi inkluża fl-edukazzjoni fl-iskola primarja u li l-Ewropej kollha għandu jkollhom aċċess irħis u faċli għall-internet;
37. Peress li huwa stmat li fl-2015 se jkun hemm nuqqas ta' professjonisti fl-IT li jvarja bejn 384 000 u 700 000 impjieg, filwaqt li d-defiċit stmat fis-settur tas-saħħa huwa ta' madwar miljun professjonist u dak għar-riċerkaturi huwa ta' miljun ieħor, jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri sabiex jiżguraw il-livell meħtieġ ta' riżorsi umani b'ħiliet f'dawn l-oqsma;
38. Jinnota li l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għandha sinfikat soċjali, kulturali u ekonomiku, u konsegwentement iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita l-mobilità internazzjonali fost ir-riċerkaturi, l-istudenti, ix-xjentisti u l-letturi, kemm fi ħdan kif ukoll barra l-UE;
39. Jesprimi thassib dwar il-fatt li individwi li huma kkwalifikati hafna qed jaccettaw impjiegi li mhumiex denji tal-kapacitajiet tagħhom jew impjiegi li ma jirrikjedux ħiliet partikolari, u dan iwassal għal “hela ta' mhuh” fl-UE;
40. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw programmi ta' taħriġ għall-għalliema li jipprovduhom b'bażi fuq liema jistgħu jadattaw aħjar għall-bidliet fis-suq tax-xogħol u jiżviluppaw il-ħiliet korrispondenti fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;
41. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu taħriġ ibbażat fuq il-post tax-xogħol, inkluża sistema duwali ta' edukazzjoni/taħriġ sabiex iż-żgħażagħ jiġu introdotti għas-suq tax-xogħol minn stadju bikri u jippromwovu qafas ta' kwalità għall-internships u l-apprendistati li jwasslu kemm jista' jkun għal impjieg stabbli; barra minn hekk, jistieden lill-partijiet interessati rilevanti jiżguraw li t-traineeships u l-apprendistat jitwettqu taħt is-superviżjoni ta' għalliema professjonali, li jwasslu għall-kisba effettiva ta' ħiliet u ta' esperjenza li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq u għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda; jistieden lill-Istati Membri jistipulaw standards minimi għat-traineeships fir-rigward tal-ħlas u tad-drittijiet soċjali, u jappella għall-introduzzjoni ta' qafas ta' kwalità Ewropew għat-traineeships, l-introduzzjoni ta' kundizzjonijiet diċenti tax-xogħol u regoli li jipprevjenu li l-internships jintużaw biex jissostitwixxu l-impjieg regolari;
42. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu skambju tal-politika bbażat fuq l-evidenza fir-rigward tat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol u dwar il-mobilità tat-tagħlim li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ħiliet u għall-impjegabilità taż-żgħażagħ;
43. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fl-inizjattiva leġiżlattiva li jmiss dwar il-kwalifiki professjonali, biex isaħħaħ l-għarfien reċiproku tad-diplomi u tal-kwalifiki professjonali u biex taqleb għal mekkaniżmu għall-għarfien reċiproku msaħħaħ tal-kompetenzi u l-ħiliet, inklużi l-ħiliet miksuba permezz ta' taħriġ informali u mhux formali, kif ukoll sabiex testendi l-mekkaniżmi għall-għarfien għall-ħaddiema li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi; iqis li dan il-mekkaniżmu għandu jibbaża fuq l-oqfsa Ewropej xierqa, bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) u s-Sistema Ewropea tal-Kreditu għat-Taħriġ u l-Edukazzjoni Vokazzjonali (ECVET);
44. Jistieden lis-servizzi tal-istatistika nazzjonali biex jiżviluppaw indikaturi adegwati biex ikejlu l-ħiliet u l-kwalità tad-diversi livelli tas-sistema edukattiva tagħhom;
45. Huwa tal-fehma li s-Servizzi ta' Azzjoni Esterna (EAS), partikolarment id-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi terzi, jista' jkollhom rwol importanti billi jipprovdu informazzjoni dwar il-ħiliet meħtieġa fl-Ewropa u dwar l-impjiegi disponibbli, kif ukoll billi jgħinu fil-proċeduri meħtieġa għad-dħul fl-Ewropa;
46. Jinnota li b'riżultat tal-bidla demografika hemm numru kbir ta' voluntiera potenzjali akbar fl-età, li jikkostitwixxi riżorsa enormi mhux sfruttata fil-komunitajiet tagħna; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi opportunitajiet għall-voluntiera anzjani, u biex tħejji “Programm ta' Azzjoni għall-Anzjani” għall-għadd dejjem jiżdied ta' ċittadini anzjani b'esperjenza kbira li huma lesti jaġixxu bħala voluntiera, li jistgħu jitmexxew b'mod parallel mal-Programm ta' Azzjoni għaż-Żgħażagħ u jikkumplementawh, u barra minn hekk tippromwovi programmi speċifiċi għall-volontarjat interġenerazzjonali u għall-mentoring;
47. Jemmen li, fil-kuntest tal-istrateġija għal ħajja attiva itwal, mhux qed isir biżżejjed biex persuni ikbar fl-età jiksbu l-ħiliet tal-IT, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi edukattivi wesgħin għal dan il-grupp;
48. Jenfasizza l-bżonn li tinzamm it-tradizzjoni tal-artiġjanat u l-ħiliet relatati magħha u li jigu stabbiliti strategiji għal intraprendituri bl-imnut tal-artiġjanat sabiex tinżamm l-identità kulturali tas-settur tal-artiġjanat; jiġbed l-attenzjoni, f'dik il-konnessjoni, għall-importanza li jiġi appoġġjat it-taħriġ professjonali relatat max-xogħol u l-mobilità ta' rġiel u nisa artiġjani żgħażagħ, jinnota li l-promozzjoni ta' apprendistati bħala mezz biex jiġu integrati ż-żgħażagħ f'dan is-settur tista' tkun miżura ta' politika attiva li ta' min jinkuraġġiha u jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu passi xierqa f'dan ir-rigward; jenfasizza l-importanza tal-Umanistika bħala qasam biex issir investigazzjoni tal-passat u jitħarsu aħjar l-identitajiet kulturali;
Il-promozzjoni tad-domanda għall-ħolqien ta' impjiegi
49. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-impriżi ta' daqs żgħir u medju għandhom rwol fl-ekonomija Ewropea kemm minħabba l-għadd tagħhom kif ukoll minħabba l-funzjoni strateġika fil-ġlieda kontra l-qgħad; ifakkar li l-SMEs jipprovdu 85% tal-impjiegi fl-UE u huma responsabbli għal 58% tal-valur miżjud kollu fl-Unjoni; iħeġġeġ lill-partijiet interessati rilevanti jneħħu l-miżuri li jistgħu jostakolaw il-ħolqien tan-negozju u l-moviment ħieles tiegħu; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffaċilitaw it-twaqqif u jistimulaw it-tkabbir tal-impriżi ta' daqs żgħir u medju, waqt li jagħtu attenzjoni speċjali lill-imprenditorjat tan-nisa, jipprovdulhom ambjent regolatorju u fiskali favorevoli, jiffaċilitawlhom l-aċċess għas-suq, ifasslu lista ta' ostakoli għar-reklutaġġ, inaqqsu kemm jista' jkun il-livell tal-burokrazija u jtejbu l-aċċess tagħhom għall-finanzjamenti;
50. Iqis li, sabiex l-impjieg jingħata spinta “l quddiem, jeħtieġ li jkun hemm użu aktar maħsub tal-innovazzjoni u bażi industrijali aktar kompetittiva; iqis li jeħtieġ li jiġu promossi l-impjieg taż-żgħażagħ, mudelli tan-negozju bbażati fuq ir-R&Ż u inċentivi speċifiċi għar-reklutaġġ ta' firxa akbar ta' min ifittex ix-xogħol;
51. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li fil-ġejjieni tintroduċi proċedura simplifikata biex l-impjegati ta' ditta li jkun ġejjin minn pajjiżi terzi jinħarġilhom permess ta' residenza temporanja li jkun validu madwar l-UE;
52. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu aktar fil-ħolqien tal-impjiegi u jippromwovu l-imprenditorjat, negozji ġodda u l-impjieg proprju sabiex jinħolqu opportunitajiet ta' impjiegi u titnaqqas l-esklużjoni soċjali; huwa tal-opinjoni li ambjent u inċentivi xierqa għall-iżvilupp tan-negozju kif ukoll appoġġ għall-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda huma importanti iżda mhumiex biżżejjed għall-iżvilupp tal-ekonomiji Ewropej; jenfasizza, għaldaqstant, li għandu jkun hemm fokus akbar fuq il-promozzjoni ta' inklinazzjonijiet u ħiliet intraprenditorjali f'livelli differenti tal-edukazzjoni, taħriġ għall-imprendituri ġodda u żvilupp effettiv ta' ħiliet għall-persunal tal-SMEs; jenfasizza r-rwol tal-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija u tal-BEI, partikolarment permezz tal-programmi bħal JASMINE u JEREMIE, fil-promozzjoni tal-ħolqien u l-iżvilupp tan-negozji u fl-għoti ta' appoġġ għall-bżonnijiet tal-SMEs;
53. Jistieden lill-Kummissjoni biex tosserva l-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” u biex tqis il-ħtiġijiet tal-SMEs meta tfassal il-liġi tax-xogħol;
54. Jenfasizza l-importanza ta' internet ħieles u rregolat b'intelliġenza għall-intraprendituri ġodda u għal dawk li joħolqu l-impjiegi; iqis li l-fiduċja tal-utenti tal-internet fis-sistema u l-fiduċja tagħhom li l-integrità tiegħu ma tkunx kompromessa huma kruċjali għal mudelli kummerċjali ġodda tal-internet;
55. Jindika li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex biżżejjed ditti innovattivi intensivi fir-riċerka u l-iżvilupp u li n-nuqqas serju ta' ħiliet fl-innovazzjoni u l-litteriżmu diġitali jfisser li l-SMEs ma jistgħux jadottaw mudelli kummerċjali innovattivi u intelliġenti u teknoloġiji ġodda;
56. Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jikkooperaw flimkien bil-għan li joħolqu suq tal-kapitali fir-riskju integrat u kompetittiv, li huwa importanti għall-ħolqien u t-tkabbir ta' SMEs innovattivi;
57. Iqis li sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment ħieles tal-ħaddiema, is-suq waħdieni mingħajr ostakoli u kompetittiv irid jitlesta; iqis, barra minn hekk, li t-tlestija tas-suq uniku għandha timxi id f'id ma' leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol li toħloq kundizzjonijiet ugwali, koordinament b'saħħtu tas-sigurtà soċjali u l-kapaċità tal-ħaddiema li jħarsu, jmantnu u jittrasferixxu id-drittijiet miksuba minnhom, l-aktar il-portabilità tal-pensjonijiet, meta jaqsmu l-fruntieri; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mas-sħab soċjali biex jeliminaw l-ostakoli għall-mobilità tal-istudenti u tal-ħaddiema u jinkuraġġixxu l-iskambju tal-aħjar prattiki u tal-esperjenza f'dan il-qasam sabiex jiġi evalwat kif is-suq intern qed jiżviluppa f'dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali għal persuni b'paga u fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta' pagi u tax-xogħol fil-pajjiż ospitanti; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li għandu jiġi evitat id-dumping tal-pagi;
58. Jikkundanna bil-qawwa ix-xogħol mhux iddikjarat, li jipperikola kemm lis-soċjetà kif ukoll lill-ħaddiema; jistieden lill-Istati Membri jwettqu kontrolli regolari u aktar numerużi, jimponu penali adegwati, u jniedu kampanji ta' informazzjoni sabiex iqajmu kuxjenza dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u l-iżvantaġġi fuq żmien fit-tul għal dawk li huma impjegati fl-ekonomija s-sewda; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jikkombinaw miżuri preventivi u sanzjonijiet ma' inċentivi maħsuba biex jiskuraġġixxu “l dak li jkun milli jwettaq xogħol mhux iddikjarat u sabiex jitrasformaw ix-xogħol mhux iddikjarat f'impjieg regolari;
59. Iqis li s-settur tal-kura tas-saħħa għandu rwol kritiku fl-ilħuq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; barra minn hekk, iqis li, minħabba l-bidla demografika, is-settur tas-saħħa u tal-assistenza soċjali jirrappreżenta għajn ta' impjieg, li l-importanza tiegħu se tikber, u kontributur ewlieni għall-inklużjoni soċjali; jappella għall-iżvilupp ta' ekonomija ta' assistenza biex tissodisfa l-ħtiġijiet reali u biex tiżgura servizzi ta' assistenza ta' kwalità għolja għal kulħadd, kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-pagi tajba, biex jiġi evitat li persuna tfittex li tagħmel xogħol mhux iddikjarat; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-Konvenzjoni tal-ILO akkumpanjata minn rakkomandazzjoni dwar ħaddiema interni, sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema f'dan is-settur; jistieden lill-Kummissjoni tniedi studju dwar l-assistenti tal-kura impjegati fid-dar tal-klijent, apparti soluzzjonijiet xierqa u sostenibbli oħra li jappoġġjaw il-ħajja indipendenti, sabiex jiġi stabbilit jekk il-leġiżlazzjoni tal-UE tagħtix biżżejjed protezzjoni soċjali għal din il-kategorija ta' ħaddiema, li sikwit huma nisa;
60. Jenfasizza l-potenzjal tas-servizzi soċjali, tas-saħħa, tal-assistenza u tal-edukazzjoni li joħolqu impjiegi ġodda u jiltob li jkun hemm investiment b'saħħtu u sostenibbli f'dawn is-servizzi u l-infrasturtturi ewlenin kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti bħala sostenn għall-għoti ta' servizz ta' kwalità; jistenna bil-ħerqa l-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni biex jiġi indirizzat id-defiċit fil-provvista tal-ħaddiema tas-saħħa;
61. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-sħab soċjali u lil partijiet interessati oħra jiżguraw li jkun hemm użu effiċjenti, simplifikat u sinerġiku tal-fondi tal-UE, bħall-FSE, il-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni, u strumenti bħall-Faċilità ta' Mikrofinanzjament, għall-ħolqien tal-impjiegi, inkluż fl-ekonomija soċjali; jenfasizza l-vantaġġi li jirriżultaw jekk l-investiment mill-Fondi Strutturali jiġi mmirat lejn l-edukazzjoni u t-taħriġ fis-setturi ta' valur miżjud għoli mill-perspettiva teknoloġika kif ukoll lejn dawk is-setturi partikolarment importanti biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn il-mudelli ta' tkabbir sostenibbli; jitlob li jiġu kkunsidrati b'mod partikolari dawk l-Istati Membri li għandhom rata għolja ta' qgħad u dħul medju ta' kull xahar li huwa anqas mil-limitu minimu ta' faqar;
62. Jenfasizza li hu importanti li jkun hemm sinerġiji bejn il-fondi varji Ewropej u jenfasizza l-importanza ta' aproċċ deċentralizzat meta jintużaw dawn il-fondi sabiex jirrispondu għar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol; jemmen illi hemm ukoll bżonn li l-individwi u l-intrapriżi jingħataw inċentivi adattati biex jinvestu fit-taħriġ; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-kontribut tal-Politika ta' Koeżjoni lill-inizjattiva emblematika ta' Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u jappella biex jiġi kkunsidrat il-potenzjal tagħha għat-tkabbir sostenibbli;
63. Jaqbel dwar il-ħtieġa li tiżdied l-effikaċja tal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni, inkluż l-FSE, billi r-riżorsi finanzjarji jiġu kkonċentrati fuq għadd iżgħar ta' prijoritajiet, jissaħħu l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-riformi istituzzjonali, jissaħħaħ il-prinċipju ta' sħubija, jiġu enfasizzati objettivi ċari u li jistgħu jitkejlu u jitwaqqfu kuntratti ta' investiment għall-iżvilupp u s-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri;
64. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-qafas eżistenti tal-iskemi tal-appoġġ tal-intrapriżi diretti tal-UE u tistudja l-possibilità li talloka s-sehem ewlieni tal-appoġġ għall-ħolqien tax-xogħol fl-intrapriżi, filwaqt li jiġu żviluppati l-ħiliet tal-ħaddiema u jiġu implimentati programmi ta' taħriġ ulterjuri;
It-titjib tal-funzjonament tas-suq tax-xogħol
65. Jinnota li l-politiki ta' flessigurtà jinsabu fil-qofol tal-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda, u jaqsam mal-Kummissjoni l-fehma li l-kriżi poġġiet fi prova serja l-arranġamenti nazzjonali ta' flessigurtà, inkluż fejn ġew introdotti miżuri estiżi ta' flessibilità esterna fis-suq tax-xogħol mingħajr ma ssaħħew, b'mod korrispondenti, is-sistemi ta' sigurtà soċjali; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li jiġu segwiti riformi tas-suq tax-xogħol mingħajr ma jiddgħajfu l-politiki ta' suċċess jew il-kunsens u l-fiduċja bejn il-gvernijiet nazzjonali u s-sħab soċjali; jenfasizza li l-miżuri ta' flessigurtà għandhom jiġu adattati għall-kundizzjonijiet soċjali u għall-istruttura speċifika tas-suq tax-xogħol nazzjonali u jkunu konsistenti mal-interessi ta' min iħaddem u tal-impjegati;
66. Jisħaq, madankollu, li l-flessigurtà waħedha ma tistax tirrimedja l-kriżi, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jwettqu r-riformi meħtieġa fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lill-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema minn gruppi vulnerabbli u żvantaġġjati; jirrakkomanda, f'dan il-kuntest, l-użu tal-approċċ minn isfel għal fuq sabiex jiġu ffaċilitati d-djalogu u l-involviment fil-livelli kollha tal-governanza politika u soċjali;
67. Jemmen li, bl-impuls ġdid tal-bidliet soċjali u ekonomiċi, l-erba' komponenti tal-flessigurtà – l-arranġamenti kuntrattwali flessibbli u affidabbli, il-politiki tas-suq tax-xogħol attivi, it-tagħlim ta' tul il-ħajja, u s-sistemi moderni tas-sigurtà soċjali – u l-bilanċ bejniethom għandhom jiġu riveduti u msaħħa sabiex inkunu nistgħu nirrispondu għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema u tal-kumpaniji fis-swieq moderni tax-xogħol, biex jinħolqu impjiegi diċenti u tiġi żgurata l-impjegabilità tal-ħaddiema, protezzjoni soċjali adegwata u r-rispett tal-prinċipju tal-“istess paga għall-istess xogħol” fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi; iqis li t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol huwa essenzjali matul dan il-proċess sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema jibbenefikaw minn tranżizzjonijiet bejn xogħlijiet, professjonijiet, setturi u stejtus ta' impjiegi; iqis, barra minn hekk, li s-sħab soċjali għandu jkollhom irwol f'din ir-reviżjoni, fil-qafas tad-djalogu soċjali;
68. Jistieden lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 152 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iżżid il-promozzjoni tar-rwol tal-maniġment u l-ħaddiema f'kull settur industrijali fl-Ewropa, filwaqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom;
69. Jappoġġja, skont l-Artikolu 155 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), djalogu bejn il-maniġment u l-ħaddiema u jħeġġiġhom biex jidħlu f'relazzjonijiet kuntrattwali, inklużi ftehimiet; jirrakkomanda li fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet konklużi fil-livell Ewropew, il-maniġment u l-ħaddiema f'kull settur industrijali jużaw il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 155(2) TFUE għal kwistjonijiet koperti mill-Artikolu 153 TFUE;
70. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw it-telexogħol, jiġifieri l-forom kollha ta' xogħol mill-bogħod u l-forom kollha ta' organizzazzjoni u/jew ta' twettiq tax-xogħol li jeżistu barra mill-ħin u l-post tradizzjonali tax-xogħol, permezz tat-telekomunikazzjoni u l-internet fil-qafas ta' għoti ta' servizz jew relazzjoni ta' impjieg;
Il-promozzjoni ta' swieq tax-xogħol inklużivi
71. Jenfasizza li, sabiex l-Ewropa toħroġ aktar b'saħħitha mill-kriżi ekonomika u sabiex issir aktar kompetittiva u konverġenti, b'livelli ogħla ta' tkabbir u ta' impjiegi, u sabiex is-sistemi soċjali tagħna jkunu fiż-żgur għal żmien fit-tul, hija teħtieġ li tagħmel użu aħjar tal-potenzjal tal-forza tax-xogħol tagħha fil-gruppi tal-età kollha, itejjeb kemm il-funzjonament tas-swieq tax-xogħol tagħha kif ukoll l-inklużjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali, kif ukoll tagħti spinta lill-kwalifiki u l-ħiliet tal-forza tax-xogħol;
72. Jenfasizza, f'dan il-kuntest, li t-tnaqqis tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol għandu jinkiseb billi tiġi pprovduta sigurtà xierqa għall-ħaddiema u billi tittejjeb l-inklużjoni tas-suq tax-xogħol sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet għall-ħaddiema kollha b'kull tip ta' kuntratt, partikolarment dawk fil-gruppi l-aktar żvantaġġati u vulnerabbli, sabiex jidħlu u jagħmlu progress fis-suq tax-xogħol;
73. Jenfasizza l-importanza li d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità jiġu integrati fl-implimentazzjoni tal-Aġenda, kif ukoll fl-aspetti kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri xierqa għall-promozzjoni tal-iżvilupp ta' prodotti u servizzi ddisinjati universalment, u tal-aċċess għalihom, skont l-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, inkluż l-iskambju tal-aħjar prattiki;
74. Jenfasizza li, f'ħafna Stati Membri, il-pagi żdiedu b'rata aktar baxxa minn dik tal-produttività u jinsab imħasseb ħafna dwar l-għadd li qed jiżdied ta' “ħaddiema foqra” li, minkejja li jirċievu paga ma jirnexxilhomx jaqbżu l-linja tal-faqar, u għalhekk jemmen li għandha tittieħed azzjoni determinata biex tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni;
75. Jenfasizza l-importanza li l-qgħad fost iż-żgħażagħ jiġi indirizzat bħala kwistjoni ta' prijorità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom li jrawmu l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, inkluż l-għoti ta' inċentivi għaż-żgħażagħ u għal min iħaddem kif ukoll l-iżvilupp tat-traineeships u tal-apprendistat; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza kruċjali li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, l-orjentament u s-superviżjoni personalizzati, kif ukoll l-għoti ta' opportunitajiet biex jinkisbu ħiliet reali u biex dawn jiġu aġġornati skont id-domanda tas-suq tax-xogħol; jenfasizza li din l-inizjattiva għandha tkun ikkoordinata mill-qrib mal-Inizjattiva “Żgħażagħ Mobbli”;
76. Jenfasizza l-importanza li jinħolqu l-kundizzjonijiet xierqa biex jiġi żgurat li l-ħaddiema akbar fl-età jkunu jistgħu jibqgħu aktar fit-tul fis-suq tax-xogħol u sabiex is-solidarjetà u l-kooperazzjoni interġenerazzjonali jiġu integrati fil-kuntest tal-impjieg u jitwettqu inizjattivi li jippromwovu ħajja tax-xogħol itwal, bħall-qsim ta' impjieg (job sharing), ir-rivalutazzjoni tal-ħiliet tal-karriera, il-volontarjat mill-ħaddiema u l-irtirar gradwali, inkluż fost dawk li jaħdmu għal rashom;
77. Fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjoni fl-Ewropa qed tixjieħ, jitlob lill-Istati Membri sabiex joħolqu strumenti li jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol għall-persuni akbar fl-età, u jitlob għall-promozzjoni u li jingħata appoġġ wiesa' għall-orjentament u l-attivazzjoni ta' persuni akbar fl-età fid-dawl tal-isħubija innovattiva tat-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu kif ukoll ta' inċentivi għal min iħaddem, minħabba li d-dinja tan-negozju hija anqas interessata f'ħaddiema ta' età akbar. jenfasizza l-importanza li tali persuni jirċievu aktar taħriġ u jiksbu kwalifiki ġodda li jippermettulhom jirritornaw fis-suq tax-xogħol; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza li jsir użu tal-għarfien u l-esperjenza ta' nies akbar fl-età, pereżempju permezz ta' proġetti ta' coaching;
78. Fid-dawl tal-qgħad li qed jikber, jistieden lill-Istati Membri jimmodernizzaw u jsaħħu s-servizzi ta' impjieg pubbliku sabiex ikollhom rwol akbar bħala fornituri ta' servizzi tul il-ħajja kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddimhom; jemmen li s-servizzi pubbliċi tal-impjieg jistgħu joffru faċilitajiet għall-valutazzjoni tal-ħiliet, jistabbilixxu profili u jipprovdu orjentament ta' karrieri u servizzi ta' konsultazzjoni individwali, b'kooperazzjoni mill-qrib ma' min iħaddem lokalment, kif ukoll jipprovdu informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' imprenditorija u sensiela ta' programmi ta' taħriġ u ta' taħriġ mill-ġdid;
79. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu uffiċjalment il-kontribut tal-ekonomija soċjali, li hija responsabbli għal 10% tal-impjiegi fl-UE u li għandha rwol ewlieni fil-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE; Iqis neċessarju li jitħaffef l-iżvilupp tagħha sabiex tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' rikkezza li tkun soċjalment inklużiva u sabiex tgħin fl-iżvilupp ta' swieq tax-xogħol inklużivi, biex jinżammu l-impjiegi fis-setturi u fin-negozji li jinsabu fi kriżi u/jew li huma f'riskju li jagħlqu, biex jiżdied il-livelli ta' stabilità tal-impjiegi, biex il-ħiliet jibqgħu ħajjin u biex jiġu żviluppati metodi li jwasslu biex gruppi partikolarment żvantaġġjati, isibu xogħol;
80. Jenfasizza li l-politiki aħjar u aktar b'saħħithom li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, tal-familja u tal-ħajja privata għandhom jikkontribwixxu għal parteċipazzjoni akbar tal-popolazzjoni attiva tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol; jenfasizza l-importanza li n-nisa jingħataw is-setgħa li jidħlu, jirritornaw u javvanzaw fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari dawk li jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet meta jerġgħu lura għax-xogħol wara l-liv ta' maternità jew parentali;
81. Huwa tal-fehma li għandhom isiru sforzi sabiex jiġu promossi l-istudji tekniċi u fl-inġinerija, bħall-MINT (matematika, informatika, xjenzi naturali u teknoloġija) fost il-bniet u biex jiġu miġġielda s-sterjotipi tal-ġeneru u s-segregazzjoni professjonali tan-nisa fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri maħsuba biex iżidu l-għadd tan-nisa fil-karigi għolja fil-maniġment u f'pożizzjonijiet ewlenin oħra;
82. Iqis li l-liġijiet tal-UE kontra d-diskriminazzjoni żiedu konsiderevolment il-livell ta' protezzjoni fl-UE kollha; jemmen, madankollu, li jridu jsiru aktar sforzi biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni multipla, ta' gruppi differenti, fl-impjiegi, fit-taħriġ u fl-okkupazzjoni, bil-għan li jitħaddem il-prinċipju tat-trattament indaqs; jemmen li l-parteċipazzjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol għandu jiġu promoss ukoll permezz ta' politiki tal-welfare mmirati u ffukati fuq l-assistenza għat-tfal u l-appoġġ għall-familji, billi jiġu implimentati programmi għall-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi, kif ukoll miżuri li jippromwovu r-reklutaġġ ta' nisa u rġiel f'impjiegi mhux tradizzjonali fuq bażi volontarja, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għas-setturi li tradizzjonalment huma ddominati mill-irġiel;
83. Jindika, apparti d-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-argumenti ekonomiċi kontra d-diskriminazzjoni; jitlob lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex b'mod rapidu jilħqu ftehim u jadottaw il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja s-soluzzjonijiet għad-diffikultajiet tekniċi flimkien mal-Kunsill sabiex jintlaħaq tali ftehim billi politika b'saħħitha tal-UE kontra d-diskriminazzjoni tkun ta' appoġġ għall-istrateġija 2020;
84. Isostni li, sabiex il-kwalifiki u l-ħiliet tal-ħaddiema nisa jiġu kkonservati fi spazju ekonomiku li dejjem jinbidel u biex dawk li jixtiequ jkunu megħjuna biex imorru lura għax-xogħol, huwa essenzjali li l-ħaddiema bil-liv parentali jiġu inklużi wkoll fl-attivitajiet ta' taħriġ organizzati minn min jimpjegahom;
85. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw miżuri għar-rikonċilajzzjoni tal-ħajja professjonali u dik tal-familja, u jinvestu fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-swieq tax-xogħol permezz tal-promozzjoni tal-ġestjoni tad-diversità, it-tħeġġiġ professjonali tan-nisa, u l-promozzjoni tal-ħolqien ta' postijiet ġodda b'forom aktar flessibbli tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;
86. Jenfasizza li l-impjiegi l-ġodda għandhom ikunu akkumpanjati b'forom ġodda ta' arranġamenti ta' xogħol li jippermettu lil ħaddiema bi tfal dipendenti jaħdmu sigħat alternattivi, inaqqsu l-ħin tax-xogħol tagħhom jew jagħżlu li jagħmlu telexogħol;
87. Jinnota li l-opportunitajiet sabiex togħla r-rata tal-impjieg tan-nisa huma offruti mhux biss mis-settur tal-“impjiegi bojod”, iżda wkoll mis-settur tad-difiża nazzjonali, mis-settur tal-loġistika (inkluż it-trasport), mis-settur tas-servizzi għan-negozju – pereżempju l-assikurazzjoni u l-konsulenza – kif ukoll mis-settur tal-ekoloġija u tal-impjiegi sostenibbli;
88. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw u jiżviluppaw programmi speċifiċi mfassla sabiex jirreklutaw in-nisa fi professjonijiet tekniċi permezz ta' sussidji għal nisa akkademiċi żgħażagħ, b'mod konformi mal-aħjar prattika f'ċerti Stati Membri bħall-programm “Excellentia” fl-Awstrija, li wassal biex irduppja n-numru ta' professuri tal-università nisa fix-xjenza u t-teknoloġija u kkontribwixxa għat-twaqqif ta' ċentri ta' riċerka ta' kwalità għolja mmexxija minn nisa;
89. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkuraġġixxu lis-settur privat u dak pubbliku jieħdu l-miżuri kollha possibbli u meħtieġa biex jeliminaw id-distakk fis-salarji bejn in-nisa u l-irġiel u l-inugwaljanzi ewlenin f'dak li huma aċċess, paga, żvilupp tal-karriera, parteċipazzjoni u governanza, bil-għan li tittejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tat-trasparenza fl-għamla ta' statistika aqwa, u ta' definizzjoni li tista' tintuża ta' “xogħol ta' valur ugwali”; jilqa' t-tħabbiriet tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tas-sistema tal-pensjonijiet għal dawk b'perjodi neqsin fil-kontribuzzjonijiet ta' tfaddil tal-pensjoni minħabba perjodi ta' qgħad, mard jew żmien dedikat għall-kura ta' xi ħadd, li jikkonċernaw l-aktar lin-nisa;
It-titjib tal-kwalità tal-impjiegi u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol
90. Iqis li l-ħidma għall-ilħuq tal-objettiv ta' impjieg għal kulħadd trid tkun ikkumplimentata bi sforzi msaħħa biex tittejjeb il-kwalità tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tal-impjegati kollha, inklużi s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-ugwaljanza bejn is-sessi;
91. Iqis li l-kwalità tal-impjiegi trid tiġi promossa bħala kunċett multidimensjonali, li jkopri kemm ir-relazzjonijiet tal-impjiegi u x-xogħol innifsu; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tirrevedi d-definizzjoni u l-indikaturi komuni tal-UE tal-kwalità tal-impjieg, u biex tagħmilhom aktar operazzjonali fir-rigward tal-evalwazzjoni u tal-benchmarking tal-politiki tal-Istati Membri; iqis li d-djalogu soċjali għandu rwol importanti fil-promozzjoni ta' xogħol diċenti, impjieg ta' kwalità u protezzjoni soċjali adegwata u għalhekk jappella biex il-partijiet interessati ewlenin fil-qasam tar-relazzjonijiet industrijali fil-livell tal-UE jaħdmu sabiex jiġi żviluppat approċċ komuni Ewropew f'dan il-qasam u sabiex jieħdu parti attiva fir-reviżjoni tad-definizzjoni u tal-indikaturi tal-kunċett “kwalità tal-impjieg”;
92. Iqis li l-aċċessibilità fil-post tax-xogħol, partikolarment fir-rigward tal-ambjent mibni u t-teknoloġiji tal-informazzjoni, hija kundizzjoni essenzjali tax-xogħol u din il-kundizzjoni hija kruċjali għall-integrazzjoni vokazzjonali ta' persuni b'diżabilità;
93. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi riveduta l-liġi tas-saħħa u s-sigurtà u jwissi li ambjent tax-xogħol li ma jkunx sigur, bidliet regolari minn xogħol għall-ieħor, u żieda fl-istress għandhom effetti negattivi fuq is-saħħa fiżika u mentali tal-ħaddiema; jitlob lill-Kummissjoni biex tindirizza l-problema tan-nuqqas ta' għarfien ta' perikli u mard relatati max-xogħol;
94. Jenfasizza l-importanza li l-isforzi tal-partijiet interessati jiġu integrati sabiex tittejjeb il-kwalità tal-impjiegi u l-użu ta' strumenti ta' politika adegwati, inkluża l-leġiżlazzjoni, il-koordinazzjoni tal-politiki, l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-ftehimiet awtonomi tas-sħab soċjali;
95. Huwa tal-fehma li l-ammont kbir u l-proporzjon li qed jiżdied ta' mard professjonali, partikolarment il-firxa ta' kundizzjonijiet muskoskeletali, għandhom impatt kbir fuq il-kwalità tal-postijiet tax-xogħol, u għalhekk għandu jkun hemm sforz akbar biex dawn jitnaqqsu bl-għan li s-soċjetà li qed tixjieħ tkun waħda sostenibbli;
96. Iqis li d-drittijiet tal-ħaddiema, id-djalogu bejn is-sħab soċjali - ħaddiema u min iħaddimhom -u l-protezzjoni soċjali adegwata li tipprevjeni l-faqar fost dawk li jaħdmu għandhom ikunu fil-qofol tal-kwalità tal-impjieg ta' kwalità u għaldaqstant anke tal-kunċett tal-kwalità tal-impjiegi;
97. Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni tikkonkludi l-attivitajiet preleġiżlattivi tagħha u tressaq il-proposti leġiżlattivi mħabbra fl-Aġenda, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ l-eżitu tal-istudju tal-impatt ekonomiku u soċjali tagħha u l-awtonomija tas-sħab soċjali; jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni li tirrevedi l-effettività tal-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-kwalità tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, filwaqt li tqis żviluppi li saru;
98. Jenfasizza li l-objettivi stipulati fil-qasam tal-impjieg u l-istrateġiji biex dawn jintlaħqu, għandhom jiġu mmonitorjati u kkoordinati ma' dawk f'oqsma importanti oħra, bħas-settur tal-finanzi pubbliċi u l-politiki tal-innovazzjoni rilevanti;
o o o
99. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri.