Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI (COM(2010)0094 – C7-0088/2010 – 2010/0064(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0094),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0088/2010),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku ui Soċjali Ewropew tal-15 ta' Settembru 2010(1),
– wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tad-29 ta' Ġunju 2011, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0294/2011),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta tagħha b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-27 ta' Ottubru 2011 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/...UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, d-Direttiva 2011/93/UE.)
ANNESS
Stqarrija konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar is-solleċitazzjoni tat-tfal għal skopijiet sesswali
Wara li kkunsidraw il-fatt li s-solleċitazzjoni “fil-ħajja reali” tat-tfal għal skopijiet sesswali (“grooming off-line”) tfisser il-manipolazzjoni intenzjonata ta' tifel/tifla taħt l-età tal-kunsens sesswali permezz ta' diskors, kitba, materjal awdjoviżiv jew preżentazzjonijiet similari, għal laqgħa miegħu jew magħha għall-iskop tal-kommissjoni ta' xi wieħed mir-reati li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 3(4) u fl-Artikolu 5(6) tad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija,
wara li kkunsidra l-fatt li s-solleċitazzjoni “fil-ħajja reali” tat-tfal għal skopijiet sesswali ġa hi koperta bid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri f'forom differenti, kemm bħala tentattiv, reat preparatorju jew forma partikolari tal-abbuż speċjali,
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lill-Istati Membri jivverifikaw b'attenzjoni d-definizzjoni tad-dritt kriminali tagħhom fir-rigward tal-kriminalizzazzjoni tas-solleċitazzjoni fil-ħajja reali tat-tfal għal skopijiet sesswali, u jtejbu u jikkoreġu d-Dritt kriminali tagħhom, jekk ikun meħtieġ, f'dak li għandu x'jaqsam ma' kull lakuna ġuridika li għad jista' hemm f'dan is-sens.