Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (formulazzjoni mill-ġdid) (COM(2009)0551 – C7-0250/2009 – 2009/0164(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2009)0551),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 63(1) punti 1(c), 2(a) u 3(a) tat-Trattat KE, li skont it-termini tagħhom il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7–0250/2009);
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Il-Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fuq il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għadejjin bħalissa” (COM(2009)0665),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikolu 78(2)(a) u (b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-28 ta' April 2010(1),
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-7 ta' Lulju 2011, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 għal użu iktar strutturat tat-teknika tar-riformulazzjoni tal-atti legali(2),
– wara li kkunsidra l-ittra tat-2 ta' Frar 2010 mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern skont it-termini tal-Artikolu 87(3) tar-Regola ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 87, 55 u 37 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0271/2011),
A. Billi, skont il-grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-proposta in kwistjoni ma tinkludi l-ebda emenda ta' sustanza għajr dawk identifikati bħala tali fil-proposta u billi, fir-rigward tal-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ma nbidlux tal-atti ta' qabel flimkien ma' dawk l-emendi, il-proposta fiha kodifikazzjoni sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr ebda bidla fis-sustanza tagħhom,
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;
2. Japprova d-dikjarazzjoni politika konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta' spjegazzjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni politika konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta' spjegazzjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-27 ta' Ottubru 2011 bil-ġsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards għall-kwalifika ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (tfassil mill-ġdid)
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, d-Direttiva 2011/95/UE.)
ANNESS
Dikjarazzjoni politika konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta' spjegazzjoni
L-istituzzjonijiet jgħarrfu li l-informazzjoni li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-direttivi fil-liġi nazzjonali 'għandha tkun ċara u preċiża“(1), biex tiġi ffaċilitata l-kisba mill-Kummissjoni tal-kompitu tagħha li tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.
F'dan l-isfond, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jilqgħu d-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni.
Konsegwentement, fejn il-ħtieġa għal, u l-proporzjonalità tat-trasmissjoni ta' tali dokumenti huma ġustifikati skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni, l-istituzzjonijiet jaqblu li jinkludu l-premessa li ġejja fid-direttiva kkonċernata:"
F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni ta' [data], l-Istati Membri ntrabtu sabiex jakkumpanjaw, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti ta' strumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis it-trażmissjoni ta' tali dokumenti li hi ġustifikata.
"
Sal-1 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni ser tirraporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni taż-żewġ Dikjarazzjonijiet Politiċi Konġunti dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni.
L-istituzzjonijiet jimpenjaw lilhom infushom li japplikaw dawn il-prinċipji mill-1 ta' Novembru 2011 għal proposti ta' direttivi ġodda u pendenti, bl-eċċezzjoni ta' dawk li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu diġà laħqu qbil dwarhom.
Dikjarazzjoni politika konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta' spjegazzjoni
“'Skont l-Artikolu 288 TFUE, 'Direttiva għandha torbot l-Istati Membri, f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta' forom u metodi f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali”.
L-Istati Membri u l-Kummissjoni jirrikonoxxu li l-implimentazzjoni effettiva tal-liġi tal-Unjoni hija prerekwiżit għall-kisba tal-objettivi politiċi tal-Unjoni u li, filwaqt li r-responsabbiltà għal tali implimentazzjoni hija primarjament tal-Istati Membri, din hija kwistjoni ta' interess komuni minħabba li għandha bħala għan, fost l-oħrajn, li toħloq opportunitajiet indaqs fl-Istati Membri kollha.
L-Istati Membri u l-Kummissjoni jirrikonoxxu li t-traspożizzjoni korretta u fil-ħin tad-direttivi tal-Unjoni hija obbligu legali. Huma jinnutaw li t-Trattati jagħtu lill-Kummissjoni l-kompitu li tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni taħt is-superviżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u jikkondividu l-fehim komuni li n-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni għandha tiffaċilita l-kisba ta' dan il-kompitu mill-Kummissjoni.
F'dan il-kuntest, l-Istati Membri jirrikonoxxu li l-informazzjoni li dawn jipprovdu lill-Kummissjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-direttivi fil-liġi nazzjonali 'għandha tkun ċara u preċiża“ u 'trid tindika mingħajr ambigwità liema huma l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi”, jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra tal-liġi nazzjonali, kif ukoll, fejn rilevanti, il-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali, li permezz tagħhom l-Istati Membri jqisu li ssodisfaw ir-rekwiżiti diversi imposti fuqhom mid-direttiva(2).
Sabiex titjieb il-kwalità tal-informazzjoni dwar it-traspożizzjoni tad-direttivi tal-Unjoni, fejn il-Kummissjoni tqis li huma meħtieġa dokumenti li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali, din għandha tiġġustifika fuq il-bażi ta' każ b'każ, meta tippreżenta l-proposti rilevanti, il-ħtieġa li jiġu pprovduti tali dokumenti, u l-proporzjonalità tagħhom, b'kont meħud, b'mod partikolari u rispettivament, tal-komplessità tad-direttiva u tat-traspożizzjoni tagħha, kif ukoll tal-piż amministrattiv addizzjonali possibbli.
F'każijiet ġustifikati, l-Istati Membri jieħdu l-impenn li jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni b'dokument ta' spjegazzjoni wieħed jew aktar, li jista' jieħu l-forma ta' tabelli ta' korrelazzjoni jew ta' dokumenti oħrajn li jaqdu l-istess funzjoni.