Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar l-iżviluppi attwali fl-Ukraina
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-Pajjiżi tal-2010 dwar l-Ukraina u r-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tal-25 ta' Mejju 2011,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tiegħu dwar is-sentenza ta' kundanna tal-ex Prim Ministru Ukrain, Yulia Tymoshenko, fil-11 ta' Ottubru 2011,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Awwissu u tal-11 ta' Ottubru 2011 mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar il-verdett fil-kawża ta' Yulia Tymoskenko,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Varsavja fid-29 u t-30 ta' Settembru 2011,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998, u n-negozjati għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (AA), inkluża Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv, imfassal sabiex jieħu post l-FSK,
– wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali 2011-2013 għall-Ukraina,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE hija favur Ukraina stabbli u demokratika li tirrispetta l-prinċipji tal-ekonomija tas-suq soċjali, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, tipproteġi l-minoranzi u li tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali; billi l-istabilità politika domestika tal-Ukraina, inkluża enfasi fuq ir-riforma interna u r-rispett tal-istat tad-dritt, u l-inkorporazzjoni ta' proċessi legali ġusti, imparzjali u indipendenti hija prerekwiżit għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina;
B. billi wieħed mill-objettivi ewlenin tal-politika barranija tal-Parlament Ewropew huwa li jsaħħaħ u jrawwem ir-relazzjonijiet mal-Ukraina u jsaħħaħ il-PEV, bl-għan li jitħeġġu r-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kulturali tal-pajjiżi kkonċernati mal-UE u mal-Istati Membri;
C. billi d-deċiżjoni meħuda mill-Qorti Distrettwali ta' Pechersk fil-11 ta' Ottubru 2011 li tikkundanna l-eks Prim Ministru Yulia Tymoshenko għal seba' snin ħabs, tliet snin projbizzjoni mill-attività politika, penali ta' 200 miljun dollaru Amerikan u l-konfiska tal-proprjetà kollha titqies b'mod ġenerali jew att ta' vendetta jew tentattiv sabiex membri tal-oppożizzjoni jiġu kriminalment arrestati u mibgħuta l-ħabs bil-ħsieb li jitwaqqfu milli jkunu kandidati jew imexxu kampanja għall-elezzjoni parlamentari tas-sena d-dieħla u għall-elezzjoni presidenzjali tal-2015;
D. billi fit-12 ta' Ottubru 2011, is-Servizz ta' Sigurtà Ukrain fetaħ kawża kriminali ġdida kontra Yulia Tymoshenko u kontra l-eks Prim Ministru Pavlo Lazarenko, li huma akkużati li, meta kienu rispettivament jokkupaw il-karigi ta' President u ta' proprjetarju tal-United Energy Systems tal-Ukraina, ikkospiraw biex jagħmlu użu ħażin ta' fondi pubbliċi Ukraini fuq skala enormi;
E. billi jitqies in-numru dejjem jiżdied ta' uffiċjali li qed jiffaċċjaw responsabilità kriminali għall-azzjonijiet tagħhom, inklużi ex ministri tal-gvern, iżda l-iktar (viċi) kapijiet ta' dipartimenti tal-istat u ispettorati, kapijiet ta' subunitajiet ta' aġenziji għall-infurzar tal-liġi, imħallfin ta' qrati distrettwali u kapijiet ta' awtoritajiet lokali;
F. billi l-Gvern tal-Ukraina intrabat li jagħmel għadd ta' riformi legali li jagħmlu l-liġi privata u pubblika Ukraina konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali;
G. billi l-UE tibqa' tenfasizza l-ħtieġa tar-rispett għall-istat tad-dritt, inkluż permezz tat-twaqqif ta' proċessi legali ġusti, imparzjali u indipendenti, biex b'hekk jiġi evitat il-periklu li tinħoloq il-perċezzjoni li l-miżuri ġudizzjarji qed jintużaw b'mod selettiv; billi l-UE tikkunsidra dawn il-prinċipji partikularment importanti f'pajjiż li jaspira li jidħol f'relazzjonijiet kuntrattwali aktar profondi u li jsaħħaħ l-assoċjazzjoni politika mal-Unjoni;
1. Huwa tal-fehma li l-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina u l-fatt li l-Ukraina tingħata perspettiva Ewropea huma sinifikanti ħafna u ta' interess għaż-żewġ partijiet; jirrikonoxxi l-apirazzjonijiet tal-Ukraina skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għal sakemm jiġu ssodisfati l-kriterji kollha, inkluż ir-rispett għall-prinċipji tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt;
2. Jiddeplora l-kundanna tal-ex Prim Ministru Yulia Tymoshenko, bħala vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u abbuż tal-ġudikatura għall-iskop ta' trażżin politiku tal-mexxej tal-oppożizzjoni tal-Ukraina; jenfasizza li l-liġi applikata b'mod selettiv kontra Tymoshenko inħolqot fi żminijiet Sovjetiċi u tipprevedi prosekuzzjoni kriminali għal deċiżjonijiet politiċi; billi l-Artikoli 364 u 365 ta' dik il-liġi, li attwalment qed jiġu valutati mill-Verhovna Rada mhumiex konformi mal-istandards Ewropej u tan-NU;
3. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukraini jiżguraw proċess ġust, trasparenti u imparzjali fil-każ ta' kull appell minn Yulia Tymoshenko u waqt proċessi oħra kontra l-membri tal-gvern preċedenti; jinsisti li Yulia Tymoshenko għandha titħalla teżerċta d-dritt tagħha li tipparteċipa bis-sħiħ fil-proċess politiku sa minn issa stess u fl-elezzjonijiet li jmiss fl-Ukraina;
4. Jinsab imħasseb li l-proċess kontra Tymoshenko imur kontra l-impenn meħud mill-Gvern Ukrain lejn id-demokrazija u l-valuri Ewropej;
5. Jesprimi tħassib ġenwin rigward id-detenzjoni kontinwa tal-eks Ministru tal-Intern, Yuri Lutsenko, li kontrih għadha ma nħarġet l-ebda sentenza fil-proċess tiegħu, u dwar każijiet oħra simili;
6. Jinsisti li l-proċeduri ġudizzjarji kollha kontra ex uffiċjali għolja tal-gvern u dawk attwali għandhom iseħħu skont l-istandards Ewropej ta' ġustizzja, imparzjalità, trasparenza u indipendenza;
7. Huwa tal-fehma li jekk il-kundanna ta' Yulia Tymoshenko ma tkunx riveduta, il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u r-ratifika tiegħu se jiġu pperikolati, filwaqt li l-implimentazzjoni tal-perspettiva Ewropea tal-pajjiż se titbiegħed aktar; jesprimi tħassib dwar xi sinjali ta' deterjorazzjoni fil-libertajiet demokratiċi u dwar l-istrumentalizzazzjoni possibbli tal-istituzzjonijiet statali għal skopijiet partiġjani u biex titwettaq tpattija politika;
8. Jenfasizza li t-tisħiħ tal-istat tad-dritt u r-riforma interna, inkluża ġlieda kredibbli kontra l-korruzzjoni hija essenzjali mhux biss għall-konklużjoni u r-ratifika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-approfondiment tar-relazzjonijiet UE-Ukraina, iżda wkoll sabiex tkun ikkonsolidata d-demokrazija fl-Ukraina;
9. Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq dwar Żona ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv; iqis dan il-ftehim bħala bażi solida għall-finalizzazzjoni possibbli tan-negozjati dwar Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina;
10. Jinsab imbeżża' dwar rapporti rigward id-deterjorazzjoni fil-libertà tal-midja u fil-pluraliżmu fl-Ukraina; Jitlob lill-awtoritajiet biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jipproteġu l-aspetti essenzjali ta' soċjetà demokratika u biex ma jwettqu l-ebda kontroll, la dirett u lanqas indirett, tal-kontenut imxandar fil-midja nazzjonali;
11. Jappoġġa bis-saħħa r-rakkomandazzjonijiet imressqa fl-opinjoni konġunta tal-Kummissjoni ta' Venezja u tal-OSKE/ODIHR dwar l-abbozz preliminari tal-liġi elettorali; iqis li huwa essenzjali li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu adottati u implimentati b'mod mgħaġġel, inklussiv u komprensiv li jinvolvi kemm lill-oppożizzjoni kif ukoll lis-soċjetà ċivili;
12. Iħeġġeġ lill-forzi politiċi kollha fl-Ukraina jmexxu dibattitu ġust u trasparenti dwar il-proċess tat-teħid ta' deċiżjoni politiku; jinsisti li investigazzjonijiet dwar nuqqasijiet possibbli f'dak il-proċess għandhom jitwettqu minn kumitat ta' stħarriġ parlamentari;
13. Iqis li l-laqgħa reċentement posposta mal-President Yanukovych kienet se toffri opportunità eċċellenti biex jiġi trattat tħassib serju li ġie indirizzat lill-Gvern Ukrain u twaqqif mill-ġdid ta' djalogu kostruttiv li jista' jwassal biex jinbeda Ftehim ta' Assoċjazzjoni, sakemm isir progress sinifikanti kemm fir-rigward ta' ostakoli tekniċi u politiċi li għadhom jeżistu; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiskedaw mill-ġdid il-laqgħa mal-President Yanukovych sabiex issir qabel is-Samit UE-Ukraina f'Diċembru 2011;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa riforma ġudizzjarja fl-Ukraina billi tagħmel użu aħjar mill-programm tal-bini ta' kapaċitajiet tal-UE u tikkunsidra l-ħolqien ta' Grupp Konsultattiv ta' Livell Għoli tal-UE għall-Ukraina biex jgħin lill-Ukraina fl-isforzi tiegħu biex jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluża l-isfera ġudizzjarja;
15. Jagħti istruzzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE.