Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2875(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0541/2011

Dibattiti :

PV 27/10/2011 - 12.2
CRE 27/10/2011 - 12.2

Votazzjonijiet :

PV 27/10/2011 - 13.2

Testi adottati :

P7_TA(2011)0475

Testi adottati
PDF 300kWORD 62k
Il-Ħamis, 27 ta' Ottubru 2011 - Strasburgu
Il-Baħrejn
P7_TA(2011)0475RC-B7-0541/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar il-Baħrejn

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn, b'mod partikolari dik tas-7 ta' April 2011(1) dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn u dik tas-7 ta' Lulju 2011(2) dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-Dinja Għarbija u tal-Afrika ta' Fuq,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011(3) dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tiegħu tat-12 ta' April 2011 dwar il-mewta ta' żewġ attivisti ċiviċi mill-Baħrejn, u dik tat-28 ta' April 2011 fejn ikkundanna s-sentenzi ta' qtil ta' erba' persuni mill-Baħrejn li pparteċipaw fi protesti paċifiċi,

–  wara li kkunsidra s-Seduta ta' Smigħ dwar il-Baħrejn fis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli (VP/HR) dwar il-Baħrejn tal-10, it-12 u t-18 ta' Marzu 2011; tat-3 ta' Mejju u tl-1 ta' Lulju 2011; tal-31 ta' Awwissu 2011 u tat-8 u tat-30 ta' Settembru 2011, u d-dikjarazzjonijiet mill-VP/HR dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu, is-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-Parlament Ewropew fit-12 ta' Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Baħrejn tat-23 ta' Mejju, it-12 ta' April u l-21 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-23 ta' Ġunju u tat-30 ta' Settembru 2011 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-kundanni kontra 21 attivisti politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u mexxejja tal-oppożizzjoni Baħrejni,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Baħrejn maħruġa matul is-66 Assemblea Ġenerali tan-NU fid-29 ta' Settembru 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-istampa maħruġa mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Renju tal-Baħrejn fil-5 ta' Ottubru 2011 u d-dikjarazzjoni tal-Ministeru għas-Saħħa tal-Baħrejn dwar il-kundanni ta' Tobba, Infirmiera u Ħaddiema tas-Settur fit-30 ta' Settembru 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Prosekutur Pubbliku tal-Baħrejn rigward ir-riproċessar ta' tobba li kienu ġew ikkundannati fi proċessi militari, li nħarġet fit-23 ta' Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, il-Konvenzjoni Konta t-Tortura u Trattamenti oħra Ħorox, Inumani u Degradanti, u l-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tl-Bniedem, li għalihom kollha l-Baħrejn huwa pajjiż firmatarju,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19(d) tal-Kostituzzjoni tal-Baħrejn,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-2004, kif aġġornata fl-2008,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Human Rights Watch maħruġ fi Frar 2010,

–  wara li kkunsidra l-karta ta' tagħrif għall-pubbliku mit-tobba, “Is-Servizzi ta' Kura tas-Saħħa paralizzati: It-trażżin militari tal-Baħrejn b'rabta mal-pazjenti f'April 2011” ('Health Services Paralysed: Bahrain's military crackdown on patients on April 2011“),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, ispirati minn movimenti popolari fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani, seħħew b'mod regolari protesti favur id-demokrazija fil-Baħrejn sa minn Frar, fejn intalbu riformi istituzzjonali, politiċi, ekonomiċi u soċjali, bl-għan li tinkiseb demokrazija ġenwina, jiġu miġġielda l-korruzzjoni u n-nepotiżmu, jiġi żgurat rispett tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u jinħolqu kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali mtejba; billi l-protesti paċifiċi twaqqfu permezz ta' użu eċċessiv tal-forza mill-awtoritajiet tal-Baħrejn, fejn inqatlu għexieren ta' protestanti, u billi r-reazzjoni tal-komunità internazzjonali ma seħħitx malajr biżżejjed u kienet wisq dgħajfa;

B.  billi, wara talba mill-Gvern Baħrejni, eluf ta' forzi barranin mill-Arabja Sawdija u mill-Emirati Għarab Magħquda taħt il-bandiera tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) intbagħtu fil-Baħrejn;

C.  billi mill-inqas 20 tabib u paramediku, li kienu ġew ikkundannati għal bejn 5 u 15-il sena ħabs għal attivitajiet allegati kontra l-gvern fiwaqt li kienu qed iwettqu dmirijiethom u jġibu ruħhom bi qbil mal-kodiċi etiku tagħhom billi ttrattaw protestanti midruba b'mod ekwu u mingħajr diskriminazzjoni iktar kmieni din is-sena, reġgħet ġiet ikkonfermata l-kundanna tagħhom minn tribunal militari fid-29 ta' Settembru 2011; billi minħabba l-pressjoni internazzjonali, l-Avukat Ġenerali Baħrejni, Ali Alboainain, ħabbar nhar l-Erbgħa 5 ta' Ottubru 2011 li l-20 tabib u paramediku kienu se jerġgħu jiġu pproċessati quddiem qrati ċivili, u dawn il-proċessi bdew fit-23 ta' Ottubru 2011;

D.  billi għadd ta' tobba kkundannati kienu mħarrġa fi Stati Membri tal-UE, huma parti minn organizzazzjonijiet mediċi professjonali bbażati fl-UE u għandhom reputazzjoni tajba fost il-kollegi internazzjonali;

E.  billi t-trażżin immirat fuq it-tobba u l-paramediċi għandu konsegwenzi serji fuq il-ħidma tal-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali; billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem ikkundanna l-ħtif mill-forzi tas-sigurtà ta' faċilitajiet mediċi u l-arrest arbitrarju u t-trattament ħażin ta' persunal mediku bħala imġiba xukkanti u illegali;

F.  billi fis-6 ta' Settembru 2011, il-Qorti ta' Appell għas-Sigurtà Nazzjonali, li hija mmexxija mill-militar, ikkonfermat il-kundanni kontra mill-inqas 21 attivist Baħrejni tad-drittijiet tal-bniedem prominenti u opponenti tar-reġim, inkluż bloggers u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, Dr Abduljalil Al-Singace u Abdulhadi Al-Khawaja, kollha ċivili, allegatament għaliex ikkonfoffaw biex iwaqqgħu l-gvern; billi madwar 60 ċivil ġew ipproċessati fi Qrati tas-Sigurtà Nazzjonali dis-sena;

G.  billi bosta attivisti politiċi oħra, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti inżammu f'ħabsijiet matul il-protesti reċenti favur ir-riforma; billi skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, dawn ġew ittorturati, trattati ħażin u turmentati mill-forzi tas-sigurtà;

H.  billi l-Viċi Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (FIDH), Nabeel Rajab, President taċ-Ċentru Baħrejni għad-Drittijiet tal-Bniedem, ma tħalliex jitlaq mill-pajjiż u għadu qed jiġi mhedded u turmentat mill-forzi tas-sigurtà;

I.  billi l-eks Viċi President tal-Assoċjazzjoni tal-Għalliema tal-Baħrejn, Jalila al-Salman, ġiet arrestata għat-tieni darba f'darha fit-18 ta' Ottubru 2011; billi fit-23 ta' Settembru 2011, 16-il mara u erba' bniet inżammew u ġew akkużati minn “assemblea pubblika illegali”, irvell u “inċitazzjoni għall-mibgħeda tar-reġim”;

J.  billi fit-22 ta' Mejju 2011, il-kundanni ta' mewt imposti fuq Ali “Abdullah Hassan al-Sankis u ”Abdulaziz “Abdulridha Ibrahim Hussain, akkużati mill-qtil ta' żewġ pulizija matul protesti kontra l-gvern fil-Baħrejn, ġew ikkonfermati mill-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Nazzjonali; billi l-każ taż-żewġ irġiel ġie irriferit f'appell lill-Qorti tal-Kassazzjoni tal-Baħrejn, li hija maħsuba li se tagħti s-sentenza tagħha fit-28 ta' Novembru 2011;

K.   billi mijiet ta' persuni, inkluż għalliema u professjonisti tal-kura tas-saħħa, tkeċċew, ġew arrestati jew akkużati minn offiżi foloz fi proċessi tal-massa quddiem qrati militari wara protesti, u bosta fosthom għadhom ma kisbux lura l-pożizzjoni tagħhom wara li tkeċċew talli appoġġaw il-protesti, minkejja t-talba tar-Re li dan iseħħ fil-parti l-kbira tal-każijiet;

L.   billi “l fuq minn 40 persuna nqatlu sa minn meta bdew il-protesti kontra l-gvern, inkluż Ahmed al-Jaber al-Qatan, li allegatament inqatel b'tir ta' arma tan-nar meta kien qed jipparteċipa fi protesta kontra l-gvern fis-6 ta' Ottubru 2011 viċin il-belt kapitali Manama, u issa infetħet investigazzjoni dwar dan il-każ;

M.  billi l-istat tas-sigurtà nazzjonali fil-Baħrejn twaqqa' fl-1 ta' Ġunju 2011 u fit-2 ta' Lulju 2011, ir-Re Hamad Bin Isa al-Khalifa nieda Djalogu Nazzjonali biex jiġi indirizzat it-tħassib taċ-ċittadini tal-Baħrejn wara l-avvenimenti reċenti; billi r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mid-Djalogu tressqu lir-Re;

N.  billi fid-29 ta' Ġunju 2011, twaqqfet mir-Re Hamad il-Kummissjoni ta' Inkjesta Indipendenti tal-Baħrejn (BICI), inkluż komponent internazzjonali indipendenti, sabiex tinvestiga l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem matul it-trażżin reċenti min-naħa tal-gvern fir-rigward ta' protestanti favur ir-riforma, u din se tressaq is-sejbiet tagħha fit-23 ta' Novembru 2011;

O.  billi fl-24 ta' Settembru 2011, seħħew elezzjonijiet għall-kamra t'isfel tal-parlament sabiex jimtlew 18-il siġġu li tbattlu minn Al-Wefaq, partit tal-oppożizzjoni li ħareġ mil-leġiżlatura tan-nazzjon tal-Lvant Nofsani bi protesta kontra t-trattament tal-protestanti matul il-kunflitti iktar kmieni dis-sena;

1.  Jikkundanna r-ripressjoni taċ-ċittadini fil-Baħrejn li wasslet biex inqatlu u indarbu għexieren ta' persuni, u jħeġġeġ il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-protestanti paċifiċi kollha, attivisti politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tobba u paramediċi, bloggers u ġurnalisti, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familjari tal-vittmi kollha;

2.  Jitlob li l-forzi ta' sigurtà u l-awtoritajiet tal-Baħrejn iwaqqfu l-vjolenza, ir-ripressjoni u ż-żamma ta' protestanti paċifiċi, u biex irażżnu lilhom infushom meta jkunu qed jippruvaw jikkontrollaw il-protesti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jaġixxu b'konformità stretta mal-leġiżlazzjoni u mal-obbligi internazzjonali tagħhom.

3.  Itenni l-fehma tiegħu li l-protestanti esprimew l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi tagħhom u jitlob lill-Gvern Baħrejni biex jibda djalogu ġenwin, b'sens u kostruttiv mal-oppożizzjoni, mingħajr dewmien ulterjuri jew prekundizzjonijiet addizzjonali, sabiex isiru r-riformi meħtieġa, titħeġġeġ ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali u jiġi ristawrat il-kunsens soċjali;

4.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward il-preżenza ta' truppi barranin taħt l-eġidju tal-GCC fil-Baħrejn u jitlob biex dawn jitilqu immedjatament; itenni t-talba tiegħu biex il-GCC jikkontribwixxi b'mod kostruttiv u jaġixxi ta' medjatur fl-interess ta' riformi paċifiċi fil-Baħrejn;

5.  Jikkundanna l-użu ta' qrati militari speċjali biex jiġu proċessati ċivili, peress li dan huwa ksur tal-istandards internazzjonali ta' proċessi ġusti, u jenfasizza li ċ-ċivili għandhom jiġu proċessati fi qrati ċivili u li kull persuna arrestata ħaqqha proċess ġust, b'aċċess adegwat għal avukat u b'biżżejjed żmien biex tiġi ppreparata difiża; jitlob biex jieqfu minnufih il-proċessi tal-massa ta' ċivili f'qorti militari, il-Qorti għas-Sigurtà Nazzjonali;

6.  Jilqa' d-deċiżjoni li t-tobba u l-infirmiera jerġgħu jiġu proċessati fi qrati ċivili iżda jqis li l-akkużi kollha kontrihom għandhom jaqgħu, u jitlob biex il-qrati ċivili jirrilaxxaw it-tobba u l-persunal mediku b'mod inkondizzjonat u immedjat, peress li dawn kienu qed jaġixxu bi qbil mad-dmir professjonali tagħhom u ġew akkużati talli taw għajnuna medika lil dawk li jopponu r-reġim, kif ukoll reati serji li jidhru ta' natura politika u li għalihom ma tressqux provi kredibbli, kif ukoll li jirrilaxxaw l-attivisti politiċi l-oħra kollha, ġurnalisti, għalliema, bloggers u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem minħabba n-natura arbitrarja tal-akkużi u tal-proċedimenti kollha kemm huma; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sentenzi ta' għomor il-ħabs li ngħataw lil mill-inqas tmien attivisti tal-oppożizzjoni u lil mill-inqas 13-il persuna li ngħataw sa 15-il sena ħabs;

7.  Jenfasizza li l-għoti ta' trattament imparzjali għall-midruba huwa parti mill-obbligu legali bażiku taħt il-liġi umanitarja, u jħeġġeġ lill-Baħrejn, bħala pajjiż firmatarju tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, biex jirrispetta l-obbligi fir-rigward tal-provvista ta' kura tas-saħħa lill-morda u lill-midruba;

8.  Jitlob lir-Renju tal-Baħrejn biex jippermetti lill-mediċi kollha li jerġgħu jibdew iwettqu xogħolhom u biex dawn u t-tmijiet ta' difiża tagħhom jingħataw aċċess għal rapporti ta' eżami mediku mill-eżami tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Indipendenti tal-Baħrejn fir-rigward tat-tobba arrestati;

9.  Iwissu kontra l-abbuż ta' liġijiet ta' sigurtà nazzjonali;

10.  Jitlob lill-awtoritajiet biex jistabbilixxu mill-ġdid u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż il-pluraliżmu tal-midja, kemm online kif ukoll offline, il-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea, il-libertà tat-twemmin reliġjuż, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u miżuri kontra d-diskriminazzjoni, u biex itemmu ċ-ċensura; jitlob lill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex jaċċettaw iż-żjara mitluba tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;

11.  Jinnota li eluf ta' impjegati tilfu l-impjieg tagħhom minħabba li pparteċipaw fil-protesti paċifiċi kontra l-gvern; jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll lill-intrapriżi Ewropej involuti sabiex jerġgħu jagħtu x-xogħol immedjatament lil dawn il-persuni u biex jiżguraw li dawn jingħataw kumpens għat-telf finanzjarju;

12.  Jinnota b'mod pożittiv id-deċiżjoni tar-Re Hamad li jwaqqaf kummissjoni indipendenti biex tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi tas-sigurtà matul it-trażżin tal-gvern fuq protestanti paċifiċi favur ir-riforma; iħeġġeġ imparzjalità u trasparenza sħiħa għall-kummissjoni u jitlob lill-Gvern tal-Baħrejn biex ma jinterferixxix fil-ħidma tagħha u biex jiżgura li min wettaq ir-reati u l-persuni kollha responsabbli għat-trażżin vjolenti jinġiebu quddiem il-ġustizzja u jingħataw proċess adegwat;

13.  Jilqa' t-twaqqif ta' Ministeru għad-Drittijiet tal-Bniedem u għall-Iżvilupp Soċjali fil-Baħrejn, u jitlob li l-ministeru jaġixxi bi qbil mal-istandards u l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Jitlob biex jiġu ammessi osservaturi internazzjonali għall-proċessi ta' priġuniera politiċi kif ukoll biex dawn jitħallew jimmonitorjaw il-ħidma tal-kummissjoni indipendenti li tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem biex tiġi żgurata oġġettività skont l-istandards internazzjonali;

15.  Jitlob biex l-awtoritajiet tal-Baħrejn u r-Re tal-Baħrejn ibiddlu l-kundanni tal-mewt ta' Ali “Abdullah Hassan al-Sankis u ”Abdulaziz “Abdulridha Ibrahim Hussain; itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex jiddikjaraw moratorja immedjata;

16.  Iqis li l-investigazzjoni li nbdiet rigward il-mewt tat-tifel ta' 16-il sena, Ahmed al-Jaber al-Qatan, matul protesta kontra l-gvern għandha tkun indipendenti, li s-sejbiet għandhom ikunu ppubblikati u li l-persuni responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

17.  Jenfasizza l-importanza ta' rikonċiljazzjoni bħala parti essenzjali tar-riforma u tal-istabilità fis-soċjetà mimlija diversità tal-Baħrejn, li fiha d-drittijiet ta' kull ċittadin għandhom jiġu garantiti b'mod ekwu kemm bil-miktub kif ukoll fil-prattika tal-liġi;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Baħrejn.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0148.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0333.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0109.

Avviż legali - Politika tal-privatezza