Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2876(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0565/2011

Dibattiti :

PV 27/10/2011 - 12.3
CRE 27/10/2011 - 12.3

Votazzjonijiet :

PV 27/10/2011 - 13.3

Testi adottati :

P7_TA(2011)0476

Testi adottati
PDF 206kWORD 37k
Il-Ħamis, 27 ta' Ottubru 2011 - Strasburgu
Il-każ ta' Rafah Nached fis-Sirja
P7_TA(2011)0476RC-B7-0565/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar il-każ ta' Rafah Nached fis-Sirja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li tagħhom is-Sirja hija parti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet maħruġa mill-kelliem ta' Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE, fit-30 ta' Awwissu 2011 dwar l-aggravar tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja u fit-23 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni ta' Rafah Nached fis-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet li appellaw għall-ħelsien ta' Rafah Nached li saru minn Isabelle Durant u Libor Rouček, Viċi Presidenti tal-Parlament, u minn Veronique de Keyser, Viċi President tal-Grupp S&D, waqt is-seduti plenarji tal-14, il-15 u d-29 ta' Settembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 u tat-23 ta' Ottubru 2011 u s-sanzjonijiet adottati fit-13 ta' Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tas-7 ta' April 2011(1) u tas-7 ta' Lulju 2011(2) dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, fil-Baħrejn u fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-15 ta' Settembru 2011(3) dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura

A.  billi Rafah Nached, l-ewwel psikoanalista tas-Sirja li teżerċita l-professjoni u l-fondatriċi tal-Iskola ta' Psikoanaliżi ta' Damasku, ġiet arrestata u miżmuma arbitrarjament fl-10 ta' Settembru 2011 fl-ajruport ta' Damasku minn uffiċjali tas-Servizzi Sigrieti Ġenerali; billi hija magħrufa għall-kura ta' vittmi ta' trawmi psikoloġiċi kif ukoll għall-impenn attiv tagħha favur id-djalogu bejn is-Sirjani kollha;

B.  billi s-Sa Nached għandha 66 sena u tinsab f'kundizzjonijiet ta' saħħa prekarji billi tbati minn marda kardijaka, qiegħda tfieq minn kanċer, tbati minn ipertensjoni u teħtieġ tiegħu mediċini regolarment; billi fil-ħabs saħħitha qiegħda tmur għall-agħar u dan qiegħed jaggrava l-kundizzjoni kardijaka tagħha;

C.  billi s-Sa Nached kienet qiegħda fuq vjaġġ lejn Pariġi biex tingħaqad ma' bintha, li qiegħda tistenna tarbija, meta ttieħdet il-ħabs mingħajr akkuża u inizjalment kienet miżmuma f'detenzjoni sigrieta;

D.  billi fl-14 ta' Settembru 2011 ġiet akkużata b'“attivitajiet li jistgħu jiddestabbilizzaw lill-Istat” u l-imħallef ċaħad it-talba li tinħareġ bi pleġġ; billi n-natura tal-akkuża u l-paranojja li ħakmet ir-reġim għal dawn l-aħħar sitt xhur żdiedu l-biża' ta' perjodu twil ta' detenzjoni intiż biex jintimida l-komunità intellettwali Sirjana kollha;

E.  billi fi ftit sigħat ġiet organizzata kampanja internazzjonali enormi, inkluża petizzjoni għall-ħelsien immedjat u inkundizzjonat tagħha;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-arrest u d-detenzjoni arbitrarji ta' Rafah Nached mill-awtoritajiet Sirjani;

2.  Jesprimi t-tħassib gravi tiegħu dwar is-sitwazzjoni tas-Sa Nached, fid-dawl tal-kundizzjonijiet prekarji ta' saħħitha;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Sirjani jeħilsu immedjatament u inkundizzjonatament lis-Sa Nached minħabba raġunijiet mediċi u umanitarji u jiggarantixxu s-sikurezza fiżika tagħha u r-ritorn għand il-familja tagħha mill-aktar fis possibbli;

4.  Jitlob lill-awtoritajiet Sirjani jawtorizzaw l-organizzazzjonijiet umanitarji u t-tobba biex jittrattaw il-vittmi tal-vjolenza u jagħtuhom aċċess għar-reġjuni kollha tal-pajjiż, u jitħallew jiżvolġu l-ħidma leġittima u paċifika tagħhom mingħajr biża' ta' rappreżalji u mingħajr ebda restrizzjoni, inklużi l-vessazzjonijiet ġudizzjarji; jistieden lill-awtoritajiet Sirjani jikkonformaw mal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u mal-impenji internazzjonali kif anki jiggarantixxu l-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0148.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0333.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0387.

Avviż legali - Politika tal-privatezza