Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2157(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0350/2011

Testi mressqa :

A7-0350/2011

Dibattiti :

PV 14/11/2011 - 22
CRE 14/11/2011 - 22

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2011 - 7.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0485

Testi adottati
PDF 321kWORD 78k
It-Tlieta, 15 ta' Novembru 2011 - Strasburgu
It-tibdil demografiku u l-konsegwenzi tiegħu għall-politika ta' koeżjoni futura tal-UE
P7_TA(2011)0485A7-0350/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2011 dwar it-tibdil demografiku u l-konsegwenzi tiegħu għall-politika ta' koeżjoni futura tal-UE (2010/2157(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tad-DĠ REGIO, partikolarment il-paġni 230-234,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni: il-futur tal-politika ta' koeżjoni (COM(2010)0642) u d-dokument mehmuż (SEC(2010)1348),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tad-DĠ REGIO intitolat “Regions 2020: an Assessment of Future Challenges for EU Regions” ta' Novembru 2008 (dokument ta' sfond tad-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni SEC(2008)2868),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2010 dwar l-isfida demografika u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet(1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta' Mejju 2007 intitolata “Il-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet” (COM(2007)0244),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar l-isfidi demografiċi u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2006 intitolata “Il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa, il-bidla ta' sfida f'opportunità” (COM(2006)0571),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tas-16 ta' Marzu 2005 intitolata “Quddiem it-tibdiliet demografiċi, solidarjetà ġdida bejn il-ġenerazzjonijiet” (COM(2005)0094),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0350/2011),

A.  billi t-tibdil demografiku fl-UE u mad-dinja kollha huwa fatt, u l-mod kif jiġi trattat huwa wieħed mill-impenji ewlenin tal-ġejjieni, u billi l-popolazzjoni tal-UE hija l-ixjeħ waħda fid-dinja kollha;

B.  billi t-tibdil demografiku huwa kkaratterizzat mit-tixjiħ tal-popolazzjoni u minn flussi sostanzjali ta' migrazzjoni kemm minn pajjiżi terzi għall-UE kif ukoll fi ħdan l-UE stess mil-Lvant għall-Punent u minn żoni rurali għal żoni urbani,

C.  billi t-tibdil demografiku qed joħloq kompiti ġodda partikolarment għal ċerti reġjuni, iżda, minflok ma nħarsu lejh bħala theddida, għandna jqisuh wkoll bħala opportunità;

D.  billi l-analiżi “Reġjuni 2020” tad-DĠ Regio tal-Kummissjoni identifikat it-tibdil demografiku bħala sfida ewlenija;

E.  billi t-tibdil demografiku jolqot kemm ir-reġjuni rurali kif ukoll iż-żoni urbani f'miżura ugwali u, fost affarijiet oħra, għandu impatt fuq id-disponibilità ta' infrastruttura u servizzi tajba,

F.  billi, għalkemm prinċipalment huwa kompitu tal-Istati Membri li jegħlbu l-isfidi demografiċi varji, ir-reġjuni jridu jaġixxu b'mod proattiv u tul il-proċess jeħtieġu appoġġ fil-livell Ewropew,

G.  billi l-Istati Membri, fil-qafas tal-Programm Operazzjonali 2007-2013, allokaw EUR 30 biljun f'Fondi Strutturali għal miżuri fil-qasam tat-tibdil demografiku, u l-awtoritajiet reġjonali u lokali jassumu pożizzjoni ċentrali fil-proċess tal-indirizzar ta' dan it-tibdil, sabiex il-politika reġjonali tkun strument ewlieni fost il-modi li bihom l-UE tieħu azzjoni,

Ġenerali

1.  Jaħseb li hija ħaġa pożittiva li t-tul tal-ħajja fl-Ewropa qed jiżdied; jemmen li l-pubbliku spiss iħares lejn il-perikli u mhux lejn l-opportunitajiet inerenti fit-tibdil demografiku;

2.  Iqis li l-opportunitajiet kollha għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa u sfruttati b'mod xieraq, inkluż bl-appoġġ ipprovdut permezz tal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni;

3.  Jemmen li l-impatt tat-tibdil demografiku jvarja sostanzjalment minn reġjun għal reġjun, skont jekk it-tibdil ikunx rapidu jew bil-mod u jekk ir-reġjun konċernat ikunx reġjun ta' immigrazzjoni netta jew ta' popolazzjoni li qiegħda tonqos, u b'hekk jeħtieġ strateġiji differenti ta' aġġustament u għandu jiġi trattat b'mod koordinat mill-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali u reġjonali kollha; iqis li f'reġjuni fejn il-popolazzjoni qed tonqos, b'mod partikolari fir-reġjuni rurali, il-kwalità tal-ħajja hija definita b'mod differenti mill-mod li hi f'reġjuni fejn il-popolazzjoni qed tiżdied, u għalhekk iqis li jeħtieġ li jkun hemm strateġiji differenti ta' għajnuna; jaħseb li l-migrazzjoni tal-ħaddiema tkompli żżid l-effetti tat-tibdil demografiku filwaqt li t-tixjiħ tal-popolazzjoni huwa biss parti mill-istampa;

4.  Iqis li l-FEŻR u l-FSE jistgħu jikkontribwixxu għall-kompitu biex jiġu indirizzati l-isfidi li joħorġu mit-tibdil demografiku fl-UE, jiġifieri ż-żieda ta' persuni aktar anzjani u t-tnaqqis fil-popolazzjoni żagħżugħa; jiffavorixxi l-użu ta' fondi FEŻR biex jappoġġaw l-adattament tad-djar għall-bżonnijiet tal-anzjani sabiex jiggarantixxu kwalità ta' ħajja għolja għal soċjetà li qed tixjieħ; jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jużaw il-fondi disponibbli fil-FEŻR u l-FSE biex jappoġġaw il-familji żgħażagħ;

5.  Huwa tal-opinjoni li qafas politiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi jista' jgħinna niffaċċjaw l-isfidi demografiċi; jitlob, għalhekk, li l-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi kkunsidrata fid-dibattiti kollha dwar il-problemi demografiċi;

6.  Iqis li s-sitwazzjoni demografika attwali li qed teħżien għall-inqas f'uħud mill-Istati Membri se tistimola diskussjonijiet rigward riformi dwar is-sistemi tal-pensjoni fil-futur qrib;

Riformi tal-politika strutturali

7.  Jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni jikkunsidraw il-livell differenti ta' żvilupp tar-reġjuni u jqisu wkoll l-indikaturi demografiċi, pereżempju l-proporzjon ta' dipendenza, meta jallokaw u jiddistribwixxu l-fondi strutturali tal-UE u meta jiddefinixxu indikaturi tal-impatt; jinnota li globalment l-UE għandha l-ogħla proporzjon ta' anzjani fost il-popolazzjoni tagħha; jemmen li l-Kummissjoni għandha tipproponi wkoll metodi li bihom jiġi indirizzat it-tibdil demografiku fuq bażi pan-Ewropea; iqis li huwa essenzjali mill-aspett tal-aċċess għall-infrastrutturi u s-servizzi, kif ukoll minn dak tal-ħarsien ambjentali, li tiġi vvalutata mhux biss l-emigrazzjoni tal-ħaddiema iżda wkoll il-bżonn li jiġu ggarantiti l-kundizzjonijiet li jżommu liċ-ċittadini fir-reġjun ta' oriġini tagħhom, sabiex tiġi evitata konċentrazzjoni qawwija ta' popolazzjoni f'ċerti żoni urbani;

8.  Jemmen li jistgħu jiġu identifikati soluzzjonijiet komuni u sinerġiji billi jiġu implimentati l-politiki tal-UE, inkluż għal dak li għandu x'jaqsam mat-tibdil demografiku; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi t-tibdil demografiku bħala objettiv orizzontali fil-politika ta' koeżjoni tal-ġejjieni; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tinsisti li din il-kwistjoni tiġi kkunsidrata meta tikkonkludi ftehimiet ta' sħubija għall-investiment mal-Istati Membri;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni jagħtu kunsiderazzjoni akbar lit-tibdil demografiku u l-effetti tiegħu milli taw sa issa, billi jagħmlu l-miżuri biex jindirizzawh bħala oġġettiv orizzontali fit-tfassil tal-programmi strateġiċi nazzjonali ta' qafas (jew kwalunkwe dokument rispettiv) u fil-programmi operazzjonali tagħhom; iqis, f'dan il-kuntest, li l-miżuri ewlenin tal-istrateġija EU 2020, fosthom is-sħubija dwar it-tixjiħ attiv u b'saħħtu, jistgħu jiġu konnessi direttament mal-preferenzi tas-sħab f'dawn il-programmi;

10.  Jitlob li jittieħdu miżuri proattivi sabiex jiġu evitati konsegwenzi negattivi tat-tibdil demografiku u biex tiżdied l-assistenza teknika għar-reġjuni li jsofru l-iktar mid-depopolazzjoni u t-tixjiħ, sabiex tiġi żgurata l-kapaċità tagħhom ta' assorbiment u l-kapaċità li jibbenefikaw mill-Fondi Strutturali;

11.  Jemmen li l-atturi pubbliċi u privati fl-Ewropa se jkollhom il-possibilità li jassumu rwol ta' pijunieri fir-reazzjoni għall-isfidi kkawżati mit-tibdil demografiku u t-tixjiħ, billi japplikaw innovazzjonijiet soċjali u mezzi oħra; jinnota li l-ispejjeż ġenerati mit-tixjiħ fil-ġejjieni se jiġġustifikaw proporzjon dejjem ikbar ta' investiment pubbliku u privat b'mod ugwali; jirrealizza li l-qasam huwa wieħed li joffri potenzjal li qed jiżdied għad-dinja tan-negozju u għall-innovazzjonijiet;

12.  Jenfasizza l-fatt li l-bidla demografika, partikolarment it-tixjiħ tal-popolazzjoni, għandha impatt ċar fuq il-provvista tal-infrastruttura soċjali, bħas-sistemi tal-pensjoni, il-kura mill-infermiera u l-kura tas-saħħa, billi l-awtoritajiet reġjonali jkollhom jissodisfaw id-domanda li titbiddel ta' gruppi differenti tal-popolazzjoni;

13.  Jitlob li jkun hemm regoli tal-FSE futuri li jkunu aktar sempliċi biex wieħed jużahom u għalhekk jippermettu lil organizzazzjonijiet żgħar jibbenefikaw aħjar mill-fondi u jiżviluppaw u jimmaniġġjaw proġetti soċjali innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tal-FSE tal-ġejjieni, iżżid il-finanzjament għall-proġetti pilota tranżnazzjonali f'livell tal-UE li jindirizaw kwistjonijiet soċjali u tal-impjieg, sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni reġjonali, transkonfinali u makroreġjonali u b'hekk jingħelbu sfidi komuni dovuti għat-tibdil demografiku.

Żvilupp urban / infrastruttura urbana

14.  Jinkuraġġixxi lir-reġjuni jużaw il-Fondi Strutturali biex jgħinu jindirizzaw l-isfidi demografiċi, biex itejbu l-aċċess għas-servizzi soċjali u amministrattivi, inkluż fi bliet u rħula żgħar u remoti, billi jippromwovu l-potenzjal speċifiku ta' kull reġjun u jsaħħu l-fatturi li jwasslu biex in-nies ikunu jridu jibqgħu;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi kundizzjonijiet aktar flessibbli biex tippromwovi finanzjament trażversali bejn il-fondi FEŻR u FSE fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet jew strateġiji urbani integrati;

16.  Jemmen li, jekk għandha tiġi evitata d-depopolazzjoni, għandhom jiġu żviluppati bliet li jiffavorixxu t-tfal u l-familji u jkunu adattati għall-bżonnijiet tal-persuni b'diżabilità u b'mobilità limitata; iqis li wieħed mill-fatturi ta' dan id-disinn huwa li, sakemm ikun possibli, id-distanzi bejn il-postijiet tax-xogħol, ir-residenza u l-postijiet ta' rikreazzjoni ma jkunux eċċessivi; jistieden lir-reġjuni biex jiżguraw, fil-qasam tal-ippjanar urban, li jagħtu attenzjoni għal taħlita ta' strutturi ta' residenza, ta' kummerċ u ta' rikreazzjoni u li dawn ikunu żviluppati b'mod ibbilanċjat u armonjuż u li l-konnessjonijiet maż-żoni suburbani identifikati bħala żoni residenzjali ġodda jittejbu; iħeġġeġ, ukoll, sabiex l-opportunitajiet ta' telexogħol ikomplu jiġu żviluppati;

17.  Jinnota li l-ibliet iż-żgħar fir-reġjuni ta' emigrazzjoni netta għandhom rwol partikolarment importanti bħala ċentri ta' servizzi; jilob li din il-funzjoni stabbilita tiġi kkunsidrata fil-Fondi Strutturali tal-ġejjieni, b'mod partikolari permezz ta' koordinazzjoni aħjar tal-FAEŻR mal-FEŻR u l-FSE; jinnota li d-depopolazzjoni rurali għandha impatt konsegwenti negattiv fuq iż-żoni urbani u li ż-żoni rurali li jivvibraw bl-ekonomija u l-ħajja soċjali jikkostitwixxu ġid pubbliku li għandu jiġi rikonoxxut fil-forma ta' programm għall-iżvilupp rurali b'riżorsi adegwati; jistieden lill-Istati Membri, lir-reġjuni u l-amministrazzjoni lokali biex jipprovdu network komprensiv ta' servizzi għar-residenti tal-etajiet kollha u li jiffunzjona tajjeb, sabiex jiġu miġġielda d-depopolazzjoni taż-żoni rurali u l-emigrazzjoni;

18.  Jinnota li l-fondi tal-FEŻR jistgħu jintużaw ukoll għall-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali tal-anzjani, biex pereżempju jiġu żviluppati infrastruttura u servizzi li huma speċjalizzati għall-anzjani u li jiżguraw l-aċċessibilità għal kulħadd;

19.  Huwa tal-fehma li f'reġjuni b'popolazzjoni li qed tonqos, għandu jiġu pprovdut appoġġ finanzjarju għall-istrateġiji ta'adattament; jemmen li l-ippjanar urban u reġjonali għandu jikkunsidra aħjar il-bidliet fl-użu differenti tal-infrastruttura, inkluż permezz ta' miżuri li jerġgħu jqajmu u jirristrutturaw iċ-ċentri tal-ibliet, u f'dan il-proċess il-kooperazzjoni mal-partijiet interessati privati hija ta' importanza wkoll; jinnota li waħda mill-prijoritajiet tal-politika urbana għandha tkun li jiġu żviluppati bliet li jiffavorixxu l-anzjani; jitlob li l-objettivi tal-potenzjal u l-wirt turistiku tal-ibliet jiġu rikonoxxuti u żviluppati, peress li dawn jippreżentaw opportuntitajiet biex jattiraw residenti ġodda f'żoni fir-riskju ta' depopolazzjoni;

20.  Jistieden lir-reġjuni jiżviluppaw kunċetti innovattivi għat-trasport pubbliku lokali sabiex jiġu indirizzati, fost affarijiet oħra, l-isfidi tan-numru li qed jonqos tal-passiġġieri, partikolarment fiż-żoni rurali; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju għal dawn it-tipi ta' proġetti;

Anzjani, tfal u familji

21.  Huwa favur l-idea li self b'rati tal-imgħax baxxi li jista' jappoġġja l-adattament ta' bini għall-ħtiġijiet tal-anzjani jista' jingħata prijorità fil-qafas tal-fondi tal-FEŻR; jipproponi li tingħata l-opportunità biex riżorsi finanzjarji jiġu pprovduti skont ċerti kundizzjonijiet għal kumplessi ta' djar ta' kura u djar għal diversi ġenerazzjonijiet, bil-ħsieb tal-prevenzjoni tal-iżolament ta' persuni anzjani u biex jiġi sfruttat il-potenzjal kreattiv tagħhom, bil-għan li tkun iggarantita kwalità tal-ħajja aħjar għal soċjetà li qed tixjieħ;

22.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jallinjaw is-servizzi soċjali u s-servizzi tas-saħħa mal-ħtiġijiet ta' kulħadd, speċjalment tal-familji u tat-tfal u biex jipprovdu fondi biex ikomplu jkunu ggarantiti l-kura fid-djar u l-provvista ġenerali medika għall-anzjani, indipendentement mid-dħul, l-età u l-istatus soċjali tagħhom, sabiex ma jkunx hemm emigrazzjoni miż-żoni rurali u mir-reġjuni tal-periferija;

23.  Iqis li l-investiment pubbliku fis-sistemi ta' saħħa u ta' kura huwa importanti għall-koeżjoni soċjali fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-provvista ta' kura tas-saħħa tajba anki fiż-żoni rurali, pereżempju permezz tal-provvista ta' “gateway clinics” ta' kura medika reġjonali u servizzi tas-saħħa li jagħmluha possibbli li jiġi kkumbattut in-nuqqas ta' provvista medika li għandhom żoni bħal dawn, u f'reġjuni konfinali permezz ta' kooperazzjoni transkonfinali aktar mill-qrib bejn il-kliniki u bejn l-atturi involuti, u biex jikkunsidraw il-possibilità ta' użu tal-Fondi Strutturali biex jippromwovu miżuri addizzjonali fil-qasam tat-telemediċina u tal-kura u biex jappoġġjaw it-tixjiħ attiv; jistieden lill-Kummissjoni tfittex soluzzjonijiet innovattivi għall-appoġġ finanzjarju ta' tali azzjonijiet;

24.  Iwissi dwar il-perikolu ta' problemi reġjonali speċifiċi li jeffettwaw il-provvista ta' servizzi ta' interess ġenerali, partikolarment in-nuqqas ta' ħiliet professjonali fil-professjonijiet relatati mal-kura f'ċerti reġjuni; jemmen li dawn ir-reġjuni għandhom jiżviluppaw reazzjonijiet reġjonali speċifiċi għall-ħtiġijiet u għad-diffikultajiet tal-provvista tas-servizz, u għandhom jużaw l-FSE għat-taħriġ fil-kura sabiex ikun iggarantit livell għoli fil-kwalità tal-kura u għandhom jiżguraw li jinħolqu impjiegi ġodda, inkluż permezz ta' programmi ta' taħriġ mill-ġdid għal min huwa bla xogħol; jinnota li dan jagħti kontribut dirett għall-objettiv UE 2020 biex jinħolqu aktar impjiegi;

25.  Jenfasizza l-importanza li jinħolqu kundizzjonijiet li jgħinu lill-persuni jakkwistaw bilanċ bejn ix-xogħol, il-familja u l-ħajja privata u, biex pereżempju jipprovdu servizzi ta' kura ta' kwalità għat-tfal tal-etajiet kollha matul il-ġurnata kollha, li jkunu disponibbli kullimkien u li jkunu affidabbli, inklużi faċilitajiet u opportunitajiet għal tagħlim qabel l-iskola, sabiex tiġi miġġielda d-depopolazzjoni; jirrikonoxxi, fl-istess ħin, ir-rwol prezzjuż tal-familji estiżi meta jieħdu ħsieb it-tfal;

26.  Iqis li huwa importanti li jkun disponibbli spazju biżżejjed għall-akkomodazzjoni bi prezzijiet raġonevoli għall-familji, sabiex il-ħajja tal-familja u tax-xogħol ikunu jistgħu jiġu rrikonċiljati b'mod aktar effettiv, għaliex l-appoġġ għall-familji żgħażagħ jista' jżid ir-rata tat-twelid fl-Istati Membri.

Migrazzjoni / integrazzjoni

27.  Jenfasizza li l-migrazzjoni tista' ġġib magħha ċerti problemi ta' integrazzjoni;

28.  Jinnota li l-migrazzjoni ta' persunal ikkwalifikat mill-Istati Membri l-ġodda lejn l-Istati Membri l-antiki hija waħda mill-akbar problemi demografiċi tal-Istati Membri l-ġodda u qed ikollha impatt negattiv fuq l-istruttura tal-età tal-popolazzjoni tagħhom; barra minn hekk, jefasizza li l-migrazzjoni tikkonċerna wkoll professjonisti tal-kura tas-saħħa u għalhekk tipperikola s-sostenibilità tas-sistema tal-kura tas-saħħa fir-reġjuni li huma anqas żviluppati;

29.  Jirrikonoxxi, għaldaqstant, li l-migrazzjoni toffri, partikolarment lir-reġjuni li qed jesperjenzaw emigrazzjoni netta, l-opportunità li jitwaqqaf l-impatt negattiv tal-bidla demografika, u għalhekk, jappella lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-integrazzjoni tal-migranti bħala miżura politika ta' importanza strateġika;

30.  Jistieden lill-Istati Membri jaqblu fuq strateġija komuni dwar il-migrazzjoni legali, mhux l-inqas peress li l-Ewropa hija, speċjalment f'ċerti setturi, dipendenti fuq il-migrazzjoni ta' ħaddiema kkwalifikati (kemm bejn l-Istati Membri, kif ukoll minn barra l-UE, partikolarment dawk il-pajjiżi mal-fruntieri tal-Unjoni) minħabba raġunijiet demografiċi; iqis li l-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb li jiżguraw li l-ħaddiema bil-ħiliet jinżammu, sabiex jikkontribwixxu għal żvilupp ibbilanċjat tar-reġjuni u biex itaffu l-konsegwenzi tat-tibdil demografiku;

31.  Jipproponi li jiġu pprovduti aktar fondi għall-integrazzjoni tal-immigranti biex jitneħħew il-preġudizzji, u b'hekk tkun tista' ssir promozzjoni ta' attivitajiet komuni ta' skambju;

Impjiegi

32.  Jistieden lill-Kummissjoni torjenta l-FSE b'mod li jiġu kkunsidrati l-fażijiet differenti tal-ħajja tal-bniedem, biex il-potenzjal tal-FSE ikun jista' jiġi użat aktar fil-livell professjonali u f'dak volontarju, sabiex jingħelbu l-isfidi tat-tibdil demografiku; jinnota li l-esperjenza u n-know-how ta' persuni aktar anzjani għandhom jintużaw, pereżempju għal proġetti ta' “coaching”, sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-għerf u l-esperjenza bejn il-ġenerazzjonijiet, u li biex dan isir hemm bżonn ta' soluzzjonijiet adegwati; huwa tal-fehma li l-iskambju bejn il-ġenerazzjonijiet joffri opportunità li għandha tiġi sfruttata;

33.  Jemmen li r-reġjuni għandhom jużaw il-fondi tal-FSE b'mod deċiżiv għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, biex tiġi żgurata l-integrazzjoni soċjali taż-żgħażagħ u biex tingħatalhom l-opportunità li jagħżlu professjoni adattata; jinnota li dan jista' jinkiseb pereżempju billi jiġu appoġġati miżuri ta' taħriġ u ta' intraprenditorija għaż-żgħażagħ;

34.  Huwa tal-opinjoni li wieħed għandu jieħu ħsieb tal-kontinwità ta' miżuri biex togħla r-rata ta' impjiegi fost in-nisa; jitlob, għaldaqstant, li aktar nisa jingħataw il-possibilità ta' aċċess għax-xogħol professjonali u kif ukoll għall-programmi għat-tagħlim tul il-ħajja, sakemm il-kwalifiki miksuba jikkorrispondu mar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol; jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżviluppaw sistemi biex jinkoraġġixxu lill-impjegati jipparteċipaw fi proġetti speċjali li jgħinuhom jirrikonċiljaw il-ħajja professjonali u l-ħajja tal-familja;

35.  Jenfasizza li, għar-reġjuni Ewropej iffaċċjati bi sfidi demografiċi l-ħolqien ta' ambjent li jwassal għal settur privat kompetittiv u innovattiv huwa element ċentrali sabiex jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-impjieg għall-ġenerazzjonijiet kollha;

Analiżi / l-aħjar prattika

36.  Huwa tal-fehma li l-iżviluppi demografiċi fir-reġjuni għandhom jitkejlu permezz tal-istatistika; jistieden lill-Kummissjoni tissottometti proposti biex tfassal il-bażijiet ta' data lokali, reġjonali u nazzjonali dwar l-iżvilupp demografiku b'mod li jkunu komparabbli, sabiex id-data tkun tista' tiġi evalwata fil-livell Ewropew, u biex tippromwovi l-iskambji tal-aħjar prattiki bejn l-istati, ir-reġjuni u l-lokalitajiet;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb id-“Demographic Vulnerability Index” u tikkalkolah kull ħames snin sabiex turi liema reġjuni fl-Ewropa huma esposti partikolarment għat-tibdil demografiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal proċeduri pilota sabiex tidentifika l-prattiki applikati fir-reġjuni bl-aktar rekwiżiti impenjattivi;

38.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jtejbu l-kooperazzjoni mal-atturi lokali u reġjonali fil-kwistjonijiet li huma konnessi mat-tibdil demografiku; iqis li fir-reġjuni konfinali din il-kooperazzjoni għandha tikkunsidra wkoll ix-xewqat u l-possibilitajiet tal-inizjattivi transkonfinali; jissuġġerixxi l-iżvilupp ta' programmi ta' taħriġ f'dan il-qasam, biex wieħed jifhem il-kwistjonijiet involuti u jkun konxju tagħhom; iħeġġeġ lir-reġjuni jiskambjaw l-aħjar prattiki relatati mal-isfidi marbuta mat-tixjiħ;

39.  Jipproponi lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-kooperazzjoni territorjali, tippromwovi netwerks mal-Ewropa kollha, li fihom l-awtoritajiet reġjonali u lokali u r-reġjuni u l-atturi tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jitgħallmu mingħand xulxin dwar kif jistgħu jindirizzaw il-problemi li jirriżultaw mit-tibdil demografiku;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibilitajiet biex tfassal mill-ġdid u b'mod xieraq l-idea ta' ERASMUS għall-persuni eletti f'entitajiet lokali u reġjonali u biex tispjega aktar fid-dettall l-idea tagħha ta' “università tas-sajf jew tax-xitwa”, sabiex rappreżentanti mir-reġjuni Ewropej ikunu jistgħu jaqsmu bejniethom esperjenzi u soluzzjonijiet dwar kwistjonijiet demografiċi;

41.  Jitlob lill-Kummissjoni tiġbor prattiki stabbiliti sewwa, tanalizzahom u taqsamhom mal-Istati Membri u r-reġjuni, sabiex ikunu jistgħu jintużaw bħala eżempju fit-tfassil tal-politika biex jingħelbu l-isfidi demografiċi;

42.  Jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni jiskambjaw esperjenzi, l-aħjar prattiki u approċċi ġodda għall-prevenzjoni tal-konsegwenzi negattivi tat-tibdil demografiku;

o
o   o

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Test adottati, P7_TA(2010)0400.
(2) ĠU C 184E, 6.8.2009, p. 75.
(3) ĠU C 292E, 1.12.2006, p.131.

Avviż legali - Politika tal-privatezza