Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2108(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0359/2011

Testi mressqa :

A7-0359/2011

Dibattiti :

PV 14/11/2011 - 21
CRE 14/11/2011 - 21

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2011 - 7.17
CRE 15/11/2011 - 7.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0493

Testi adottati
PDF 411kWORD 101k
It-Tlieta, 15 ta' Novembru 2011 - Strasburgu
Is-saħħa tan-naħal tal-għasel u l-isfidi għas-settur tat-trobbija tan-naħal
P7_TA(2011)0493A7-0359/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2011 dwar is-saħħa tan-naħal tal-għasel u l-isfidi għas-settur tal-apikultura (2011/2108 (INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar is-sitwazzjoni fis-settur tal-apikultura(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2010 dwar is-saħħa tan-naħal tal-għasel (COM(2010)0714),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2011 dwar is-saħħa tan-naħal tal-għasel,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2011, “L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020” (COM(2011)0244),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament għal OKS unika)(2), li jistipula dispożizzjonijiet speċjali għas-settur tal-apikultura fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport xjentifiku tal-EFSA tal-11 ta' Awwissu 2008, kif ukoll ir-rapport xjentifiku kkummissjonat u adottat mill-EFSA fit-3 ta' Diċembru 2009, dwar il-Mortalità tan-Naħal u s-Sorveljanza tan-Naħal fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-kawża C-442/09(3), rigward it-tikkettar tal-għasel li jkun fih materjal modifikat ġenetikament,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja għall-ilħiq ta' użu sostenibbli tal-pestiċidi(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar “Id-defiċit ta' proteini fl-UE: x'soluzzjoni għal problema li ilha teżisti?”(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0359/2011),

A.  billi l-apikultura bħala attività ekonomika u soċjali twettaq rwol kruċjali fl-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali, toħloq l-impjiegi u tipprovdi servizz importanti ta' ekosistemi permezz tad-dakkir, li jagħti kontribut għat-titjib tal-bijodiversità għax isostni d-diversità ġenetika tal-pjanti,

B.  billi l-apikultura u l-bijodiversità jiddependu waħda mill-oħra; billi, permezz tad-dakkir, il-kolonji tan-naħal jipprovdu beni pubbliċi ambjentali, ekonomiċi u soċjali importanti, u b'hekk jiżguraw is-sikurezza tal-ikel u jsostnu l-bijodiversità, u billi, permezz tal-ġestjoni tal-kolonji tagħhom, dawk li jrabbu n-naħal jagħtu servizz ambjentali tal-akbar importanza filwaqt li jissalvagwardjaw mudell ta' produzzjoni sostenibbli fl-inħawi rurali; billi l-“mergħat tan-naħal”, il-biċċiet ta' art diversi fejn ifittxu x'jieklu u ċerti għelejjel (kolza, il-ward tax-xemx, eċċ.) jipprovdu lin-naħal b'nutrizzjoni rikka li hija neċessarja biex jibqgħu jżommu d-difiżi tas-sistema immunitarja tagħhom u jibqgħu b'saħħithom,

C.  billi tqajjem tħassib li, minħabba l-ispejjeż għolja biex tiġi stabbilita intrapriża tat-trobbija tan-naħal, hemm anqas nies li qed jidħlu fis-settur, li jirriżulta f'defiċit fid-doqqajs meħtieġ biex idakkar uċuħ agrikoli vitali,

D.  billi ġie rappurtat tnaqqis fl-għadd tal-kolonji tan-naħal kemm fl-UE u kemm f'partijiet oħra tad-dinja; billi l-ispeċijiet dakkara, li jagħtu kontribut lill-produttività agrikola, qegħdin jonqsu; billi, fil-każ li din it-tendenza tintensifika b'mod sinifikanti, il-bdiewa fl-UE, kif ukoll il-bdiewa f'partijiet oħra tad-dinja, jista' jkun li jkollhom jirrikorru għad-dakkir assistit mill-bniedem, u dan ikun jinvolvi rduppjar fl-ispiża tad-dakkir; billi x-xjenza u l-prattika veterinarja bħalissa jipprovdu ftit wisq f'dawk li huma prevenzjoni jew kontroll tal-mard effikaċi kontra ċerti orġaniżmi ta' ħsara u kontra ċertu mard, minħabba li mhemmx riċerka u żvilupp biżżejjed ta' mediċini ġodda għas-saħħa tan-naħal f'dawn l-aħħar deċennji, li huwa r-riżultat tad-daqs limitat tas-suq u l-interess konsegwentement baxx ta' kumpaniji farmaċewtiċi kbar; billi n-numru limitat ta' mediċini disponibbli biex jeqirdu d-dudu tal-Varroa destructor f'bosta każijiet m'għadhomx effikaċi,

E.  billi s-saħħa tan-naħal u tal-kolonji individwali hija affettwata minn għadd kbir ta' fatturi letali u sottoletali, fejn bosta minnhom huma interkonnessi; billi n-numru limitat ta' mediċini mqiegħda fis-suq biex jeqirdu d-dudu tal-Varroa destructor f'bosta każijiet m'għadhomx effikaċi biżżejjed, minħabba li nħolqot reżistenza; billi l-użu tal-pestiċidi, il-kundizzjonijiet klimatiċi u ambjentali li qed jinbidlu, it-telf tal-bijodiversità tal-pjanti, it-tibdil fl-użu tal-art, il-ġestjoni ħażina tal-prattiki tal-apikultura u l-preżenza ta' speċijiet invażivi jistgħu jdgħajfu s-sistemi immunitarji tal-kolonji u jiffavorixxu patoloġiji opportunistiċi; billi n-naħal tal-għasel jista' jiġi espost għal prodotti maħsuba biex iħarsu l-pjanti permezz ta' rotot diretti u indiretti bħalma huma l-kurrenti tar-riħ, l-ilma tal-wiċċ, il-guttazzjoni ta' qtar żgħar, in-nektar u l-għabra tad-dakkir,

F.  billi dawk li jrabbu n-naħal jistgħu jagħtu kontribu u jgħinu biex in-naħal tagħhom jibqgħu b'saħħithom u fi stat ta' benesseri tajjeb, għalkemm il-kwalità tal-ambjent tagħhom iwettaq irwol qawwi biex jiġi determinat kemm ikollhom suċċess,

G.  billi hu rakkomandat li jsir użu minimu ta' prodotti veterinarji u sustanzi attivi, bħalma qed jiġi rakkomandat li tinżamm sistema immunitarja b'saħħitha tal-kolonja, iżda billi jeżistu l-problemi ta' reżistenza; billi s-sustanzi attivi u l-mediċini mhumiex metabolizzati min-naħal, u l-produtturi Ewropej jistennew għasel li jkun nadif, bla residwi u ta' kwalità superjuri,

H.  billi għadd kbir ta' dawk li jrabbu n-naħal fl-Ewropa jagħmlu dan bħala dilettanti u mhux bħala professjonalment,

Riċerka u disseminazzjoni ta' għarfien xjentifiku

1.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-livell ta' appoġġ għal riċerka relatata mas-saħħa tan-naħal tal-għasel skont il-qafas finanzjarju li jmiss (FP8) u tiffoka r-riċerka fuq żviluppi teknoloġiċi u fuq il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard, partikolarment fuq l-impatt ta' fatturi ambjentali fuq is-sistemi immunitarji ta' kolonji tan-naħal u l-interazzjonijiet tagħhom mal-patoloġiji, fuq id-definizzjoni ta' prattiki agrikoli sostenibbli, fuq il-promozzjoni tal-alternattivi nonkimiċi (jiġifieri prattiki agronomiċi preventivi bħalma huma n-newb tal-uċuħ u l-użu tal-kontroll bijoloġiku) u fuq l-inkuraġġiment ulterjuri ġenerali tat-tekniki tal-Ġestjoni Integrata ta' Organiżmi ta' Ħsara u l-iżvilupp ta' prodotti mediċinali veterinarji għall-aġenti attwali li jikkawżaw il-mard tan-naħal tal-għasel fl-UE, speċjalment id-dud tal-Varroa destructor, għax hu l-aġent patoġeniku ewlieni li biex jiġi miġġieled jirrikjedi varjetà akbar ta' sustanzi attivi minħabba li għandu abilità akbar li jiżviluppa reżistenti u biex jiġu miġġielda l-endoparassiti u mard opportunistiku ieħor;

2.  Iqis li huwa importanti li jittieħdu miżuri urġenti biex titħares is-saħħa tan-naħal, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tat-trobbija tan-naħal, id-diversità tal-atturi involuti u l-prinċipji tal-proporzjonalità u dak tas-sussidjarjetà;

3.  Itenni t-tħassib li ż-żieda fir-rata tal-imwiet fost in-naħal tal-għasel u d-dakkara selvaġġi fl-Ewropa, jekk ma tiġix ikkontrollata, se jkollha impatt negattiv profond fuq l-agrikoltura, il-produzzjoni u s-sikurezza tal-ikel, il-bijodiversità, is-sostenibilità ambjentali u l-ekosistemi;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-istabbiliment ta' sistemi nazzjonali xierqa ta' sorveljanza f'kooperazzjoni mill-qrib mal-assoċjazzjonijiet ta' dawk li jrabbu n-naħal u tiżviluppa standards armonizzati fuq il-livell tal-UE biex tippermetti li jsir tqabbil; jenfasizza l-ħtieġa tal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni uniformi tad-duqqajf fil-livell nazzjonali, b'reviżjonijiet u aġġornamenti annwali; jinsisti li l-finanzjament għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ma għandhomx jiġu mill-programmi eżistenti għat-titjib tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-għasel fl-Unjoni Ewropea (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1221/97(7));

5.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġa Netwerk Ewropew ta' “doqqajs ta' referenza” sabiex jiġu ssorveljati l-effetti li għandhom il-kundizzjonijiet ambjentali, il-prattiki tat-trobbija tan-naħal u l-prattiki agrikoli fuq is-saħħa tan-naħal;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal programmi ta' tliet snin ibbażati fuq dikjarazzjoni mill-Istati Membri kollha dwar l-għadd ta' doqqajs attwalment irreġistrati u mhux fuq ċifri ta' stima;

7.  Jilqa' l-istabbiliment tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għas-saħħa tan-naħal, li għandu jiffoka fuq attivitajiet li mhumiex koperti min-networks ta' esperti eżistenti jew mil-laboratorji nazzjonali, u jissintetizza l-għarfien integrat li joriġina mir-riċerka tagħhom;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-laboratorji dijanjostiċi u t-testijiet li jsiru fuq il-post fuq livell nazzjonali u jirrimarka li għandu jiġi evitat id-duplikar tal-finanzjament;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kumitat ta' tmexxija, flimkien ma' rappreżentanti tas-settur tal-apikultura, li se jassistu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi programm ta' ħidma annwali tal-laboratorju ta' referenza tal-UE; jiddeplora l-fatt li l-ewwel programm ta' ħidma annwali tal-laboratorju ta' referenza tal-UE ġie ppreżentat mingħajr ma ġew ikkonsultatii minn qabel il-partijiet interessati;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa r-riċerka xjentifika dwar is-saħħa tan-naħal tal-għasel, filwaqt li tibni fuq l-eżempji tajba tal-Azzjoni tal-COST COLOSS u l-inizjattivi tal-BeeDoc u STEP, u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jappoġġaw ir-riċerka xjentifika f'dan il-qasam; jenfasizza madankollu li għandhom jissaħħu r-relazzjonijiet ma' dawk li jrabbu n-naħal u l-organizzazzjonijiet tagħhom;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tneħħi għalkollox id-duplikazzjoni fl-użu tal-fondi bil-għan li tiżdied l-effikaċja tagħhom filwaqt li jiġi ggarantit il-valur miżjud ekonomiku u ekoloġiku kemm għal dawk li jrabbu n-naħal u kemm għall-bdiewa; Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jgħollu l-livell ta' finanzament tagħhom għar-riċerka;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu u jimmonitorjaw l-istabbiliment ta' networks nazzjonali tal-monitoraġġ tal-fenoloġija tal-ispeċijiet tal-pjanti li jipproduċu l-għasel;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi b'mod attiv grad ogħla ta' skambju ta' informazzjoni fost l-Istati Membri, il-laboratorji, dawk li jrabbu n-naħal, il-bdiewa, l-industrija u x-xjenzjati, dwar l-istudji ekotossikoloġiċi li jaffettwaw is-saħħa tan-naħal tal-għasel sabiex isir possibbli li jsir skrutinju xjentifiku infurmat u indipendenti; jistieden lill-Kummissjoni tgħin lil dan il-proċess billi s-sit web rilevanti tagħha jkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Istati Membri kkonċernati;

14.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni “Taħriġ aħjar għal Ikel aktar Sikur”, iżda jitlob biex l-eżerċizzju jiġi estiż lil hinn mill-2011 u biex in-numru ta' parteċipanti mill-awtoritajiet nazzjonali jiżdied;

15.  Jitlob għal appoġġ għal programmi ta' taħriġ għal dawk li jrabbu n-naħal dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard, kif ukoll għall-bdiewa u għal dawk li jieħdu ħsieb il-foresti dwar l-għarfien botaniku, l-użu tal-prodotti tal-ħarsien tal-pjanti li jirrispettaw in-naħal, l-impatt tal-pestiċidi u l-prattiki agronomiċi nonkimiki biex ma jikbirx ħaxix ħażin; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-apikultura, tissottometti linji gwida għat-trattament veterinarju tad-doqqajs;

16.  Jistieden lill-awtoritajiet u lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi fl-Istati Membri jappoġġaw it-tixrid ta' għarfien xjentifiku u tekniku xieraq dwar is-saħħa tan-naħal fost dawk li jrabbu n-naħal; jenfasizza l-fatt li hemm bżonn ta' djalogu permanenti bejn min irabbi n-naħal, il-bdiewa u l-awtoritajiet rilevanti;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat taħriġ adegwat għall-veterinarji, kif ukoll il-possibbiltà biex dawk li jrabbu n-naħal jikkonsultaw il-veterinarji u l-involviment ta' speċjalisti tal-apikultura fl-awtoritajiet veterinarji nazzjonali;

Prodotti veterinarji

18.  Jirrikonoxxi li l-iżvilupp ta' trattamenti innovattivi u effettivi kontra d-dud Varroa, li għandhom x'jaqsmu ma' madwar 10% tat-telf annwali, huwa ta' importanza kbira; iqis li hemm bżonn li jiżdied l-appoġġ għat-trattamenti veterinarji awtorizzati bil-għan li jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-mard u tal-organiżmi li jagħmlu l-ħsara; jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi linji gwida komuni rigward it-trattament veterinarju fis-settur, filwaqt li jisħaq fuq il-ħtieġa li jintuża korrettament; jitlob li jiġu introdotti linji gwida għall-użu ta' molekoli u/jew formulazzjonijiet abbażi ta' aċidi organiċi u żjut essenzjali u sustanzi oħra awtorizzati għall-kontroll bijoloġiku tal-organiżmi ta' ħsara;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ finanzjarju għar-riċerka, l-iżvilupp u l-ittestjar fuq il-post ta' prodotti mediċinali ġodda għas-saħħa tan-naħal, speċjalment għall-SMEs, fid-dawl tal-kontribut tas-settur tal-apikultura għall-bijodiversità u l-benefiċċju pubbliku fis-sura ta' dakkir, filwaqt li titqies l-ispiża għolja tat-trattament veterinarju li attwalment qed iġarrbu dawk li jrabbu n-naħal meta mqabbel mal-ispejjeż għas-saħħa f'setturi oħra tat-trobbija tal-bhejjem;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-industrija farmaċewtika tiġi offruta inċentivi għall-iżvilupp ta' prodotti mediċinali ġodda ddisinjati biex jiġġieldu l-mard tan-naħal;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa regoli aktar flessibbli għall-awtorizzazzjoni u d-disponibbiltà tal-prodotti veterinarji għan-naħal tal-għasel, inklużi mediċini ta' oriġini naturali u oħrajn li ma għandhomx effetti fuq is-saħħa tal-insetti; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad-direttiva dwar il-prodotti mediċinali veterinarji, iżda jirrimarka li d-disponibbiltà limitata li hemm bħalissa ta' tali prodotti ma għandhiex tintuża bħala bażi għar-reġistrazzjoni/kummerċjalizzazzjoni ta' antibijotiċi għat-trattament ta' patoloġiji opportunistiċi oħrajn fil-kolonji tan-naħal tal-għasel, fid-dawl tal-impatti tagħhom fuq il-kwalità tal-prodotti tal-apikultura u r-reżistenza;

22.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ddaħħal livelli massimi tal-livelli tar-residwi għall-użu tal-prodotti mediċinali permezz tal-proċedura “kaskada” bil-għan li tiġi eliminata l-inċertezza legali attwali, li xxekkel it-trattament tan-naħal marid;

23.  Jitlob għal tibdil fl-ambjent regolatorju sabiex l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, fl-ispirtu li tipproteġi d-drittijiet intellettwali, tkun tista' tiżgura l-esklussività għall-manifatturar u l-ikkummerċjalizzar ta' sustanzi attivi ġodda fi prodotti veterinarji innovattivi għas-saħħa tan-naħal għal ċertu perjodu ta' tranżizzjoni;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibbiltà li l-kopertura fl-ambitu tal-Fond Veterinarju tal-Unjoni Ewropea tiġi estiża għall-mard tan-naħal meta l-fond jerġa' jiġi rivedut;

25.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponu Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali komprensiva; jistieden lill-Kummissjoni tadegwa l-ambitu u l-finanzjament tal-politika veterinarja Ewropea biex tqis il-karatteristiċi speċifiċi tan-naħal u tal-apikultura bil-għan li jkun jista' jiġi miġġieled b'mod aktar effikaċi l-mard tan-naħal permezz tad-disponibbiltà adegwata ta' mediċini effikaċi u standardizzati fl-Istati Membri kollha u l-finanzjament tas-saħħa tal-annimali fil-qafas tal-politika veterinarja Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi armonizzazzjoni akbar fost l-Istati Membri, filwaqt li tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq il-ġlieda kontar l-varroażi u l-kontroll tagħha fl-UE;

26.  Jappoġġja l-programmi tat-trobbija li jikkonċentraw fuq it-tolleranza tal-mard u tal-organiżmi ta' ħsara, speċjalment b'referenza għall-varroażi;

L-effetti tal-agrikoltura moderna fuq in-naħal

27.  Jenfasizza li kien biss dan l-aħħar li l-Unjoni Ewropea, bl-involviment impenjat tal-Parlament Ewropew, adottat regoli ġodda u aktar stretti dwar l-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-użu sostenibbli tagħhom, bil-għan li tiżgura li jkunu sikuri għall-bnedmin u għall-ambjent; jinnota li dawn ir-regoli jinkludu kriterji stretti addizzjonali relatati mas-sikurezza tan-naħal; jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament mgħarraf dwar l-implimentazzjoni b'suċċess tar-regoli l-ġodda;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-metodoloġija tal-valutazzjoni tar-riskji għall-pestiċidi bil-għan li jiġu protetti s-saħħa tal-kolonji u l-iżvilupp tal-popolazzjonijiet u tiżgura aċċess xieraq għas-sejbiet u l-metodoloġija tal-istudji ekotossikoloġiċi inklużi fid-dossiers ta' awtorizzazzjoni;

29.  Jenfasizza l-importanza tal-biedja sostenibbli u jistieden lill-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw għalkollox, mill-aktar fis possibbli, id-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha, li jenfasizza l-fatt li se jkun mandatorju li l-bdiewa kollha tal-UE japplikaw il-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara mill-2014 “il quddiem, u jagħtu attenzjoni partikolari lill-użu ta' dawk il-pestiċidi li jistgħu jkollhom effett negattiv fuq is-saħħa tan-naħal u tal-kolonji;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni, fuq il-bażi ta' testijiet affidabbli u effikaċi taħt kundizzjonijiet reali, bi protokolli armonizzati, tikkunsidra t-tossiċità kronika tal-larva u dik sottoletali fil-valutazzjoni tar-riskji tal-pestiċidi, kif stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li ilha tiġi applikata sa mill-14 ta' Ġunju 2011; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-użu ta' ċerti pestiċidi li kellhom effett ħażin fuq is-saħħa tan-naħal u tal-kolonji taħt ċerti ċirkostanzi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-riċerka dwar l-interazzjonijiet potenzjali bejn sustanza u patoġenu u bejn sustanza u sustanza; jinnota li għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-metodi ta' applikazzjoni kollha;

31.  Jilqa' l-fatt li esperti mill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel qed iwettqu valutazzjoni indipendenti tar-rekwiżiti imposti fuq l-industrija fir-rigward tal-forniment tad-data dwar id-diversi pestiċidi;

32.  Jitlob, fi spirtu ta' djalogu bejn dawk li jrabbu n-naħal u l-partijiet interessati agrikoli u l-awtoritajiet pubbliċi, li tiġi stabbilita sistema biex tiġi inkoraġġita n-notifika preliminari ta' dawk li jrabbu n-naħal fl-Istati Membri kollha qabel ma jiġu applikati l-pestiċidi, speċjalment operazzjonijiet ta' trattament bl-insettiċidi mill-ajru (pereżempju kontrolli tan-nemus), u sistema biex jiġi pprovdut tagħrif fuq talba dwar il-pożizzjoni tad-doqqajt meta jsiru dawn l-operazzjonijiet; jitlob, barra minn hekk, għal titjib fit-trasferiment tat-tagħrif permezz ta' bażi ta' data fuq l-Internet bejn dawk li jrabbu n-naħal u l-bdiewa fir-rigward tal-istabbiliment ta' duqqajs qrib l-għelieqi, pereżempju;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw kemm hu rakkomandabbli li jagħmlu l-apikultura u s-saħħa tan-naħal parti mit-taħriġ agrikolu;

34.  Fir-rigward speċjali tal-proġett tal-EFSA tal-2009 intitolat “Mortalità tan-Naħal u Sorveljanza tan-Naħal fl-Ewropa”, jitlob lill-Kummissjoni tmexxi riċerka oġġettiva dwar l-effetti negattivi possibbli li l-uċuħ tar-raba' modifikati ġenetikament u l-monokulturi jistgħu jkollhom fuq is-saħħa tan-naħal tal-għasel;

Aspetti tal-produzzjoni u tas-sikurezza tal-ikel, il-protezzjoni tal-oriġini

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja kostantement is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali fil-pajjiżi tal-oriġini, tapplika l-aktar rekwiżiti stretti tas-saħħa tal-annimali u tistabilixxi sistema xierqa ta' monitoraġġ għall-materjal propagatorju li jiġi minn pajjiżi terzi, sabiex jiġi evitat li jiddaħħal mard eżotiku/parassiti eżotiċi tan-naħal bħall-ħanfus Aethina tumida u d-dud tat-Tropilaelaps fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-apikultura, iżidu t-trasparenza fir-rigward tal-frekwenza, il-persentaġġ, il-karatteristiċi u, fuq kollox, ir-riżultati tal-kontrolli ta' sigurtà mwettqa fil-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntieri;

36.  Jitlob li jiġi stabbilit limitu proviżorju (Punt ta' Referenza għall-Azzjoni) ta' 10 ppb għall-prodotti veterinarji awtorizzati fl-Unjoni Ewropea, minħabba l-metodi analitiċi differenti li huma applikati fid-diversi Stati Membri;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi Livelli ta' Non-Azzjoni (NALs) jew Punti ta' Referenza għal Azzjoni (RPAs) jew Limiti Massimi ta' Residwi (MRLs) fl-għasel u fi prodotti apikulturali oħra, għal sustanzi li ma jistgħux jiġu awtorizzati għas-settur Ewropew tal-apikultura, kif ukoll tarmonizza l-kontrolli veterinarji fil-fruntieri u l-kontrolli fuq is-suq intern peress li, fil-każ tal-għasel, l-importazzjonijiet ta' kwalità baxxa, l-adulterazzjoni u s-sostituti jgħawġu s-suq u jagħmlu pressjoni kostanti fuq il-prezzijiet u fuq il-kwalità finali tal-prodott fis-suq intern tal-UE, u jrid ikun hemm l-istess kundizzjonijiet għall-prodotti/produtturi mill-UE u minn pajjiżi terzi; jinnota li l-MRLs għandhom jikkunsidraw residwi minn prattika veterinarja tajba;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni biex jew tistabbilixxi jew timmodifika l-annessi tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE(8) (Direttiva dwar l-Għasel) sabiex ittejjeb l-istandards tal-produzzjoni tal-UE billi tistabbilixxi definizzjonijiet legali ċari għall-prodotti apikulturali kollha, inklużi l-varjetajiet tal-għasel, u tiddefinixxi parametri importanti tal-kwalità tal-għasel, bħalma hu l-kontenut ta' proline u sakkarażi, il-livell baxx ta' HMF jew umdità, u l-adulterazzjoni (bħalma hu l-kontenut ta' gliċerina, il-proporzjon tal-isotop taz-zokkor (C13/C14), l-ispettru tal-għabra tad-dakkir u l-kontenut ta' aroma u ta' zokkor tal-għasel); jitlob li jingħata appoġġ għar-riċerka dwar metodi effikaċi ta' kif tista' tinstab l-adulterazzjoni tal-għasel; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-monitoraġġ tal-kwalitajiet naturali tal-għasel li japplika għall-prodotti Ewropej ikun japplika wkoll għall-prodotti minn pajjiżi terzi;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tarmonizza r-regoli dwar it-tikettar mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar Skemi Agrikoli tal-Kwalità u biex tintroduċi tikettar obbligatorju bil-pajjiż tal-oriġini għall-prodotti tal-apikultura importati u dawk prodotti fl-UE jew, fil-każ ta' taħlitiet ta' prodotti b'oriġini differenti, it-tikettar obbligatorju li jindika kull pajjiż tal-oriġini;

40.  Fl-ambitu tal-politika ġdida tal-kwalità tal-UE, jitlob lil min irabbi n-naħal, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u negozji kummerċjali biex jagħmlu użu aħjar mill-iskemi ta' tikettar tal-oriġini tal-UE (DPO u IĠP) għall-prodotti tal-bejtiet tan-naħal, li jistgħu jikkontribwixxu għall-aċċessibilità ekonomika tal-attività apikulturali, u jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-assoċjazzjonijiet tal-apikultura, tipproponi denominazzjonijiet għall-kwalità u tippromwovi l-bejgħ dirett ta' prodotti tal-apikultura fis-swieq lokali;

41.  Jitlob li tittieħed azzjoni biex jitkabbar il-konsum tal-prodotti tal-għasel u tal-apikultura Ewropej, anke permezz tal-promozzjoni ta' għasel b'karatteristiċi speċifiċi għal ċerti varjetajiet u żoni ġeografiċi;

Miżuri in konnessjoni mal-konservazzjoni tal-bijodiversità u mar-riforma li se ssir dalwaqt tal-Politika Agrikola Komuni

42.  Jenfasizza l-ħtieġa li ssir konsultazzjoni mill-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali ma' dawk li jrabbu n-naħal waqt it-tfassil tal-programmi tal-apikultura u ta' leġiżlazzjoni relatata, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja ta' dawn il-programmi u l-implimentazzjoni tagħhom f'waqtha; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi ferm aktar riżorsi finanzjarji, billi tintensifika l-appoġġ attwali għall-apikultura fil-PAK wara l-2013 u tiggarantixxi l-eżistenza u t-titjib kontinwati tal-programmi ta' appoġġ eżistenti (Regolament (KE) Nru 1221/97) għas-settur tal-apikultura, u tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' proġetti konġunti, u jistieden lill-Istati Membri jipprovdu għajnuna tekniku għas-settur tal-apikultura; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sistema ta' kofinanzjament tkun kompatibbli mal-istabbiliment ta' għajnuna diretta taħt l-ewwel pilastru tal-PAK (implimentazzjoni mhux obbligatorja tal-Artikolu 68 attwali tal-PAK) minn dawk l-Istati li jqisuha neċessarja; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu inkoraġġiti jidħlu fis-settur tal-apikultura; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi xibka ta' sikurezza jew sistema komuni ta' assigurazzjoni għall-apikultura sabiex jitnaqqas l-impatt ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi minn fuq dawk li jrabbu n-naħal;

43.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE l-ġdida, tagħmel id-disponibbiltà ta' riżorsi finanzjarji għall-apikultura bħala prijorità u/jew b'rata ogħla fil-proġetti u l-azzjonijiet kollha mressqa taħt il-PAK li jittrattaw esklussivament is-sottospeċijiet u t-tipi ekoloġiċi tal-Apis mellifera nattiva għal kull reġjun;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika, fir-riforma li se ssir dalwaqt tal-PAK, il-miżuri ta' appoġġ u l-għajnuna li għandhom jiġu assenjati lis-settur tal-apikultura Ewropew, filwaqt li jitqiesu l-beni pubbliċi ambjentali u soċjali li l-kolonji tan-naħal tal-għasel jipprovdu permezz tad-dakkir u s-servizz ambjentali li jitwettaq minn dawk li jrabbu n-naħal fl-immaniġġjar tal-kolonji tan-naħal tagħhom;

45.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2010, in-numru globali ta' dawk li jrabbu n-naħal fl-UE żdied kemm kemm meta mqabbel mal-2004; jirrimarka li, skont ir-rapport, din iż-żieda tista' tiġi attribwita biss lill-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-UE, u li, mingħajr dawk li jrabbu n-naħal minn dawk il-pajjiżi, kien ikun hemm tnaqqis sinifikanti fin-numru ta' dawk li jrabbu n-naħal fl-UE; iqis dan bħala indikazzjoni tas-serjetà tas-sitwazzjoni fis-settur tal-apikultura fl-UE u tal-ħtieġa li tingħata assistenza u li jiġu implimentati miżuri konkreti biex dawk li jrabbu n-naħal jinżammu fl-apikultura;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li tinħoloq skema speċjali ta' assistenza għal dawk li jrabbu n-naħal fil-qafas tal-iskema ta' għajnuna diretta, pereżempju permezz ta' pagamenti tal-kolonji tan-naħal, li se jgħinu is-salvagwardja tas-settur tal-apikultura fl-UE, iżommu lil dawk li jrabbu n-naħal fl-apikultura, jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ jibdew irabbu n-naħal u jiżguraw li n-naħal ikompli jaġixxi ta' dakkar;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi prattiki agrikoli sostenibbli fil-PAK, tinkoraġġixxi lill-bdiewa kollha jutilizzaw prattiki agronomiċi sempliċi skont id-Direttiva 2009/128/KE u ssaħħaħ il-miżuri agriambjentali speċifiċi għas-settur tal-apikultura, fl-ispirtu tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE l-ġdida; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri agriambjentali maħsuba għall-apikultura fil-programmi tagħhom ta' żvilupp rurali u jinkoraġġixxu lill-bdiewa jipparteċipaw b'impenn f'miżuri agriambjentali li jappoġġjaw bwar li jirrispettaw lin-naħal fuq il-marġini tal-għelieqi u jutilizzaw livell avvanzat ta' produzzjoni integrata, filwaqt li jieħdu approċċ integrat għall-biedja u jużaw il-kontroll bijoloġiku fejn ikun possibbli;

48.  Jafferma mill-ġdid li l-Kummissjoni tikkunsidra n-naħla tal-għasel bħala speċi domestikata, u għaldaqstant settur tat-trobbija tal-bhejjem, ħaġa li tiffaċilita miżuri aħjar tas-saħħa, ħarsien u protezzjoni(9) u tagħmilha possibbli li jkun hemm informazzjoni aħjar dwar il-konservazzjoni tad-dakkara selvaġġi; jitlob, għalhekk, li tiġi stabbilita strateġija għall-ħarsien tas-saħħa tan-naħal u li s-settur tat-trobbija tan-naħal jiġi inkorporat fil-leġiżlazzjoni agrikola u fil-leġiżlazzjoni veterinarja filwaqt li jitqies il-karattru speċifiku tagħha, b'mod partikolari fir-rigward tal-kumpens għat-telf li jsofru persuni li jrabbu n-naħal fil-popolazzjoni tan-naħal tagħhom;

49.  Jistieden lill-partijiet interessati kollha fis-settur tal-apikultura jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mill-politika agrikola komuni attwali u r-riforma li se ssir tagħha dalwaqt, li jieħdu kont xieraq tal-organizzazzjonijiet ta' produtturi fis-settur agrikolu kollu;

Il-konservazzjoni tal-bijodiversità tan-naħal

50.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE(10) 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, tiddefinixxi l-istatus ta' konservazzjoni tal-ispeċi Apis mellifera u fejn ikun xieraq, tinkludih fl-Annessi għad-Direttiva; jistieden lill-Kummissjoni, minħabba l-ħtieġa urġenti li jiġu kkonservati l-ispeċi Apis mellifera u d-diversi sottospeċijiet oħra li jeżistu fl-UE, tistudja l-possibilità li jinħoloq programm jew regolament speċifiku fi ħdan l-istrument finanzjarju Life+ li jagħti lok li jitwaqqaf proġett pan-Ewropew biex jerġgħu jiġu stabbiliti kif kienu l-popolazzjonijiet selvaġġi ta' din l-ispeċi;

51.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE(11), tipprojbixxi, għall-inqas temporanjament, l-importazzjoni ta' naħal ħaj u ta' speċijiet tal-ġenus Bombus sp. minn pajjiżi terzi, sabiex ikun evitat id-dħul ta' mard eżotiku, anke minħabba li m'hawnx nuqqas ta' riżorsi ġenetiċi għat-trobbija tan-naħal fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li nżommu f'moħħna s-sottospeċijiet ewlenin li minnhom oriġinaw ir-razez u l-varjetajiet li jintużaw fl-apikultura llum il-ġurnata;

52.  Ifakkar li l-miżuri għall-promozzjoni tal-bijodiversità huma vitali wkoll fis-settur mhux agrikolu; jinnota li l-ispazji ħodor tul it-toroq, it-trufijiet ħodor mal-linji ferrovjarji, il-ftuħ ta' passaġġi fil-foresti għan-netwerks tat-trażmissjoni tal-enerġija u l-ġonna pubbliċi u privati jkopru meded sostanzjali fejn metodi ta' ġestjoni razzjonali jistgħu jżidu konsiderevolment ir-riżorsi tal-għabra tad-dakkir u n-nektar għan-naħal u l-insetti dakkara; jikkunsidra li dan l-iżvilupp għandu jitmexxa fil-kuntest ta' mmaniġjar tal-art armonjuż, li b'mod partikulari jżomm is-sikurezza tat-toroq;

o
o   o

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0440.
(2) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(3) ĠU C 24, 30.1.2010, p. 28.
(4) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(5) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.
(6) Testi adottati, P7_TA(2011)0084.
(7) ĠU L 173, 1.7.1997, p. 1.
(8) ĠU L 10, 12.1.2002, p. 47.
(9) Permezz ta' inizjattivi bħall-Istrateġija tas-Saħħa tal-Annimali għall-UE (2007-2013), li tikkontribwixxi biex jingħata qafas regolatorju uniku u ċar dwar is-saħħa tal-annimali, ittejjeb il-koordinazzjoni u l-użu effiċjenti tar-riżorsi mill-aġenziji Ewropej rilevanti, u tenfasizza l-importanza li tinżamm u tittejjeb il-kapaċità dijanjostika.
(10) ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.
(11) ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

Avviż legali - Politika tal-privatezza