Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar appoġġ tal-UE għall-QKI: naffaċċjaw l-isfidi u negħlbu d-diffikultajiet (2011/2109(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2002,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ikkastigar tad-Delitt tal-Ġenoċidju, li daħlet fis-seħħ fit-12 ta' Jannar 1951,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali, b'mod partikolari dawk tad-19 ta' Novembru 1998(1), tat-18 ta' Jannar 2001(2), tat-28 ta' Frar 2002(3), tas-26 ta' Settembru 2002(4) u tad-19 ta' Mejju 2010(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Rapporti Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja, b'dik l-aktar riċenti tkun tas-16 ta' Diċembru 2010(6),
– wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/PESK tas-16 ta' Ġunju 2003 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali(7),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK tal-21 ta' Marzu 2011 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali(8),
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-4 ta' Frar 2004 u l-Pjan ta' Azzjoni ta' segwitu dwar id-Deċiżjoni dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali mit-12 ta' Lulju 2011,
– wara li kkunsidra l-Ftehima bejn il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea dwar il-kooperazzjoni u l-għajnuna(9),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea (SSE) tal-2003 intitotala “Ewropa Sigura f'Dinja Aħjar”, li ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,
– wara li kkunsidra l-Programm ta' Stokkolma 2010-2014 bl-isem “Ewropa Miftuħa u Sigura għas-Servizz u l-Protezzjoni taċ-Ċittadini” (Diċembru 2009)(10) u l-Pjan ta' Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma (April 2010, COM (2010)0171),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/494/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi network Ewropew ta' punti ta' kuntatt dwar persuni li huma responsabbli għal ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra(11), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/335/ĠAI tat-8 ta' Mejju 2003 dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra(12),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1593 (2005) dwar is-Sudan/Darfur u r-Riżoluzzjoni 1970 (2011) dwar il-Libja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7–0368/2011),
A. billi l-ġustizzja, l-istat ta' dritt u l-ġlieda kontra l-impunità huma l-pilastri ta' paċi sostenibbli, peress li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
B. billi minn Settembru 2011, 117-il stat irratifika l-Istatut ta' Ruma; billi l-kisba tar-ratifika universali tiegħu għandha madankollu tibqa' l-objettiv primarju;
C. billi n-natura universali tal-ġustizzja timplika l-applikazzjoni uniformi tagħha, mingħajr eċċezzjonijiet u differenzi fit-trattament; billi mkien m'għandu jkun post tal-kenn għal min iwettaq ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, delitti tal-gwerra, tortura, stupru tal-massa jew għibien sfurzat;
D. billi l-ġustizzja għandha titqies bħala element indispensabbli li fuqu huma msejsa l-isforzi tal-paċi u tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti;
E. billi ż-żamma tal-indipendenza tal-QKI hija kruċjali mhux biss biex tiżgura l-effikaċja sħiħa tagħha, iżda wkoll biex tiġi promossa l-universalità tal-Istatut ta' Ruma;
F. billi l-QKI hija l-ewwel korp ġudizzjarju internazzjonali permanenti li jista' jressaq quddiem il-qorti lil persuni minħabba l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, li b'hekk jagħmel kontribuzzjoni deċiżiva għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u għal-liġi internazzjonali billi tiġi miġġielda l-impunità, u billi għandu rwol dissważiv kruċjali u billi jibgħat sinjal ċar li l-impunità għal dawn id-delitti mhux se tkun tollerata;
G. billi s-segwitu tal-“interessi tal-ġustizzja”, minkejja l-kunsiderazzjonijiet politiċi (l-Artikolu 53 tal-Istatut ta' Ruma), huwa l-prinċipju fundamentali tal-Qorti; billi l-QKI għandha rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-ġustizzja internazzjonali u għalhekk tikkontribwixxi għas-sigurtà, il-ġustizzja u l-istat tad-dritt kif ukoll għaż-żamma tal-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali;
H. billi l-QKI għandha ġurisdizzjoni fuq id-delitti mwettqa wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut ta' Ruma fl-1 ta' Lulju 2002;
I. billi, bi qbil mal-Preambolu tal-Istatut, kif ukoll mal-prinċipju tal-komplementarjetà, il-QKI taġixxi biss meta l-qrati nazzjonali ma jkunux jistgħu jew ma jkunux iridu jmexxu proċessi kredibbli domestikament, sabiex Stati Partijiet iżommu r-responsabilità primarja li jwettqu prosekuzzjoni ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju; billi huwa importanti ħafna li jkun hemm kooperazzjoni bejn l-Istati Partijiet għall-Istatut ta' Ruma u l-organizzazzjonijiet reġjonali, partikolarment f'sitwazzjonijiet fejn il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tkun qed tiġi kkontestata;
J. billi l-politika tal-QKI ta' “komplementarjetà pożittiva” tappoġġa l-kapaċità tal-qrati nazzjonali fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra;
K. billi l-QKI bħalissa qed twettaq investigazzjonijiet f'seba' pajjiżi (l-Uganda, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Kenja, il-Libja u l-Côte d'Ivoire), u ddikjarat pubblikament li hija qed tanalizza l-informazzjoni dwar l-allegati delitti mwettqa f'diversi sitwazzjonijiet oħra; billi żewġ każijiet (id-Darfur u l-Libja) tressqu mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, tliet każijiet (l-Uganda, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Repubblika Ċentru-Afrikana) tressqu quddiem il-Qorti mill-Istati Partijiet stess, u tnejn (il-Kenja u l-Côte d'Ivoire) tressqu proprio motu mill-Prosekutur;
L. billi l-parti l-kbira mis-17-il mandat għall-arrest maħruġa mill-QKI għandhom ma ġewx implimentati, inklużi dawk kontra Joseph Kony u kapijiet oħra tal-Armata tal-“Lord's Resistance” fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Uganda ta' Fuq, Bosco Ntaganda tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Ahmad Muhammad Harun, Ali Muhammad Ali Abd-Al-Rahman u l-President Omar Hassan Ahmad Al Bashir tas-Sudan, u Saif al-Islam Gaddafi u Abdullah Al-Senussi tal-Libja;
M. billi d-drittijiet għal proċess ekwu u ġust u d-drittijiet tal-vittmi huma l-prinċipji fundamentali tas-sistema tal-Istatut ta' Ruma;
N. billi l-għan tal-Qorti huwa li tipprovdi ġustizzja għall-vittmi u għall-komunitajiet affettwati b'mod komprensiv u riparattiv, inkluż permezz ta' attivitajiet ta' parteċipazzjoni, protezzjoni, rappreżentazzjoni legali u sensibilizzazzjoni;
O. billi l-Qorti toffri lill-vittmi d-dritt għal parteċipazzjoni appoġġat mill-istrutturi tal-protezzjoni tax-xhieda;
P. billi s-sistema tar-riparazzjonijiet għall-vittmi tad-delitti li jaqgħu fil-kompetenzi tal-Qorti tagħmel lill-QKI istituzzjoni ġudizzjarja unika fil-livell internazzjonali;
Q. billi s-suċċess tal-proċeduri tar-riparazzjonijiet li se jibdew fl-2011 jiddependi kemm mill-kontribuzzjonijiet volontarji mid-donaturi, kif ukoll mill-ġbir tal-multi u l-konfiski mill-persuni sentenzjati;
R. billi l-Qorti bħalissa qed tiġi msejħa biex tittratta numru li kulma jmur qed jikber ta' investigazzjonijiet, każijiet u eżamijiet preliminari, filwaqt li ċerti Stati Partijiet għall-Istatut ta' Ruma qed jippruvaw iżommu l-baġit tal-Qorti kif inhu jew saħansitra inaqqsuh;
S. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu alleati konvinti tal-Qorti mill-bidu nett tagħha, filwaqt li offrew appoġġ politiku, diplomatiku, finanzjarju u loġistiku kontinwu, inkluża l-promozzjoni tal-universalità u d-difiża tal-integrità tal-Istatut ta' Ruma, bil-ħsieb li titħares u tissaħħaħ l-indipendenza tal-Qorti;
T. billi l-ġlieda kontra l-impunità tista' tirnexxi biss ladarba l-Istati Partijiet kollha jikkooperaw bis-sħiħ mal-QKI, u ladarba dawk li mhumiex partijiet jipprovdu wkoll għajnuna lill-istituzzjoni ġudizzjarja;
Il-ħtieġa li jissaħħaħ l-appoġġ għall-Qorti permezz ta' azzjoni politika u diplomatika
1. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-QKI, l-Istatut ta' Ruma, u s-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali li l-objettiv primarju tagħha huwa l-ġlieda kontra l-impunità għall-ġenoċidju, id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità;
2. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Uffiċċju tal-Prosekutur, is-setgħat proprio motu tal-Prosekutur u l-progress biex jinbdew investigazzjonijiet ġodda;
3. Iħeġġeġ lill-Partijiet għall-Istatut ta' Ruma u lil dawk li mhumiex biex ma jagħmlux pressjoni politika fuq il-Qorti sabiex tinżamm u tiġi żgurata l-imparzjalità tagħha u biex ikun hemm ġustizzja bbażata fuq il-liġi, aktar milli fuq kunsiderazzjonijiet politiċi;
4. Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tal-universalità, u jitlob lis-SEAE, lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni jkomplu jistinkaw bis-sħiħ għall-promozzjoni tar-ratifikazzjoni universali tal-Istatut ta' Ruma u tal-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Qorti Kriminali Internazzonali (APIC) u l-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali;
5. Jilqa' l-fatt li l-UE u l-parti l-kbira tal-Istati Membri tagħha għamlu wegħdiet speċifiċi fil-konferenza ta' Kampala, u jirrakkomanda li t-twettiq ta' dawn il-wegħdiet ikun f'waqtu u jiġi rrappurtat lura fl-Assemblea li jmiss tal-Istati Partijiet, li hi skedata li ssir bejn it-12 u l-21 ta' Diċembru 2011 fi New York;
6. Jilqa' l-adozzjoni tal-emendi fl-Istatut ta' Ruma, inklużi dawk dwar id-delitt tal-aggressjoni, u jitlob lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jirratifikawhom u jdaħħluhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;
7. Jilqa' bi pjaċir ir-rieżami tal-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar il-QKI permezz tal-adozzjoni ta' Deċiżjoni fil-21 ta' Marzu 2011; jinnota li d-deċiżjoni l-ġdida tqis l-isfidi li qed taffaċċja l-Qorti u jenfasizza li d-deċiżjoni tipprovdi bażi tajba għall-UE u għall-Istati Membri tagħha biex jgħinu lil-Qorti tindirizzahom;
8. Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni rivedut miftiehem fit-12 ta' Lulju 2011 biex isegwi d-Deċiżjoni dwar il-QKI, li jsemmi l-miżuri effettivi u konkreti li jridu jittieħdu mill-UE biex iżżid l-appoġġ futur tagħha għall-Qorti, u jħeġġeġ lill-Presidenza tal-Kunsill flimkien mal-Kummissjoni, is-SEAE u l-Istati Membri biex jagħmlu l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni prijorità;
9. Jenfasizza li l-kooperazzjoni sħiħa u f'waqtha bejn l-Istati Partijiet, inklużi l-Istati Membri tal-UE, u l-Qorti, tibqa' essenzjali għall-effikaċja u s-suċċess tas-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali;
10. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jissodisfaw it-talbiet kollha magħmula mill-Qorti biex tingħata għajnuna u biex ikun hemm kooperazzjoni f'waqthom, sabiex jiġu żgurati, inter alia, l-eżekuzzjoni tal-mandati pendenti għall-arrest u l-għoti ta' informazzjoni, inkluż talbiet biex tingħata għajnuna għall-identifikazzjoni, l-iffriżar u l-konfiska ta' assi finanzjarji tal-persuni suspettati;
11. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha li għadhom ma għamlux dan biex jippromulgaw leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kooperazzjoni u biex jiġu konklużi ftehimiet qafas mal-QKI għall-infurzar tas-sentenza tal-Qorti u dwar kwistjonijiet ta' investigazzjoni, il-ġbir tal-evidenza, it-tfittxija, il-protezzjoni u r-rilokazzjoni tax-xhieda, l-arrest, l-estradizzjoni, iż-żamma f'kustodja u l-ospitar tal-persuni indikati meta jiġu liberati fuq garanzija personali, il-priġunerija tal-persuni sentenzjati; jitlob lill-Istati Membri jikkooperaw reċiprokament permezz ta' mekkaniżmi tal-pulizija, dawk ġudizzjarji u permezz ta' mekkaniżmi rilevanti oħra biex jiġi żgurat l-appoġġ lill-QKI;
12. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE biex jemendaw l-Artikolu 83 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex id-delitti taħt il-ġurisdizzjoni tal-QKI jiddaħħlu fil-lista ta' delitti li għalihom l-UE għandha kompetenza; b'mod aktar speċifiku, iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jittrasferixxu l-kompetenzi lill-UE fil-qasam tal-identifikazzjoni u l-konfiskar tal-assi tal-persuni akkużati mill-QKI, minkejja l-fatt li l-proċeduri ġudizzjarji jinfetħu mill-QKI; jitlob lill-Istati Membri tal-UE jikkooperaw billi jiskambjaw informazzjoni rilevanti permezz tal-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi eżistenti kif ukoll permezz tan-Network tal-Inter-Aġenziji Camden għall-Irkupru tal-Assi (CARIN);
13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jintegraw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Istatut ta' Ruma u l-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Qorti (APIC) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;
14. Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni, waqt il-Konferenza ta' Reviżjoni ta' Kampala, ta' emendi għall-Istatut ta' Ruma relatati mad-delitt tal-aggressjoni u jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jirratifikawhom u jintegrawhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom; jirrakkomanda li, fl-interessi tat-tisħiħ tal-universalità tal-Istatut ta' Ruma, jsiru sforzi bi ftehim konġunt biex ikun hemm definizzjoni aktar preċiża tar-reati relevanti li jistabbilixxu att ta' aggressjoni li jiksru l-liġi internazzjonali;
15. Jinnota li l-Qorti, skont ir-riżultati tal-Konferenza ta' Kampala, mhux se tkun tista' teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha fuq id-delitt tal-aggressjoni sa wara Jannar 2017, meta għandha tittieħed deċiżjoni mill-Istati Partijiet biex tiġi attivata din il-ġurisdizzjoni;
16. Jilqa' l-kontribuzzjoni ta' wħud mill-Istati Membri tal-UE għall-ġlieda kontra l-impunità għall-agħar delitti magħrufa mill-bniedem permezz tal-applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni universali; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jagħmlu l-istess ħaġa; jirrakkomanda li jkompli jissaħħaħ ir-rwol tan-Netwerk tal-UE ta' Punti ta' Kuntatt għad-Delitti tal-Gwerra, id-Delitti kontra l-Umanità u l-Ġenoċidju fil-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-UE fil-prosekuzzjoni ta' delitti serji;
17. Jenfasizza r-rwol fundamentali tal-ġurisdizzjonijiet kriminali internazzjonali fil-ġlieda kontra l-impunità u fl-indirizzar tal-ksur rilevanti tal-liġi internazzjonali dwar l-użu illegali u r-reklutaġġ suldati tfal; jopponi bil-qawwa r-reklutaġġ jew il-qbid bil-lieva ta' tfal ta' età anqas minn tmintax-il sena fil-forzi armati u wkoll l-użu tagħhom fi kwalunkwe tip ta' azzjoni militari; jinnota l-importanza li jiġu salvagwardjati d-drittijiet għal tfulija paċifika, l-edukazzjoni, l-integrità fiżika, is-sikurezza u l-awtonomija sesswali;
18. Jitlob il-ħolqien ta' politiki effettivi u mekkaniżmi ta' tisħiħ li jiżguraw li l-parteċipazzjoni tal-vittmi fil-QKI jkollha impatt sostanzjali, inkluż l-għoti ta' pariri psikoloġiċi, mediċi u legali aktar aċċessibbli għal programmi ta' protezzjoni ta' xhieda; jenfasizza l-importanza li jiġi promoss l-għarfien dwar il-vjolenza sesswali f'zoni ta' kunflitt permezz ta' programmi legali, bid-dokumentazzjoni ta' krimini bbażati fuq il-ġeneru f'kunflitti armati, u bit-taħriġ ta' avukati, imħallfin u attivisti dwar l-Istatut ta' Ruma u dwar il-ġurisprudenza internazzjonali fir-rigward tal-krimini bbażati fuq il-ġeneru mwettqa kontra n-nisa u t-tfal;
19. Jinkoraġġixxi lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jiżguraw li jkun hemm programmi ta' taħriġ għall-investigaturi tal-pulizija, il-prosekuturi, l-imħallfin u l-uffiċjali tal-armata, madankollu l-programmi ma jkunux limitati għal dawn, u li jiffukaw l-ewwel nett fuq id-dispożizzjonijiet tal-Istatut ta' Ruma u l-liġi internazzjonali rilevanti u, it-tieni nett fuq il-prevenzjoni, l-identifikar, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ksur ta' dawn il-prinċipji;
20. Jinnota l-ftehima bejn il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea dwar il-kooperazzjoni u l-għajnuna; jitlob lill-Istati Membri tal-UE biex japplikaw il-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali għall-ġlieda kontra l-impunità u d-delitti kontra l-umanità u jfakkar l-importanza tiegħu għall-effikaċja u s-suċċess tas-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali;
21. Jinkoraġġixxi b'mod qawwi li l-UE u l-Istati Membri tagħha jieħdu kull opportunità diplomatika u jużaw kull strument diplomatiku biex jagħmlu pressjoni għal kooperazzjoni effikaċi mal-QKI, b'mod partikolari fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta' mandati pendenti għall-arrest;
22. Jinkoraġġixxi b'mod qawwi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, bl-għajnuna tas-SEAE, biex iwaqqfu sett ta' linji gwida interni riġidi, immudellati fuq linji gwida eżistenti tan-NU u tal-QKI, li jimxi fuqhom l-Uffiċċju tal-Prosekutur, li jistabbilixxu kodiċi ta' kondotta għal kuntatt bejn uffiċjali tal-UE u tal-Istati Membri u persuni mfittxija mill-QKI, b'mod partikolari meta dawn tal-aħħar ikunu għadhom jokkupaw karigi uffiċjali, irrispettivament mill-istejtus tagħhom u mill-fatt jekk humiex ċittadini ta' postijiet li huma jew mhumiex Stati Partijiet għall-Istatut ta' Ruma;
23. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, f'każ li xi pajjiż sieħeb joħroġ stedina għal jew juri r-rieda li jaċċetta viżitaturi fit-territorju tiegħu minn individwu li huwa s-suġġett ta' mandat għall-arrest tal-QKI, biex jagħmlu pressjoni qawwija fuq dak il-pajjiż mingħajr dewmien, bl-għan li jew jiġi arrestat jew appoġġata l-operazzjoni ta' arrest jew, għall-inqas jiġi evitat li dak l-individwu jivvjaġġa; jinnota li peress li dan l-aħħar stediniet bħal dawn inħarġu lill-president tas-Sudan Omar al-Bashir miċ-Ċad, miċ-Ċina, minn Ġibuti, mill-Kenja u mill-Malasja, fost l-oħrajn;
24. Jirrikonoxxi d-deċiżjoni reċenti li ttieħdet mill-Prosekutur tal-QKI li joħroġ mandat ta' arrest kontra Saif al-Islam Gaddafi u l-kap tal-intelliġenza Abdullah al-Sanoussi tal-Libja, b'rabta mal-allegati delitti kontra l-umanità sa minn meta bdew l-irvellijiet fil-pajjiż; jenfasizza li l-qbid b'suċċess tagħhom, u l-proċess sussegwenti mill-QKI, se jkun kontribut kruċjali għall-ġlieda kontra l-impunità fir-reġjun;
25. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li Stati Partijiet tal-QKI bħaċ-Ċad, Ġibuti u l-Kenja reċentement laqgħu l-President tas-Sudan al-Bashir fit-territorji tagħhom mingħajr ma arrestawh u kkonsenjawh lill-Qorti, minkejja l-obbligu legali ċar tagħhom skont l-Istatut ta' Ruma li jarrestawh jikkonsenjawh lill-Qorti;
26. Jenfasizza l-importanza ta' azzjoni b'saħħitha tal-UE sabiex jiġu antiċipati u evitati jew ikkundannati tali każijiet ta' nuqqas ta' kooperazzjoni; itenni l-bżonn għall-UE (u lill-Istati Membri) biex jistabbilixxu protokoll intern b'azzjonijiet konkreti u standard li jippermettulhom li jirreaġixxu f'waqthom u b'mod konsistenti għal każijiet ta' nuqqas ta' kooperazzjoni mal-Qorti, fejn ikun xieraq, f'koordinazzjoni mal-mekkaniżmi ta' istituzzjonijiet rilevanti oħra, inkluża l-Assemblea tal-Istati Partijiet;
27. Jinnota li l-Istati Afrikani kellhom rwol prinċipali fil-ħolqien tal-QKI u jqis li l-appoġġ tagħhom u l-kooperazzjoni mill-qrib huma indispensabbli sabiex il-Qorti tiffunzjona b'mod effikaċi u tkun indipendenti;
28. Jistieden lill-Istati Partijiet Afrikani tal-Istatut ta' Ruma tal-QKI biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Istatut ta' Ruma tal-QKI u, f'konformità mal-Att Kostituttiv tal-Unjoni Afrikana, sabiex jiġi żgurat b'mod attiv li dawk li jwettqu l-agħar delitti fid-dinja jwieġbu għal għemilhom billi jappoġġaw bis-sħiħ lill-Qorti matul il-laqgħat tal-Unjoni Afrikana (UA) u jħeġġeġ lill-UA biex tkisser iċ-ċiklu tal-impunità għall-każijiet tad-delitti l-aktar gravi u jiġu megħjuna l-vittmi tal-atroċitajiet; jesprimi l-appoġġ tiegħu għat-talba tal-Qorti biex jinfetaħ uffiċċju ta' kuntatt mal-Unjoni Afrikana f'Addis Ababa;
29. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jintegraw il-ħidma tal-QKI u d-dispożizzjonijiet tal-Istatut ta' Ruma fil-programmi ta' żvilupp tagħha mmirati biex isaħħu l-istat ta' dritt tagħha; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipprovdu l-għajnuna teknika, loġistika u finanzjarja u l-kompetenzi meħtieġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom riżorsi limitati li bihom jadattaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom għall-prinċipji tal-Istatut ta' Ruma u biex jikkooperaw mal-QKI, irrilevanti mill-fatt jekk dawn il-pajjiżi rratifikawx l-Istatut jew le; iħeġġeġ ulterjorment lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw programmi ta' taħriġ għall-awtoritajiet tal-pulizija, tal-ġudikatura, l-awtoritajiet militari u dawk amministrattivi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jingħataw introduzzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-Istatut ta' Ruma;
30. Iħeġġeġ lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE li jmiss biex tiddiskuti l-ġlieda kontra l-impunità fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp internazzjonali u d-djalogu politiku rilevanti, kif rakkomandat f'diversi riżoluzzjonijiet u fl-Artikolu 11.6 tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut, bil-ħsieb li l-ġlieda kontra l-impunità u t-tisħiħ tal-istat ta' dritt jiġu integrati fi programmi u azzjonijiet eżistenti tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;
31. Jinkoraġġixxi lis-SEAE u lis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri tal-UE biex jagħmlu użu sistematiku u mmirat mill-għodod diplomatiċi użati minnhom it-tnejn biex iżidu l-appoġġ għall-QKI u jippromwovu ratifikazzjoni usa' u implimentazzjoni tal-Istatut ta' Ruma; jinnota li dawn l-għodod jinkludu démarches, dikjarazzjonijiet politiċi, stqarrijiet u klawsoli tal-QKI fi ftehimiet ma' pajjiżi terzi, kif ukoll djalogi politiċi jew dwar id-drittijiet tal-bniedem; jissuġġerixxi li għandha tittieħed azzjoni xierqa abbażi tal-evalwazzjoni tar-riżultati;
32. Jenfasizza l-ħtieġa li l-QKI testendi l-attenzjoni tagħha lil hinn minn sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat u, b'mod aktar proattiv, tinvestiga l-emerġenzi tad-drittijiet tal-bniedem li jeskalaw għal-livell ta' delitti kontra l-umanità, u sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet domestiċi juru biċ-ċar li ma jridux jinvestigaw, iwettqu prosekuzzjoni dwar dawk li allegatament iwettqu delitt u jikkastigawhom;
33. Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President u lill-Istati Membri tal-UE biex jagħmlu sforzi diplomatiċi biex jinkoraġġixxu lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jagħmlu rinviju lill-QKI biex tiftaħ investigazzjonijiet dwar każijiet fejn uffiċjali minn Stati li mhumiex partijiet għall-Istatut u li kienu allegatament involuti f'delitti kontra l-umanità qed ikomplu jgawdu minn impunità kontinwa, inklużi s-sitwazzjonijiet reċenti fl-Iran, is-Sirja, il-Baħrejn u l-Jemen;
34. Jirrikonoxxi r-rwol tal-UE fil-promozzjoni tar-ratifika mad-dinja kollha tal-Istatut ta' Ruma u tal-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Qorti (APIC) u jilqa' bi pjaċir l-adeżjonijiet reċenti għall-Istatut ta' Ruma u r-ratifikazzjoni tiegħu mit-Tuneżija, il-Filippini, il-Maldive, Grenada, il-Moldova, Santa Luċija u s-Seychelles, li ġabu n-numru totali ta' Stati Partijiet għal 118; jappella sabiex aktar pajjiżi Asjatiċi, tal-Afrika ta' Fuq, tal-Lvant Nofsani u l-pajjiżi sub-Saħarjani jsiru parti għall-Istatut ta' Ruma;
35. Iħeġġeġ lill-UE, u b'mod partikolari s-SEAE, sabiex ikomplu jippromwovu l-universalità tal-Istatut ta' Ruma u tal-APIC u l-ġlieda kontra l-impunità, kif ukoll ir-rispett tal-Qorti, il-kooperazzjoni magħha u l-għajnuna lilha fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, inkluż fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou u tad-djalogi bejn l-UE u organizzazzjonijiet reġjonali, bħall-Unjoni Afrikana, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN); jenfasizza l-importanza li jiġu promossi r-ratifikazzjoni u l-applikazzjoni tal-Istatut ta' Ruma mill-Qorti fid-djalogi bilaterali tal-UE ma' pajjiżi terzi dwar id-drittijiet tal-bniedem;
36. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jinkludu b'mod aktar sistematiku l-klawsola tal-QKI f'mandati u ftehimiet ta' negozjar ma' pajjiżi terzi;
37. Jistieden lill-mexxejja tal-UE biex jimmotivaw l-Istati kollha li għadhom mhumiex parti għall-Istatut ta' Ruma biex isiru Stati Partijiet; b'dan, l-enfasi għandha tkun b'mod partikolari fuq il-membri permanenti u l-membri mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
38. Jilqa' bi pjaċir il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti bħala osservatur fl-Assemblea tal-Istati Partijiet tal-QKI u jesprimi t-tama li ma jdumux ma jsiru Stat Parti;
39. Jilqa' bi pjaċir l-adeżjoni riċenti tat-Tuneżija għall-Istatut ta' Ruma u jittama li din tibgħat sinjal pożittiv lil pajjiżi oħra tal-Afrika ta' Fuq u tal-Lvant Nofsani sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-istess; jilqa' wkoll ir-ratifika reċenti tal-Istatut ta' Ruma mill-Filippini, li żżid in-numru ta' Stati Asjatiċi fis-sistema tal-Qorti u tagħti sinjal importanti li s-sħubija Asjatika fl-ICC qed tiżdied, kif ukoll ir-ratifika reċenti tal-Istatut ta' Ruma mill-Maldive u l-liġi reċenti maħruġa mill-Assemblea Nazzjonali tal-Kap Verde li tawtorizza r-ratifika tal-Istatut ta' Ruma, u jittama li l-gvern tagħha jipproċedi mingħajr dewmien f'dan ir-rigward; juri t-tama tiegħu li l-pajjiżi kollha tal-Amerika Latina jissieħbu mal-QKI;
40. Jistieden lit-Turkija, l-uniku kandidat uffiċjali għal sħubija fl-UE li għadu ma għamilx dan, biex issir Stat Parti tal-Istatut ta' Ruma u tal-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet (APIC) malajr kemm jista' jkun, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li kwalunkwe pajjiż kandidat u pajjiż kandidat potenzjali kif ukoll pajjiż sieħeb futuri koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) jagħmlu l-istess;
41. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jappoġġaw il-kapaċità u r-rieda politika ta' pajjiżi terzi – b'mod partikolari dawk li jinsabu f'postijiet fejn hemm sitwazzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-QKI u f'pajjiżi li jkunu jinsabu taħt eżami preliminari mill-QKI – sabiex iwettqu proċedimenti nazzjonali dwar il-ġenoċidju, id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità; f'dak il-qafas, jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw il-proċessi ta' riforma u sforzi nazzjonali ta' bini ta' kapaċità maħsuba biex isaħħu l-ġudikatura indipendenti, is-settur tal-infurzar tal-liġi, u s-sistema penitenzjarja fil-pajjiżi kollha affettwati direttament mill-allegat kummissjonar ta' delitti internazzjonali serji;
42. Jenfasizza li l-effikaċja tal-prinċipju tal-kumplimentarjetà tal-Qorti tinsab fl-obbligu primarju tal-Istati Partijiet li jinvestigaw u jwettqu prosekuzzjoni ta' delitti tal-gwerra, ġenoċidju u delitti kontra l-umanità; juri tħassib dwar il-fatt li mhux l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom leġiżlazzjoni li tiddefinxxi dawn id-delitti skont il-liġi nazzjonali li fuqha l-qrati tagħhom għandhom ġurisdizzjoni;
43. Iħeġġeġ lil dawk l-Istati li għadhom m'għamlux dan sabiex jippromulgaw leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni kompleta u effikaċi f'konsultazzjoni trasparenti mas-soċjetà ċivili, u biex jgħammru lill-ġudikaturi nazzjonali tagħhom bl-għodod meħtieġa biex jiġu investigati dawn id-delitti u titwettaq prosekuzzjoni tagħhom;
44. Jerġa' jafferma l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jsaħħu l-isforzi diplomatiċi tagħhom fost il-pajjiżi li mhumiex parti tal-Istatut ta' Ruma u tal-organizzazzjonijiet reġjonali (pereżempju l-UA, l-ASEAN, u l-Lega Għarbija) biex jippromwovu fehim aħjar tal-mandat tal-QKI, jiġifieri t-tfittxija tiegħu ta' min iwettaq delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' strateġija speċjali tat-telekomunikazzjoni għal dak l-għan, u biex jitrawwem appoġġ akbar għall-Qorti u l-mandat tagħha, b'mod partikolari f'fora tan-NU bħalma hu l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
45. Jafferma r-rwol kruċjali tal-appoġġ diplomatiku tal-Istati Membri tal-UE għall-mandat tal-QKI u għall-attivitajiet tagħha f'fora tan-NU, inkluż l-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
46. Jenfasizza l-ħtieġa ta' sforzi diplomatiċi kontinwi biex il-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jiġu inkoraġġiti jiżguraw ir-rinviju f'waqtu tal-każijiet, kif asserit fl-Artikolu 13 (b) tal-Istatut ta' Ruma u kif muri dan l-aħħar bir-rinviju unanimu tas-sitwazzjoni fil-Libja lill-QKI mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jesprimi wkoll it-tama tiegħu li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jevita li jiddiferixxi investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet tal-Qorti kif asserit fl-Artikolu 16 tal-Istatut ta' Ruma;
47. Jistieden lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lill-membri tal-Assemblea Ġenerali tan-NU biex isibu metodi u mezzi biex in-NU tipprovdi lill-Qorti b'riżorsi finanzjarji biex tkopri l-ispejjeż relatati mal-ftuħ ta' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet dwar sitwazzjonijiet imsemmija mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU skont l-Artikolu 115 tal-Istatut ta' Ruma;
48. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw li l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni mal-QKI jkunu inklużi fil-mandat ta' Rappreżentanti Speċjali reġjonali rilevanti tal-UE (RSUE); jistieden lir-Rappreżentant Għoli biex jaħtar RSUE għad-Dritt Umanitarju Internazzjonali u l-Ġustizzja Internazzjonali bil-mandat biex jippromwovi, jintegra u jirrappreżenta l-impenn tal-UE fil-ġlieda kontra l-impunità u l-QKI fil-politiki barranin tal-UE;
49. Jappella lis-SEAE biex tiżgura li l-QKI tiġi integrata fil-prijoritajiet tal-politika barranija tal-UE kollha, billi tqis b'mod sistematiku l-ġlieda kontra l-impunità u l-prinċipju tal-kumplimentarjetà fil-kuntest usa' ta' żvilupp u għajnuna fl-istat ta' dritt, u b'mod partikulari biex iħeġġeġ lill-istati tranżitorji tan-Nofsinhar tal-Mediterran jiffirmaw u jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma;
50. Jafferma li l-UE għandha tiżgura li s-SEAE għandha l-kompetenzi u l-kapaċità ta' livell għoli meħtieġa biex tagħmel lill-QKI prijorità reali; jirrakkomanda li s-SEAE tiżgura livelli adegwati ta' persunal kemm fi Brussell kif ukoll fid-delegazzjonijiet ta' uffiċjali inkarigati bit-trattament ta' kwistjonijiet ta' ġustizzja internazzjonali, u li s-SEAE u l-Kummissjoni Ewropea jkomplu jiżviluppaw it-taħriġ tal-persunal rigward il-ġustizzja internazzjonali u kwistjonijiet tal-QKI, jistabbilixxu programm ta' skambju ta' persunal mal-QKI biex jippromwovu l-għarfien istituzzjonali reċiproku u jiffaċilitaw aktar kooperazzjoni;
51. Iħeġġeġ lill-Istati Partijiet għall-QKI kollha, lill-UE u lill-QKI nnifisu, inkluż l-Uffiċċju tal-Prosekutur, biex jagħmlu kull sforz biex jipproċedu u jikkastigaw lil min wettaq delitti sesswali kontra l-umanità, li huma kategorija speċifika ta' delitti kontra l-umanità li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-QKI (Artikolu 7 tal-Istatut ta' Ruma) u jinkludu l-istupru, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni forzata, it-tqala forzata, l-isterilizzazzjoni forzata u kull forma oħra ta' vjolenza sesswali daqstant gravi, flimkien mal-prosekuzzjoni abbażi ta' sess; jinnota li t-tali delitti sesswali huma partikolarment ta' min jistmellahom minħabba li ta' spiss dawn jiġu ripetuti fuq skala kbira u jikkostitwixxu delitti tal-gwerra kif ukoll delitti kontra l-umanità (Artikolu 8 tal-Istatut ta' Ruma) li jimmiraw il-gruppi l-aktar vulnerabbli – in-nisa, it-tfal u n-nies ċivili – f'pajjiżi li diġà huma dgħajfa kawża ta' kunflitti u/jew nuqqas ta' ikel jew minħabba l-ġuħ;
52. Fil-kuntest tal-elezzjoni imminenti ta' sitt Imħallfin ġodda u Prosekutur ġdid, li għandha sseħħ fis-sessjoni ta' Diċembru 2011 tal-Assemblea tal-Istati Partijiet, iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jeleġġu l-aktar kandidati bi kwalifiki għolja permezz ta' proċess ġust, trasparenti u bbażat fuq il-mertu, li jiżgura bilanċ kemm ġeografiku kif ukoll bejn is-sessi, u biex jinkoraġġixxu lil Stati minn reġjuni li jibbenefikaw minn Rekwiżiti Minimi ta' Votazzjoni (bħall-Grupp tal-Pajjiżi tal-Amerika Latina u tal-Karibew (GRULAC - Group of Latin America and Caribbean Countries) biex jieħdu vantaġġ minn dan u jinnominaw biżżejjed kandidati, biex b'hekk tiġi żgurata rappreżentazzjoni reġjonali bilanċjata fil-ħatra ta' mħallfin; jinnota li l-elezzjoni ta' Prosekutur ġdid hija tal-akbar importanza għall-effikaċja u l-leġittimità tal-Qorti, u juri apprezzament għall-ħidma tal- Kumitat ta' Investigazzjoni stabbilit mill-Uffiċċju tal-Assemblea tal-Istati Partijiet;
53. Jilqa' l-proposti għat-twaqqif ta' kumitat konsultattiv li jirċievi u jirrevedi n-nomini kollha tal imħallfin ġodda kif asserit fl-Artikolu 36(4c) tal-Istatut ta' Ruma kif ukoll it-twaqqif ta' kumitat ta' investigazzjoni għall-Prosekutur tal-QKI, u jesprimi l-opinjoni tiegħu li l-ħidma tal-kumitati ta' investigazzjoni m'għandhiex tiġi influwenzata minn kunsiderazzjonijiet politiċi;
Il-ħtieġa li tkompli tiġi żgurata l-għajnuna finanzjarja u loġistika għall-Qorti
54. Jilqa' l-appoġġ finanzjarju u loġistiku li l-UE u Stati Membri individwali taw lill-QKI s'issa u jirrakkomanda li l-forom attwali ta' appoġġ, permezz ta' baġit regolari tal-QKI ffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Partijiet jew permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) bil-fondi mill-baġit tal-UE, jitkomplew, speċjalment fl-oqsma li ġejjin: attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni li jkollhom l-għan li jgħinu lill-vittmi u lill-komunitajiet milquta; rappreżentanza legali; rilokazzjoni tax-xhieda; il-parteċipazzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi/xhieda, b'kunsiderazzjoni speċjali għall-ħtiġijiet tan-nisa u tal-vittmi żgħażagħ/tfal;l-għoti ta' appoġġ li jippermetti lill-Qorti tkopri l-ħtiġijiet operattivi urġenti li jinbtu minn investigazzjonijiet ġodda; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw l-isforzi tal-Qorti biex ittejjeb il-preżenza tagħha, filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tal-preżenza tal-QKI għall-promozzjoni tal-fehim u l-appoġġ tal-mandat tagħha, kif ukoll fl-involviment tiegħu fl-appoġġ li jagħti lill-komunitajiet li sfaw vittmi ta' delitti li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li n-nuqqas ta' finanzjament jibqa' jimpedixxi lill-Qorti milli tiffunzjona bl-aqwa mod;
55. Jenfasizza l-impatt kbir tas-sistema tal-Istatut ta' Ruma fuq vittmi, individwi u komunitajiet affettwati minn delitti taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti; iqis li l-isforzi ta' sensibilizzazzjoni kruċjali tal-Qorti, biex jitħeġġu l-fehim u l-appoġġ għall-mandat tagħha li jiġu ġestiti l-aspettattivi u biex il-vittmi u l-komunitajiet affettwati jkunu jistgħu jsewgu u jifhmu l-proċess tal-ġustizzja kriminali internazzjonali u l-ħidma tal-Qorti;
56. Jirrakkomanda li l-Istati Membri tal-UE jkomplu jipprovdu finanzjament adegwat lill-Fond Fiduċjarju tal-QKI għall-Vittmi (sabiex jiġu kkumplimentati l-għotjiet ta' riparazzjoni potenzjali futuri filwaqt li jkomplu jitwettqu l-attivitajiet ta' assistenza attwali) u biex jikkontribwixxu għall-Fond Speċjali tal-QKI għar-Rilokazzjonijiet, li għadu kemm ġie stabbilit, għall-Fond għal Żjarat tal-familja tad-detenuti fis-sede tal-Qorti fl-Aja, għall-Programm ta' Għajnuna Legali u għall-ispejjeż assoċjati maż-żamma u l-espansjoni tal-preżenza tal-QKI fuq il-post;
57. Jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tal-QKI biex iżżid u ssaħħaħ il-preżenza tagħha fil-post billi din hija ferm importanti għat-titjib tal-abilità tagħha li twettaq il-funzjonijiet tagħha, inklużi l-investigazzjonijiet, is-sensibilizzazzjoni mal-vittmi u l-komunitajiet affettwati, il-protezzjoni tax-xhieda u l-iffaċilitar tad-drittijiet tal-vittmi għall-parteċipazzjoni u r-riparazzjoni, u li barra minn hekk, hija fattur importanti biex jissaħħu l-impatt tal-Qorti u l-abilità tagħha li tħalli legat sod u pożittiv;
58. Jinkoraġġixxi lill-UE biex tiżgura finanzjament adegwat u stabbli għall-atturi tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq kwistjonijiet relatati mal-QKI fl-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE u lill-fondazzjonijiet Ewropej eżistenti biex ikomplu l-appoġġ tagħhom lil dawn l-atturi;
59. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE u lis-SEAE biex jibdew diskussjonijiet relatati mar-rieżami tal-istrumenti finanzjarji attwali tal-UE, partikolarment il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), bl-għan li jiġi eżaminat kif jistgħu jikkontribwixxu aktar biex jappoġġaw l-attivitajiet ta' komplementarjetà fil-pajjiżi benefiċjarji sabiex tingħata spinta lill-ġlieda kontra l-impunità f'dawn il-pajjiżi;
60. Jirrikonoxxi l-isforzi attwali tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi “Ġabra ta' Għodda ta' Komplementarjetà tal-UE” li jkollha l-għan li tiżviluppa l-kapaċitajiet nazzjonali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' allegazzjonijiet ta' delitti internazzjonali, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni tagħha, bl-għan li l-attivitajiet relatati mal-komplementarjetà jiġu integrati fil-programmi ta' għajnuna u tintlaħaq koerenza aħjar fost id-diversi strumenti tal-UE;
61. Jistieden lill-Istati Partijiet kollha tal-QKI jippromwovu sforzi konġunti biex jittejbu l-proċessi fil-livell nazzjonali tad-delitti l-aktar serji, bħad-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju;
62. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li torganizza seminar għas-soċjetà ċivili Ewropea u Afrikana biex tiġi diskussa l-ġustizzja internazzjonali f'Pretoria f'April 2001, jinnota r-rakkomandazzjonijiet minn dik il-laqgħa u jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġa tali opportunitajiet;
63. Jerġa' jfakkar li l-Parlament Ewropew kien wieħed minn tal-ewwel li appoġġa lill-Qorti verbalment u jinnota r-rwol essenzjali tiegħu fil-monitoraġġ tal-azzjoni tal-UE f'din il-kwistjoni; jitlob biex tiddaħħal taqsima dwar il-ġlieda kontra l-impunità u l-QKI fir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-PE fid-dinja u jkompli jissuġġerixxi li l-Parlament Ewropew għandu jkollu rwol aktar proattiv billi jippromwovi u jintegra l-ġlieda kontra l-impunità u l-QKI fil-politiki u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, inkluż fil-ħidma tal-kumitati, il-gruppi u d-delegazzjonijiet kollha ma' pajjiżi terzi;
o o o
64. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.