Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2870(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0577/2011

Dibattiti :

PV 16/11/2011 - 11
CRE 16/11/2011 - 11

Votazzjonijiet :

PV 17/11/2011 - 6.4
CRE 17/11/2011 - 6.4

Testi adottati :

P7_TA(2011)0510

Testi adottati
PDF 295kWORD 57k
Il-Ħamis, 17 ta' Novembru 2011 - Strasburgu
Samit UE-Stati Uniti tat-28 ta' Novembru 2011
P7_TA(2011)0510RC-B7-0577/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar is-Samit bejn l-UE u l-USA tat-28 ta' Novembru 2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, minkejja li bosta sfidi dinjija fil-qasam tal-politika barranija, is-sigurtà, l-iżvilupp u l-ambjent qed iqajmu l-ħtieġa ta' azzjoni konġunta u kooperazzjoni trans-Atlantika, il-kriżi ekonomika attwali telgħet fil-quċċata bħala l-isfida ewlenija li għandha tiġi indirizzata llum;

B.  billi, flimkien, l-UE u l-USA jirrappreżentaw nofs l-ekonomija dinjija, u billi s-sħubija ta' bejniethom ta' USD 4,28 triljun tikkostitwixxi r-relazzjoni ekonomika li hija l-akbar, l-aktar integrata u l-aktar dejjiema fid-dinja, kif ukoll mutur ewlieni tal-prosperità ekonomika dinjija;

C.  billli l-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi tal-preżent, sew fl-Ewropa kif ukoll fl-Istati Uniti tal-Amerika, qed jheddu l-istabbiltà u l-prosperità tal-ekonomiji tagħna u l-benessri taċ-ċittadini tagħna, u billi qatt ma nħasset aktar urġenti l-kooperazzjoni ekonomika aktar mill-qrib bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti tal-Amerika sabiex jiġu miġġielda dawn il-kriżijiet;

D.  billi l-imperattiv li nissalvagwardjaw il-libertà u s-sigurtà domestika m'għandux jinqeda akkost ta' sagrifiċċju tal-prinċipji ċentrali dwar il-libertajiet ċiviċi u ż-żamma ma' standards komuni rigward id-drittijiet tal-bniedem;

E.  billi s-sħubija trans-Atlantika hija msejsa fuq valuri ċentrali komuni bħal-libertà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, kif ukoll fuq għanijiet komuni bħalma huma l-progress u l-inklużjoni soċjali, l-ekonomiji miftuħa u integrati, l-iżvilupp sostenibbli u s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti, u hi l-pedament tas-sigurtà u l-istabbiltà fiż-żona Ewro-Atlantika;

L-impjiegi u t-tkabbir

1.  Jilqa' l-konklużjonijiet tas-Samit G20 li sar f'Cannes fit-3-4 ta' Novembru 2011, partikolarment rigward il-Pjan ta' Azzjoni għat-Tkabbir u l-Impjiegi, ir-riforma biex tissaħħaħ is-sistema monetarja internazzjonali, it-tkomplija tal-isforzi biex tittejjeb ir-regolazzjoni finanzjarja u l-impenji biex tingħata spinta lill-kummerċ multilaterali u jiġi evitat il-protezzjoniżmu; iqis li huwa essenzjali li, waqt is-Samit bejn l-UE u l-USA, iż-żewġ sħab iwiegħdu li jieħdu r-rwol prinċipali dwar l-implimentazzjoni tal-impenji tal-G20; jinnota li d-diskussjoni tal-G20 dwar sett ta' għażliet għall-finanzjament innovattiv u li l-UE qed tkompli tiżviluppa l-idea ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji;

2.  Jistieden lill-amministrazzjonijiet tal-UE u tal-USA jiżviluppaw u jvaraw inizjattiva trans-Atlantika konġunta għall-impjiegi u t-tkabbir, inkluż pjan direzzjonali għall-promozzjoni tal-kummerċ u tal-investiment;

3.  Jitlob li l-UE u l-USA jimplimentaw mekkanżimu ta' twissija bikrija għall-individwazzjoni u d-deterrent tal-protezzjoniżmu fir-relazzjonijiet bilaterali; ifakkar fis-sinifikat li għandhom għall-kummerċ trans-Atlantiku swieq miftuħa tal-akkwist pubbliku li joffru lill-fornituri kollha aċċess indaqs, b'mod partikolari għall-impriżi żgħar u medji, u għalhekk jitlob lill-USA biex ma tintroduċix rekwiżiti “Buy American”; jisħaq fuq l-importanza tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku Governattiv (GPA) għall-iżgurar ta' aċċess miftuħ u bbilanċjat ta' dan it-tip għaż-żewġ swieq;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-proċess tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (TEC) jissaħħaħ biex jintlaħqu dawn l-objettivi, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' standards komuni għal oqsma ġoddali jeħtieġu r-regolazzjoni, bħan-nanoteknoloġija, jew setturi ekonomiċi tal-ġejjieni, bħat-teknoloġija tal-vetturi elettriċi; iħeġġeġ lill-UE u lill-USA biex jinvolvu lir-rappreżentanti tad-Djalogu bejn il-Leġiżlaturi Trans-Atlantiċi (TLD) mill-qrib fit-TEC, peress li l-leġiżlaturi jaqsmu r-responsabilità tagħhom għall-implimentazzjoni u s-sorveljanza ta' ħafna deċiżjonijiet tat-TEC mal-fergħat eżekuttivi rispettivi tagħhom;

5.  Iħeġġeġ l-iskambju ta' esperjenzi u l-aqwa prattika bejn l-UE u l-USA dwar kif għandha titħeġġeġ l-intraprenditorija, inkluż permezz ta' appoġġ għal intrapriżi ġodda u l-indirizzar ta' fallimenti;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-isforzi ta' kooperazzjoni jissaħħu fil-qafas ta' sħubija tar-riċerka u l-innovazzjoni;

7.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li nadottaw u nimplimentaw Pjan Direzzjonali UE-USA dwar il-materja prima sal-2020 b'enfasi partikolari fuq il-metalli rari, li għandu jippromwovi l-kooperazzjoni fl-effiċjenza tar-riżorsi, l-innovazzjoni fit-teknoloġiji tal-estrazzjoni u r-riċiklaġġ tal-materja prima, u r-riċerka dwar is-sostituzzjoni; jitlob għal strateġija trans-Atlantika biex titkattar il-governanza dinjija marbuta mal-materja prima permezz ta' ħidma kooperattiva bħal Forum Internazzjonali dwar il-Materja Prima simili għall-Forum Internazzjonali dwar l-Enerġija;

8.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni fil-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija, l-enerġiji rinnovabbli u standards ta' sikurezza nukleari għoljin madwar id-dinja, u jilqa' il-koordinazzjoni kontinwa tal-programmi ta' tikkettar tal-effiċjenza enerġetika għat-tagħmir tal-uffiċċju, u l-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-enerġija;

9.  Jitob lill-Kummissjoni tkompli għaddejja bin-negozjati mal-USA fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti, u jilqa' l-introduzzjoni ta' bażi legali għall-Consumer Product Safety Committee tal-USA għan-negozjati mal-UE dwar il-ftehim, li għandu jtejjeb l-iskambju ta' tagħrif dwar il-prodotti perikolużi, id-danni u l-azzjonijiet korrettivi li jsiru sew fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fl-USA;

Il-governanza dinjija, il-politika tal-affarijiet barranin u l-iżvilupp

10.  Ifakkar li l-aqwa garanzija għas-sigurtà dinjija tinsab f'demokraziji ħielsa u miftuħa li jippromwovu l-paċi u l-istabbiltà, u jappella biex l-UE u l-USA jkomplu jsaħħu l-kooperazzjoni biex jippromwovu l-paċi, b'mod partikolari fil-Lvant Nofsani, u jagħtu s-sostenn tagħhom lid-demokraziji emerġenti fl-Afrika ta' Fuq;

11.  Iħeġġeġ lill-UE u l-USA jagħmlu ħilithom għall-bidu mill-ġdid ta' negozjati diretti bejn l-Iżrael u l-Palestinjani b'konformità sħiħa mal-liġi internazzjonali, li jwassal għal soluzzjoni ta' żewġ stati, abbażi tal-fruntieri tal-1967 u b'Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael sigur u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà; jappella lill-Istati Membri u lill-USA jindirizzaw it-talba leġittima tal-Palestinjani biex ikun rappreżentat bħala stat tan-Nazzjonijiet Uniti bħala riżultat tan-negozjati fi ħdan il-qafas tan-NU;

12.  Japella, b'mod partikolari, għal inizjattiva komuni bejn l-UE u l-USA sabiex tikkonvinċi lill-gvern tal-Iżrael ireġġa' lura d-deċiżjoni tiegħu li jħaffef il-bini ta' 2000 unità fix-Xatt tal-Punent u li jżomm id-dħul doganali li għandu jagħti lill-Awtorità Nazzjonali Palestinjana bħala tweġiba għall-ammissjoni tal-Palestina mal-UNESCO;

13.  Jikkundanna bil-qawwa l-eskalazzjoni tal-użu tal-forza fis-Sirja, u jappoġġja l-isforzi li l-USA u l-Istati Membri tal-UE għamlu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) biex tingħadda riżoluzzjoni li tikkundanna l-użu tal-forza letali min-naħa tar-reġim Sirjan u ssejjaħ għat-tmiem ta' dan l-użu tal-forza kif ukoll tipprovdi għal sanzjonijiet fin-nuqqas ta' dan; jilqa' s-suspensjoni min-naħa tal-Lega Għarbija tal-isħubija tas-Sirja, u jilqa' it-talbiet mir-Re Abdullah tal-Ġordan biex jirriżenja l-President Bashar al-Assad;

14.  Jistieden lill-UE u lill-USA jibqgħu jappoġġjaw lill-awtoritajiet tranżizzjonali Libjani f'kull ħidma biex jibnu soċjetà inklussiva u demokratika; jenfasizza fl-istess waqt li dan l-appoġġ għandu jkun kondizzjonali fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-parteċipazzjoni politika taċ-ċittadini kollha, b'mod partikolari tan-nisa;

15.  Huwa mħasseb bil-qawwa dwar l-allegazzjonijiet fl-aħħar rapport tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) rigward il-progress li għamel l-Iran fil-ksib tal-għarfien neċessarju biex jiddisinja u jibni arma nukleari; jiddeplora l-fatt li l-Iran, minkejja li ripetutement insista li l-programm nukleari tiegħu huwa maħsub għal finijiet paċifiċi u tal-ġenerazzjoni tal-enerġija ċivili biss, naqas milli jikkoopera bis-sħiħ mal-IAEA; jemmen li l-UE u l-USA għandhom ikompli jaħdmu b'kooperazzjoni mill-qrib u fi ħdan il-P5+1 biex tinżamm il-pressjoni qawwija fuq l-Iran, bil-mezzi politiċi, diplomatiċi u ekonomiċi kollha, inklużi sanzjonijiet, biex jiġi jkun persważ jissodisfa l-obbligi internazzjonali ta' non-proliferazzjoni tiegħu u biex jiġi evitat u kkontrollat it-theddid tiegħu fuq is-sigurtà internazzjonali;

16.  Jenfasizza li, bejniethom, l-UE u l-USA jimmaniġġjaw 90 % tal-għajnuna dinjija għall-iżvilupp fil-qasam tas-saħħa u 80 % tal-għajnuna kumplessiva; jilqa' l-varar mill-ġdid tad-Djalogu bejn l-UE u l-USA dwar l-Iżvilupp f'Settembru 2011, minħabba li għad fadal biss ħames snin biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millenju;

17.  Jistieden lill-UE u lill-USA jagħmlu pressjoni għal azzjoni fil-G20 għal aktar kooperazzjoni dinjija fl-indirizzaw tal-ispekulazzjoni abbużiva fuq il-prezzijiet tal-ikel u l-fluttwazzjonijiet eċċessivi tal-prezzijiet dinjija tal-ikel; jisħaq li jeħtieġ li l-G20 jinvolvi pajjiżi li mhumiex fil-G20, biex jiżgura konverġenza dinjija;

18.  Jenfasizza li s-Samit għandu jintuża wkoll għall-iskambju tal-opinjonijiet u għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni rigward il-pajjiżi terzi, partikolarment il-BRICs;

19.  Jenfasizza li t-tibdil fil-klima joħloq tħassib dinji, u jappella lill-Kummissjoni tfittex impenn ambizzjuż min-naħa tal-USA biex jinkiseb progress fil-Konferenza li jmiss ta' Durban, bil-ħsieb li jiġi żgurat li jitfassal mandat iddettaljat biex jiġu konklużi n-negozjati għal ftehim dinji komprensiv dwar it-tibdil fil-klima sal-2015; hu mħasseb, f'dan ir-rigward huwa mħasseb dwar l-Abbozz 2594, adottat dan l-aħħar mill-House of Representatives tal-USA, li jagħmel sejħa għal projbizzjoni ta' parteċipazzjoni tal-linji tal-ajru tal-USA fl-Iskema tal-Iskambju tal-Emissjonijiet tal-UE; jistieden lis-Senat tal-USA biex ma jadottax dan l-Abbozz, u jappella għal djalogu kostruttiv fuq dan is-suġġett;

20.  Jitlob li s-Samit tal-UE u l-USA jqis il-kwistjonijiet bħall-protezzjoni tal-klima, l-iskarzezza tar-u l-effiċjenza tar-riżorsi, is-sigurtà tal-enerġija, l-innovazzjoni u l-kompetittività fid-diskussjonijiet dwar l-ekonomija; itenni li l-azzjoni kkoordinata internazzjonalment tgħin biex tindirizza t-tħassib dwar ir-rilaxx tal-karbonju ta' setturi rilevanti, partikolarment fis-setturi intensivi fl-enerġija;

Il-libertà u s-sigurtà

21.  Jirrikonoxxi li l-flussi kolha ta' passiġġieri u merkanzija fiż-żona trans-Atlantika għandhom ikunu soġġetti għal miżuri xierqa u proporzjonali ta' sigurtà;

22.  Jistieden lill-USA, f'dak ir-rigward, titbiegħed minn restrizzjonijiet ġenerali wiesgħa bħal 100 % skennjar tal-kontejners jew il-projbizzjoni tal-likwidi abbord l-ajruplani u timxi favur approċċi aktar immirati u bbażati fuq ir-riskju, bħalma huma skemi ta' operaturi siguri u l-iskennjar tal-likwidi;

23.  Jilqa“, f'dan il-kuntest, il-ftuħ ta' negozjati f'Marzu 2011 rigward il-ftehim UE-USA dwar il-protezzjoni tad-data personali; jinnota t-tħabbir mill-Kummissjoni tan-negozjati dwar ftehim UE-Stati Uniti dwar il-PNR li jiġu eżaminat mill-Parlament Ewropew fid-dawl tar-rekwiżit tiegħu stipulat fir-riżoluzzjonijiet tal-5 ta' Mejju 2010(1) u l-11 ta' Novembru 2010(2);;

24.  Jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni soda tal-ftehimiet UE-USA dwar l-estradizzjoni u l-għajnuna legali reċiproka u l-istrumenti bilaterali relatati;

25.  Itenni l-opinjoni tiegħu li l-UE trid tkompli tqajjem mal-USA, kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak tekniku, il-kwistjoni tal-importanza mogħtija mill-UE għall-ammissjoni tal-erba' Stati Membri tal-UE li fadal għall-programm għall-eżenzjoni mill-viża kemm jista' jkun malajr;

26.  Jisħaq fuq il-ħtieġa nipproteġu l-integrità tal-internet globali u l-libertà tal-komunikazzjoni billi nevitaw miżuri unilaterali għal revoka ta' indirizzi tal-Internet Protocoll (IP) jew ta' domain names;

27.  Iqis il-proposti konkreti ta' kumitati differenti tal-Parlament u jitlob lid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għat-TLD biex jagħmlu użu mill-kontribuzzjonijiet tagħhom;

o
o   o

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kungress tal-Istati Uniti, lill-kopresidenti tad-Djalogu bejn il-Leġiżlaturi Transatlantiċi u lill-kopresidenti u s-segretarjat tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku.

(1) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 70.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0397.

Avviż legali - Politika tal-privatezza