Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2151(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0351/2011

Testi mressqa :

A7-0351/2011

Dibattiti :

PV 16/11/2011 - 20
CRE 16/11/2011 - 20

Votazzjonijiet :

PV 17/11/2011 - 6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0515

Testi adottati
PDF 239kWORD 69k
Il-Ħamis, 17 ta' Novembru 2011 - Strasburgu
Approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn is-sessi fil-qafas tal-ħidma tal-Parlament Ewropew
P7_TA(2011)0515A7-0351/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn is-sessi fil-qafas tal-ħidma tal-Parlament Ewropew (2011/2151(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-nisa li saret f'Pekin f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottati f'Pekin u d-dokumenti finali sussegwenti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jenfasizza valuri komuni għall-Istati Membri bħall-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 5, 21 u 23 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) adottat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2011(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra r-rapport komprensiv imħejji mill-Presidenza Svediża tal-Unjoni Ewropea għall-2009 bit-titolu “Pekin +15: Il-Pjattaforma ta' Azzjoni u l-Unjoni Ewropea”, li juri b'mod preċiż l-ostakoli li bħalissa qed jimpedixxu r-realizzazzjoni sħiħa tal-ugwaljanza bejn is-sessi,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 u t-3 ta' Ġunju 2005, li fihom l-Istati Membri u l-Kummissjoni ġew mistiedna jsaħħu l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u joħolqu qafas għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, sabiex jinħoloq monitoraġġ aktar konsistenti u sistematiku tal-progress,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Ġunju 1995 dwar ir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa f'Pekin: “Ugwaljanza, Żvilupp u Paċi”(2); tal-10 ta' Marzu 2005 dwar is-segwitu għar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa – Pjattaforma ta' Azzjoni, Pekin +10(3), u tal-25 ta' Frar 2010 dwar Pekin +15 – Pjattaforma ta' Azzjoni tan-NU għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2003 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament Ewropew(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2007 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xogħol tal-kumitati(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2009 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xogħol tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet tagħha(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet esterni tal-UE(8),

–  wara li kkunsidra x-xogħol innovattiv tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u speċifikament “id-Dikjarazzjoni dwar li l-Ugwaljanza bejn is-Sessi ssir Realtà” maħruġa wara l-119-il Sessjoni tal-Kumitat tal-Ministri(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0351/2011),

A.  billi l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi tfisser aktar milli sempliċiment tiġi promossa l-ugwaljanza bl-implimentazzjoni ta' miżuri speċifiċi li jgħinu lin-nisa, jew is-sess l-inqas irrappreżentat f'xi każi, iżda pjuttost tinvolvi l-mobilizzazzjoni tal-politiki u l-miżuri ġenerali kollha għall-fini speċifika li tintlaħaq ugwaljanza bejn is-sessi;

B.  billi n-Nazzjonijiet Uniti stabbiliet in-NU Nisa, li mill-1 ta' Jannar 2011 saħħet l-arranġamenti istituzzjonali tas-sistema tan-NU li tappoġġa l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, bid-Dikjarazzjoni ta' Pekin u l-Pjattaforma ta' Azzjoni bħala l-qafas tagħha(10);

C.  billi l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-prinċipju tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, li jiddikjara li l-Unjoni għandha fl-attivitajiet kollha tagħha tipprova telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

D.  billi l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi, li jiddikjara li l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi u li dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

E.  billi l-inklużjoni ta' perspettiva tas-sessi fil-ħidma leġiżlattiva u politika tal-Parlament, f'xi każi, tintlaħaq l-aħjar permezz ta' emendi ffukati fuq l-abbozz ta' rapporti, imressqa lill-kumitat responsabbli f'forma ta' emendi dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi – strateġija li kienet segwita b'mod attiv mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi sa mill-2009;

F.  billi din il-proċedura ntużat b'suċċess biex l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riżoluzzjonijiet tat-18 ta' Mejju 2010 reċenti dwar “kompetenzi ewlenin għal dinja li qed tinbidel: l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010”(11) u tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tas-Seba' Programm Qafas tal-Unjoni Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni(12);

G.  billi l-Istati Membri huma firmatarji tal-oqfsa internazzjonali ewlenin kollha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa, u għadd ta' dokumenti politiċi jeżistu fil-livell tal-UE, iżda madankollu l-impenn prattiku biex jitmexxew “il quddiem l-inklużjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għotja tas-setgħa lin-nisa jridu jissaħħu minħabba li progress bl-implimentazzjoni tad-dokumenti politiċi eżistenti huwa modest u r-riżorsi baġitarji għall-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi mhumiex biżżejjed;

H.  billi l-Kummissjoni, flimkien mal-istrateġija tagħha għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2010-2015), identifikat l-azzjonijiet ewlenin li jridu jittieħdu minn kull direttorat ġenerali individwali tagħha – indikazzjoni li l-UE miexja lejn approċċ iktar olistiku u koerenti lejn l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi(13);

I.  billi l-Kummissjoni impenjat ruħha, fil-qafas tal-Karta tagħha f'Isem il-Mara(14), biex issaħħaħ il-perspettiva tas-sessi fil-politiki kollha tagħha matul il-mandat tagħha;

J.  billi l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) ingħatalu l-kompitu li jiżviluppa, janalizza, jivvaluta u jxerred għodod ta' metodoloġija sabiex jappoġġa l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki Komunitarji kollha u fil-politika nazzjonali li tirriżulta u jappoġġa l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji kollha(15);

K.  billi hija meħtieġa kooperazzjoni mill-qrib mal-EIGE fir-rwol tiegħu tat-tixrid ta' għodod metodoloġiċi preċiżi u bil-għan li jkun hemm evalwazzjoni aktar effettiva tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ħidma tal-Parlament;

L.  billi l-għan tal-Kummissjoni hu li timplimenta l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħala parti integrali mit-tfassil tal-politiki tagħha, inkluż permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt fuq is-sessi u proċessi ta' valutazzjoni u żviluppat “Gwida għall-valutazzjoni tal-impatt fuq is-sessi” għal dan il-għan(16);

M.  billi l-politika dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi tikkumplimenta u ma tiħux post politiki dwar ugwaljanza speċifika u azzjonijiet pożittivi, bħala parti minn approċċ doppju biex jintlaħaq l-objettiv ta' ugwaljanza bejn is-sessi;

N.  billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess jew il-ġeneru taffettwa b'mod negattiv il-persuni transġeneri, u billi l-politiki u l-attivitajiet tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea u ta' diversi Stati Membri fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi kulma jmur aktar qed jinkludu l-identità tas-sessi,

O.  billi l-maġġoranza tal-kumitati parlamentari ġeneralment jagħtu importanza lill-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi (pereżempju fil-kuntest tal-ħidma leġiżlattiva tagħhom, ir-relazzjonijiet istituzzjonali tagħhom mal-kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, it-tfassil ta' programmi ta' azzjoni għall-ugwaljanza, eċċ.), għalkemm minoranza tal-kumitati rarament jew qatt ma tinteressa ruħha fil-kwistjoni;

1.  Jimpenja ruħu li regolarment jadotta u jimplimenta pjan ta' politika għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament bl-għan globali li jkun il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel permezz ta' inkorporazzjoni ġenwina u effikaċi tal-perspettiva dwar is-sessi fil-politiki u l-attivitajiet kollha, sabiex l-impatt differenti tal-miżuri fuq in-nisa u fuq l-irġiel jiġi vvalutat, l-inizjattivi eżistenti jiġu kkoordinati, u l-objettivi u l-prijoritajiet, kif ukoll il-mezzi biex dawn jintlaħqu, jiġu speċifikati;

2.  Jafferma li l-għan ewlieni tal-pjan tal-politika tiegħu għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għall-perjodu tat-tliet snin li ġejjin għandu jkun li tinkiseb implimentazzjoni aktar konsistenti u effikaċi tal-integrazzjoni bejn is-sessi fil-ħidma kollha tal-Parlament, abbażi tal-prijoritajiet li ġejjin:

   a) impenn kontinwu fil-livell tal-Bureau tal-Parlament, permezz tax-xogħol tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità;
   b) approċċ doppju – l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet tal-Parlament permezz ta', minn naħa waħda, ħidma effikaċi mill-kumitat responsabbli u, min-naħa l-oħra, l-integrazzjoni tal-perspettiva dwar is-sessi fil-ħidma tal-kumitati u d-delegazzjonijiet l-oħra;
   c) sensibilizzazzjoni rigward il-ħtieġa li jkun hemm bilanċ bejn is-sessi fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, li għandu jintlaħaq billi tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa fil-korpi governattivi tal-Parlament, fil-bureaux tal-gruppi politiċi, fil-bureaux tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet, fil-kompożizzjoni tad-delegazzjonijiet u f'missjonijiet oħra, bħall-osservazzjoni tal-elezzjonijiet, u billi tiżdied ir-rappreżentanza tal-irġiel f'oqsma fejn huma l-inqas rappreżentati;
   d) l-inkorporazzjoni tal-analiżi tas-sessi fl-istadji kollha tal-proċess baġitarju biex jiġi żgurat li l-bżonnijiet u l-prijoritajiet tan-nisa u l-irġiel jiġu kkunsidrati b'mod ugwali u li l-impatt tal-għoti tar-riżorsi tal-UE fuq in-nisa u l-irġiel jiġi vvalutat;
   e) politika effikaċi dwar l-istampa u l-informazzjoni li sistematikament tikkunsidra l-ugwaljanza bejn is-sessi u tevita l-isterjotipi tas-sessi;
   f) il-preżentazzjoni kostanti ta' rapporti regolari fil-plenarja dwar il-progress miksub fl-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xogħol tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet tal-Parlament;
   g) enfasi fuq il-bżonn ta' riżorsi finanzjarji u umani adegwati, sabiex il-korpi tal-Parlament jiġu provduti bl-għodod meħtieġa, li jinkludu għodod għall-analiżi u għall-valutazzjoni tas-sessi, b'kompetenza xierqa dwar is-sessi (riċerka u dokumentazzjoni, persunal imħarreġ, esperti) u b'data u statistika speċifika skont is-sessi; jistieden lis-Segretarjat biex jorganizza skambji regolari tal-aħjar prattika u netwerking kif ukoll l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-taħriġ fl-ibbaġitjar b'referenza għall-ugwaljanza bejn is-sessi għall-uffiċjali tal-Parlament;
   h) żvilupp kontinwu tan-Netwerk tal-Parlament għall-Integrazzjoni tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi, għal-liema kull kumitat ħatar membru responsabbli għall-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'xogħlu;
   i) tingħata attenzjoni lill-importanza li jintużaw terminoloġija u definizzjonijiet speċifiċi li huma konformi ma' standards internazzjonali meta t-termini jintużaw għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi;
   j) appoġġ metodoloġiku u analitiku mill-EIGE;

3.  Jistieden lill-kumitat responsabbli tiegħu jeżamina kif il-proċedura fejn il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jadotta emendi għal rapport speċifiku li jissottolinja l-implikazzjonijiet dwar is-sessi ta' qasam politiku, skont id-dati ta' skadenza u l-proċeduri stabbiliti mill-kumitat ikkonċernat tista' tiġi inkorporata l-aħjar fir-Regoli ta' Proċedura;

4.  Jistieden lill-kumitati tal-PE, responsabbli mill-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) u l-Fondi Strutturali jivvalutaw l-impatt li se jkollhom fuq is-sessi l-prijoritajiet ta' nfiq proposti, għejun tad-dħul u għodod ta' governanza qabel ma jiġi adottat l-MFF, ħalli jiġi żgurat li l-MFF ta' wara l-2013 ikun sensittiv għall-kwestjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u billi jiġi ggarantit li l-programmi kollha ta' finanzjament tal-UE jkollhom miri għall-ugwaljanza bejn is-sessi fir-regolamenti bażiċi tagħhom u li jallokaw finanzjament speċifiku għal miżuri ħalli dawn il-miri jintlaħqu;

5.  Jifraħ lin-Netwerk tal-Parlament għall-Integrazzjoni tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi u lill-kumitati parlamentari li implimentaw l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'xogħolhom, u jistieden lill-kumitati l-oħra biex jiżguraw li jkunu impenjati favur l-istrateġija tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u jqiegħduha fil-prattika fix-xogħol tagħhom;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-kumitati parlamentari jingħataw l-għodod xierqa li jippermetuhom jakkwistaw għarfien tajjeb tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, bħalma huma indikaturi, data u statistika mqassma fid-dettall skont is-sessi, kif ukoll li r-riżorsi baġitarji jiġu allokati mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi b'tali mod li jħeġġu lill-kumitati japprofittaw ruħhom mill-kompetenza esperta interna (segretarjat tal-kumitat relevanti, dipartiment ta' politika, librerija eċċ.) u mill-kompetenza esperta esterna fi ħdan istituzzjonijiet lokali, reġjonali, nazzjonali u sopranazzjonali oħra, kemm jekk huma pubbliċi jew privati, f'intrapriżi żgħar, medji u kbar u f'universitajiet li jaħdmu fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi speċifiċi f'dan il-qasam li ttieħdu minn għadd ta' kumitati parlamentari, inkluż ir-rapport fuq inizjattiva proprja dwar ir-rwol tan-nisa fl-agrikoltura u fiż-żoni rurali mfassla mill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, u s-seduta ta' smigħ pubbliku dwar ir-rwol tan-nisa fl-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tas-sajd organizzata mill-Kumitat għas-Sajd;

8.  Jivvaluta, abbażi tal-kwestjonarju mressaq lill-presidenti u lill-viċi presidenti responsabbli għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kumitati parlamentari, li x-xogħol tal-kumitati tal-Parlament dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi jvarja ħafna u hu volontarju, b'enfasi intensiva fuq is-sessi f'xi oqsma u l-ebda jew kważi l-ebda attività apparenti f'oħrajn;

9.  Jilqa' x-xogħol tad-delegazzjonijiet interparlamentari u tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali u l-isforzi tagħhom, fir-relazzjonijiet tagħhom mal-parlamenti tal-pajjiżi terzi, biex jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għotja tas-setgħa lin-nisa permezz ta' monitoraġġ aktar sistematiku u t-twettiq ta' kwistjonijiet bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili u l-mewt tal-ommijiet u billi jaħdmu iktar mill-qrib mal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex jiġu organizzati laqgħat konġunti u l-iskambju ta' informazzjoni f'dawn l-oqsma;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza u tagħti prijorità b'mod iktar konsistenti u sistematiku, l-inugwaljanzi bejn is-sessi fil-programmazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki kollha, u jinsisti li l-kwistjonijiet dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki kollha għandhom jittejbu sabiex jintlaħqu l-objettivi għall-ugwaljanza bejn is-sessi;

11.  Itenni l-bżonn li wieħed jikkonċentra fuq ir-relazzjonijiet tas-sessi bejn l-irġiel u n-nisa li joħolqu u jipperpetwaw inugwaljanzi bejn is-sessi;

12.  Hu tal-fehma li x-xogħol tal-Parlament fir-rigward tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandu jinkludi wkoll l-identità tas-sessi, u jivvaluta x'impatt għandhom il-politiki u l-attivitajiet fuq il-persuni transġeneri; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-identità tas-sessi fl-attivitajiet u fil-politiki kollha fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1) Anness tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2011.
(2) ĠU C 166, 3.7.1995, p. 92.
(3) ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 247.
(4) ĠU C 348 E, 21.12.2010, p. 11.
(5) ĠU C 61 E, 10.3.2004, p. 384.
(6) ĠU C 244 E, 18.10.2007, p. 225.
(7) ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 18.
(8) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 32.
(9) 119-il Sessjoni tal-Kumitat tal-Ministri, Madrid, 12 ta' Mejju 2009.
(10) Riżoluzzjoni 64/289 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-21 ta' Lulju 2010, dwar il-koerenza fis-sistema kollha.
(11) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 8.
(12) Testi adottati, P7_TA(2011)0256.
(13) Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar “l-Azzjonijiet biex tiġi implimentata l-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2010-2015” (SEC(2010)1079/2).
(14) Komunikazzjoni dwar “Impenn imsaħħaħ għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: Karta f'Isem il-Mara” (COM(2010)0078).
(15) Ir-Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 9).
(16) http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=4376&langId=en.

Avviż legali - Politika tal-privatezza