Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima III – Il-Kummissjoni (17631/2011 – C7-0440/2011 – 2011/2267(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 314 tiegħu, u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 37 u 38 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, kif adottat b'mod definittiv fil-15 ta' Diċembru 2010(2),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(3),
– wara li kkunsidra l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, ippreżentat mill-Kummissjoni fit-18 ta' Ottubru 2011 (COM(2011)0674),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011, stabbilit mill-Kunsill fit-30 ta' Novembru 2011 (17631/2011 – C7-0440/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 75b u 75e tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0407/2011),
A. billi l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011 għall-baġit ġenerali 2011 ikopri, fost affarijiet oħra, it-tisħiħ tal-approprjazzjonijiet għall-impenji fl-intestaturi 1 u 4 għal ammont rispettiv ta' EUR 3,25 miljun u EUR 113,4 miljun, żieda fl-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet biex tkopri l-bżonnijiet fl-intestatura 1 għal ammont ta' EUR 550,3 miljun, u aġġornament tal-previżjonijiet tad-dħul;
B. billi l-Kunsill immodifika l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011 billi naqqas għal EUR 200 miljun it-total tat-tisħiħ nett f'approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet;
C. billi l-Parlament saħaq b'persistenza, matul il-proċedura baġitarja tal-2011 kollha, li l-livell kumplessiv ta' ħlasijiet sostnut mill-Kunsill u adottat għas-sena finanzjarja 2011 ma kienx biżżejjed u ma jkunx jippermetti li l-bżonnijiet maqbula biċ-ċar kollha jiġu sodisfatti;
D. billi ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja qablu, matul il-konċiljazzjoni dwar il-baġit tas-sena finanzjarja 2011, fuq Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet li jimpenjaw lill-Parlament u lill-Kunsill li “jevitaw kwalunkwe diskrepanza fl-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet”;
E. billi wħud mill-bżonnijiet tal-ħlasijiet diġà ġew ittrattati parzjalment permezz tat-trasferiment globali fl-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet (DEC 34/2011) għal ammont totali ta' EUR 719,2 miljun, u billi l-Kummissjoni dalwaqt se jkollha tippreżenta trasferiment globali ġdid biex tittratta, kemm jista' jkun, il-bżonnijiet mhux koperti mill-ftehim dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011, jiġifieri EUR 1 047 miljun li jiddekorru mit-18 ta' Novembru 2011, bil-għan li tonora l-obbligi ġuridiċi tal-Unjoni fil-qasam tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet;
F. billi ż-żieda proposta fl-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet ta' EUR 200 miljun tirrappreżenta biss parti limitata tal-bżonnijiet supplementari identifikati sa tmiem l-2011, li jammontaw għal EUR 1 642 miljun fit-18 ta' Novembru 2011;
G. billi t-tisħiħ fl-ambitu tal-intestatura 4 għall-assistenza finanzjarja favur il-Palestina, il-proċess ta' paċi u l-UNRWA, u għall-Miżuri ta' Akkumpanjament fis-settur tal-banana huwa ridistribwit mill-approprjazzjonijiet li baqgħu ma ntużawx fl-ambitu tal-Assistenza Makrofinanzjarja, u jifforma parti mill-ftehim li laħaq il-kumitat ta' konċiljazzjoni dwar il-baġit għas-sena finanzjarja 2012;
H. billi parti miż-żieda fid-dħul tirriżulta minn multi u mgħax minn ħlasijiet tardivi li jammontaw għal EUR 435 miljun, jiġifieri mill-infurzar tal-politika ta' kompetizzjoni;
1. Jieħu nota tal-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011 u tar-rivalutazzjonijiet sussegwenti li wasslu għall-aġġornament tal-bżonnijiet f'approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet u riallokazzjonijiet possibbli f'approprjazzjonijiet għall-impenji;
2. Josserva li l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011, kif emendat mill-Kunsill, jirrifletti l-ftehim li laħaq il-kumitat ta' konċiljazzjoni, li jkopri kemm il-baġit għas-sena finanzjarja 2012 kif ukoll l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011;
3. Jisgħobbih ferm għall-klima ta' sfiduċja prevalenti waqt in-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fir-rigward tal-livell tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet addizzjonali meħtieġa għall-2011 biex il-Kummissjoni tkun tista' tonora l-obbligi ġuridiċi tal-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni tikkomunika liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja u lill-pubbliku ġenerali, liema huma l-konsegwenzi ta' tali ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-programmi kurrenti; jinsab partikolarment imħasseb bl-effetti ta' din id-deċiżjoni fuq it-tmexxija tal-Fondi strutturali u ta' koeżjoni fl-Istati Membri, flimkien ma' programmi ewlenin fl-ambitu tal-intestatura “Tkabbir sostenibbli”;
4. Jenfasizza li l-approċċ segwit mill-Kunsill huwa f'kuntrast mal-proċessi tas-Semestru Ewropew u għandu jkun hemm sforz għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea li tkun kapaċi tiġġenera sinerġiji u l-kumplementarjetajiet bejn il-baġit tal-Unjoni u l-baġits nazzjonali; jinsab saħansitra iktar imħasseb bil-pożizzjoni tal-Kunsill billi, biex l-Unjoni tirkupra mill-kriżi ekonomika u soċjali attwali, ikun jeħtieġ li jiġu mħeġġa investimenti li jħarsu “l quddiem;
5. Jesprimi d-disponibilità tiegħu li jipparteċipa, flimkien mal-Kunsill u mal-Kummissjoni, f'eżerċizzju ta' valutazzjoni maħsub biex jittrattata nuqqasijiet u lakuni potenzjali fl-implimentazzjoni tal-programmi multiannwali li għaddejjin bħalissa, partikolarment fl-ambitu tas-subintestaturi 1a u 1b.
6. Itenni l-konvinzjoni soda tiegħu li parti mid-dħul li jirriżulta minn multi u mgħax minn ħlasijiet tardivi, jiġifieri mill-infurzar tal-politika ta' kompetizzjoni, li hija kompetenza esklużiva tal-Unjoni, għandhom jerġgħu jitqiegħdu direttament u jiġu reinvestiti fil-baġit tal-Unjoni u mhux imrodda lura lill-Istati Membri fil-kuntest tal-bilanċ;
7. Japprova, mingħajr emenda, il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 6/2011 u jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-Baġit emendatorju Nru 6/2011 ġie adottat b'mod definittiv u biex jagħmel l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni tiegħu f“Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.