Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2076(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0412/2011

Testi mressqa :

A7-0412/2011

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2011 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0525

Testi adottati
PDF 205kWORD 37k
Il-Ħamis, 1 ta' Diċembru 2011 - Brussell
Talba għall-ħarsien tal-immunità parlamentari ta' Luigi de Magistris
P7_TA(2011)0525A7-0412/2011

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Luigi de Magistris (2011/2076(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba ta' Luigi de Magistris tal-31 ta' Marzu 2011, imressqa fil-plenarja tas-6 ta' April 2011, għall-ħarsien tal-immunità tiegħu bi rbit ma' proċedimenti legali pendenti quddiem il-Qorti ta' Napli, fl-Italja,

–  wara li kkunsidra s-sottomissjonijiet bil-miktub ta' Luigi de Magistris bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010 u tas-6 ta' Settembru 2011(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6(3) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0412/2011),

A.  billi Membru tal-Parlament Ewropew, Luigi de Magistris, kien talab għall-ħarsien tal-immunità parlamentari tiegħu fir-rigward tal-proċedimenti quddiem qorti Taljana,

B.  billi t-talba ta' Luigi De Magistris tittratta taħrika li saret kontrih quddiem il-Qorti ta' Napli f'isem Bagnolifutura SpA, kumpanija bid-domiċilju tagħha f'Napli li taħdem fil-qasam tad-disinn u t-taqlib tal-ħamrija, f'konnessjoni mal-istqarrijiet għall-stampa maħruġa minnu u ppubblikati fil-websajt tiegħu,

C.  billi skont it-taħrika, id-dikjarazzjonijiet li saru f'dawk l-istqarrijiet għall-istampa jikkostitwixxu libell, li jirriżulta f'rikors għal danni,

D.  billi l-istqarrijiet għall-istampa ġew ippubblikati fuq il-websajt fi żmien meta Luigi de Magistris kien Membru tal-Parlament Ewropew, wara t-tlugħ tiegħu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2009,

E.  billi f'dawk l-istqarrijiet għall-istampa Luigi de Magistris ippubblika informazzjoni relatata ma' mistoqsija ta' segwitu miktuba lill-Kummissjoni Ewropea, li fiha talab għal dettalji addizzjonali rigward l-irregolaritajiet tal-akkwist pubbliku nnutati f'Mejju 2009 mill-Kummissjoni, u billi huwa talab ukoll għal aktar dettalji dwar il-ħela allegata ta' fondi pubbliċi fiż-żona ta' Napli fejn Bagnolifutura għandha n-negozju tagħha,

F.  billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom,

G.  billi, skont il-prattika stabbilita tal-Parlament, il-fatt li l-proċeduri legali jaqgħu taħt id-dritt ċivili jew amministrattiv, jew fihom ċerti aspetti li huma koperti mid-dritt ċivili jew amministrattiv, ma jeskludix per se li tapplika l-immunità mogħtija minn dak l-artikolu,

H.  billi l-fatti tal-każ, kif ippreżentati fit-taħrika u fis-sottomissjonijiet bil-miktub ta' Luigi de Magistris lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, jindikaw li d-dikjarazzjonijiet li saru għandhom konnessjoni diretta u ovvja mat-twettiq tad-dmirijiet ta' Luigi de Magistris bħala Membru tal-Parlament Ewropew,

I.  billi Luigi de Magistris, meta ppubblika l-istqarrijiet għall-istampa kkonċernati, kien għalhek qiegħed jaġixxi fit-twettiq ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew,

1.  Jiddeċiedi li jiddefendi l-immunità u l-privileġġi ta' Luigi de Magistris;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Taljana u lil Luigi de Magistris.

(1) Il-Każ 101/63 Wagner v Fohrmann u Krier [1964] Ġabra 195; Il-Każ 149/85 Wybot v Faure et [1986] Ġabra 2391; Il-Każ T-345/05 Mote v Il-Parlament [2008] Ġabra II-2849; Il-Każ Magħqud C-200/07 u C-201/07 Marra v De Gregorio u Clemente [2008] Ġabra I-7929, u il-Każ T-42/06 Gollnisch v Il-Parlament (għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra) u il-Każ C-163/10 Patriciello (għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra).

Avviż legali - Politika tal-privatezza