Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar l-indirizzar tat-tluq bikri mill-iskola (2011/2088(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, b'mod partikolari l-Artikoli 23, 28 u 29 tagħha,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja(1),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-effiċjenza u l-ekwità fis-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ Ewropej (COM(2006)0481),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Żgħażagħ mobbli: Inizjattiva biex jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ biex jinkiseb it-tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea” (COM(2010)0477),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Nindirizzaw il-problema tal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien: Kontribut ewlieni għall-Aġenda tal-Ewropa 2020” (COM(2011)0018),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politiki biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel (COM(2011)0019),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-Kura u l-Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal: Nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada” (COM(2011)0066),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020” (COM(2011)0173),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2008 dwar it-tħejjija taż-żgħażagħ għas-seklu 21: aġenda għall-koperazzjoni Ewropea dwar l-iskejjel(2),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”)(3),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-edukazzjoni ta' tfal bi sfond ta' migrazzjoni(4),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Frar 2007 dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa fir-riklamar(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2008 dwar “Lejn strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal”(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 dwar it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema(8),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 dwar kompetenzi ewlenin għal dinja li qed tinbidel: l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010“(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 bit-titolu “Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabbilizzazzjoni”(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-9 ta' Marzu 2011 dwar strateġija Ewropea dwar ir-Roma(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar it-tagħlim fl-ewwel snin tat-tfulija fl-Unjoni Ewropea(12),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7–0363/2011),
A. billi ż-żgħażagħ, sabiex jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u biex jiżviluppaw b'mod sodisfaċenti kemm bħala persuna kif ukoll bħala ċittadin, għandu jkollhom firxa wiesgħa ta' għarfien u ħiliet essenzjali, b'mod speċjali l-ħiliet li jikkomunikaw b'mod effettiv, li jsolvu l-problemi u li jevalwaw b'mod kritiku l-informazzjoni;
B. billi l-edukazzjoni taż-żgħażagħ tikkontribwixxi fost oħrajn għall-iżvilupp personali, l-aħjar integrazzjoni soċjali u l-iżvilupp tas-sens ta' responsabbiltà u inizjattiva tagħhom,
C. billi r-rati ta' tluq bikri mill-iskola (TBS) jvarjaw minn Stat Membru tal-UE għal ieħor, kif ukoll bejn bliet u reġjuni u l-kategoriji soċjoekonomiċi tal-popolazzjonijiet, u huma influwenzati minn medda ta' fatturi kumplessi,
D. billi waħda mill-ħames miri l-aktar importanti ta' Ewropa 2020 hi li l-proporzjon ta' studenti li jħallu l-iskola kmieni jitnaqqas għal inqas minn 10% u li l-parti tal-ġenerazzjoni żagħżugħa bi grad universitarju jew b'diploma jew b'edukazzjoni ekwivalenti tiżdied għal tal-inqas 40%;
E. billi l-mira ta' 10% kienet ġiet miftiehma qabel minn Stati Membri fl-2003 imma sebgħa minnhom biss irnexxielhom jilħqu dan il-punt ta' riferiment, u billi fl-2009, ir-rata medja ta' studenti li jħallu l-iskola kmieni kienet ta' 14,4%,
F. billi, minkejja t-tnaqqis regolari tar-rata tat-tluq bikri mill-iskola f'dawn l-aħħar għaxar snin, il-maġġoranza tal-Istati Membri għad għandhom approċċ frammentat u kkoordinat ħażin meta jindirizzaw din il-problema,
G. billi 24,1% taż-żgħażagħ kollha ta' 15-il sena fl-Unjoni Ewropea għandhom livell batut fil-kapaċità tal-qari,
H. billi l-qari huwa għodda ta' bażi indispensabbli għal kull żagħżugħ biex jiżviluppa f'kull suġġett tal-iskola iżda wkoll biex jintegra ruħu fid-dinja tax-xogħol, jifhem u janalizza l-informazzjoni, jikkomunika sew u jipparteċipa f'attivitajiet kulturali u billi għal din ir-raġuni għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi biex jissolvew dawn in-nuqqasijiet fil-qari,
I. billi t-TBS għandu konsegwenzi severi għall-koeżjoni soċjali tal-UE u mhux biss għat-tkabbir ekonomiku, il-bażi tal-ħiliet Ewropea u l-istabilità soċjali peress li huwa ta' ħsara għat-toroq tal-karrieri, għas-saħħa u għall-benessri taż-żgħażagħ, minħabba li l-livell dgħajjef ta' edukazzjoni huwa wkoll kawża ewlenija tal-faqar u riżultati negattivi rigward saħħa,
J. billi t-TBS huwa fattur fundamentali li jikkontribwixxi għall-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali,
Karatteristiċi tat-TBS
1. Jenfasizza li l-pedamenti għal karriera edukattiva tal-futur tat-tfal u l-benessri tagħhom jitqiegħdu fl-ewwel snin tat-tfulija u jistgħu jgħinu jsedqu l-idea ta' tagħlim tul il-ħajja, u li t-tfulija bikrija huwa perjodu li matulu s-sensittività, it-tagħlim tal-lingwi, u l-kapaċità li wieħed jifforma kuntatti soċjali - attributi essenzjali fis-soċjetà tal-futur - għandhom jiġu mħeġġa sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tat-tfal kemm fl-iskola kif ukoll fis-soċjetà minn età żgħira u b'hekk jiġi miġġieled it-tluq bikri mill-iskola, Jenfasizza li l-pedamenti għal karriera edukattiva tal-futur tat-tfal jitqiegħdu fl-ewwel snin tat-tfulija, u jtenni l-istedina li tinsab fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar it-Tagħlim fl-Ewwel Snin tat-Tfulija fl-UE għall-iżvilupp ta' qafas Ewropew għas-servizzi tal-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal minn età kemm jista' jkun żgħira, b'mod speċjali billi jiġu żviluppati nurseries u faċilitajiet għat-tfal pubbliċi u mingħajr ħlas;
2. Jinnota li t-TBS hu partikolarment ikbar fost it-tfal bi sfond fqir u żvantaġġjat u t-tfal minn familji migranti u li ħafna drabi huwa marbut mal-faqar u l-esklużjoni soċjali,
3. Jissuġġerixxi li għandu jkun ipprovdut appoġġ lingwistiku għall-istudenti immigranti;
4. Jenfasizza li f'dan il-kuntest, għandhom jittieħdu passi biex it-tfal Roma u dawk mingħajr dokumenti ta' identità għandhom ikunu jistgħu jattendu l-iskola;
5. Jinnota li fost it-tfal Roma, 20% mhumiex miktubin fi skola u 30% minnhom jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien; jenfsizza li għalkemm it-tluq bikri mill-iskola huwa aktar komuni fost is-subien milli l-bniet, hemm sitwazzjoni speċjali fil-każ tal-komunitajiet tradizzjonali tar-Roma, fejn minħabba t-tradizzjoni ta' żwiġijiet f'età żgħira, il-waqfien mill-iskola ta' tfajliet żgħar huwa aktar frekwenti u jseħħ meta jkunu iżgħar (madwar 12 sa 13-il sena) meta mqabbla mas-subien (madwar 14 sa 15-il sena); Jindik l-fatt li fil-każ tal-komunitajiet tradizzjonali tar-Roma hemm bżonn ta' miżuri pożittivi supplimentari sabiex jingħeleb it-tluq bikri mill-iskola li jirriżulta minn dawn il-prattiki tradizzjonali li jagħmlu l-ħsara;
6. Jinnota li politiki ineffikaċi dwar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol iżidu l-każijiet ta' tluq bikri mill-iskola u l-falliment akkademiku b'mod ġenerali u li huwa neċessarju li jiġu intensifikati l-isforzi sabiex jittejbu politiki bħal dawn;
7. Jinnota l-eżistenza ta' ċiklu interġenerazzjonali, jiġifieri t-tendenza qawwija li wlied persuni li ħallew l-iskola qabel iż-żmien jsiru huma wkoll persuni li jħallu l-iskola qabel iż-żmien; jenfasizza li l-istruttura tal-familja għandha influwenza sinifikanti fuq kemm it-tfal għandhom il-ħila u l-motivazzjoni biex jagħmlu suċċess fl-iskola;
8. Jinnota, fir-rigward tal-kura tat-tfulija bikrija, li r-rwol tal-familja, ir-relazzjonijiet u l-koeżjoni bejn it-tfal, u l-ġenituri tagħhom matul l-ewwel snin ta' ħajjithom, huma ta' importanza fundamentali għall-integrazzjoni tajba fl-iskola;
9. Iwissi kontra l-effetti tad-diffikultajiet u l-problemi speċifiċi tat-tagħlim, fatturi li jżidu r-riskju tat-tfal affettwati mit-tluq bikri mill-iskola;
10. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipprovdu attivitajiet li jmorru lil hinn mill-kurrikulu u attivitajiet li jsiru barra mill-iskola għal studenti li għandhom diffikultajiet fit-tagħlim biex jgħinuhom jiżviluppaw il-ħiliet ewlenin li huma meħtieġa biċ-ċar fis-suq tax-xogħol;
11. Ifakkar li t-TBS jista' jkollu effett ħażin fuq l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja li jkun ta' kwalità għolja;
12. Jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-istudji tal-OECD ta' PISA li juru li l-istudenti fis-sistemi edukattivi li għandhom grad inqas tad-differenzazzjoni vertikali u orizzontali għandhom inqas possibbiltá li jirrepetu sena jew li jitkeċċew; jenfasizza s-sejba tal-OECD li huma l-istudenti li ġejjin minn kuntesti soċjalment żvantaġġati li jbatu l-aktar meta jkollhom jirrepetu sena skolastika jew meta jitkeċċew;
13. Jenfasizza s-sejba tal-OECD li l-għażla bikrija ta' studenti għal toroq edukattivi differenti żżid l-inugwaljanza soċjoekonomika f'termini ta' opportunitajiet edukattivi, mingħajr ma ttejjeb il-prestazzjoni medja fis-sistemi edukattivi kkonċernati;
14. Jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għas-sejba tal-OECD li l-prestazzjoni komparattiva tas-sistemi skolastiċi fl-istudji ta' PISA hija milquta ħażin mill-prattiki ta' studenti li jiċċaqalqu minn skola għal oħra minħabba riżultati ħżiena, problemi ta' mġiba jew diffikultajiet speċifiċi fit-tagħlim u ta' studenti mqassma fuq il-bażi tal-abbiltà fis-suġġetti kollha;
15. Jindika f'dan ir-rigward li, skont l-OECD, studenti li huma żvantaġġati soċjoekonomikament għandhom sikwit żvantaġġ doppju minħabba li huma jattendu skejjel milquta minn tipi varji ta' żvantaġġi soċjoekonomiċi, fejn hemm inqas għalliema u li huma wkoll inqas ikkwalifikati;
Il-ħtieġa għal approċċ personalizzat
16. Jiddikjara li l-opportunitajiet indaqs u l-għażla fl-edukazzjoni għall-individwi ta' kull oriġini soċjali, etnika jew reliġjuża - ikun liema jkun is-sess tagħhom u minkejja d-diffikultajiet u d-diżabilitajiet personali speċifiċi - huma vitali għall-ħolqien ta' soċjetà aktar ugwali u inklusiva li tkun vibranti, innovattiva u koeżiva; jenfasizza r-rwol li għandhom is-servizzi pubbliċi f'dan ir-rigward;
17. Jistqarr li l-edukazzjoni skolastika hija wieħed mill-aħjar modi biex tingħata opportunità ugwali lil kulħadd biex jirnexxi u opportunità biex jinkisbu għarfien u kompetenzi li jgħinuhom jintegraw fid-dinja tax-xogħol u b'hekk jinkiser iċ-ċiklu interġenerazzjonali; jitlob għall-koordinazzjoni aħjar tal-offerta tal-appoġġ edukattiv, li tiżdied l-aċċessibilità tiegħu u li jiġi estiż il-provvediment tas-servizzi soċjali u l-għajnuniet għall-familja;
18. Jitlob għal approċċ personalizzat u inklussiv għall-edukazzjoni li jibda mill-edukazzjoni u l-kura tat-tfal żgħar u jinkludi għajnuna b'miri speċifiċi għall-persuni affettwati mit-tluq bikri mill-iskola fejn hemm bżonn, partikolarment għal tfal u żgħażagħ li jsofru minn diżbilità;
19. Jitlob li jitwettqu aktar sforzi sabiex dan l-approċċ personalizzat jibbenefika lill-istudenti li jsofru minn diffikultajiet ta' tagħlim bħal pereżempju d-dislexia, dyspraxia, dyscalculia jew problemi ta' nuqqas ta' attenzjoni u iperattività;
20. Jinnota li l-problemi li jwasslu għat-tluq bikri mill-iskola ħafna drabi joriġinaw barra mill-iskola u li dawn għandhom jiġu identifikati u indirizzati;
21. Jissuġġerixxi li l-iskejjel sekondarji u vokazzjonali jipprovdu servizzi ta' akkumpanjament psikoloġiku, distinti mill-għalliema, sabiex studenti bi problemi personali jitkellmuhom b'mod kunfidenzjali; jenfasizza li l-persunal li jipprovdi l-akkumpanjament psikoloġiku għandu jkollu taħriġ adegwat u li għal dan l-iskop jkollhu l-faċilitajiet għal taħriġ kontinwu f'kompetenzi speċifiċi;
22. Jinkuraġixxi li d-diffikultajiet ta' tagħlim jiġu indirizzati minn kmieni, u jissuġġerixxi li jkunu stabbiliti mekkaniżmi li jwissu minn qabel u proċeduri ta' segwitu ħalli jipprevjenu l-problemi milli jeskalaw; jinnota li, sabiex jinkiseb dan, il-komunikazzjoni multilaterali u l-kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn l-iskejjel u l-ġenituri u mexxejja tal-komunità huma kruċjali, bħalma huma netwerks ta' appoġġ lokali bl-involvimnent tal-medjaturi tal-iskola jekk ikun hemm bżonn;
23. Iqis li jkun xieraq li jiġu stabbiliti servizzi ta' akkumpanjament psikoloġiku għall-ġenituri, b'kunsiderazzjoni tal-influwenza li għandu l-ambjent tal-familja fuq l-iżvilupp edukattiv u soċjali tal-istudenti;
24. Jissottolinja li ħafna drabi r-raġuni għall-falliment tat-tfal u ż-żgħażagħ hija li l-kurrikulu mhuwiex adegwat għall-ħtiġijiet tal-ħajja u tal-interessi soċjalment ikkundizzjonati tagħhom; jindika l-fatt li l-karattru riġidu u uniformi żżejjed tas-sistema edukattiva tagħmel l-individwaliżmu tax-xogħol aktar diffiċli għall-istudent, u tfixklu milli jassoċja t-tagħlim tal-iskola mal-bżonnijiet attwali tiegħu
25. Jinkoraġġixxi li fl-iskola jkun hemm gwida aħjar dwar il-karrieri u skemi ta' xogħol ta' kwalità għolja, u jkun hemm programmi ta' żjarat u skambji kulturali u edukattivi organizzati mill-iskola, inkluż esponiment għall-intraprenditorjat, sabiex tkun iċċarata d-dinja tax-xogħol għall-istudenti u jingħataw l-opportunità li jagħmlu l-għażla informata tagħhom tal-karriera; jissottolinja li l-konsulenti tal-karrieri għandhom jirċievi taħriġ xieraq u kontinwu li jippermettilhom li jitkellmu b'mod attiv maż-żgħażagħ li huma suxxettibbli li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien;
26. Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu implimentati politiki maħsuba għall-integrazzjoni tal-istudenti li għandhom diżabilitajiet sensorji fl-iskejjel ordinarji u jistieden lill-Istati Membri jtemmu l-politiki għall-edukazzjoni speċjalizzata u separata;
27. Itenni r-rwol kruċjali tal-volontarjat bħala fattur ta' integrazzjoni soċjali u jitlob lill-Istati Membri jużaw b'mod ġenerali s-Servizz tal-Volontarjat Ewropew bħala fattur ta' żvilupp personali, edukattiv u professjonali;
28. Jirrakkomanda li fl-iskejjel jitwaqqfu skemi ta' gwida esperta li jipprovdu lill-istudenti esponiment għal ex studenti, b'mod speċjali sabiex jippermettu skambji dwar għażliet differenti ta' studju u karriera;
29. Jirrikonoxxi li r-repetizzjoni ta' sena tista' tistigmatizza l-istudenti batuti u mhux bilfors twassal għal riżultati aħjar; jissottolinja li l-fatt li titnaqqas ir-repetizzjoni ta' sena fl-Istati Membri fejn din tiġi prattikata ħafna, u li titbiddel b'appoġġ individwali flessibbli, jikkostitwixxi mezz aktar effikaċi kontra t-tluq bikri mill-iskola;
30. Ifakkar li t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) jista' jkollhom effetti pożittivi f'kuntesti ta' tagħlim strutturat u jiffavorixxu l-motivazzjoni, it-tagħlim u s-suċċess; jissuġġerixxi li l-Istati Membri jippromwovu u jseddqu l-aċċess tal-istudenti għall-ITC sa mill-ewwel snin tal-iskola u jitwaqqfu programmi għall-għalliema;
31. Jinnota li l-pressjonijiet soċjali u finanzjarji fuq familji żvantaġġati jistgħu jġiegħlu lill-studenti jħallu l-iskola kmieni sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol u jipprovdu aktar riżorsi lill-familja; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' sistema ta' eżami tal-mezzi biex jiġu megħjuna finanzjarjament dawk li għandhom bżonn sabiex jiġġieldu kontra din il-problema; jitlob lill-Istati Membri jgħinu finanzjarjament lill-ġenituri li jiddedikaw imħabbithom u ħinhom għal uliedhom u jipprovdu benefiċċji futuri għas-soċjetà, billi jinvestu fil-kapital uman li ħafna drabi mhuwiex stmat biżżejjed;
32. Jissuġġerixxi li jkunu introdotti miżuri ridistributtivi oħra, bħal, pereżempju, il-forniment ta' ikliet b'xejn fl-iskejjel u kotba tal-iskola b'xejn, biex jitnaqqas l-impatt tal-inugwaljanza soċjali filwaqt li jiġi miġġieled il-periklu ta' stigmatizzazzjoni ta' dawn l-istudenti;
33. Jindika l-punt li appoġġ addizzjonali għandu jiġi offrut lill-persuni b'diżabilità sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' tluq bikri mill-iskola u jiġi offrut taħriġ adegwat u jkun żgurat li jiksbu kwalifiki xierqa;
34. Jenfasizza l-importanza kruċjali tas-sistemi edukattivi statali tal-ogħla kwalità, fejn it-tagħlim huwa b'xejn u miftuħ għal kulħadd u jsir f'ambjent sigur u favorevoli;
35. Jitlob li jsiru sforzi partikolari biex jipprevjenu l-bullying u l-vjolenza fl-iskola u biex jiġġieldu kontra dan il-fenomenu;
36. Ifakkar li huwa importanti li jiżdied in-numru ta' studenti li jlestu l-ewwel parti tat-tagħlim sekondarju, għaliex dan jiffavorixxi l-kisba tal-kompetenzi bażiċi;
Il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà
37. Jenfasizza li l-atturi li jistgħu jiġġieldu kontra t-tluq mill-iskola qabel iż-żmien huma diversi; Jindik l-fatt li dawn jinkludu mhux biss il-ġenituri u l-atturi edukattivi kollha imma wkoll l-awtoritajiet pubbliċi, kemm nazzjonali kif ukoll lokali, u jitlob għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn dawn l-atturi kollha, flimkien mas-servizzi tas-saħħa u s-servizzi soċjali lokali; jinnota li approċċ “integrat” jista' jkun effikaċi fl-għoti ta' għajnuna lill-individwi kkonċernati biex jegħlbu bosta ostakli li jkollhom fil-kisba edukattiva u l-impjegar; f'dan il-kuntest, jissottolinja l-importanza ta' allowances ta' studju li jippermettu lit-tfal żvantaġġati li jkollhom l-istess opportunitajiet bħall-oħrajn;
38. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw azzjonijiet maħsuba biex jiġġieldu kontra l-isterjotipi eżistenti fl-isfondi soċjokulturali l-aktar żvantaġġati li jorjentawhom mill-bidu lejn taħriġ vokazzjonali ta' żmien qasir minkejja r-riżultati skolastiċi tat-tfal tagħhom;
39. Jissuġġerixxi li l-istrateġiji relatati mat-tluq bikri mill-iskola għandhom jieħdu bħala l-punt ta' bidu tagħhom analiżi, li għandha ssir mill-awtoritajiet kompetenti f'livell lokali u reġjonali, tar-raġunijiet essenzjali tat-tluq bikri mill-iskola, li tkopri gruppi differenti ta' studenti, skejjel, reġjuni u muniċipalitajiet;
40. Jinsisti fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-rabta partikolari li tgħaqqad l-ġenituri u t-tfal, peress li huwa essenzjali għall-iżvilupp u l-bilanċ futur tat-tfal u għall-progress tajjeb tal-edukazzjoni tagħhom; jissottolinja kif l-akkumpanjament tat-tfal fl-ewwel snin ta' ħajjithom jagħti valur miżjud lis-soċjetà u jippermetti t-tnaqqis tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-kriminalità tal-minuri, kriminalità, id-depressjoni jew problemi oħra ta' nuqqas ta' stabbiltà li li jwasslu biex it-tfal jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien;
41. Jissottolinja li ż-żgħażagħ, b'mod speċjali dawk li jkunu telqu mill-iskola qabel iż-żmien, għandhom ikunu involuti f'dibattiti dwar il-ħolqien u l-implimentazzjoni ta' politiki u programmi dwar it-tluq bikri mill-iskola; jirrimarka li l-parteċipazzjoni attiva tal-istudenti, permezz ta' pereżempju kunsilli tal-istudenti, tista' tifavorixxi l-motivazzjoni tagħhom billi ttejjeb is-sentiment tagħhom “li huma inklużi” fid-dibattiti dwar is-suċċess skolastiku tagħhom;
42. Jenfasizza l-importanza li ssir analiżi dettaljata tal-effikaċità tal-istrateġiji nazzjonali sabiex tkun disponibbli informazzjoni li tista' tintuża għall-iskambju ta' esperjenzi u ta' prattiki tajba bejn l-Istati Membri;
43. Jissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-ġenituri responsabbli għall-edukazzjoni ta' uliedhom sakemm jagħlqu t-tmintax-il sena, b'tali mod li l-attendenza skolastika obbligatorja tiġi estiża b'sentejn, sa tmintax-il sena minflok sa sittax, jew sat-tmiem l-edukazzjoni sekondarja;
44. Jirrikonoxxi li deskrizzjoni tas-sitwazzjoni tal-interventi pprovduti fl-Istati Membri minn atturi differenti tal-komunità tista' tkun diffiċli biex issir, iżda jaqbel illi t-tfassil tagħha jiġi mħeġġeġ għall-iskambju ta' prattiki tajba; jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni aħjar fl-UE kollha bejn dawn is-servizzi varji, kif ukoll koordinazzjoni aħjar fi ħdan l-Istati Membri bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;
45. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri joħolqu u jfasslu politiki li jippermettu l-identifikazzjoni bikrija tal-persuni l-aktar li huma suxxettibbli li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien;
46. Jinnota li l-provvediment immirat ta' edukazzjoni u kura tat-tfal żgħar minn professjonisti kkwalifikati ħafna jwassal għal tnaqqis sussegwenti tat-tluq bikri mill-iskola;
47. Jinkoraġġixxi l-Istati Membri jinvestu f'taħriġ tal-għalliema u f'persunal ikkwalifikat sew kemm għall-edukazzjoni preskolastika kif ukoll għal dik obbligatorja, u jeżaminaw mill-ġdid u jaġġornaw b'mod regolari s-sistemi edukattivi u l-programmi għall-iżvilupp kontinwu tal-kompetenzi tal-għalliema; jenfasizza l-importanza li tfal jidħlu fl-amjent tal-iskola f'“età bikrija u jissuġġerixxi li fl-iskejjel jiġu impjegati assistenti tal-għalliema biex jaħdmu mal-istudenti li jsibu t-tagħlim diffiċli u biex jassistu lill-għalliema tal-klassijiet fix-xogħol tagħhom kif ukoll persunal awżiljarju biex jakkumpanja l-edukazzjoni tat-tfal b'diżabilità fl-iskola ordinarja jew fi strutturi edukattivi adattati għad-diżabilità tagħhom;
48. Jenfasizza li l-għajnuna pedagoġika fl-iskejjel hija kundizzjoni essenzjali għall-appoġġ tal-istudenti li għandhom diffikultajiet fit-tagħlim u jissottolinja l-importanza li l-istudenti li jħossuhom diżappuntanti u abbandunati mill-iskejjel u l-familja tagħhom jiġu mħeġġa u appoġġjati; iħeġġeġ l-Istati Membri jinvestu fit-taħriġ u l-assistenza soċjali tal-ġenituri li jiddeċiedu li jibqgħu d-dar sabiex jieħdu ħsieb uliedhom matul l-ewwel snin ta' ħajjithom;
49. Ifakkar lill-Istati Membri li għandhom l-obbligu jippreżentaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżental lill-Parlament fi żmien sena, stħarriġ, analiżi u evalwazzjoni ta' dawn il-pjanijiet ta' azzjoni;
50. Jissottolinja li r-relazzjonijiet pożittivi bejn l-għalliema u l-istudenti huma essenzjali sabiex iż-żgħażagħ jiġu mobilizzati fil-proċess tat-tagħlim; għalhekk iħeġġeġ l-Istati Membri jinvestu f'taħriġ xieraq għall-għalliema b'mod li jkollhom il-kompetenzi meħtieġa sabiex jimmobilizzaw u jimmotivaw l-istudenti tagħhom;
51. Jistieden l-istituzzjonijiet ta' taħriġ tal-għalliema biex ifasslu programmi ta' żvilupp ta' kompetenzi tal-għalliema li jintegraw fl-attivitajiet pedagoġiċi, psikoloġiċi u metodoloġiċi l-ħidma ma' grupp ta' studenti li jinsabu f'riskju, li għandhom livell għoli ta' assenza u li m'għandhomx il-ħeġġa li jitgħallmu, u li jipproponu iżjed manwali metodoloġiċi disponibbli għall-għalliema u l-ġenituri;
52. Jinnota li hemm bżonn ta' terapija pedagoġika sabiex tindirizza l-kawżi u s-sintomi tad-diffikultajiet tat-tagħlim tat-tfal, bl-għajnuna ta' miżuri edukattivi u didattiċi, bl-għan li jitnaqqas il-falliment skolastiku u l-konsegwenzi tiegħu;
53. Jirrikonoxxi li l-għalliema għandhom bżonn kompetenzi soċjali u ħin neċessarji biex jirrikonoxxu u jiżviluppaw l-istili differenti ta' tagħlim, kif ukoll il-libertà u l-ispazju biex jadottaw metodi differenti ta'taħriġ u tagħlim bi ftehim mal-istudenti;
54. Jinnota li l-istudenti għandhom kemm jista' jkun kmieni jsiru konxji tal-medda ta' għażliet ta' karrieri lesti għalihom u jissuġġerixxi li l-iskejjel u universitajiet jiżviluppaw sħubijiet ma' kumpaniji u organizzazzjonijiet lokali, li jippermettu lill-istudenti jiltaqgħu ma' professjonisti minn oqsma differenti u wkoll isiru jafu iżjed dwar l-intraprenditorjat;
55. Jenfasizza l-importanza tad-daqs xieraq tal-klassijiet u tal-gruppi u ta' ambjent ta' tagħlim stimolanti u inklussiv għaż-żgħażagħ;
56. Jindika l-punt ukoll li l-bidliet frekwenti tal-għalliema fi klassi partikolari, l-użu ta' sistema ta' żewġ xiftijiet fl-iskola u t-tfassil ħażin tal-iskeda tal-ħinijiet tas-suġġetti jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv il-kapaċità tal-istudenti li jitgħallmu b'mod effiċjenti, u jinkuraġġixxu attitudni ħażina fir-rigward tal-edukazzjoni obbligatorja;
Metodi differenti ta' tagħlim
57. Jirrikonoxxi d-dritt universali għat-tagħlim tul il-ħajja, li jinkludi mhux biss it-tagħlim formali, iżda wkoll dak mhux formali u informali;
58. Jistieden lill-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet reġjonali kompetenti fil-qasam tal-edukazzjoni jirrikonoxxu u jivvalidaw l-għarfien miksub b'mod mhux formali u informali, li b'hekk jgħin għar-ritorn tal-poplu fis-sistema edukattiva;
59. Jirrikonoxxi l-vantaġġi tal-isport, l-attivitajiet kulturali, il-volontarjat u ċ-ċittadinanza attiva fil-provvediment ta' forum għal edukazzjoni mhux formali u t-tagħlim tul il-ħajja;
60. Jenfasizza l-importanza ta' varjetà ta' toroq edukattivi għall-istudenti, bit-twaħħid ta' taħriġ ġenerali ma' dak tal-ħiliet vokazzjonali, u jinsisti fuq il-fatt li huwa l-kombinament tajjeb tat-tnejn, skont l-età u l-orjentazzjoni tal-istudenti, li joffri lill-istudenti l-akbar opportunitajiet biex jaċċedu għall-impjieg ta' kwalità; ifakkar f'dan ir-rigward l-importanza li jiġu mħeġġa rabtiet bejn is-sistema edukattiva u d-dinja tax-xogħol kif ukoll bejn is-sistemi ta' taħriġ; jissottolinja wkoll l-importanza li għandhom il-possibilitajiet tat-tagħlim tat-tieni lingwa Ewropea, sabiex iħeġġu l-moviment taż-żgħażagħ u jimmotivawhom biex jiżviluppaw l-interessi u l-perspettivi tagħhom barra mill-ambjent partikolari tagħhom stess;
61. Jenfasizza l-valur miżjud tal-inizjattivi u l-programmi maħsuba għall-ġenituri, li jippermuttulhom approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja biex itejbu l-edukazzjoni tagħhom u b'hekk isaħħu l-edukazzjoni u t-tagħlim meta jkunu d-dar ma' uliedhom;
62. Jitlob sabiex jiġu aġġornati r-risorsi tal-iskejjel sabiex jesplojtaw il-benefiċċji potenzjali ta' metodi diġitalizzati ta' tagħlim u sabiex tingħata attenzjoni għal kwalifiki bħal abilità lingwistika jew litteriżmu diġitali, li huma neċessarji għall-impjiegi ta' għada;
63. Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-eżiġenzi tas-suq tax-xogħol u biex jieħdu passi ħalli jgħollu l-istatus tal-kwalfiki vokazzjonali, filwaqt li jsaħħu wkoll il-kooperazzjoni bejn l-istabbilimenti ta' tagħlim vokazzjonali u l-impriżi, sabiex dawn jidhru bħala għażla vijabbli għall-istudenti ta' kull ħila;
64. Jenfasizza li l-prinċipju ta' “nitgħallem kif nitgħallem” għandu jkun fil-qalba tal-kurrikuli tal-iskejjel; Jinnota li metodi attivi ta' tagħlim huwa vitali fl-involviment ta' aktar żgħażagħ fil-proċess tat-tagħlim u dawn jħeġġuhom jespandu l-għarfien tagħhom, u jissuġġerixxi li jiġu inklużi applikazzjonijiet teknoloġiċi ġodda bħal ma joffri l-Internet tal-Oġġetti, sabiex tiżdied il-motivazzjoni tagħhom u jtejbu r-riżultati tagħhom;
65. Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp u l-appoġġ tal-attivitajiet barra s-sistema edukattiva; iqis li l-aċċess għal kulħadd għall-attivitajiet ekstrakurrikolari kemm jekk ikunu sportivi, kulturali jew sempliċiment attivitajiet ta' passatemp jistgħu inaqqsu l-iskartar tal-iskola u t-TBS u huwa partikolarment importanti għat-tagħlim u l-emanċipazzjoni tat-tfal;
66. Jenfasizza li għandhom jiġu żviluppati attivitajiet ekstrakurrikulari fl-iskejjel, għaliex dan jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' immaġini “pożittiva” tal-ambjent skolastiku; jirrikonoxxi li l-fatt li l-istudenti jingħataw iktar inċentivi biex imorru l-iskola huwa mezz li jipprevjeni t-tluq bikri mill-iskola;
67. Jirrikonoxxi r-rwol li għandhom l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola permezz tal-edukazzjoni mhux formali, li tagħti liż-żgħażagħ kompetenzi estiżi, sens ta' responsabbiltà u fiduċja fil-valur tagħhom stess;
68. Jirrikonoxxi li, fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, rari jintlaħqu livelli sodisfaċenti ta' kompetenzi fil-lingwi u fil-kalkolu mill-istudenti kollha, u dan jikkontribwixxi għat-tluq bikri mill-iskola; jissottolinja li l-Istati Membri għandhom minnufih jistabbilixxu għanijiet sabiex l-istudenti kollha jispiċċaw l-iskola primarja u jkunu kapaċi jaqraw, jiktbu u jaħdmu l-aritmetika ta' livell li jkun xieraq għall-età tagħhom; Huwa wkoll tal-fehma l-Istati Membri għandhom ifasslu programmi maħsuba għall-kapaċità tal-qari, l-kitba u l-kalkolu li jippermettu lill-istudenti li ma kinux kisbu dawn il-kompetenzi waqt l-edukazzjoni formali tagħhom biex ilaħqu mal-oħrajn malajr kemm jista' jkun;
Is-soluzzjonijiet riparatorji
69. Jistieden lill-Istati Membri isibu modi għall-reintegrazzjoni fis-sistema skolastika għall-istudenti li jkunu ħallew l-iskola qabel iż-żmien billi jimplimentaw programmi adatti, bħal pereżempju permezz ta' skejjel ta' “ċans ieħor” li joffru ambjent ta' tagħlim adattat, li saħansitra jgħin ż-żgħażagħ isibu l-fiduċja fihom stess kif ukoll l-kapaċità li jitgħallmu;
70. Jinnota li sabiex dawn il-miżuri ta' reintegrazzjoni jilħqu lil dawk li l-aktar għandhom bżonn, jeħtieġ li jitwaqqfu arranġamenti xierqa ta' identifikazzjoni u moniteraġġ tal-istudenti konċernati, titqajjem il-kuxjenza u jitkejlu r-riżultati;
71. Jenfasizza li l-ogħla rati ta' riintegrazzjoni huma miksuba minn programmi li jindirizzaw il-bżonnijiet individwali ta' persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien; jistieden lill-istituzzjonijiet edukattivi jirrispettaw il-bżonnijiet u d-drittijiet tal-individwi fl-iżvilupp ta' programmi għalihom;
72. Jenfasizza l-bżonn li jkunu organizzati attivitajiet fuq livell lokali li jinkoraġġixxu lin-nies jirritornaw l-iskola u li jippromwovu ambjent pożittiv għal nies li waqfu mill-iskola qabel iż-żmien u li biħsiebhom jirritornaw,
73. Jinnota li twettqu ftit wisq evalwazzjonijiet tal-miżuri differenti ta' reintegrazzjoni fl-Istati Membri; għalhekk jistieden lill-Istati Membri jissorveljaw u jevalwaw il-programmi tagħhom ta' reintegrazzjoni u jistabbilixxu għanijiet maħsuba għal titjib;
74. Jenfasizza l-bżonn li jkun analizzat il-fenomenu tar-repetizzjoni ta' sena skolastika u l-impatt tagħha fuq il-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien, waqt li tkun enfasizzata l-importanza ta' programmi individwali għal studenti individwali;
75. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwaqfu aktar skejjel riparatorji, billi jsaħħu l-kontenut tal-kurrikuli tagħhom u l-materjal u t-tagħmir tekniku, u billi jsaħħu l-ħila tal-għalliema disponibbli, ladarba dawn l-iskejjel qed jidhru bħala strumenti importanti għar-riintegrazzjoni tal-individwi li ma nqabdux fix-xibka tas-sistema edukattiva formali;
Is-sistema edukattiva u l-impjiegi
76. Jinnota li tnaqqis għal mhux aktar minn 10% li jissodisfa l-mira prinċipali tal-UE 2020, ikollu effett fuq it-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żagħżagħ u fit-titjib fir-rata ta' impjiegi, peress li attwalment 52% tal-istudenti li jieqfu mill-iskola huma bla xogħol u skont l-estimi akkademiċi, in-numru ta' impjiegi disponibbli għal ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet jew li m'għandhomx sengħa se jkompli jonqos aktar fis-snin li ġejjin; jindika li, f'każ ta' tnaqqis tar-rata b'1% biss, ikunu jistgħu jiġu akkwistati madwar 500 000 ħaddiem potenzjali kkwalifikat;
77. Huwa tal-fehma li t-tluq bikri mill-iskola jfisser telf ta' opportunitajiet għaż-żgħażagħ u telf ta' potenzjal soċjali u ekonomiku għall-UE kollha kemm hi; jenfasizza l-fatt li barra l-impatt tat-tibdil demografiku attwali, il-pajjiżi Ewropej ma jifilħux għal din il-ħela enormi ta' talent u jisħaq li din it-tendenza dan għandħa tkun ikkunsidrata fuq l-isfond ta' suq tax-xogħol u livell ta' kompetittività tal-UE li t-tnejn għandhom it-tendenza jippreferu persuni bi kwalifiki edukattivi ogħla; jinnota li titjib fil-kisba ta' riżultati fl-edukazzjoni b'hekk jgħin biex titreġġa' lura din it-tendenza għaliex livelli ogħla ta' ħiliet joħolqu “'tkabbir intelliġenti'”, u l-indirizzar ta' wieħed mill-fatturi ewlenin ta' riskju involuti fil-qgħad u l-faqar, se jwassal għal “'tkabbir inklużiv'”;
78. Jenfasizza r-rabta bejn it-tluq bikri mill-iskola u l-qgħad fost iż-żgħażagħ; jirrimarka li aktar minn nofs iż-żgħażagħ li telqu mill-iskola qabel iż-żmien fl-Unjoni kienu mingħajr xogħol fl-2009 u li t-tluq bikri mill-iskola jista' jwassal għal dipendenza eċċessiva fil-konfront ta' xogħol prekarju u jżid il-problema tal-qgħad strutturali fil-popolazzjoni b'mod aktar ġenerali;
79. Jirrimarka li ż-żgħażagħ li jkunu telqu mill-iskola qabel iż-żmien ikunu anqas suxxettibbli li jikkontribwixxu b'mod attiv għall-intraprenditorjat soċjali u ekonomiku, u dan ikollu konsegwenzi negattivi fuq l-ekonomija u s-soċjetà;
80. Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra t-tluq bikri mill-iskola, mhux l-inqas minħabba t-tendenzi demografiċi fl-UE;
81. Jinnota li l-effetti ekonomiċi u soċjali fit-tul tat-tluq bikri mill-iskola jwasslu għal riskju sinifikanti tal-faqar u li l-ġlieda kontra t-tluq bikri mill-iskola hija mod kif tiġi ostakolata l-esklużjoni soċjali fost iż-żgħażagħ; għalhekk jikkunsidra t-tnaqqis fin-numru ta' persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien bħala l-miżura ewlenija sabiex jintlaħaq l-għan, fi strateġiji kemm fuq livell nazzjonali u dak Ewropew, li mill-inqas 20 miljun persuna jintrefgħu mir-riskju ta' faqar, u jħeġġeġ lill-Istati Membri ma jnaqqsux il-limitu massimu ta' età statutorja ta' ħruġ mill-iskola;
82. Jistieden lil dawk li jħaddmu jħeġġu, fejn hu possibbli, il-ħaddiema żgħażagħ li ma komplewx edukazzjoni sekondarja għolja biex jiksbu dawn il-kwalifiki, billi jimplimentaw dawn il-politiki ta' ġestjoni interna maħsuba biex jirrikonċiljaw studju u xogħol; ifakkar f'dak ir-rigward il-ħtieġa li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-istudenti tal-programm Leonardo da Vinci;
83. Jistieden għalhekk lill-Istati Membri jfasslu politiki kemm jista' jkun malajr bil-ħsieb li jinħolqu impiegi ġodda bbażati fuq ħiliet ġodda;
84. Jenfasizza l-bżonn li s-sistemi tal-edukazzjoni jkunu adattati biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol; jindika li f'sitwazzjoni fejn se jkun rari, fil-ġejjieni, li wieħed jgħaddi l-ħajja kollha tax-xogħol tiegħu f'settur wieħed, l-istudenti jeħtieġu jakkwistaw medda wiesgħa ta' abbiltajiet, bħalma huma l-kreattività, il-ħsieb kreattiv, il-ħiliet ġenerali u l-abbiltà li jadattaw malajr u b'mod flessibbli għal kundizzjonijiet u rekwiżiti li jinbidlu;
85. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, assistiti mill-Kummissjoni, jaġixxu b'mod effettiv biex jirreġistraw il-fenomenu ta' barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ NEET (Not in Education, Employment or Training) u jindirizzawh;
86. Jipproponi li jiġi estiż l-ambitu sabiex jiddaħħlu apprendistati fil-kumpaniji filwaqt li titkompla l-edukazzjoni skolastika;
87. Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom itejbu aktar is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom, sabiex jilħqu aħjar il-bżonnijiet tal-individwu ma' dawk tas-suq tax-xogħol, billi fost l-oħrajn jiġu indirizzati l-problemi tal-ħiliet bażiċi (il-litteriżmu u l-matematika bażika) jippromwovu l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ u jittieħdu l-miżuri li jissimplifikaw it-tranżizzjoni bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol;
88. Jinnota li t-tluq bikri mill-iskola huwa aktar spiss mas-subien u li aħna ninsabu f'riskju li noħolqu klassi iktar baxxa ta' rġiel żgħażagħ qiegħda bi ftit jew xejn edukazzjoni u b'opportunitajiet limitati li jsiru parti mis-suq tax-xogħol u mis-soċjetà b'mod ġenerali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni speċjali lis-subien li għandhom diffikultajiet biex jadattaw ruħhom għall-ambjent skolastiku u jiskoraġġixxi lill-Istati Membri milli jnaqqsu l-età għall-edukazzjoni obbligatorja;
89. Filwaqt li għandu jitqies il-fatt li l-impjiegi qosra jew inċerti huma ogħla fost persuni li għandhom ftit edukazzjoni, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-isforzi li jippermettu lill-persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien biex jirritornaw fis-suq tax-xogħol jaħdmu b'mod invarjabbli id f'id mal-programmi ta' taħriġ addizzjonali biex itejbu l-prospettivi futuri tagħhom ta' impjieg;
90. Jindika li l-investiment fit-taħriġ mill-ġdid u fil-modernizzazzjoni ta' korsijiet tat-taħriġ vokazzjonali huwa essenzjali sabiex jgħin lill-persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol;
91. Jenfasizza l-bżonn li jkunu mtejba l-ħiliet ipprovduti fit-taħriġ vokazzjonali tekniku u biex l-ispeċjalizzazzjonijiet offruti jitqabblu b'mod aktar effettiv mar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol, peress li r-rabta bejn l-edukazzjoni u x-xogħol hija parti integrali tal-indirizzar tat-tluq bikri mill-iskola;
92. Jikkunsidra li, biex jikkumbattu t-tluq bikri mill-iskola, il-politiki edukattivi jridu jkunu marbuta ma' politiki mmirati li jippromwovu l-irkupru ekonomiku u għalhekk li joħolqu impjiegi permanenti u jevitaw kull waqfien qabel iż-żmien mill-edukazzjoni, impjieg ta' ftit żmien jew inċert, u l-aċċelerazzjoni tal-eżodu ta' mħuħ;
93. Jirrakkomanda li t-taħriġ fl-NITC (teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni), kif ukoll fit-teknoloġiji tal-lingwi, għandu jibda sa minn età bikrija, ladarba dawn huma mezzi partikolarment utli ta' komunikazzjoni li ż-żgħażagħ għandhom l-abbiltà li jaħfnu malajr;
Il-politiki tal-UE
94. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar politiki li jnaqqsu t-TBS, li tipproponi qafas għal politiki komprensivi f'dan il-qasam, l-analiżi tal-kundizzjonijiet bażii li jikkawżaw it-tluq bikri mill-iskola f'livell nazzjonali u lokali f'kull Stat Membru, l-evalwazzjoni tal-effiċjenza tal-miżuri eżistenti u l-integrazzjoni tal-politiki ta' prevenzjoni, intervent u kumpens fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu;
95. Jemmen li, filwaqt li jkun jirrispetta l-prinċipju tas-sussidarjetà, qafas Ewropew għal strateġiji komprensivi, li jindirizza t-tluq bikri mill-iskola, jista' jservi ta' gwida utli għall-Istati Membri fl-aċċertazzjoni tal-approċċ korrett għat-tisħiħ tal-politiki eżistenti u għall-iżvilupp tal-Programmi ta' Riforma Nazzjonali tagħhom;
96. Iwissi li t-tnaqqis possibbli fl-infiq pubbliku fis-settur edukattiv minħabba l-kriżi ekonomika u l-politiki baġitarji ta' awsterità li qed ikunu implimentati fl-Istati Membri se jkollhom effetti avversi hekk kif se jżidu ulterjorment in-numru ta' persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien fl-UE;
97. Jenfasizza li investiment ta' aktar flus fil-ġlieda kontra l-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien jista' jkollu effett fuq perjodu twil ta' żmien fil-prevenzjoni taż-żgħażagħ milli jsiru dipendenti fuq is-sigurtà soċjali;
98. Fil-kuntest tal-Baġit 2012 tal-UE, jappoġġja l-Proġett Pilota dwar iż-Żgħażagħ li ġie propost, l bl-iskop li tingħata garanzija għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u b'mod partikulari persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien;
99. Favur l-użu mmirat, effiċjenti u koerenti tal-Fondi Strutturali, speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew, għall-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġiji għaż-Żgħażagħ, b'mod partikulari għal dawk li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien, sabiex ikun hemm promozzjoni tal-inklużjoni soċjali taħt programmi speċifiċi f'kull Stat Membru, u tkun żgurata edukazzjoni ta' kwalità għal kulħadd u jkun evitat it-tluq bikri mill-iskola u l-iskartar;
100. Jinnota li n-natura tal-problema tat-tluq bikri mill-iskola tvarja minn pajjiż għal pajjiż u anki fir-reġjuni, u għalhekk m'hemmx soluzzjoni waħda adattata għal kulħadd;
101. Jilqa' u jappoġġja l-pjanijiet imħabbra mill-Kunsill dwar stħarriġ tal-profil soċjali tal-istudenti li jkunu telqu mill-iskola qabel iż-żmien permezz ta' kumpilazzjoni tad-dejta mill-Istati Membri kollha u jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja din l-inizjattiva;
102. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex janalizzaw fil-fond il-problema tal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien, filwaqt li jqisu kif dovut il-protezzjoni tad-data, biex jidentifikaw il-kawżi ewlenin fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali;
103. Jinnota, madankollu, li sabiex issir l-analiżi tar-raġunijiet fundamentali li jispjegaw it-TBS, hemm bżonn ta' aktar data komprensiva, konsistenti u koerenti mill-Istati Membri;
104. Jitlob għal aktar fondi għall-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja tal-UE u t-titjib tal-aċċessibilità għal dan il-programm, li jżid il-mobilità tal-istudenti u tal-għalliema, iżid l-iskambju tal-aqwa prattiki u jikkontribwixxi għal titjib fil-metodi tal-istruzzjoni u t-tagħlim; jipproponi użu aktar effiċjenti tal-finanzjament mogħti mill-Fondi Strutturali tal-UE għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta' prevenzjoni tal-assenza skolastika;
105. Jenfasizza l-importanza tal-programm Ewropew tat-tagħlim tul il-ħajja u l-erba' subprogrammi tiegħu Comenius, Erasmus, Leonardo da Vinci u Grundtvig, il-programm Comenius għandu rwol essenzjali fil-ġlieda kontra t-tluq bikri mill-iskola;
106. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-viżibilità tal-programm ta' azzjoni Comneuis dwar il-mobilità individwali tal-istudenti li jista' jikkontribwixxi biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola;
o o o
107. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.