Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar it-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli (PE-CONS 00056/2011 – C7-0376/2011– 2009/0059(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tielet qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni u d-dikjarazzjonijiet rilevanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (PE-CONS 00056/2011 – C7-0376/2011),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(1) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2009)0197),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fit-tieni qari(2) dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari(3),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-emendi tal-Parlament għall-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (COM(2011)0167),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fit-tieni qari,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(13) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 69 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni tiegħu għall-Kumitat ta' Konċiljazzjoni (A7-0401/2011),
1. Japprova t-test konġunt;
2. Jikkonferma d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament u tal-Kunsill annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att, flimkien mad-dikjarazzjonijiet relattivi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-użu tal-Atti Delegati fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (MFF) futur għall-2014-2020
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jieħdu nota tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Baġit għall-Ewropa 2020 (COM(2011)0500(1)), b'mod partikolari fir-rigward tal-użu propost tal-atti delegati fl-istrumenti futuri ta' finanzjament estern u jistennew il-proposti leġislattivi, li għandhom ikunu debitament ikkunsidrati.
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 16
Ir-Regolament jindirizza l-kwistjoni tal-appoġġ għal numru ta' attivitajiet speċifiċi ta' Għajnuna mhux Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) f'pajjiżi koperti mill-istrument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (Regolament (KE) Nru 1905/2006). Ir-Regolament huwa intiż bħala soluzzjoni ta' darba għal din il-kwistjoni.
Il-Kummissjoni tafferma mill-ġdid li l-qerda tal-faqar inkluż l-insegwiment tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, huwa l-objettiv primarju tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha u jibqa' prijorità.
Hi tfakkar li l-ammont ta' referenza finanzjarja stabbilit fl-Artikolu 16 fir-rigward tal-pajjiżi elenkati fl-Anness II ser jiġi implimentat bl-użu ta' linji tal-baġit dedikati li huma maħsuba għal attivitajiet differenti mill-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonferma l-intenzjoni tagħha li tirrispetta l-ammont ta' referenza finanzjarja stabbilit fl-Artikolu 38 tal-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (Regolament (KE) Nru 1905/2006) għall-perijodu 2007-2013 kif ukoll il-provvedimenti fl-istess Regolament dwar it-twettiq tal-kriterji għall-ODA. Hija tfakkar li abbażi tal-ippjanar finanzjarju attwali tagħha, dan l-ammont ta' referenza ser jinqabeż fl-2013.
F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb tipproponi abbozz ta' baġits li jiżguraw żidiet fl-assistenza għall-iżvilupp għall-Asja u l-Amerika Latina skont ir-Regolament tad-DCI (KE) Nru 1905/2006 matul il-perijodu sal-2013 sabiex l-ammonti tal-ODA proġettati bħalissa skont id-DCI u l-baġit tal-UE ġeneralment ma jiġux affettwati.
Il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha: Baġit għall-Ewropa 2020, (COM(2011) 0500), tiddikjara li: “Barra minn hekk, il-bażijiet legali futuri għall-istrumenti differenti se jipproponu l-użu estensiv ta' atti delegati biex jippermettu li jkun hemm aktar flessibbiltà fil-ġestjoni tal-politiki matul il-perjodu ta' finanzjament, filwaqt li jiġu rrispettati l-prerogattivi taż-żewġ fergħat tal-leġislatur.” kif ukoll “Qiegħed jitqies biex jiżdied l-iskrutinju demokratiku tal-għajnuna esterna. Dan jista” jinkiseb bl-użu ta' atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għal ċerti aspetti tal-programm, mhux biss jitpoġġew il-koleġislaturi fuq livell ekwu iżda tiġi ggarantita wkoll aktar flessibbiltà fl-ipprogrammar. Għall-FEŻ, qiegħed jiġi propost li l-iskrutinju jinġab fuq l-istess livell mad-DCI, filwqat li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' dan l-istrument“.