Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta' merkanzija bit-triq (tfassil mill-ġdid) (COM(2010)0505 – C7-0286/2010 – 2010/0258(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0505),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 338(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema Artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0286/2010),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 għal użu iktar strutturat tat-teknika tar-riformulazzjoni tal-atti legali(1),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-15 ta' April 2011 tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali indirizzata lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu f'konformità mal-Artikolu 87(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-impenn mogħti mir-rappreżentant tal-Kunsill b'ittra tat-28 ta' Ottubru 2011 li l-pożizzjoni tal-Parlament tiġi approvata, skont l-Artikolu 294(4) tat-trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 87 u 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0212/2011),
A. billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f'dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali,
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-1 ta' Diċembru 2011 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta' merkanzija bit-triq (riformulazzjoni)
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 70/2012.)