Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (14409/2011 – C7-0252/2011 – 2011/0805(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba tar-Repubblika tal-Kroazja sabiex issir membru tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (14409/2011 – C7-0252/2011),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni (COM(2011)0667),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' Trattat dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja fl-Unjoni Ewropea, il-Protokoll u l-Att Finali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 74c u l-Artikolu 81 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0390/2011),
A. billi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tal-pajjiż kandidat u l-modifiki li tinvolvi l-adeżjoni tiegħu huma stipulati fl-abbozz ta' Trattat dwar l-Adezjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, u billi l-Parlament għandu jiġi kkonsultat dwar kwalunkwe modifiki sostanzjali tal-abbozz ta' Trattat,
B. billi l-Kummissjoni għandha tissorvelja iktar preparamenti għall-adeżjoni bir-reqqa u b'oġġettività u għandha tgħin lill-awtoritajiet Kroati jissodisfaw l-impenji u l-obbligi tagħhom kif stipulati fin-negozjati; billi l-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament informat regolarment dwar sa liema punt l-awtoritajiet Kroati jonoraw l-impenji tagħhom sabiex jassumu b'mod sħiħ l-obbligi tas-sħubija tagħhom wara l-adeżjoni fl-1 ta' Lulju 2013,
1. Japprova l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Kroazja;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u l-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lir-Repubblika tal-Kroazja.