Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2132(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0387/2011

Testi mressqa :

A7-0387/2011

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2011 - 6.27
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0545

Testi adottati
PDF 511kWORD 94k
Il-Ħamis, 1 ta' Diċembru 2011 - Brussell
In-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina
P7_TA(2011)0545A7-0387/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2011 li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina (2011/2132(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998, u li għandu jiġi ssostitwit mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI)(2), u l-Programm Indikattiv Nazzjonali 2011-2013 għall-Ukraina,

–  wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u l-Ukraina dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inklużi n-negozjati dwar żona ta' kummerċ ħieles profonda u komprensiva (DCFTA),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ukraina tat-22 ta' Jannar 2007, fejn il-Kunsill adotta d-direttivi għan-negozjati,

–  wara li kkunsidra s-sħubija tal-Ukraina fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li ilha effettiva minn Marzu 2008,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tiegħu dwar is-sentenza ta' kundanna tal-ex Prim Ministru tal-Ukraina Yulia Tymoshenko fil-11 ta' Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tas-samits riċenti bejn l-UE u l-Ukraina, inkluż ir-rikonoxximent mis-samit UE-Ukraina li sar f'Pariġi fl-2008 tal-Ukraina bħala pajjiż Ewropew li għandu storja komuni u valuri komuni mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, u l-konklużjonijiet tas-samit UE-Ukraina li sar fi Kiev fl-4 ta' Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina, b'mod partikulari dawk tal-25 ta' Frar 2010(3), tal-25 ta' Novembru 2010(4) , tad-9 ta' Ġunju 2011(5) u tas-27 ta' Ottubru 2011(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar is-Sħubija tal-Lvant tal-25 ta' Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni UE-Ukraina għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża adottat fit-22 ta' Novembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Ukraina għat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, fl-1 ta' Frar 2011,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni, li tieħu post il-Pjan ta' Azzjoni u li kienet approvata mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Ukraina f'Ġunju 2009, u l-lista ta' prijoritajiet għall-Aġenda ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina għall-2011 u l-2012,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta bit-titolu “Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni” tal-25 ta' Mejju 2011 (COM(2011)0303), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat adottati mill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fl-20 ta' Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar il-progress tal-Ukraina tal-Kummissjoni adottat fil-25 ta' Mejju 2011(SEC(2011)0646),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 90(5) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0387/2011),

A.  billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni futur mal-Ukraina jġib miegħu ġenerazzjoni ġdida ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni skont l-Artikolu 217 TFUE u jinvolvi livell mingħajr preċedenti ta' integrazzjoni bejn l-UE u pajjiż terz; billi, b'dan il-ftehim, l-Ukraina qed tikkommetti ruħha li timplimenta parti kbira mill-acquis communautaire; billi n-negozjati mal-Ukraina huma fost l-aktar avvanzati fil-Viċinat tal-Lvant u għalhekk iservu bħala eżempju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) kollha kemm hi;

B.  billi l-Ukraina hija pajjiż ta' importanza strateġika għall-UE; billi d-daqs, ir-riżorsi, il-popolazzjoni u l-lokazzjoni ġeografika tal-Ukraina jtuha pożizzjoni li tispikka fl-Ewropa, fattur li jrendiha attur reġjonali ewlieni li jeżerċita influwenza konsiderevoli fuq is-sigurtà, l-istabilità u l-prosperità tal-kontinent kollu, u li għalhekk għandu jġorr is-sehem rispettiv tiegħu mir-responsabilità politika;

C.  billi l-Ukraina hija stat Ewropew u, skont l-Artikolu 49 tat-TUE, tista' tapplika biex issir membru tal-UE, kif jista jagħmel kull stat Ewropew ieħor sakemm jaderixxi mal-prinċipji tad-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-minoranzi u l-istat tad-dritt; billi l-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina, inkluża DCFTA, se tkun importanti għall-perspettiva Ewropea tal-Ukraina,

D.  billi l-UE tappoġġa bis-sħiħ Ukraina demokratika u stabbli li tirrispetta l-prinċipji tal-ekonomija tas-suq soċjali u inklużiva, l-istat tad-dritt (inkluża ġudikatura indipendenti), id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi, u li tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali; billi l-isforzi tal-Ukraina biex tibni stabilità politika domestika, toħloq ambjent ikkaratterizzat minn pluraliżmu politiku sod, libertajiet demokratiċi u rispett għall-istat tad-dritt, u żżid il-livell ta' riforma interna, qed iħaffu u jiffaċilitaw l-iżvilupp ulterjuri tal-perspettiva Ewropea tal-Ukraina;

E.  billi l-kundanna fil-11 ta' Ottubru 2011 tal-ex Prim Ministru tal-Ukraina, Yulia Tymoshenko, għal seba' snin ħabs u l-proċessi ta' ministri oħra wasslu għal tħassib serju fl-UE u huma ġeneralment meqjusa jew bħala jew atti ta' vendetta jew bħala parti minn tentattiv biex ikunu kkundannati u mibgħuta l-ħabs membri tal-oppożizzjoni sabiex ma jitħallewx jippreżentaw ruħhom bħala kandidati u jagħmlu kampanji għall-elezzjoni parlamentari tas-sena d-dieħla jew għall-elezzjoni presidenzjali tal-2015; billi l-liġi applikata b'mod selettiv kontra Tymoshenko nħolqot fi żminijiet Sovjetiċi u tiddisponi għal prosekuzzjoni kriminali għal deċiżjonijiet politiċi; billi l-Artikoli 364 u 365 ta' dik il-istess liġi, li bħalissa qed jiġu riveduti mill-Verkhovna Rada, ma jissodisfawx standards tal-UE u tan-NU;

F.  billi dan l-aħħar kien hemm tħassib dwar il-libertà tal-midja, il-libertà tas-soċjetà ċivili, it-tmexxija tal-elezzjonijiet u l-istat ta' dritt fl-Ukraina;

G.  billi t-tmexxija politika u tal-istat Ukraina ripetutament ikkonfermat l-impenn tagħha għall-integrazzjoni Ewropea u l-ambizzjoni f'perspettiva fit-tul tagħha li tqiegħed l-Ukraina f'pożizzjoni li tkun tista' ssir Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, u tqis li l-ftehim ta' assoċjazzjoni huwa strument ewlieni biex jintlaħaq dan l-objettiv; billi dan il-għan għad għandu l-appoġġ tal-atturi kollha fix-xenarju politiku tal-Ukraina, kif ukoll tas-soċjetà ċivili u tal-pubbliku ġenerali; billi ż-żieda fil-kooperazzjoni bejn l-Ukraina u l-Membri tal-Parlament Ewropew, u bejn l-Ukraina u l-parlamenti tal-Istati Membri, hija eżempju ta' min ifaħħru ta' ħidma flimkien bejn forzi politiċi differenti għall-avvanz tal-perspettiva Ewropea tal-Ukraina, u għandha titkompla;

H.  billi l-UE għamlet id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija aspett ċentrali tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tagħha,

I.  billi l-Ukraina pparteċipat b'mod attiv fil-ħolqien u l-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Euronest, li hija d-dimensjoni parlamentari tas-Sħubija tal-Lvant u pjattaforma għall-kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali tal-ġirien tal-Lvant tal-UE;

J.  billi l-perspettiva Ewropea tal-Ukraina għandha tkun ibbażata fuq politika ta' riformi sistematiċi u irriversibbli f'numru ta' oqsma istituzzjonali, ekonomiċi u soċjali importanti; billi riformi importanti twettqu jew qed jitwettqu, waqt li oħrajn għad iridu jkunu introdotti; billi jemmen li l-qafas ipprovdut mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jipprovdi strument kruċjali għall-modernizzazzjoni u pjan direzzjonali biex jiggiwida r-riformi interni domestiċi, kif ukoll għodda għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali, li se jgħin lill-pajjiż jegħleb it-tendenzi negattivi reċenti, jirbaħ id-differenzi enormi li jeżistu fis-soċjetà Ukraina u jgħaqqadha fl-għan tagħha fir-rigward tal-perspettiva Ewropea, fuq il-bażi tal-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba;

K.  billi ta' min ifaħħar lill-Ukraina għall-prestazzjoni ekonomika tajba tagħha, inkluż it-tnaqqis fid-defiċit baġitarju, it-trażżin fl-infiq u anke r-riforma tal-pensjonijiet, li kkontribwixxew għal klassifikazzjoni tal-kreditu barranija aħjar u għal iktar investiment barrani dirett;

L.  billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni se jkollu impatt pożittiv fuq il-klima tan-negozju fl-Ukraina, peress li jipprovdi negozji tal-UE u Ukraini b'regoli u standards komuni, u b'hekk iżid il-prevedibbiltà u s-sigurtà finanzjarja tal-investimenti fl-Ukraina; billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni huwa bbażat fuq il-konformità ma' standards internazzjonali tat-tassazzjoni; billi dak l-impatt pożittiv jissaħħaħ iktar mill-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni;

M.  billi l-Federazzjoni Russa qed teżerċita pressjoni eċċessiva fuq l-Ukraina biex din ma tistabbilixxix DCFTA mal-UE, iżda minflok tingħaqad f'unjoni doganali mar-Russja, il-Bjelorussja u l-Kazakistan; billi dan huwa każ bla preċedenti fl-istorja tar-relazzjonijiet tal-UE ma' sieħba esterni, u billi dawn huma pajjiżi barra d-WTO li għadhom jikkostitwixxu suq ta' esportazzjoni ewlieni għall-prodotti Ukraini; billi d-DCFTA huwa strument għall-modernizzazzjoni u billi l-istabbiliment tiegħu joffri benefiċċji finanzjarji lill-Ukraina, li se jsiru iktar tanġibbli maż-żmien;

N.  billi l-Ukraina dan l-aħħar iċċelebrat l-20 anniversarju mill-indipendenza tagħha; billi hemm ġenerazzjoni ġdida ta' Ukraini edukati li ma esperjenzawx l-era Sovjetika, li għandhom ambizzjonijiet qawwija favur l-Ewropa u li se jiżguraw il-modernizzazzjoni tal-pajjiż;

O.  billi r-realtà politika attwali fl-Ukraina, partikolarment fil-qasam tal-libertajiet ċivili u l-istat ta' dritt, hija kontra l-ispirtu tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Ukraina u l-UE li qed jiġi nnegozjat bħalissa;

1.  Jindirizza, fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE:

o
o   o

   (a) li jqisu li l-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina u l-offerta lill-Ukraina ta' perspettiva Ewropea huma fatturi sinifikanti ħafna u fl-interess taż-żewġ partijiet; li jirrikonoxxu l-aspirazzjonijiet tal-Ukraina skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, sakemm il-kriterji kollha, inkluż ir-rispett għall-prinċipji tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt, jiġu ssodisfati;
   (b) li jagħmlu l-progress kollu meħtieġ sabiex ikun inizjalat malajr il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina, preferibbilment sa tmiem l-2011 jekk ikun possibbli; li jiżguraw fl-istess ħin, skont it-talbiet li saru fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Ottubru 2011, li din l-inizjattiva importanti fis-Sħubija tal-Lvant timxi id f'id mal-impenji li ħadet l-Ukraina li timplimenta r-riformi meħtieġa u ssaħħaħ il-valuri demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
   (c) li jiffissaw data ġdida għal-laqgħa reċentement posposta mal-President Yanukovych qabel is-Samit UE-Ukraina previst għal Diċembru 2011 għaliex din hi meqjusa opprtunità importanti biex ikunu ttrattati kwistjonijiet li joħolqu tħassib serju fir-rigward tal-Gvern Ukrain u biex ikun stabbilit mill-ġdid djalogu kostruttiv li jista' jwassal għall-inizjalar ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni sakemm ikun hemm progress sinifikanti kemm dwar l-ostakoli tekniċi u kemm dwar ix-xkiel politiku vitali li għad hemm;
   (d) li jħabirku biex il-ftehim ikun iffirmat mill-Kunsill matul l-ewwel nofs tal-2012, u li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali d-dokumenti kollha rilevanti għall-proċess ta' ratifikazzjoni sa mhux aktar tard minn tmiem l-2012, jekk l-appell għar-rispett tal-istat tad-dritt u t-talbiet l-oħra li saru fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Ottubru 2011 jkunu ntlaqgħu;
   (e) li jipprovdu l-Ukraina b'assistenza finanzjarja, teknika u legali suffiċjenti kemm matul il-perjodu ta' tħejjija u kemm waqt l-implimentazzjoni tal-ftehim, u jsaħħu l-kapaċità amministrattiva tagħha billi jżidu l-forom kollha ta' għajnuna disponibbli f'dan il-qasam; għal dan il-għan, li jisfruttaw aħjar il-Programm Komprensiv għall-Bini tal-Istituzzjonijiet (CIB) u jikkunsidraw it-twaqqif ta' Grupp Konsultattiv ta' Livell Għoli tal-UE biex jgħin lill-Ukraina fl-isforzi tagħha biex tallinja ruħha mal-leġiżlazzjoni tal-UE; billi l-prekundizzjoni ta' kwalunkwe għajnuna għandha tkun l-evalwazzjoni tar-riformi mfassla bl-għan tat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-Ukraina, kif ippubblikata fir-rapporti annwali li għandhom jitħejjew mill-esperti indipendenti tal-UE u tal-Ukraina;
   (f) li jwaqqfu programm ta' skambju reċiproku għall-impjegati ċivili u ġudizzjarji sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, u b'mod partikolari d-DCFTA;
   (g) li jgħinu lill-awtoritajiet tal-Ukraina biex jinfurmaw lill-poplu tal-Ukraina dwar il-benefiċċji tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni sabiex jibnu l-appoġġ għall-aġenda ta' riforma; biex jiżvelaw il-kontenut tal-ftehim lill-pubbliku mill-aktar fis possibbli;
   (h) li jiftħu uffiċċju tal-informazzjoni tal-UE fl-Ukraina malajr kemm jista' jkun, li jaħdem kemm biex iqajjem kuxjenza fost il-pubbliku tal-Ukraina dwar il-funzjonament tal-UE u l-politiki u l-valuri tagħha, u biex jiffaċilita parteċipazzjoni akbar fil-programmi tal-UE;
   Aspetti istituzzjonali/ djalogu politiku
   (i) li jiżviluppaw miżuri ċari ta' salvagwardja u mekkaniżmu possibbli għas-sospensjoni temporanja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni kollu kemm hu f'każ li prinċipji essenzjali u fundamentali tiegħu jkunu injorati jew miksura apposta;
   (j) li jħeġġu lill-President u lill-Gvern tal-Ukraina biex jallinjaw is-sitwazzjoni politika, legali u amministrattiva fil-pajjiż ma' dak li kien miftiehem fl-Aġenda ta' Assoċjazzjoni, u biex jippromwovu l-governanza tajba u r-rispett tal-istat tad-dritt bħala prinċipji fundamentali fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina; li jiżguraw li Yulia Tymoshenko u mexxejja oħra tal-oppożizzjoni jitħallew jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess politiku, kemm minn issa stess u kemm fl-elezzjonijiet li jmiss fl-Ukraina;
   (k) li jsaħħu l-qafas eżistenti għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina relattiv għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
   (l) li jassistu lill-Ukraina fil-proċess li tirrealizza riforma komprensiva tal-ġudikatura f'konformità mal-istandards tal-UE, sabiex ikun evitat l-użu selettiv tal-ġustizzja u tkun garantita proċedura legali indipendenti, ġusta, imparzjali u trasparenti biex b'hekk ikun żgurat li l-proċedimenti legali ma jkunux jistgħu jintużaw għall-skopijiet politiċi u jitmexxew strettament skont l-istat tad-dritt; li jwaqqfu, għal dan il-għan, mekkaniżmu konġunt li jinvolvi esperti Ukraini u tal-UE, bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni ta' Venezja; li jistabbilixxu aktar programmi ta' taħriġ u skambju fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni u fis-settur tas-sigurtà bl-għan tal-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki tal-UE relattivi għall-istat tad-dritt;
   (m) li jgħinu lill-awtoritajiet Ukraini fil-proċess ta' riforma tal-kostituzzjoni u tal-liġi elettorali tal-pajjiż kif proposta mill-Kummissjoni ta' Venezja u mill-OSKE/ODIHR; li jiżguraw l-implimentazzjoni espedjenti, inklużiva u komprensiva ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, bl-involviment kemm tal-partiti tal-oppożizzjoni u kemm tas-soċjetà ċivili, sabiex jiġu evitati n-nuqqasijiet li kien hemm fil-kampanji elettorali ta' qabel; li jenfasizzaw, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-libertà tal-midja u l-libertà tas-soċjetà ċivili, u biex jiżguraw li l-awtoritajiet Ukraini jżommu lura minn kwalunkwe tentattiv li jikkontrollaw, direttament jew indirettament, il-kontenut tar-rapporti tal-midja nazzjonali;
  (n) li jinkludu fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mekkaniżmu komprensiv bejn il-Parlament u s-SEAE, li jippermetti l-forniment regolari ta' informazzjoni komprensiva dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-ftehim, u b'mod partikolari fl-ilħuq tal-objettivi tiegħu; dan il-mekkaniżmu għandu jkun fih l-elementi li ġejjin:
   informazzjoni dwar l-azzjonijiet meħuda u l-pożizzjonijiet adottati mill-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ftehim;
   ir-rapporti tas-SEAE dwar il-progress li juru r-riżultati tal-azzjoni meħudha mill-UE u mill-Ukraina, b'enfasi partikolari fuq is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-pajjiż;
   (o) li jenfasizzaw kemm hu importanti li jkunu implimentati d-deċiżjonijiet kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet tal-Ukraina għan-numru kbir ta' każijiet kontra l-Ukraina pendenti quddiem dik il-qorti;
   (p) li jappoġġaw ir-riformi meħtieġa u jiżguraw li l-awtoritajiet Ukraini jagħtu prijorità għolja għall-iżvilupp ta' politika kontra l-korruzzjoni, inkluża leġiżlazzjoni xierqa dwar il-kunflitti ta' interess;
   (q) li jiżguraw li l-awtoritajiet Ukraini jqiegħdu l-arkivji tas-servizzi sigrieti komunisti preċedenti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, għaliex dan huwa essenzjali sabiex ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali tkun ta' suċċess, partikolarment fir-rigward tal-atroċitajiet li seħħew fis-seklu 20;
   (r) li jenfasizzaw kemm hu importanti li l-Ukraina tirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, bħala parti mill-proċess tar-riforma kostituzzjonali;
   (s) li jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jintensifikaw id-djalogu bejn l-UE u l-varji partiti politiċi tal-Ukraina, u jinkoraġġixxu djalogu fl-Ukraina bejn il-partiti u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, is-sieħba soċjali u l-minoranzi nazzjonali;
   (t) li jiżguraw li l-ftehim interim ikun fih dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni bejn is-soċjetajiet ċivili tal-partijiet kontraenti, sabiex dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jsiru atturi influwenti skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;
   (u) li jinkludu klawżoli standard ta' kundizzjonalità dwar il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li jirriflettu l-ogħla standards internazzjonali u tal-UE, filwaqt li jisfruttaw bis-sħiħ il-qafas tal-OSKE, u biex iħeġġu lill-awtoritajiet Ukraini jippromwovu d-drittijiet tal-persuni minn minoranzi etniċi, skont il-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;
   Kooperazzjoni ekonomika u skont is-settur
   (v) li jsaħħu, bħala parti mill-ftehim, il-kooperazzjoni bejn l-Ukraina u l-UE fil-qasam tal-enerġija; li jaħdmu għall-konklużjoni ta' ftehimiet ulterjuri bejn l-UE u l-Ukraina bl-għan li jiżguraw il-provvisti ta' enerġija għaż-żewġ naħat, inkluża sistema ta' tranżitu affidabbli u diversifikata għaż-żejt u l-gass u mekkaniżmu ta' rispons komuni fil-każ ta' tfixkil jew interruzzjonijiet tal-kunsinni taż-żejt u l-gass mill-Federazzjoni Russa;
   (w) li jipprovdi l-assistenza teknika meħtieġa fis-settur tal-enerġija, sabiex jgħinu lill-Ukraina ttejjeb u timmodernizza sostanzjalment il-grid tal-elettriku u l-effiċjenza tal-enerġija tagħha, u biex jiżguraw li l-awtoritajiet Ukraini jikkonformaw bis-sħiħ mal-miri stabbiliti fil-programm għall-effiċjenza fl-enerġija għall-perjodu 2010-2015 u jkomplu jimplimentaw soluzzjonijiet innovattivi u li jqisu l-ambjent sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-enerġija tagħhom; li jassistu, fl-istess ħin, lill-awtoritajiet Ukraini fin-negozjati tal-kundizzjonijiet tal-kunsinna tal-gass mir-Russja, sabiex ikun żgurat li l-kummerċ tal-gass tal-Ukraina mar-Russja jkun konsistenti mal-istandards u l-prezzijiet kummerċjali tal-UE;
   (x) li jinnutaw li, għalkemm il-liberalizzazzjoni tas-servizzi u l-investiment fis-settur tal-enerġija tkun ta' benefiċċju għall-UE, it-teħid ta' impenji fir-rigward ta' servizzi ta' enerġija partikulari jista' jinvolvi xi riskji, peress li atturi b'saħħithom fis-suq tal-enerġija li jikkontrollaw il-kumpaniji Ukraini jistgħu jużaw il-ftehim ta' kummerċ ħieles biex jiddominaw in-netwerks ta' trasmissjoni fl-UE;
   (y) li jitolbu li tittieħed azzjoni biex tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija tal-UE u l-Ukraina permezz tal-introduzzjoni ta' mekkaniżmi biltaterali li jipprovdu twissija minn kmieni u jipprevjenu interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija u fil-materja prima tal-enerġija relatata;
   (z) li jiżguraw l-aċċettazzjoni tal-indikaturi ġeografiċi u tal-privattivi Ewropej;
   (aa) li jenfasizzaw kemm huwa importanti għall-UE li l-Ukraina tiżgura li l-iskart tossiku u l-iskart nukleari jkunu ttrattati kif suppost fit-territorju tagħha, u b'hekk tkun imħarsa s-sikurezza tal-ikel;
   (ab) li jintensifikaw il-kooperazzjoni rigward l-iskambji taż-żgħażagħ u tal-istudenti u fl-iżvilupp ta' programmi ta' boroż ta' studju, biex b'hekk jippermettu lill-Ukraini jiffamiljarizzaw ruħhom mal-UE u l-Istati Membri tagħha u viċe versa;
   (ac) li jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jirrifletti l-istandards ambjentali l-iktar għoljin, filwaqt li tiġi kkunsidrata, inter alia, l-Istrateġija għar-Reġjun tad-Danubju; li jqisu ulterjorment l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali fiż-żona tal-Baħar l-Iswed u tal-parteċipazzjoni attiva tal-Ukraina fil-politiki tal-UE għal din iż-żona, inkluż bħala parti minn strateġija futura tal-UE għall-Baħar l-Iswed;
   (ad) li jiżviluppaw strumenti speċifiċi (bħal pjattaforma tas-soċjetà ċivili) għall-appoġġ tas-soċjetà ċivili tal-Ukraina, meqjus ir-rwol vitali tagħha fil-proċess tad-demokratizzazzjoni, pereżempju fis-sensibilizzazzjoni u ż-żieda fil-parteċipazzjoni soċjali u politika;
   (ae) li jiżguraw li l-kooperazzjoni rigward l-implimentazzjoni tar-riforma tal-kura tas-saħħa tindirizza l-bżonnijiet tas-saħħa ta' pazjenti b'mard inkurabbli, inkluż permezz tal-provvediment ta' assistenza teknika għar-riforma tal-politiki relevanti tas-saħħa u tal-mediċini skont l-istandards internazzjonali u l-aqwa prattika;
   Kwistjonijiet kummerċjali
   (af) li jirrikonoxxu l-isforzi sostanzjali mwettqa mill-Gvern tal-Ukraina f'termini tat-tnaqqis ġenerali tal-ostakoli u l-adattament tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, u fir-rigward ta' miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS), il-kompetizzjoni, u l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ, kif ukoll il-kisbiet limitati ħafna milħuqa waqt in-negozjati tad-DCFTA f'oqsma bħall-investiment, is-servizzi, l-agrikoltura, l-enerġija u l-ostakoli għall-esportazzjoni;
   (ag) li jitolbu lill-Ukraina żżomm lura milli tapplika tariffi fuq l-esportazzjoni jew kwalunkwe restrizzjoni oħra fuq l-esportazzjoni, li żżid il-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq tal-UE;
   (ah) li jiżguraw li l-kwota tar-rata tariffarja miftuħa fir-rigward taz-zokkor ma twassalx għal kummerċ trijangolari mhux intenzjonat jew għall-frodi;
   (ai) li jenfasizzaw li l-ftehim għandu jinkludi kapitlu dwar il-benessri tal-annimali, u b'hekk jiżgura kompetizzjoni ugwali bejn il-bdiewa tal-UE u Ukraini;
   (aj) li jinnutaw li l-iżvilupp sostenibbli huwa wieħed mill-oqsma ta' prijorità stipulati fil-Programm Nazzjonali Indikattiv għall-2011-2013; jirrakkomanda, għalhekk, l-inklużjoni ta' kapitlu dwar l-iżvilupp sostenibbli bħala parti miż-żona ta' kummerċ ħieles;
   (ak) li jenfasizzaw li l-kapitlu dwar l-iżvilupp sostenibbli għandu jinkludi dispożizzjoni dwar l-impenn tal-Ukraina li tirrispetta l-Linji Gwida tal-OKŻE dwar l-Impriżi Multinazzjonali u d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali;
   (al) li jħejju għall-implimentazzjoni tiegħu konġuntament mal-Ukraina sabiex jiżguraw li dawk l-impenji li ma ssaħħewx bi prekondizzjonijiet u li mhumiex sejrin iħallu rendiment immedjat, speċjalment fil-qasam tal-benessri tal-annimali, isiru realtà u jkollhom impatt sostanzjali fit-tul; li jitolbu li l-ftehim ta' kummerċ ħieles eventwalment iwassal għall-iżmantellar sħiħ tal-ostakoli tat-tariffi f'kull settur tal-industrija, mingħajr ma jkun hemm listi negattivi jew kwoti tal-importazzjonijiet, u għaldaqstant għall-eliminazzjoni effettiva kemm tat-taxxi fuq l-esportazzjoni u kemm tar-restrizzjonijiet tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni; li jipprovdu lill-Ukraina fondi ta' aġġustament ta' wara l-liberalizzazzjoni, kif previst fil-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-PEV għall-2011-2013, u assistenza teknika f'rabta ma' kwistjonijiet doganali u l-adattament ta' indikazzjonijiet ġeografiċi;
   (am) li jkomplu jitolbu riformi politiċi u ekonomiċi fl-Ukraina li jwasslu għall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tagħha, b'mod partikolari fl-oqsma tal-enerġija u t-trasport; li jgħinu lis-settur tan-negozju, bl-aktar mod urġenti permezz ta' aċċess iktar faċli għal kreditu u artijiet u ta' proċessi aktar sempliċi u mħaffa għall-ġbir tat-taxxi u dazji, b'mod partikulari permezz ta' titjib notevoli fir-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-esportaturi, fir-rilaxx mid-dwana u fil-proċeduri ta' approvazzjoni għall-importazzjonijiet (partikolarment rigward it-tassazzjoni, l-obbligi tad-dokumentazzjoni u fl-ittestjar tal-prodotti għaċ-ċertifikazzjoni); it-tneħħija tal-burokrazija u l-korruzzjoni; li jinfurzaw l-istat tad-dritt u tal-prattiki demokratiċi; li jqisu li jnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u jimplimentaw proċeduri siguri, b'mod partikulari għall-SMEs, b'kunsiderazzjoni għall-fatt li dan hu prerekwiżit essenzjali għall-bini ta' relazzjonijiet kummerċjali; u jtejbu l-liġi fil-qasam tal-protezzjoni tal-assi materjali u tal-propjetà intellettwali u mekkaniżmi aktar effikaċi għad-difiża ta' drittijiet u klejms tan-negozji permezz tal-qrati;
   (an) li jitolbu titjib fundamentali tal-klima tal-investiment fl-Ukraina għall-investituri barranin, u b'mod partikulari għal riżoluzzjoni rapida tad-dejn tal-baġit nazzjonali fejn jidħlu l-entitajiet minħabba d-dewmien fil-ħlas lura ta' ammonti ta' VAT imħallsa żejda, u biex jittieħdu passi biex ikun evitat li jinħolqu sitwazzjonijiet simili fil-futur; li jtejbu l-effikaċja tal-proċeduri doganali (u b'mod partikulari jwaqqfu l-prattika komuni li tkun applikata żieda mhux ġustifikata fil-valur doganali ta' prodotti importati fl-Ukraina);
   (ao) li jippromwovu l-intraprenditorija u l-iżvilupp tal-SMEs permezz tal-kooperazzjoni makroekomomika;
   (ap) li jenfasizzaw li l-Ukraina m'għandhiex tnaqqas il-protezzjoni li tagħti għall-istandards tax-xogħol biex tattira investiment barrani;
   (aq) li jitolbu – skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 218(5) TFEU – li tittieħed deċiżjoni li tawtorizza l-applikazzjoni proviżorja tar-regolamenti tal-ftehim ta' kummerċ ħieles, li huwa parti fundamentali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, qabel ma dan jidħol fis-seħħ;
   Ġustizzja, libertà u sigurtà
   (ar) li jaħdmu attivament għall-istabbiliment ta' reġim mingħajr viża bejn l-Ukraina u l-UE aktar milli jibqgħu jaħsbu f'perspettiva fit-tul, sakemm l-Ukraina tissodisfa l-kriterji tekniċi meħtieġa stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża; li jistabbilixxu l-objettiv intermedju tal-abolizzjoni tat-tariffi eżistenti għall-viża; u li jintroduċu miżuri xierqa waqt il-Kampjonat tal-Futbol Ewropew, bil-ħsieb li jużaw din l-okkażjoni speċjali bħala perjodu ta' prova għal reġim mingħajr viża;
   (as) li jinkoraġġixxu lill-Ukraina tieħu rwol kostruttiv fid-diskussjonijiet 5+2, bl-għan li tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt Transnistrijan;
   (at) li jsaħħu l-potenzjal tal-Ukraina bħala sieħba ewlenija fil-ġestjoni tal-fluss tal-migrazzjoni u tal-fruntieri, u biex jipprevedu aktar azzjoni konġunta fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;
   (au) li jitolbu, bħala kwistjoni ta' urġenza li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jinkludi dispożizzjonijiet għall-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu ta' prodotti soġġetti għas-sisa skont l-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE u filwaqt li jitqies il-protokoll kontra l-kummerċ illegali tal-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;
   (av) li jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, bl-użu tal-ogħla standards Ewropej u bil-bini tal-kapaċità bl-għan ta' ġlieda aktar effettiva kontra l-kriminalità transkonfinali, il-migrazzjoni illegali, it-traffikar tal-bnedmin u l-kummerċ illegali;
   (aw) li jappoġġjaw il-konverġenza dwar kwistjonijiet reġjonali u internazzjonali, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet, u jsaħħu l-koordinazzjoni fil-ġlieda kontra t-theddidiet għas-sigurtà;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, u, għall-informazzjoni tagħhom, lill-awtoritajiet tal-Ukraina.

(1) ĠU L 49, 19.2.1998, p. 3.
(2) ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.
(3) ĠU C 348 E, 21.12.2010, p. 1.
(4) Testi adottati, P7_TA(2010)0444.
(5) Testi adottati, P7_TA(2011)0272.
(6) Testi adottati, P7_TA(2011)0472.

Avviż legali - Politika tal-privatezza