Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2115(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0365/2011

Testi mressqa :

A7-0365/2011

Dibattiti :

PV 12/12/2011 - 19
CRE 12/12/2011 - 19

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2011 - 6.19
CRE 13/12/2011 - 6.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0565

Testi adottati
PDF 258kWORD 90k
It-Tlieta, 13 ta' Diċembru 2011 - Strasburgu
Ostakli għall-kummerċ u l-investiment
P7_TA(2011)0565A7-0365/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment (2011/2115(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ (Ftehim TBT) adottat fl-1994 bħala parti mir-Rawnd ta' Uruguay tan-negozjati tad-WHO(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 3286/94 tal-Kunsill, tat-22 ta' Diċembru 1994, li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji fis-settur tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tad-drittijiet tal-Komunità skond ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, partikolarment dawk imwaqqfa taħt il-patroċinju tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ(2), (Regolament dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ, TBR),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar il-prospetti għar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina(3), r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi translatlantiċi bejn l-UE u l-Istati Uniti(4), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali mal-Indja(5), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ottubru 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur għall-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interreġjonali(6), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2007 dwar L-Ewropa Globali: l-aspetti esterni tal-kompetittività(7), ir-riżoluzzjoni tad-19 ta' Ġunju 2007 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tal-UE mar-Russja(8), ir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2008 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea li tiżgura aċċess għas-suq għall-kumpaniji Ewropej(9), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2008 dwar “Lejn Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ riformata”(10), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2009 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi maċ-Ċina(11), ir-riżoluzzjoni tiegħu tad-26 ta' Marzu 2009 dwar il-Ftehima ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Indja(12), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni Ewropea mal-Amerika Latina(13), ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar il-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u r-Repubblika ta' Korea(14), ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonaliazzjonali(15), ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-10 ta' Mejju 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-arranġamenti tranżizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi(16), il-pożizzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar L-istat attwali tan-negozjati tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Indja(17), r-riżoluzzjoni tal-11 ta' Mejju 2011 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE-Ġappun(18), ir-riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Kanada(19), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar strateġija effikaċi dwar il-materja prima għall-Ewropa(20), -riżoluzzjoni tas-27 ta' Settembru 2011 dwar Politika Kummerċjali Ġdida għall-Ewropa skont l-Istrateġija Ewropa 2020(21) u r-riżoluzzjoni tal-25 Ottubru 2011 dwar -immodernizzar tal-akkwist pubbliku(22),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – “L-Ewropa Globali - Kompetizzjoni dinjija - Kontribut lill-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi” (COM(2006)0567),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija – Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020” (COM(2010)0612),

–  wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew imsemmi “Rapport dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment għall-2011 - Nimpenjaw lill-imsieħba ekonomiċi strateġiċi tagħna fuq l-aċċess imtejjeb għas-suq: Prijoritajiet għall-azzjoni dwar it-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ” (COM(2011)0114),

–  wara li kkunsidra r-rapport minn Copenhagen Economics bl-isem “Assessment of barriers to trade and investment between the EU and Japan”, ippubblikat fit-30 ta' Novembru 2009,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0365/2011),

A.  billi s-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, stabbilita taħt il-patroċinju tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), tirrappreżenta l-aktar qafas adattat għar-regolamentazzjoni u l-promozzjoni ta' kummerċ miftuħ u ġust, u tiżgura l-iżvilupp ta' regoli kummerċjali dinjija ġusti u ekwu; billi għadhom meħtieġa sforzi għar-riforma tad-WTO bil-għan li din issir aktar demokratika u effiċjenti u biex tiċċara r-relazzjonijiet tagħha ma' organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin oħrajn;

B.  billi l-UE għandha tkompli tagħti prijorità biex jinkiseb eżitu bbilanċjat tal-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha (DDA), li għandha tappoġġja l-integrazzjoni fis-sistema kummerċjali internazzjonali ta' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u partikolarment il-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs), u għandha tikkontribwixxi għall-ħolqien u l-infurzar ta' regoli kummerċjali multilaterali aktar ġusti u ekwi fost il-membri kollha tagħha;

C.  billi l-Istatistika Kummerċjali Internazzjonali tad-WTO għall-perjodu bejn 2000-2009 turi żieda sostanzjali fi skambji kummerċjali għal dawk ir-reġjuni li fetħu s-swieq tagħhom bit-tnejjiħa jew bit-tnaqqis sinifikanti tal-ostakoli għall-kummerċ(23); iżda billi fl-istess ħin rapport konġunt tal-ILO u tad-WTO wera li tul il-kriżi finanzjarja, ċerti pajjiżi – f'pajjiżi industrijalizzati u f'dawk li qegħdin jiżviluppaw - li kienu aktar miftuħin għall-kummerċ esperjenzaw aktar xokkijiet kummerċjali li wasslu għal telf ta' impjiegi sinifikanti fihom(24);

D.  billi r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment għall-2011, jelenka eżempji fejn l-aċċess tas-suq tal-UE lejn pajjiżi differenti fid-dinja, inkluż ekonomiji industrijalizzati u emerġenti ewlenin u membri tad-WTO, qed ikun imxekkel aktar permezz ta' ostakoli non-tariffarji differenti (ONTs), aktar milli minn tariffi kummerċjali li qegħdin jitneħħew b'mod sostanzjali mal-progressi tal-globalizzazzjoni,

E.  billi l-proċeduri ta' akkwist pubbliku fil-pajjiżi msieħba strateġiċi tal-UE għandhom it-tendenza li jkunu magħluqa għall-parteċipanti barranin u relattivament għadhom ma ġewx affettwati minn impenji internazzjonali, filwaqt li l-UE hi aktar miftuħa minn pajjiżi oħrajn f'dan ir-rigward;

F.  billi l-produtturi tal-UE esperjenzaw diffikultajiet fit-tul biex jirreġestraw u jiddefendu l-indikazzjonijiet ġeografiċi tagħhom (GIs) fl-Istati Uniti; billi l-Istati Uniti jikkunsidraw numru ta' ismijiet ta' imbejjed Ewropej bħala semi-ġeneriċi (pereżempju “Champagne”), minkejja l-ħsara possibbli kkawżata għar-reputazzjoni u s-sehem tas-suq tal-GI partikolari tal-UE;

G.  billi l-produtturi Ewropej għandhom diffikultà biex jinfdu is-suq Ġappuniż, partikolarment fis-setturi tal-karozzi, tal-avjazzjoni u dak ajrunawtiku u speċjalment rigward l-akkwist pubbliku; billi fis-suq tal-karozzi tal-Ġappun, id-diffikultajiet ġejjin l-aktar minħabba l-adozzjoni aktar bil-mod mill-Ġappun tal-istandards internazzjonali partikolari (sfortunatament il-Ġappun adotta biss 40 mill-127 Regolament NU-ECE skont il-Ftehim tal-1958); jirrikonoxxi, madankollu, li dawn jinkludu 30 minn 47 Regolament li jikkonċernaw il-Karozzi tal-Passiġġiera (M1), jiġifieri s-settur tas-suq Ġappuniż li hu l-aktar rilevanti għall-produtturi tal-karozzi Ewropej, u l-pass ta' adozzjoni tal-Ġappun daqstant bil-mod jirrestrinġi l-benefiċċji ta' għarfien reċiproku tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim NU-ECE tal-1958; billi d-Djalogu dwar ir-Riforma tar-Regolamenti (RRD) UE-Ġappun, mniedi fl-1994, għadu ma wassal għall-ebda progress sinifikanti dwar l-armonizzazzjoni tal-għarfien reċiproku ta' regolamenti, li jixhed, b'mod speċjali fid-dawl tal-klima ekonomiku attwali, l-importanza li jiġu indirizzati u mwarrba ONTs mhux meħtieġa, possibilment bil-ftuħ ta' negozjati dwar EIA/FTA UE-Ġappun, sakemm l-eżerċizzju dwar l-ambitu juri li dawk il-kundizzjonijiet meħtieġa, bħal, iżda mhux limitati biss għat-twettiq ta' dawk imsemmija aktar kmieni, jinkludu s-17-il kwistjoni dwar is-settur M1, u jinnota li ċ-ċiklu ta' testijiet tal-Ġappun għall-kejl tal-emissjonijiet u l-effiċjenza tal-fjuwil ta' vetturi ħfief jwassal biex dawk Ewropej ikollhom anqas possibilità li jikkwalifikaw għall-inċentivi fiskali Ġappuniżi bbażati fuq il-prestazzjoni ambjentali;

H.  billi ż-żieda fid-dazji ta' esportazzjoni tar-Russja fuq ir-ram telgħet minn 0% għal 10% u minn 5% għal 10% fuq in-nikil sa minn Diċembru 2010, flimkien mat-taxxi doganali ta' esportazzjoni għolja għall-injam, wasslet għall-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' materja prima ewlenija għall-industriji Ewropej, primarjament fis-settur tal-azzar(25) u fl-industrija tal-forestrija;

I.  billi l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) għandha tkun għodda effikaċi biex tiżgura t-trasparenza u tiġġieled l-ispekulazzjoni fis-swieq tal-prodotti bażiċi;

J.  billi l-ONTs fiċ-Ċina urew żieda kostanti fin-numri tagħhom tul dawn l-aħħar snin u billi dawn jistgħu jxekklu l-iżvilupp tal-kumpaniji, partikolarment dak tal-SMEs stabbiliti fit-territorju Ċiniż;

K.  billi għal aktar minn sena ir-reġistrazzjoni tal-prodotti kosmetiċi Ewropej fiċ-Ċina kienet kważi impossibbli, b'mod partikolari għal dawk il-prodotti li jinkludu ingredjenti ġodda, għaliex iċ-Ċina la kellha definizzjoni legali adegwata ta' dawn il-prodotti u l-anqas linji gwida ċari dwar il-proċedura nnifisha(26);

L.  billi t-tħassib imqajjem sa mill-aħħar tal-2010 dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità Regoltaroja tat-Telekomunikazzjoni tal-Indja (TRAI) dwar il-“Politika ta' Manifattura ta' Apparat tat-Telekomunikazzjonijiet”, li għandha tagħti aċċess preferenzjali għas-suq għal prodotti manifatturati lokalment (DMP)/ tagħmir għat-telekomunikazzjonijiet, prinċipalment permezz ta' sussidji kif ukoll ta' miżuri fiskali speċifiċi u relatati mal-akkwist pubbliku statali(27);

M.  billi l-Brażil u l-Arġentina regolarment jadottaw miżuri tariffarji u non-tariffarji li jaffettwaw b'mod sfavorevoli l-kumpaniji Ewropej għalkemm it-tnejn li huma involuti fin-negozjati ta' ftehim ta' kummerċ ħieles mal-UE, bħala membri tal-Mercosur; billi madankollu, in-nuqqasijiet fil-protezzjoni u l-infurzar tad-Dritt ta' Proprjetà Intelletwali (IPR) u n-numru ta' każijiet konsiderevoli pendenti f'applikazzjonijiet għal patenti u marki kummerċjali li jaffettwaw prodotti differenti, inkluż ir-rekwiżiti diskriminatorji għal prodotti farmaċewtiċi, kienu rrappurtati minn kumpaniji tal-UE fid-dħul tagħhom fis-suq tal-Brażil; billi d-dewmien tar-ratifikazzjoni mill-Brażil tal-Protokoll ta' Madri u n-non-aċċess tal-Brażil għat-Trattati tal-Internet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) qegħdin jaffettwaw il-protezzjoni effikaċi tal-IPR fil-pajjiż; u billi s-sanzjonijiet mhumiex ta' deterrent suffiċjenti fil-ġlieda kontra l-ksur tal-IP;

N.  billi l-esportaturi tal-UE jiffaċċjaw bosta tipi ta' restrizzjonijiet fi swieq oħrajn, bħal pereżmpju il-punti ta' dħul limitati fil-Vjetnam u l-ħtieġa għal dokumentazzjoni addizzjonali għall-importazzjoni ta' inbejjed u spirti, prodotti kosmetiċi u telefowns ċellulari(28), u l-valutazzjoni doganali kkumplikata żejjed tal-Ukraina, ir-reklassifikazzjoni arbitrarja tal-prodott u ż-żieda fil-ħlas ta' VAT applikabbli rigward l-agro-ikel, inbejjed u spirti, ħwejjeġ u makkinarju;

O.  billi l-qasam tat-teknoloġija nadifa u rinnovabbli hu dejjem aktar soġġetta għal ostakoli non-kummerċjali bħal rekwiżiti ta' kontenut lokali, diskriminazzjoni ta' akkwist pubbliku, favoritiżmu fir-rigward tal-intrapriżi proprjetà tal-Istat, restrizzjoni dwar iċ-ċaqliq ta' persunal mhux nazzjonali, rekwiżiti għall-provvista u sjieda lokali eċċ. f'pajjiżi bħaċ-Ċina, l-Indja, l-Ukraina, il-Brażil u n-Niġerja;

P.  billi l-UE għandha tiddefendi l-industriji tagħha b'mod attiv kontra ksur ta' regoli miftiehma, standards u prinċipji tad-WTO, magħmula mill-imsieħba kummerċjali tagħha, kull meta meħtieġ, bl-użu ta' kull mezz disponibbli, inkluż mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim multilaterali u bilaterali u ta' strumenti ta' difiża tal-kummerċ kompatibbli mad-WTO;

Q.  billi skont il-liġi tal-UE kumpaniji Ewropej u barranin jistgħu japplikaw għal offerti pubbliċi mingħajr diskriminazzjoni, u billi l-imsieħba tal-Unjoni għandhom jagħmlu dak kollu possibbli biex jagħtu awtorizzazzjoni reċiproka lill-kumpaniji Ewropej biex jipparteċipaw f'offerti għal kuntratti pubbliċi f'pajjiżi terzi fuq termini ġusti u ekwi;

1.  Iqis li t-tneħħija jew it-tnaqqis ta' ONTs mhux ġustifikati u tal-ostakoli regolatorji oħrajn implimentati mill-pajjiżi msieħba strateġiċi ewlenin tal-UE permezz ta' djalogu regolatorju għandha tkun waħda mill-prijoritajiet regolatorji ewlenin tal-politika kummerċjali l-ġdida tal-UE skont l-Istrateġija Ewropa 2020; iqis bħala mhux ġustifikat kull ostaklu li jirriżulta mill-implimentazzjoni inkoerenti ta' regoli kummerċjali bilaterali, plurilaterali u multilaterali; jenfasizza, madankollu, li d-djalogu regolatorju għandu jirrispetta d-dritt tal-istati kollha għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, tar-regoli ambjentali u soċjali u tas-saħħa pubblika;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza b'mod sistematiku l-varjetà kbira, il-kumplessità teknika u s-sensittività politika tal-ONTs bħala parti minn strateġija olistika, inkluż permezz ta' djalogu regolatroju msaħħaħ, fir-rigward tal-imsieħba kummerċjali kollha tal-UE, b'mod partikolari ma' dawk ta' importanza strateġika; iqis, b'mod partikolari, lill-kumitati għar-rieżami tal-implimentazzjoni ta' ftehimiet kummerċjali bilaterali ħielsa (FTAs), lill-kumitati rilevanti tad-WTO u l-aġenziji għall-istabbiliment tal-istandards tan-NU, bħala l-fora ta' diskussjoni adegwati għal dawn il-kwistjonijiet regolatorji;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tfassal distinzjoni ċara bejn dawk l-ONTs li jikkawżaw distorsjonijiet ta' kompetizzjoni inġusti u dawk li jirriflettu għanijiet pubbliċi leġittimi, b'mod partikolari rigward is-saħħa pubbliku u l-protezzjoni tal-ambjent; jenfasizza, pereżempju li l-liġijiet Ewropej fuq il-GMOs u r-regoli dwar is-saħħa u s-saħħa tal-pjanti li jaffettwaw l-agrikoltura ma jistgħux jitqiesu bħala ONTs inġusti, iżda għandhom minflok jiġu difiżi fl-arena kummerċjali internazzjonali;

4.  Jenfasizza li dan id-djalogu regolatorju strutturat, previst fl-FTAs bilaterali, għandu jirrispetta bis-sħiħ il-proċess demokratiku fl-adozzjoni ta' standards, kemm fl-UE kif ukoll fl-imsieħba kummerċjali tagħha;

5.  Jinsisti li t-trattament tal-ONTs hu kompitu bejn is-servizzi li jinvolvi DĠ differenti tal-Kummissjoni u għalhekk għandu jitqies bħala prijorità fl-aġenda ta' parteċipazzjoni regolatorja tal-Kummissjoni, b'mod partikolari permezz tal-armonizzazzjoni ta' regoli tekniċi abbażi ta' standards internazzjonali;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex b'mod sistematiku tuża kanali ta' komunikazzjoni adegwati mal-imsieħba tagħha bl-istess mentalità sabiex tindirizza l-kwistjoni tal-ONTs u l-ostakoli regolatorji l-oħra fil-pajjiż terzi ħalli jitfasslu strateġiji komuni għat-tneħħija ta' dawn l-ostakoli;

7.  Hu tal-fehma li l-insistenza dwar ir-reċiproċità tal-aċċess għas-suq għall-pajjiżi industrijalizzati u emerġenti għandha tifforma parti integrali mill-istrateġija kummerċjali tal-UE, u għandha timxi b'mod parallel mat-tneħħija jew it-tnaqqis tal-ONTs;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza dawn il-kwistjonijiet mifruxa u persistenti f'kull ftehim kummerċjali plurilaterali u bilaterali, speċjalment FTAs, u għandha tiżgura li l-ONTs jingħataw l-istess attenzjoni bħalissa mogħtija għat-tneħħija tat-tariffi fil-fora regolatorji adegwati, partikolarment fin-negozjati tagħha mal-ekonomiji industrijalizzati u emerġenti; jenfasizza li, fil-qasam tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, speċjalment LDCs u Stati Gżejjer Żgħar li Qegħdin Jiżviluppaw (SIDs), għandha tingħata prijorità lill-għajnuna għall-kummerċ u għall-assistenza teknika u finanzjarja, sabiex dawn il-pajjiżi jingħataw l-għajnuna biex itejbu l-ambjent regolatorju tagħhom b'kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom f'termini tal-iżvilupp tas-swieq interni tagħhom u l-protezzjoni tal-industriji embrijoniċi u tal-istrutturi agrikoli tagħhom, li f'ħafna każijiet huma vulnerabbli;

9.  Iqis li l-Parlament Ewropew fil-futur għandu jagħti aktar attenzjoni lill-mod li bih l-ONTs mhux ġustifikati ġew indirizzati fil-valutazzjonijiet ta' ftehimiet kummerċjali biex jiġi żgurat l-aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi lill-esportaturi u l-investituri Ewropej, b'mod partikolari l-SMEs, filwaqt li fl-istess ħin jinżamm ir-rispett għall-ħtieġa ta' trattament speċjali u differenzjat għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex iżżomm inventarju aġġornat tal-ostakoli ewlenin iffaċjati mill-esportaturi jew mill-investituri tal-UE fi swieq importanti ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari msieħba ta' FTA, inkluż in-numru u t-tip ta' tħassib imqajjem mill-Istati Membri u mill-kumpaniji, bħala għodda ta' valutazzjoni tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi terzi;

11.  Ifakkar lill-Kummissjon li l-politika Ewropea tal-IPR rigward il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw għandha tibqa fl-obbligi tal-ftehim TRIPS u għandha tirrispetta bis-sħiħ id-Dikjarazzjoni ta' Doha tal-2001 dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika, speċjalment fil-qasam ta' mediċini ġeneriċi u s-saħħa pubblika, sabiex il-politika għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw titħalla l-opportunità li tindirizza t-tħassib ta' interess pubbliku;

12.  Hu tal-fehma li, għalkemm bħalissa ma teżisti l-ebda rabta diretta bejn l-ONTs partikolari u ostakoli regolatorji oħrajn li jiffaċċjaw kumpaniji tal-UE fl-isforzi tagħhom biex jaċċedu għal swieq barranin, min naħa, u t-telf ta' impjiegi reali fl-Istati Membri tal-UE min-naħa l-oħra, ikun tajjeb li l-Kummissjoni, b'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali partikolari l-oħrajn, tinvestiga jekk kienx hemm rabta bejn l-ONTs partikolari fl-UE u f'pajjiżi terzi u l-ħolqien jew it-telf reali attwali ta' impjiegi;

13.  Jinnota li l-Kummissjoni għandha tinvestiga l-possibilità li tiżviluppa u tistabbilixxi mekkaniżmu ta' twissija bikri li jiskopri l-ONTs u għandha ssaħħaħ l-għodod analitiċi li għandha biex twettaq valutazzjoni kwalitativa tagħhom u biex tagħti definizzjoni aktar ċara ta' ONTs mhux ġustifikati; jipproponi li dan il-mekkaniżmu għandu jaħdem permezz ta' delegazzjonijiet tal-UE bbażati f'pajjiżi terzi, f'kooperazzjoni mal-korpi li diġà nħolqu mill-Istati Membri;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-kooperazzjoni regolatorja internazzjonali, inkluż f'fora multilaterali, u l-konverġenza ta' rekwiżiti regolatorji abbażi tal-istandards internazzjonali u fejn hu possibbli tipparteċipa fi djalogu regolatorju biex tindirizza ostakoli għall-kummerċ eżistenti jew potenzjali fil-ġejjieni, bil-għan li tillimita t-tilwim u l-ispejjeż kummerċjali marbutin magħhom;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-firxa ta' dixxiplimi ta' akkwist pubbliku bbażati fuq l-istandards internazzjonali kif żviluppati fil-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku Governattiv u għall-użu jew l-espansjoni ta' djalogi regolatorji attwali għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar il-qafas regolatorju u r-ristrutturar ta' prattiki diskriminatorji diretti jew indiretti fir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi msieħba industrijalizzati, fost il-partijiet tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi;

16.  Jemmen li wieħed mill-punti ewlenin għat-tnaqqis tal-ONTs għall-kummerċ u l-investiment hi r-riforma tal-GPA fid-WTO, b'kunsiderazzjoni xierqa tan-natura multifunzjonali tal-politiki għall-akkwist pubbliku; jitlob lill-ekonomiji emerġenti ewlenin jipparteċipaw f'dan il-proċess u jiffirmaw u jirrattifikaw mingħajr dewmien il-ftehim li jmiss;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni żżomm pożizzjoni pożittiva u b'saħħitha tul in-negozjati dwar il-firma ta' GPA miċ-Ċina sabiex tiżgura l-ftuħ reċiproku ugwali ta' proċeduri ta' akkwist pubbliku taċ-Ċina kif ukoll trattament ugwali u kundizzjonijiet prevedibbli għal kumpaniji Ewropej;

18.  Jirrakkomanda li jiġu eżaminati mezzi regolatorji biex jiġi żgurat li l-kuntratti ta' akkwist pubbliku għal proġetti ffinanzjati b'sussidji tal-UE ma jkunux jistgħu jingħataw lil intrapriżi ta' proprjetà statali minn pajjiżi terzi li la ffirmaw il-GPA u lanqas ftehimiet reċiproċi bilaterali ta' ftuħ tas-suq, jew inkella li f'każijiet bħal dawn l-UE tkun tista' titlob il-ħlas lura tas-sussidji;

19.  Ifakkar fl-importanza tal-investiment dirett barrani għall-ekonomija Ewropea u fil-ħtieġa li jinħoloq ambjent stabbli u attraenti għall-investituri Ewropej barra l-Ewropa u li jiġi promoss ambjent ta' investiment miftuħ fl-Ewropa kollha; jissuġġerixxi, madankollu, li fl-interess taż-żewġ naħat, ikun tajjeb li fil-livell Ewropew jitqies il-fatt li jiġi evalwat l-impatt ta' dan l-investiment fuq is-suq intern biex jitwaqqaf minn qabel kull effett negattiv potenzjali fuq l-innovazzjoni u l-kompetenza Ewropej f'ċerti setturi strateġiċi;

20.  Iħeġġeġ lill-intrapriżi u lill-esportaturi tal-UE jagħmlu użu ta' kanali eżistenti, inkluż l-ilmenti dwar TBR jew ir-reġistru tal-ilmenti fid-Database dwar l-Aċċess għas-Swieq, biex jirrapportaw dwar ħsara fi proprjetà materjali kaġun ta' kull tip ta' ostakoli kummerċjali lill-Kummissjoni, li għandha tevalwhom u tuża l-miżuri kollha meħtieġa biex tittratta l-ONTs mhux ġustifikati;

21.  Iqis li, fir-rigward tal-materja prima, il-Kummissjoni għandha tfittex li twettaq strateġija sostenibbli, komprensiva u mifruxa fuq il-politiki, filwaqt li tirrikonoxxi li r-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni u t-taxxi tal-esportazzjoni jistgħu jitqiesu bħala importanti għall-appoġġ tal-objettivi għall-iżvilupp, il-protezzjoni tal-ambjent jew l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi naturali fl-ifqar pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw bħall-LDCs u s-SIDs u pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw oħrajn, bl-esklużjoni tal-pajjiżi BRIC; jinnota li l-maġġoranza tal-membri tad-WTO li jużaw taxxi tal-esportazzjoni huma pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u LDCs; jitlob lill-UE sabiex tieqaf milli tipprojbixxi l-użu ta' tassazzjoni fuq l-esportazzjoni għall-LDCs u s-SIDs, bl-esklużjoni tal-pajjiżi BRIC, fid-WTO u fi ftehimiet kummerċjali bilaterali u Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs), għaliex dan ikun qed jillimita l-possibbiltà għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jużaw din l-għodda għaż-żieda tal-valur, għad-diversifikazzjoni, il-protezzjoni ta' industrija naxxenti, is-sikurezza alimentari u konsiderazzjonijiet ta' dħul ekonomiku u konsiderazzjonijiet ambjentali sakemm dawn ma jiksbux status ta' żvilupp avvanzat;

22.  Jikkonkludi, li sabiex jiġu apprezzati bis-sħiħ il-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ f'dawk il-pajjiżi li jiftħu s-swieq tagħhom, jneħħu t-tariffi u l-ONTs, l-imsieħba kummerċjali għandhom jiftiehmu b'mod reċiproku fuq mekkaniżmi ta' phasing transnazzjonali perjodiċi fir-rigward tal-għoti ta' aċċess għas-swieq f'ċerti setturi sensittivi u l-investimenti magħmula fihom, jew, f'każijiet eċċezzjonali, billi jeskluduhom kompletament;

23.  Bi qbil mal-Prinċipji Kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti għas-Servizzi taT-Teknoloġija tal-Informazzjoni u ta' Komunikazzjoni (ICT) (iffirmat mal-Istati Uniti skont it-TEC), iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina u tindirizza bis-sħiħ regolamenti, responsabilitajiet u metodi leġiżlattivi diskriminatorji u sproporzjonati oħrajn kontra n-netwerks u servizzi tal-ICT sabiex tirrestrinġi l-fluss ta' informazzjoni miftuħ, l-aċċess għas-suq tas-servizzi u t-tkomplija tad-distakk diġitali;

24.  Iqis li għandha tingħata prijorità xierqa lill-ostakoli kummerċjali u għall-investiment li jaffettwaw lis-settur tas-servizzi Ewropew, inkluż l-ICT u t-telekomunikazzjoni, is-servizzi professjonali u kummerċjali, is-servizzi finanzjarji, il-kostruzzjoni, il-bejgħ u d-distribuzzjoni; dawn il-miżuri non-tariffarji, inkluż regolamenti domestiċi, restrizzjonijiet ta' sjieda u miżuri ta' kriżi differenti (inkluż dispożizzjonijiet diskriminatorji fl-akkwist pubbliku), huma ta' importanza partikolari minħabba l-valur miżjud għoli tal-kummerċ tas-servizzi u tal-pożizzjoni tal-UE bħala l-akbar esportatur ta' servizzi;

25.  Hu tal-fehma li għandu jinħoloq mekkaniżmu ta' medjazzjoni fid-WTO li jħaffef it-tneħħija tal-ONTs b'mod kostruttiv, effikaċi, rapidu u mingħajr konfront ispirat mis-sistema SOLVIT, bi qbil ma' suġġerimenti simili kemm mill-UE u mill-Indja;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) http://www.wto.org/english/docs_e/legal_e/17-tbt.pdf
(2) ĠU L 349, 31.12.1994, p. 71.
(3) ĠU C 233 E, 28.9.2006, p. 103.
(4) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 235.
(5) ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 400.
(6) ĠU C 308 E, 16.12.2006, p. 182.
(7) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 128.
(8) ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 95.
(9) ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 16.
(10) ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 77.
(11) ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 132.
(12) ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 166.
(13) Testi adottati, P7_TA(2010)0387.
(14) Testi adottati, P7_TA(2011)0063.
(15) Testi adottati, P7_TA(2011)0141.
(16) Testi adottati, P7_TA(2011)0206.
(17) Testi adottati, P7_TA(2011)0224.
(18) Testi adottati, P7_TA(2011)0225.
(19) Testi adottati, P7_TA(2011)0257.
(20) Testi adottati, P7_TA(2011)0364.
(21) Testi adottati, P7_TA(2011)0412.
(22) Testi adottati, P7_TA(2011)0454.
(23) Ara ukoll http://www.wto.org/english/res_e/statis_e/statis_e.htm.
(24) Rapport konġunt tad-WTO u tal-ILO, il-Globalizzazzjoni u impjiegi informali f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, 2009.
(25) Ara d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni tal-Gvern Russa għal Miżuri ta' Protezzjoni tal-Kummerċ Estern kif stipulat mid-Digriet tal-Gvern Russu Nru 892 u Nru 893 tat-12 ta' Novembru 2010.
(26) Bid-dħul fis-seħħ f'April 2010 tad-Digriet 856 ta' Diċembru 2009, maħruġ mill-Ammistrazzjoni tal-Istat għall-Ikel u Drogi (SFDA) taċ-Ċina, saret meħtieġa r-reġistrazzjoni ta' prodotti kosmetiċi . Il-problemi li jirriżultaw għall-kumpaniji tal-UE tqajmu fil-kuntest tad-djalogu regulatorju DĠ SANCO – SFDA dwar il-kosmetiċi.
(27) Rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità Regolatorja għat-Telekomunikazzjonijiet tal-Indja (TRAI) dwar il-Politika ta' Manifattura ta' Tagħmir għat-Telekomunikazzjoni tat-12 ta' April 2011 (http://www.trai.gov.in/WriteReadData/trai/upload/Recommendations/133/Recommondation%20_telecom.pdf)
(28) Avviż Nru 197 maħruġ mill-Vjetnam fis-6 ta' Mejju 2011 li jimponi dawn iż-żewġ tipi ta' rekwiżiti għall-importazzjonijiet ta' inbejjed u spirti, prodotti kosmetiċi u telefowns ċellulari bi dħul fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2011.

Avviż legali - Politika tal-privatezza