Indiċi 
Testi adottati
It-Tlieta, 7 ta' Ġunju 2011 - Strasburgu
Ħatra ta' membru tal-Qorti tal-Awdituri (Is-Sur H.G. WESSBERG - SV)
 Talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Agnes Hankiss
 Prova tal-oriġini ta' ċerti prodotti tessili ***I
 Il-parteċipazzjoni tal-Kroazja fil-ħidma taċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga ***
 Applikazzjonijiet għat-trasport tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita
 Ftehimiet Internazzjonali dwar l-Ajru skont it-Trattat ta' Lisbona
 Tassazzjoni fuq vetturi ta' tagħbija tqal ***II
 Il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej ***I

Ħatra ta' membru tal-Qorti tal-Awdituri (Is-Sur H.G. WESSBERG - SV)
PDF 199kWORD 31k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar in-nomina proposta ta' H.G. Wessberg bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri (C7-0103/2011 – 2011/0803(NLE))
P7_TA(2011)0246A7-0190/2011

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta mal-Parlament (C7-0103/2011),

–  wara li kkunsidra l-fatt li, waqt il-laqgħa tiegħu tal-24 ta' Mejju 2011, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-kandidat propost mill-Kunsill għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar il-Kontroll Baġitarju (A7-0190/2011),

A.  billi H.G. Wessberg jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,

1.  Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kunsill għan-nomina ta' H.G. Wessberg bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet ta' verifika tal-Istati Membri.


Talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Agnes Hankiss
PDF 210kWORD 40k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Ágnes Hankiss (2010/2213(IMM))
P7_TA(2011)0247A7-0196/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ágnes Hankiss, imressqa mill-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda fis-6 ta' Lulju 2010, u mħabbra fis-seduta plenarja tas-6 ta' Settembru 2010,

–  wara li sema' lil Ágnes Hankiss fil-11 ta' April 2011, bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, tat-8 ta' April 1965, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008 u tad-19 ta' Marzu 2010(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0196/2011),

A.  billi l-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda, Budapest, talbet it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Ágnes Hankiss, Membru tal-Parlament, sabiex jitmexxa proċediment kriminali ġdid kontra Ágnes Hankiss kif ordnat mis-sentenza tal-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Ungerija,

B.  billi t-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Ágnes Hankiss tirrigwarda allegat reat ta' malafama skont is-Sezzjoni 181 tal-Kodiċi Kriminali tal-Ungerija wara dikjarazzjoni magħmula tul il-programm “Péntek 8 mondatvadász” fit-23 ta' Jannar 2004,

C.  billi Ágnes Hankiss kienet akkużata mill-kwerelant privat f'denunċja tat-18 ta' Frar 2004 u li ġiet ippreżentata lill-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda fit-23 ta' Frar 2004; billi l-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda ħarġet is-sentenza tagħha fit-28 ta' Ġunju 2005, li ġiet appellata fil-Qorti Muniċipali ta' Budapest u annullata mill-istess Qorti fit-3 ta' Frar, 2006,

D.  billi, minħabba f'hekk il-każ ġie riferut lura lill-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda, li fis-6 ta' Frar 2009, ħelset lill-Ágnes Hankiss mill-akkużi; billi l-kwerelant ressaq appell kontra din is-sentenza fil-Qorti Muniċipali ta' Budapest, li, fil-25 ta' Marzu 2009, iddeċiedet li tikkonferma s-sentenza tal-Qorti Distrettwali fuq ir-raġunijiet kollha,

E.  billi fit-12 ta' Novembru 2009 l-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Ungerija annullat iż-żewġ sentenzi minħabba ksur tal-liġi sostantiva u tat istruzzjonijiet lill-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda biex tmexxi proċediment ġdid,

F.  billi Ágnes Hankiss ilha Membru tal-Parlament sa mill-15 ta' Lulju 2009,

G.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew il-Membri tiegħu għandhom igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament ta' pajjiżhom; u billi dan ma jwaqqafx lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta' wieħed mill-Membri tiegħu,

H.   billi s-Sezzjoni 552(1) tal-Att dwar il-Proċedimenti Kriminali tal-Ungerija jirrikjedi li jiġu sospiżi l-proċedimenti kriminali kontra persuna li tgawdi l-immunità u li tintalab it-tneħħija tal-immunità, u billi s-Sezzjoni 551(1) ta' dak l-Att jistipula li proċedimenti kriminali jistgħu jitnedew biss kontra, inter alia, Membru tal-Parlament Ewropew wara s-sospensjoni tal-immunità,

I.  billi s-Sezzjoni 12(1) tal-Att LVII tal-2004 jistipula li talba għat-tneħħija tal-immunità f'każijiet soġġetti għal azzjoni privata, għandha ssir mill-Qorti lill-President tal-Parlament,

J.  billi fil-proċedimenti l-ġodda ta' wara l-annullament, Ágnes Hankiss iddikjarat li hi kienet Membru tal-Parlament u għalhekk il-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda, abbażi tas-Sezzjoni 552(1) tal-Att Ungeriż dwar il-Proċedimenti Kriminali u s-Sezzjoni 12 Att LVII tal-2004, iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u talbet għat-tneħħija tal-immunità,

K.  billi, għalhekk jixraq li jirrakkomanda t-tneħħija tal-immunità parlamentari f'dan il-każ,

1.  Iddeċieda li jneħħi l-immunità parlamentari ta' Ágnes Hankiss;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika ta' l-Ungerija u lil Ágnes Hankiss.

(1) Kawża 101/63 Wagner vs Fohrmann u Krier [1964] Ġabra 195, Kawża 149/85 Wybot vs Faure et [1986] Ġabra 2391, Kawża T-345/05 Mote vs Il-Parlament [2008] ECR II-2849, Kawżi Magħquda C-200/07 u C-201/07 Marra vs De Gregorio u Clemente [2008] ECR I-7929, u Kawża T-42/06 Gollnisch vs Il-Parlament.


Prova tal-oriġini ta' ċerti prodotti tessili ***I
PDF 289kWORD 36k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1541/98 dwar il-prova tal-oriġini ta' ċerti prodotti tessili li jidħlu fit-Taqsima XI tan-Nomenklatura Magħquda u rilaxxjati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fil-Komunità, u dwar il-kundizzjonijiet tal-aċċettazzjoni ta' din il-prova u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3030/93 dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tat-tessuti minn pajjiżi terzi (COM(2010)0544 – C7-0316/2010 – 2010/0272(COD))
P7_TA(2011)0248A7-0156/2011

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0544),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0316/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0156/2011),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-7 ta' Ġunju 2011 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1541/98 dwar il-prova tal-oriġini ta' ċerti prodotti tessili li jidħlu fit-Taqsima XI tan-Nomenklatura Magħquda u rilaxxjati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fil-Komunità, u dwar il-kundizzjonijiet tal-aċċettazzjoni ta' din il-prova u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3030/93 dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tat-tessuti minn pajjiżi terzi

P7_TC1-COD(2010)0272


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 955/2011.)


Il-parteċipazzjoni tal-Kroazja fil-ħidma taċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga ***
PDF 201kWORD 31k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Kroazja u l-Unjoni Ewropea dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja fil-ħidma taċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (11633/2010 – C7-0026/2011 – 2010/0011(NLE))
P7_TA(2011)0249A7-0186/2011

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (11633/2010),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kroazja dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja fil-ħidma taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (11633/2010),

–  wara li kkunsidra t-talba għal kunsens imressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 168(5) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0026/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0186/2011),

1.  Jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Kroazja.


Applikazzjonijiet għat-trasport tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita
PDF 282kWORD 59k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar applikazzjonijiet għat-trasport tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita – il-politika tal-UE għal perjodu qasir u medju ta' żmien (2010/2208(INI))
P7_TA(2011)0250A7-0084/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-14 ta' Ġunju 2010 mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Programm ta' Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) (COM(2010)0308),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Ottubru 2010 dwar dak il-Pjan ta' Azzjoni (14146/2010),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-6 ta' Ottubru 2010 bit-titolu “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020: Unjoni tal-Innovazzjoni” (COM(2010)0546),

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżami ta' nofs it-terminu tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita (COM(2011)0005) tat-18 ta' Jannar 2011, li jistipula l-ħtieġa ta' finanzjament sostanzjali sabiex titlesta l-infrastruttura tar-radjunavigazzjoni bis-satellita,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo)(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1321/2004 tat-12 ta' Lulju 2004 dwar l-istabbiliment ta' strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita(2),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-8 ta' Diċembru 2006 dwar l-Applikazzjonijiet tan-Navigazzjoni bis-Satellita (COM(2006)0769),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta' strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tad-29 ta' Jannar 2004 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istadju tal-progress tal-programm Galileo(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0084/2011),

A.  billi l-applikazzjonijiet tal-GNSS illum huma karatteristika ċentrali u indispensabbli tal-attività f'kull settur tat-trasport u billi t-tħaddim effiċjenti u effettiv tagħhom jirriżulta f'trasport aktar sikur, aktar ekonomiku u li jirrispetta aktar l-ambjent,

B.  billi l-applikazzjonijiet għat-trasport għandhom sehem ta' 20 % tal-volum tal-applikazzjonijiet kollha GNSS, u 44 % tal-valur, u billi l-operazzjonijiet ta' sikurezza – l-aktar dawk relatati mat-trasport – għandhom sehem ieħor ta' 5 %,

C.  billi l-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa' għal dejjem dipendenti għall-infrastruttura bażika meħtieġa għat-tħaddim tal-GNSS fuq sistemi li fil-bidu kienu żviluppati għal għanijiet oħra minn pajjiżi oħra,

D.  billi l-EGNOS hi sistema awtonoma li tissupplimenta l-GPS u li tiddependi fuq id-disponibilità ta' sinjali tal-GPS biex twettaq operazzjonijiet ta' kalkolu u ta' korrezzjoni; billi ma jistax ikun hemm GNSS kompletament indipendenti sakemm tiġi introdotta s-sistema Galileo,

E.  billi s-sistema EGNOS Ewropea hija mfassla biex tissodisfa t-talba attwali u futura sostanzjali u varjata tal-industrija fl-Ewropa u madwar id-dinja, pereżempju fir-rigward tas-sikurezza u t-traċċabilità tat-trasport, fiż-żamma tal-aspetattivi tal-politika industrijali Ewropea ġdida u aktar proattiva, u billi hi kompatibbli wkoll mal-GPS, kif ukoll mal-Galileo, li hija sistema ħafna aktar preċiża, u tissupplimenta lit-tnejn,

F.   billi l-applikazzjonijiet għat-trasport kummerċjali tal-GNSS u tal-Galileo jirrappreżentaw suq dinji li qed jikber li għandu jiġi ggarantit kemm jista' jkun għall-benefiċċju ekonomiku tal-industrija Ewropea u għall-ħolqien ta' impjiegi bi kwalifiki għoljin,

G.  billi l-GNSS ser ikollha rwol ewlieni fl-appoġġ u l-promozzjoni tal-użu ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (ITSs),

H.  billi l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet u servizzi tal-GNSS hu essenzjali biex jiġi żgurat investiment infrastrutturali tal-Galileo jiġi sfruttat bis-sħiħ u li s-sistema Galileo tiġi żviluppata bis-sħiħ,

I.  billi l-investiment f'dan is-settur għandu implikazzjonijiet għall-politiki kollha tal-UE u billi l-espansjoni u l-implimentazzjoni tiegħu se jkollhom impatt dirett fuq t-twettiq tal-Istrateġija UE 2020 u fuq l-iżvilupp tal-potenzjal tas-suq Ewropew fl-applikazzjoni u s-servizzi tal-GNSS, bil-ħolqien ta' impiegi u t-tisħiħ tal-kompetittività Ewropea,

J.  billi l-proġetti GNSS u Galileo ser jwasslu għal valur miżjud kunsiderevoli għall-politika industrijali Ewropea u huwa importanli li jiġi żgurat is-suċċess tagħhom,

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) u s-sensiela ta' azzjonijiet settorjali, regolatorji u orizzontali speċifiċi pproposti fih;

2.  Jaqbel mal-Kummissjoni li pjan ta' azzjoni mmirat huwa, f'dal-punt, l-aħjar għażla biex jitħeġġu aktar l-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-EGNOS u tal-Galileo, l-aktar fil-qasam tat-trasport; jenfasizza li s-sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita għandhom jiżguraw l-interoperabilità bejn sistemi differenti – inklużi dawk konvenzjonali – u għandhom jippermettu wkoll l-użu intermodali fis-servizzi kemm tal-passiġġieri kif ukoll tat-trasport tal-merkanzija;

3.  Jinnota li, mill-15-il proposta speċifika għal kull sezzjoni fil-pjan ta' azzjoni, disa' huma relatati direttament mat-trasport u ħafna mill-oħrajn huma meħtieġa sabiex tingħata bażi għall-applikazzjonijiet relevanti għat-trasport;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm ċertifikazzjoni mħaffa tal-EGNOS għall-avjazzjoni ċivili permezz tal-awtoritajiet kompetenti;

5.  Jaqbel li azzjonijiet biex jiġi promoss l-użu tal-EGNOS u tal-Galileo fl-avjazzjoni ċivili huma ta' ħtieġa strateġika għall-implimentazzjoni tas-SESAR (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew), speċjalment fir-rigward tal-użu tagħha għall-proċeduri ta' nżul u fl-ajruporti żgħar;

6.  Jiddispjaċih li, fil-mument, l-Unjoni Ewropea għadha mhix kollha koperta mill-EGNOS u jappella biex, bħala prijorità, is-sistema tal-EGNOS tiġi estiża lejn in-nofsinhar, il-lvant u x-xlokk tal-Ewropa, biex tkun tista' tintuża f'kull settur tat-trasport madwar l-Ewropa, u jenfasizza l-importanza li jiġu żgurat li l-kopertura tas-sistema testendi kemm lejn il-pajjiżi tal-MEDA, kif ukoll lejn il-Lvant Nofsani u lejn l-Afrika;

7.  Jenfasizza l-importanza tal-GNSS fl-iżvilupp tal-ITSs; jirrimarka li l-ITSs jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet ta' trasport aktar effiċjenti, nodfa u sikuri, u li l-implimentazzjoni xierqa ta' għadd ta' servizzi tal-ITS teħtieġ sistemi GNSS li jiffunzjonaw sewwa;

8.  Jappoġġja l-fehma li l-EGNOS u l-Galileo jistgħu jkunu ta' kontribut importanti għall-ġestjoni tat-traffiku fuq it-triq u li tinħtieġ kampanja ta' sensibilizzazzjoni f'dak is-settur sabiex jiżdied l-użu tal-opportunitajiet ipprovduti fir-rigward tal-ġbir ta' tariffi, is-sistema tas-sejħiet ta' emerġenza “eCall”, l-ibbukkjar onlajn ta' żoni ta' parkeġġ sikuri għat-trakkijiet u t-tracking fil-ħin reali, biex tkun ta' kontribut għal trasport bit-triq li jkun aktar sikur u li jirrispetta aktar l-ambjent;

9.  Jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti regolatorji meħtieġa biex tagħti valur miżjud mill-GNSS lis-sikurezza f'kull forma ta' trasport, b'mod partikolari fit-toroq, u biex titjieb l-effiċjenza fit-trasport tal-merkanzija;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-kooperazzjoni industrijali mal-pajjiżi non-Ewropej bil-għan li tippromwovi l-iżvilupp u l-interoperabilità tal-applikazzjonijiet u s-servizzi EGNOS u Galileo;

11.  Jaqbel li l-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni bir-reqqa tal-ħtieġa li temenda l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar takografi diġitali sabiex tiżgura li l-opportunitajiet għall-informazzjoni dwar l-ippożizzjonar u l-veloċità li toffri l-GNSS jintużaw b'mod xieraq;

12.  Jaqbel li l-GNSS tista' tagħmel ħafna biex issaħħaħ is-sigurtà u l-effiċjenza tat-trasport bil-baħar u li l-Kummissjoni għandha tieħu l-passi biex iżżid is-sensibilizzazzjoni u ttejjeb l-għarfien tal-applikazzjonijiet possibbli tal-GNSS fis-setturi marittimi u tal-ilmijiet navigabbli interni u biex l-applikazzjonijiet ibbażati fuq l-EGNOS jiġu aċċettati fil-livell tal-IMO u tal-ICAO;

13.  Jappoġġja l-pjan tal-Kummissjoni li tniedi kampanji ta' tixrid tal-għarfien fost il-partijiet interessati differenti biex l-industrija Ewropea tingħata l-kunfidenza biex tinvesti fil-potenzjal kummerċjali tal-proġetti tal-UE tan-navigazzjoni bis-satellita;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta b'effikaċja l-miżuri b'saħħithom ta' sensibilizzazzjoni stipulati fil-Pjan ta' Azzjoni, sabiex jinkiseb użu estensiv tal-EGNOS fl-Ewropa, f'kull qasam ta' applikazzjoni, ubiex b'hekk jiġu żgurati approċi aktar kumplessi;

15.  Jinsisti li l-Kummissjoni għandha tipproponi, fil-kuntest tal-proċedura baġitarja u tal-qafas finanzjarju multiannwali tal-ġejjieni (MFF), miżuri li jiżguraw li jkun hemm livelli adegwati ta' finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp tal-GNSS, kif ukoll għall-implimentazzjoni; jenfasizza li l-finanzjament tal-UE fis-settur tat-trasport hu diġà nieqes ħafna u li, għalhekk, finanzjament addizzjonali għall-GNSS ma għandux iwassal għal anqas fondi fi prijoritajiet oħrajn fil-qasam tal-Politika Komuni għat-Trasport; iġedded is-sejħa tiegħu biex il-Kummissjoni, fir-rigward ta' kemm dan il-proġett speċifiku u ta' proġetti simili bħat-TEN-Ts, tressaq proposta finanzjarja multiannwali li tmur lil hinn mill-perjodu tal-MFF, sabiex tipprovdi qafas finanzjarju stabbli u affidabbli għal proġetti Ewropej aktar ambizzjużi li l-ambitu tagħhom jmur lil hinn mil-limitazzjonijiet attwali;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra jekk dħul mill-attivitajiet kummerċjali tal-Galileo jistax jingħata lill-baġit tal-UE;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar kif l-ispiża ta' manteniment annwali, stmata għal EUR 800 miljun, ser tkun iffinanzjata ladarba l-Galileo issir operattiva;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq strateġija ta' finanzjament komprensiva li, flimkien ma' kontributi adegwati mill-UE u mill-Istati Membri, tkun tista' tinkludi, inter alia, inċentivi fiskali koordinati, proċeduri simplifikati għall-għoti ta' applikazzjonijiet, u arranġamenti li jistgħu jwasslu investiment kapitali lill-SMEs u jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-applikazzjonijiet EGNOS u Galileo b'koperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment u mal-Fond Ewropew tal-Investiment;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-EUR 100 miljun li x'aktarx mhux ser jintefqu fi ħlasijiet ta' approprjazzjonijiet għar-riċerka fi ħdan is-Seba' Programm ta' Qafas ikunu dsiponibbli għall-iżvilupp tal-applikazzjonijiet GNSS;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina kif proċeduri simplifikati jistgħu jiżguraw l-għoti aktar effiċjenti u aktar trasparenti tal-fondi b'appoġġ għar-riċerka fil-qasam tat-trasport assistit mill-GNSS għal kulħadd, b'attenzjoni speċjali fuq il-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabilità u b'enfasi partikolari fuq l-SMEs;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-SMEs jiksbu aċċess iffaċilitat għall-finanzjament Ewropew immirat biex iħeġġeġ l-innovazzjoni marbuta mal-applikazzjonijiet tal-GNSS, speċjalment skont is-seba' u t-tmien programmi ta' qafas;

22.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina x'riskji dwar il-protezzjoni tad-data jista' jkun hemm bl-użu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tal-EGNOS u biex tagħmel dak kollu possibbli biex teliminahom;

23.  Jinnota l-ħtieġa ta' investiment fir-riċerka fl-applikazzjonijiet u s-servizzi speċifiċi għall-GNSS – b'attenzjoni partikolari għar-rekwiżiti speċjali ta' persuni b'diżabilità – peress li dan l-investiment huwa ta' importanza deċiżiva għall-iżvilupp u l-użu xieraq tas-servizzi GNSS;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ inizjattivi mmirati għall-iżvilupp ta' ċentri ta' servizz speċifiċi għas-settur, b'mod partikolari għal settur marittimu;

25.  Jiddispjaċih li n-nuqqas ta' fondi allokati għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-applikazzjonijiet ibbażati fuq l-EGNOS u l-Galileo qed iwassal għal dewmien kunsiderevoli fil-progress teknoloġiku u fit-tkabbir tal-kapaċità industrijali, u tal-implimentazzjoni effettiva mil-lat ambjentali, fl-Unjoni Ewropea, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintroduċi arranġamenti li jippermettu l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jiksbu aċċess għal finanzjament aktar fil-pront;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1.
(2) ĠU L 246, 20.7.2004, p. 1.
(3) ĠU L 276, 20.10.2010, p. 11.
(4) ĠU C 96 E, 21.4.2004, p. 128.


Ftehimiet Internazzjonali dwar l-Ajru skont it-Trattat ta' Lisbona
PDF 293kWORD 55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar Ftehimiet Internazzjonali dwar l-Ajru skont it-Trattat ta' Lisbona (2010/2207(INI))
P7_TA(2011)0251A7-0079/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-reviżjoni tal-ftehim ta' qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(1) (“il-Ftehim ta' Qafas”),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar il-ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti(2),

–  wara li kkunsidra riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 2010 dwar it-tnedija ta' negozjati għal ftehimiet dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mal-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar l-Istabbiliment ta' Żona Ewropea ta' Avjazzjoni Komuni(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2006 dwar l-iżvilupp tal-aġenda għall-politika esterna tal-Komunità dwar l-avjazzjoni(6),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “L-iżvilupp tal-aġenda għall-politika barranija tal-avjazzjoni tal-Komunità” (COM(2005)0079),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0079/2011),

A.  billi, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament ġie kkonsultat biss dwar il-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali dwar l-ajru,

B.  billi l-approvazzjoni tal-Parlament issa hi meħtieġa għall-ftehimiet li jkopru l-oqsma li tapplika għalihom il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

C.  billi, meta l-Kummissjoni tkun qed tinnegozja ftehimiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Parlament għandu “jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura”(7),

D.  billi l-Ftehim ta' Qafas għandu jiżgura li s-setgħat u l-prerogattivi tal-Istituzzjonijiet jiġu eżerċitati b'mod kemm jista' jkun effikaċi u trasparenti,

E.  billi f'dak Il-Ftehim ta' Qafas il-Kummissjoni ntrabtet li tirrispetta l-prinċipju tat-trattament ugwali tal-Parlament u tal-Kunsill rigward kwistjonijiet leġiżlattivi u baġitarji, speċjalment rigward l-aċċess għal laqgħat u t-trażmissjoni ta' kontribuzzjonijiet jew informazzjoni oħra,

Introduzzjoni

1.  Jikkunsidra li l-ftehimiet dwar l-ajru komprensivi mal-pajjiżi ġirien jew is-sħab globali sinifikattivi jistgħu jipprovdu benefiċċji sostanzjali lill-passiġġieri, lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija u lil-linji tal-ajru, kemm permezz ta' aċċess għas-suq u ta' konverġenza regolatorja għall-promozzjoni ta' kompetizzjoni ġusta, u dan ukoll fir-rigward ta' sussidji Statali u ta' standards soċjali u ambjentali;

2.  Jirrikonoxxi li l-ftehimiet orizzontali, li jallinjaw il-ftehimiet bilaterali eżistenti mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, huma meħtieġa biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u jingħataw benefiċċji addizzjonali f'dak li għandu x'jaqsam mas-simplifikazzjoni u l-assigurazzjoni li l-linji tal-ajru kollha tal-Unjoni jkunu jistgħu jgawdu mill-istess drittijiet;

3.  Jinnota li standards tas-sigurtà tat-titjiriet u tal-ajru għall-passiġġieri, l-ekwipaġġi u l-vjaġġi bl-ajru in ġenerali huma ta' importanza fundamentali u għalhekk jappoġġja l-konklużjoni ta' ftehimiet dwar is-sikurezza tal-ajru mal-pajjiżi li għandhom industrija sinifikattiva tal-manifattura tal-mezzi tal-ajru, meta jitqiesu l-ispejjeż iffrankati u l-istandards konsistentement għoljin li jistgħu jinkisbu jekk tiġi minimizzata d-duplikazzjoni tal-valutazzjonijiet, testijiet u kontrolli;

4.  Jiddispjaċih li l-Kunsill għad irid jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim dwar l-ajru komprensiv mas-sieħba kummerċjali importanti bħar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Indja; jikkunsidra li dan in-nuqqas qed ikun ta' aktar ħsara għall-interessi tal-Unjoni, b'mod partikulari minħabba t-tkabbir rapidu ta' dawn l-ekonomiji;

5.  Jinnota li fil-lista l-aktar riċenti tal-Kummissjoni dwar negozjati attwali dwar ftehimiet internazzjonali tal-avjazzjoni, hemm neqsin pajjiżi importanti bħall-Ġappun u l-Federazzjoni Russa;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kwistjoni tat-titjiriet fuq is-Siberja; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel l-isforzi kollha neċessarji, inkluż billi ssegwi wkoll din il-kwistjoni fil-kuntest tan-negożjati tal-adeżjoni tar-Russja mad-WTO, biex tevita distorzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn kumpaniji tal-avjazzjoni tal-UE;

Il-kriterji biex jiġi vvalutat ftehim

7.  Jenfasizza li f'kull negozjazzjoni għandha tittieħed deċiżjoni dwar il-benefiċċji ta' ftehim minn kmieni meta mqabbel ma' dewmien bl-intenzjoni li jinkiseb riżultat aktar ambizzjuż;

8.  Jindika li, meta jkun qed jivvaluta l-ftehimiet komprensivi li jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni, il-Parlament se jagħmel ħiltu biex japplika sett ta' standards konsistenti; jinnota b'mod partikolari fit-twettiq ta' din l-analiżi l-Parlament għandu jiffoka fuq: kemm ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq u l-opportunitajiet għal investiment jiġu llaxkati b'mod ibbilanċjat; kemm jingħataw inċentivi biex l-istandards soċjali u ambjentali jinżammu u jissaħħu; kemm jiġu pprovduti salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-data u l-privatezza; kemm hu inkluż ir-rikonoxximent reċiproku tal-istandards ta' sikurezza u sigurtà; u kemm hu żgurat livell għoli ta' drittijiet għall-passiġġieri;

9.  Jikkunsidra li hemm bżonn urġenti ta' standards dinjin għall-protezzjoni tad-data u l-privatezza u li l-kriterji stabbiliti mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 jipprovdu mudell xieraq għal ftehim ta' dan it-tip; jinnota li l-Unjoni għandu jkollha rwol ta' pijuniera fl-iżvilupp ta' standards internazzjonali bħal dawn;

10.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza dejjem tikber tal-kontribut tas-settur tal-avjazzjoni għat-tisħin globali u jikkunsidra li l-ftehimiet għandhom jinkludu impenn għal ħidma flimkien, fil-qafas tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-mezzi tal-ajru, flimkien mal-objettiv li tissaħħaħ il-kooperazzjoni teknika fl-oqsma tax-xjenza klimatika (emissjonijiet tas-CO2 u emissjonijiet oħra relevanti għall-klima fl-atmosfera), ir-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji u l-effiċjenza tal-fjuwils;

11.  Jenfasizza li diversi aspetti tar-regolamentazzjoni tal-avjazzjoni, inklużi r-restrizzjonijiet tal-istorbju u l-limitazzjonijiet fuq it-titjiriet bil-lejl, għandhom jiġu stabbiliti fil-livell lokali, b'konformità sħiħa mal-prinċipji tal-kompetizzjoni ġusta u tas-sussidjarjetà; jitlob lill-Kummissjoni tikkoordina dawn il-kwistjonijiet fil-livell Ewropew, waqt li tqis il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju fundamentali tal-“approċċ bilanċjat”, kif ġie definit mill-organizzazzjoni internazzjonali għall-avjazzjoni ċivili;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-ftehimiet dwar l-ajru sabiex tippromwovi l-konformità mal-leġiżlazzjoni internazzjonali relevanti dwar id-drittijiet soċjali, b'mod partikulari l-istandards tax-xogħol imħaddna fil-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO 1930-1999), il-Linji Gwida tal-OKŻE għall-Intrapriżi Multinazzjonali (1976, riveduti 2000) u l-Konvenzjoni ta' Ruma dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali tal-1980;

13.  Jinnota li, fil-każ tal-ftehimiet dwar is-sikurezza, il-kriterji jinkludu: rikonoxximent reċiproku sħiħ tal-prattiki u l-proċeduri ta' ċertifikazzjoni; l-iskambju tad-data dwar is-sikurezza; ispezzjonijiet konġunti; aktar kooperazzjoni regolatorja; u konsultazzjonijiet ta' livell tekniku sabiex il-kwistjonijiet jiġu solvuti qabel ma jkollu jibda l-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim;

Il-Proċedura

14.  Jisħaq fuq il-fatt li, sabiex ikun jista' jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwar jagħtix l-approvazzjoni tiegħu jew le fl-aħħar tan-negozjati, hemm bżonn li l-Parlament isegwi l-proċess mill-bidu; jikkunsidra li hu wkoll fl-interessi tal-Istituzzjonijiet l-oħra li kwalunkwe tħassib ta' biżżejjed importanza li jqajjem dubji dwar ir-rieda tal-Parlament li jagħti l-approvazzjoni tiegħu jiġu identifikati u indirizzati fi stadju bikri;

15.  Ifakkar li, skont il-Ftehim ta' Qafas tal-2005, il-Kummissjoni diġà hi obbligata tipprovdi informazzjoni minn kmieni u ċara lill-Parlament waqt it-tħejjija, it-tmexxija u l-konklużjoni ta' negozjati internazzjonali; jinnota li l-Ftehim ta' Qafas rivedut ta' Ottubru 2010 jgħdi b'mod partikolari, li l-Parlament mill-bidu għandu jirċievi u fejn meħtieġ, fuq il-bażi kunfidenzjali, dettalji sħaħ dwar il-proċedura li tkun għaddejja fl-istadji kollha tan-neguzjati;

16.  Jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi lill-kumitat responsabbli tiegħu bl-informazzjoni dwar l-intenzjoni li tipproponi negozjati bil-ħsieb li jiġu konklużi u emendati ftehimiet internazzjonali dwar l-ajru, u bl-abbozzi tad-direttivi ta' negozjazzjoni, l-abbozzi tat-testi ta' negozjazzjoni u d-dokument li għandu jiġi inizjalat, flimkien mad-dokumenti u l-informazzjoni l-oħra relevanti; jistenna li r-rwol tal-Parlament rigward kwalunkwe emendi ulterjuri għal ftehim internazzjonali dwar l-ajru jkun stipulat espliċitament fil-ftehim;

17.  Jinnota li l-informazzjoni msemmija qabel skont Artikolu 24 tal-Ftehim ta' Qafas ta' dan it-tip għandha tiġi trażmessa lill-Parlament, b'mod li jekk hemm bżonn ikun jista' jesprimi l-pożizzjoni tiegħu; jitlob espressament lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament dwar kif ġew ikkunsidrati l-opinjonijiet tal-Parlament;

18.  Jirrikonoxxi li meta l-Parlament jirċievi informazzjoni sensittiva dwar negozjati li jkunu għaddejjin, għandu obbligu li jiżgura li tinżamm il-kunfidenzjalità;

19.  Jinnota li r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jippermettu li l-Parlament “jista”, fuq il-bażi ta' rapport mill-kumitat responsabbli, [...] jadotta rakkomandazzjonijiet u jitlob li dawn jitqiesu qabel tiġi konkluża l-ftehima internazzjonali kkonċernata' (Artikolu 90(4));

20.  Jirrikonoxxi li l-ftehimiet dwar l-ajru ta' spiss jagħtu rwol sostanzjali lil kumitat konġunt, b'mod partikulari fir-rigward tal-konverġenza regolatorja; jaċċetta li, f'ħafna każi, dan hu mezz aktar flessibbli u effikaċi għat-teħid tad-deċiżjonijiet milli wieħed jipprova jinkludi tali punti fil-ftehim innifsu; madankollu, jenfasizza l-importanza li l-Parlament jirċievi informazzjoni kompluta u f'waqtha dwar il-ħidma tad-diversi kumitati konġunti;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni, bl-iskop li jinżamm fluss ta' informazzjoni, biex tippreżenta rapport regolari lill-Parlament, mu mhux anqas minn kull tliet snin, li janalizza l-punti pożittivi u negattivi tal-ftehim li japplika; tinnota li dan jippermetti lill-Parlament jevalwa ftehimiet futuri b'mod iktar effiċjenti;

o
o   o

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0366.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0239.
(3) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 70.
(4) ĠU C 74 E, 20.03.2008, p. 506.
(5) ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 143.
(6) GU C 287 E, 24.11.2006, p. 84.
(7) L-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


Tassazzjoni fuq vetturi ta' tagħbija tqal ***II
PDF 298kWORD 46k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (15145/1/2010 – C7-0045/2011 – 2008/0147(COD))
P7_TA(2011)0252A7-0171/2011

(Proċedura leġislattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (15145/1/2010 – C7-0045/2011),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta' 16 ta' Dicembru 2009(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ta'12 ta' Frar 2009(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni (COM(2011)0069),

–  wara li kkunsidra il-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(3) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2008)0436),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 66 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0171/2011),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fit-tieni qari li tidher hawn taħt;

2.  Japprova d-dikjarazzjoni tiegħu mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni u tad-dikjarazzjoni konġunta tal-Presidenza Ungeriża u tal-Presidenzi futuri tal-Kunsill tal-Polonja, tad-Danimarka u ta' Ċipru, mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-tieni qari fis-7 ta' Ġunju 2011 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi

P7_TC2-COD(2008)0147


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, d-Direttiva 2011/76/UE.)

ANNESS

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew

“Il-Parlament Ewropew jiddispjaċih li l-Kunsill ma kienx lest li jaċċetta l-pubblikazzjoni obbligatorja tat-tabelli ta' korrelazzjoni fil-kuntest tal-proposta li temenda d-Direttiva 1999/62/KE. Qed jiġi ddikjarat li l-ftehim milħuq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fit-trialogu tat-23 ta' Mejju 2011 dwar id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (Eurovignette) ma jippreġudikax l-eżitu tan-negozjati interistituzzjonali dwar it-tabelli ta' korrelazzjoni.

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinfurmah fi żmien tnax-il xahar wara l-adozzjoni ta' dan il-ftehim fil-plenarja u sabiex tippreżenta rapport fl-aħħar tal-perjodu tranżitorju dwar il-prattika fl-Istati Membri fir-rigward tat-tfassil tat-tabelli tagħhom li jindikaw, kemm jista' jkun possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u biex tippubblikahom.“

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tabelli ta' korrelazzjoni

Il-Kummissjoni tfakkar fl-impenn tagħha biex tiggarantixxi li l-Istati Membri jistabbilixxu tabelli ta' korrelazzjoni li jorbtu l-miżuri li huma jadottaw mad-direttiva tal-UE u jikkomunikawhom lill-Kummissjoni fil-qafas tat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, fl-interess taċ-ċittadini, tat-tfassil aħjar tal-liġijiet u tat-trasparenza legali akbar u sabiex il-verifika tal-konformità tar-regoli nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tal-UE tiġi ffaċilitata.

Il-Kummissjoni jiddispjaċiha għan-nuqqas ta' appoġġ għad-dispożizzjoni inkluża fil-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (Eurovignette), li kellha l-għan li tagħmel obbligatorju t-twaqqif ta' tabelli ta' korrelazzjoni.

Il-Kummissjoni, fi spirtu ta' kompromess u bil-għan li tiżgura l-adozzjoni immedjata ta' dik il-proposta, tista' taċċetta li d-dispożizzjoni obbligatorja dwar it-tabelli ta' korrelazzjoni inkluża fit-test tiġi ssostitwita bi premessa relevanti li tinkuraġġixxi lill-Istati Membri jsegwu din il-prattika. Hija se tagħti informazzjoni, fi żmien tnax-il xahar wara l-adozzjoni ta' dan il-ftehim fil-plenarja, u tippreżenta rapport fl-aħħar tal-perjodu tranżitorju dwar il-prattika fl-Istati Membri fir-rigward tat-tfassil, għalihom u fl-interess tal-Unjoni, tat-tabelli tagħhom li jindikaw, kemm jista' jkun possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u biex tippubblikahom.

Madankollu, il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni f'din il-proċedura mhix se titqies bħala preċedent. Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha sabiex, flimkien mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, issib soluzzjoni xierqa għal din il-kwistjoni istituzzjonali orizzontali.

Dikjarazzjoni tal-Presidenza Ungeriża u tal-Presidenzi futuri tal-Polonja, tad-Danimarka u ta' Ċipru

Qed jiġi ddikjarat li l-ftehim milħuq bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew fit-trialogu tat-23 ta' Mejju 2011 dwar id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (Eurovignette) ma jippreġudikax l-eżitu tan-negozjati interistituzzjonali dwar it-tabelli ta' korrelazzjoni.

(1) ĠU C 255, 22.9.2010, p. 92.
(2) ĠU C 120, 28.5.2009, p. 47.
(3) ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 345.


Il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej ***I
PDF 285kWORD 37k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej (COM(2010)0132 – C7-0092/2010 – 2010/0073(COD))
P7_TA(2011)0253A7-0330/2010

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0132),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 338(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0092/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li ikkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0330/2010),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-7 ta' Ġunju 2011 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali ewropej

P7_TC1-COD(2010)0073


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 691/2011.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza