Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 9 ta' Ġunju 2011 - Strasburgu
Is-Sudan u s-Sudan t'Isfel
 Samit UE-Russja
 Kumpaniji tad-direttorju qarrieqa
 Il-Madagaskar
 Guantánamo: deċiżjoni imminenti dwar piena tal-mewt
 L-Ukraina: il-każijiet ta' Yulia Tymoshenko u membri oħra tal-gvern preċedenti
 Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Isport Ewropew
 Ix-xogħol tal-Kumitat għal Persuni Nieqsa f'Ċipru

Is-Sudan u s-Sudan t'Isfel
PDF 216kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel: is-sitwazzjoni wara r-referendum 2011
P7_TA(2011)0267RC-B7-0349/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi (CPA) iffirmat fid-9 ta' Jannar 2005,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1978 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Afrikana tal-31 ta' Jannar 2011,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta' Jannar 2011 dwar is-Sudan, kif ukoll id-Deċiżjoni 2011/315/UE(1) tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-3 ta' Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta' Frar 2011 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar ir-riżultati finali tar-referendum rigward l-awtodeterminazzjoni tas-Sudan t'Isfel, kif ukoll id-dikjarazzjoni tal-Barunissa Ashton tal-24 ta' Mejju 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-konsultazzjonijiet appoġġjati min-NU dwar il-proċess ta' paċi fid-Darfur, li saru f'Doha, il-Qatar (mis-27 sal-31 ta' Mejju 2011),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tal-missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' osservazzjoni tar-referendum, ippreżentata fit-2 ta' Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Referendum dwar is-Sudan t'Isfel sar bejn id-9 u l-15 ta' Jannar 2011, u l-maġġoranza l-kbira kienet favur it-twaqqif ta' stat indipendenti tas-Sudan t'Isfel,

B.  billi s-Sudan t'Isfel huwa mistenni jiddikjara formalment l-indipendenza tiegħu fid-9 ta' Lulju 2011, data li tikkoinċidi mal-iskadenza tas-CPA,

C.  billi, minkejja r-riżervi ta' riżorsi naturali tas-Sudan t'Isfel bħaż-żejt, ir-ram u l-ħadid kif ukoll il-foresti u l-art għammiela, il-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjoni tiegħu tgħix fil-faqar, b'waħda mill-ogħla rati ta' mortalità tat-trabi u bl-iżjed indikaturi baxxi tal-edukazzjoni fid-dinja, u billi dan kollu jikkontribwixxi għal sfidi soċjoekonomiċi, umanitarji u ta' sigurtà,

D.  billi xi aspetti tas-CPA ma ġewx implimentati fil-ħin jew għadhom ma ġewx implimentati, u jinħtieġu sforzi konsiderevoli biex jintlaħaq qbil dwar negozjati ta' wara r-referendum dwar kwistjonijiet bħall-qsim tad-dħul miż-żejt, id-demarkazzjoni tal-fruntieri, iċ-ċittadinanza u d-diviżjoni tad-djun u l-assi,

E.  billi r-referendum biex jiġi stabbilit jekk Abyei hix se tkun parti mis-Sudan ta' Fuq jew t'Isfel, li kellu jikkoinċidi mar-referendum dwar is-Sudan t'Isfel, għadu ma sarx, u dan wassal biex il-vjolenza fiż-żona intensifikat b'mod gravi,

F.  billi l-istatus taż-żoni ta' kunflitt għadu ma ġiex solvut, u billi s-sitwazzjoni f'Abyei sejra għall-agħar, u dan qed iwassal għall-mewt ta' mijiet ta' nies u għall-esodu ta' eluf ta' persuni, filwaqt li l-poplu huwa vulnerabbli għal insigurtà alimentari, mard u nuqqas ta' aċċess għal servizzi bażiċi bħall-kura tas-saħħa u ilma tajjeb għax-xorb,

G.  billi s-sitwazzjoni fid-Darfur għadha sors kbir ta' preokkupazzjoni, u billi reċentement, il-Missjoni tan-NU fid-Darfur irrappurtat bombardamenti mill-Gvern, kif ukoll li bosta ħaddiema umanitarji inħatfu bħala ostaġġi fir-reġjun; billi l-missjoni ġġarrab regolarment fastidju, ħtif u theddidiet għas-sigurtà ġenerali,

1.  Jilqa' l-imġiba paċifika u kredibbli kemm tas-Sudan kif ukoll tas-Sudan t'Isfel fir-Referendum 2011 dwar is-Sudan t'Isfel, l-isforzi tal-partijiet kontraenti kollha għas-CPA u l-impenn l wrew lejh; iqis dan bħala pass kruċjali fl-implimentazzjoni tas-CPA u bħala sinjal pożittiv għall-koeżistenza paċifika taż-żewġ pajjiżi;

2.  Itenni r-rispett sħiħ tiegħu għar-riżultat tar-referendum bħala l-espressjoni tar-rieda demokratika tal-poplu tas-Sudan t'Isfel; jistieden kemm lis-Sudan ta' Fuq kif ukoll lis-Sudan t'Isfel biex jippromwovu l-governanza demokratika u l-istabbiliment ta' paċi, sigurtà u prosperità fuq medda twila ta' żmien għaż-żewġ pajjiżi, b'rispett għad-drittijiet umani, soċjali u ekonomiċi;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tas-Sudan t'Isfel jippromwovu l-iżvilupp tas-Sudan t'Isfel bħala stat modern, pluralistiku u demokratiku bbażat fuq l-istat tad-dritt u li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet tan-nisa u t-tfal, u l-preminenza tad-dritt taċ-ċittadini li jagħżlu l-gvern tagħhom permezz ta' elezzjonijiet regolari u ħielsa, filwaqt li l-protezzjoni tal-libertà ta' moviment, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà li dak li jkun jesprimi l-fehmiet politiċi tiegħu jkunu inkorporati kemm fil-Kostituzzjoni kif ukoll fid-dritt;

4.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakk intenzjonat li sar fuq il-Missjoni tan-NU fis-Sudan (UNMIS) fl-10 ta' Mejju 2011 fl-inħawi ta' Abyei u jiddenunzja l-militarizzazzjoni ta' dik iż-żona kemm mis-Sudan ta' Fuq kif ukoll mis-Sudan t'Isfel; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet kontraenti għas-CPA biex ikomplu jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza tal-popli kollha fis-Sudan, b'mod partikolari fl-istat ta' Abyei, bla ma jbiddlu l-kompożizzjoni demografika tar-reġjun; jitlob lill-forzi armati kemm tas-Sudan kif ukoll tas-Sudan t'Isfel biex jirtiraw minn Abyei, u liż-żewġ naħat biex juru trażżin billi jipparteċipaw fi djalogu kostruttiv immedjat għal soluzzjoni paċifika dwar l-istatus ta' Abyei fil-qafas tas-CPA;

5.  Jenfasizza l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Grupp ta' Implimentazzjoni ta' Livell Għoli għas- Sudan tal-Unjoni Afrikana, taħt it-tmexxija ta' Thabo Mbeki, biex jiffaċilita n-negozjati bejn il-partijiet kontraenti għas-CPA, u l-isforzi tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Sudan, Haile Menkerios, għal medjazzjoni bejn iż-żewġ naħat fir-reġjun ta' Abyei; jafferma mill-ġdid li l-UE trid tkun lesta tipprovdi kwalunkwe assistenza ulterjuri li hi meħtieġa;

6.  Iħeġġeġ lill-partijiet kontraenti kollha għas-CPA biex jibdew djalogu kontinwu u kostruttiv biex jindirizzaw il-kwistjonijiet ta' wara r-referendum fosthom il-fruntieri komuni, l-arranġamenti għaċ-ċittadinanza kemm għaċ-ċittadini tan-naħa ta' fuq kif ukoll għal dawk tan-naħa t'isfel, il-kondiviżjoni tad-dħul miż-żejt u l-użu tal-pipelines, u l-organizzazzjoni ta' konsultazzjonijiet popolari fin-Nil il-Blu u fil-Kordofan tan-Nofsinhar;

7.  Jenfasizza l-importanza tal-iżgurar ta' ġestjoni effikaċi u sikura ta' dawk li jerġgħu lura fis-Sudan t'Isfel, f'dak li għandu x'jaqsam mat-tranżitu, il-kapaċità teknika (nuqqas ta' urbanisti u ġeometri), l-infrastruttura, l-allokazzjoni tal-art u l-aċċess għas-servizzi bażiċi;

8.  Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2011 li EUR 200 miljun se jiġu allokati għas-Sudan t'Isfel minbarra l-EUR 150 miljun allokati s-sena l-oħra biex jgħinu l-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli fis-Sudan kollu; jinnota li l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE diġà lesta biex tgħin liż-żewġ naħat; jisħaq li l-flus ġodda għandhom jintużaw biex jappoġjaw servizzi bażiċi, primarjament l-edukazzjoni u s-saħħa, l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u l-bini tal-kapaċità istituzzjonali; jitlob li s-Sudan t'Isfel jaderixxi b'urġenza għall-Ftehim ta' Cotonou u li l-UE tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiżgura li l-finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp isir disponibbli malajr kemm jista' jkun;

9.  Jenfasizza li l-UE jrid ikollha rwol prinċipali fil-Konferenza tad-Donaturi tas-Sudan t'Isfel aktar tard fl-2011 u trid tinkuraġġixxi b'mod attiv lil donaturi oħrajn biex jagħmlu l-istess; jistieden lill-kredituri internazzjonali jtaffu d-dejn internazzjonali tas-Sudan u tas-Sudan t'Isfel;

10.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel biex idaħħal politiki dwar l-investiment barrani fl-interess tal-popolazzjoni, biex l-investiment barrani fir-riżorsi naturali jkun ta' benefiċċju għall-iżvilupp tal-ekonomija domestika sabiex jiġi miġġieled il-faqar; jenfasizza li l-UE trid tagħmel ħilitha biex tiżgura li l-entitajiet multinazzjonali u l-intrapriżi barranin li joperaw fir-reġjun ikunu rregolati biżżejjed u jiddikjaraw b'mod trasparenti l-attivitajiet u d-dħul tagħhom;

11.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jestendi l-mandat tal-UNMIS u biex jibgħat forzi addizzjonali għaż-żamma tal-paċi fis-Sudan; iqis li preżenza kontinwa tan-NU hija siewja ferm għall-iżvilupp paċifiku ta' żewġ stati vijabbli; jistieden kemm lis-Sudan kif ukoll lis-Sudan t'Isfel biex jilqgħu l-preżenza tan-NU u jiżguraw is-sikurezza tagħha;

12.  Jisħaq fuq l-importanza li l-UE tibqa' tagħti l-għajnuna umanitarja tagħha lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel wara d-9 ta' Lulju 2011; jinkuraġġixxi preżenza u kapaċità umanitarji sostanzjali fir-reġjun b'mezzi adegwati biex tkun żgurata s-sikurezza tal-organizzazzjonijiet umanitarji;

13.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-konsultazzjonijiet appoġġjati min-NU dwar il-proċess ta' paċi fid-Darfur; jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw il-ftehimiet ta' waqfien mill-ġlied u ta' twaqqif tal-kunflitti li diġà ġew iffirmati; jinnota l-importanza ta' trasparenza sħiħa matul in-negozjati dwar il-kwistjonijiet tad-Darfur u ta' Abyei, kif ukoll tad-djalogu ġenerali bejn is-Sudan ta' Fuq u s-Sudan t'Isfel; jitlob li jkun hemm rappreżentanza tal-partijiet kollha involuti fit-tilwima, kif ukoll tas-soċjetà ċivili u tal-mexxejja politiċi fil-livelli lokali, nazzjonali u internazzjonali;

14.  Iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel jadotta approċċ trasparenti, responsabbli u inklużiv għal governanza tul il-proċess kostituzzjonali ta' reviżjoni; jenfasizza li huwa importanti li l-partiti politiċi kollha jaħdmu flimkien biex jirrappreżentaw b'mod sħiħ il-poplu kollu tal-pajjiż u jgħinu fil-bini ta' istituzzjonijiet politiċi stabbli u demokratiċi;

15.  Jistieden liż-żewġ naħat biex, sa ma jasal jum l-indipendenza fid-9 ta' Lulju 2011, jippreżentaw pjanijiet konkreti dwar it-twaqqif u/jew ir-riforma tal-istituzzjonijiet tagħhom sabiex iż-żewġ Stati jkunu vijabbli minn din id-data; jitlob lid-delegazzjonijiet fis-Sudan u fis-Sudan t'Isfel biex jiċċirkolaw u jimplimentaw proattivament ir-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet riċenti tal-UE ta' osservazzjoni tar-referendum u l-elezzjoni;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għas-Sudan t'Isfel, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u lill-President tal-Grupp ta' Livell Għoli għas-Sudan tal-Unjoni Afrikana, lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE.

(1) ĠU L 142, 28.5.2011, p. 61.


Samit UE-Russja
PDF 235kWORD 71k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja
P7_TA(2011)0268RC-B7-0347/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) eżistenti bejn, fuq naħa, il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, u fuq l-oħra, il-Federazzjoni Russa(1), u n-negozjati li nbdew fl-2008 dwar ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja, kif ukoll is-“Sħubija għall-Modernizzazzjoni” li nbdiet fl-2010,

–  wara li kkunsidra l-objettiv kondiviż mill-UE u r-Russja, stabbilit fid-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fil-31 ta' Mejju 2003 wara l-11-il Samit bejn l-UE u r-Russja f'San Pietruburgu, dwar il-ħolqien ta' spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, spazju komuni ta' kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni ta' riċerka u edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali (“l-erba” spazji komuni“),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, partikolarment ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011(2) dwar l-istat tad-dritt, tas-17 ta' Ġunju 2010(3) dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja, tat-12 ta' Novembru 2009(4) qabel is-Samit bejn l-UE u r-Russja fi Stokkolma fit-18 ta' Novembru 2009, ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-qtil ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja(5) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar aspetti esterni tas-sigurtà tal-enerġija(6),

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-aħħar laqgħa li saret f'dan il-kuntest fl-4 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet iffirmati u d-dikjarazzjonijiet konġunti maħruġa waqt is-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Rostov-on-Don mill-31 ta' Mejju sal-1 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton, tal-24 ta' Mejju 2011, dwar il-każ ta' Mikhail Khodorkovsky u Platon Lebedev,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-18 ta' Mejju 2011 mill-kopresidenti tal-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari UE-Russja f'Sochi,

–  wara li kkunsidra l-aġenda tas-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Nizhny Novgorod fid-9 u l-10 ta' Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi ir-Russja, li hi membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, taqsam ir-responsabilità mal-UE għaż-żamma tal-istabilità dinjija, u billi l-kooperazzjoni msaħħa u r-relazzjonijiet ta' ġirien tajba bejn l-UE u r-Russja huma ta' importanza ewlenija għall-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa u lil hinn minnha; billi huwa importanti li l-UE titkellem b'vuċi waħda u turi solidarjetà fir-relazzjonijiet tagħha mal-Federazzjoni Russa, u tibbaża dawk ir-relazzjonijiet fuq interessi reċiproċi u valuri komuni,

B.  billi l-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa jibqa' ta' importanza kbira għal aktar żvilupp u intensifikazzjoni tal-koperazzjoni bejn iż-żewġ sħab,

C.  billi l-UE u r-Russja huma reċiprokament interdipendenti kemm ekonomikament u kemm politikament; billi l-Unjoni Ewropea tkompli timpenja ruħha biex tapprofondixxi u tiżviluppa ulterjorment ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, imsejsa fuq impenn profond favur prinċipji demokratiċi,

D.  billi għad hemm tħassib rigward ir-rispett u l-protezzjoni tar-Russja għad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, , l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-kontroll politiku tal-midja, il-miżuri ripressivi li ttieħdu kontra l-ġurnalisti u r-rappreżentanti tal-oppożizzjoni u dwar kemm kienu ġusti l-elezzjonijiet; billi l-Federazzjoni Russa hija membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta? u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, u għalhekk intrabtet mal-prinċipji tad-demokrazija u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem,

E.  billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkundannat lill-Federazzjoni Russa għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem f'ħafna każijiet u sentenzi; billi l-implimentazzjoni tas-sentenza għadha insuffiċjenti,

F.  billi ħafna sfidi fuq livell internazzjonali, partikolarment rigward il-Lvant Nofsani, il-Libja, l-Iran, it-terroriżmu, is-sigurtà tal-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-kriżijiet finanzjarji mhux se jingħelbu mingħajr relazzjonijiet responsabbli u ta' kooperazzjoni mar-Russja,

G.  billi relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien, il-paċi u l-istabilità fil-pajjiżi ġirien komuni huma fl-interess kemm tar-Russja kif ukoll tal-UE; billi kważi tliet snin wara l-kunflitt mal-Ġeorġja, ir-Russja għadha mhux qed tirrispetta l-ftehimiet tat-12 ta' Awwissu u tat-8 ta' Settembru 2008 fuq l-irtirar tat-truppi lejn il-pożizzjonijiet ta' qabel il-kunflitt mill-provinċji okkupati Ġeorġjani fin-Nofsinhar ta' Ossetia u f'Abkhazia u ma tiggarantix aċċess għall-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM) f'dawn it-territorji,

1.  Jerġa' jafferma t-twemmin tiegħu li r-Russja għadha wieħed mis-sħab l-iktar importanti tal-Unjoni Ewropea fil-bini ta' kooperazzjoni strateġika, peress li t-tnejn mhux biss għandhom interessi ekonomiċi u kummerċjali komuni, iżda għandhom ukoll l-objettiv li jikkooperaw flimkien mill-qrib fl-Ewropa kif ukoll fil-viċinat komuni;

2.  Jinnota li s-Samit ta' Nizhny Novgorod iffoka fuq sfidi komuni li qed jiffaċċaw kemm ir-Russja kif ukoll-UE (bħall-kriżi ekonomika, is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, l-adeżjoni mad-WTO, l-enerġija u kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà tal-enerġija, l-ivvjaġġar mingħajr viżi bejn l-UE u r-Russja, u kwistjonijiet internazzjonali u reġjonali);

3.  Jistieden lill-UE u lir-Russja jieħdu l-opportunità tas-samit li ġej biex jintensifikaw in-negozjati dwar Ftehim ġdid ta' Sħubija u Kooperazzjoni li għandu jiġi konkluż fi żmien xieraq, msejjes fuq l-interdipendenza reċiproka tal-UE u r-Russja, u jenfasizza l-appoġġ qawwi tiegħu għal ftehim komprensiv u legalment vinkolanti li jirrigwarda s-sistema politika, ekonomika u soċjali u għalhekk jinkludi wkoll l-oqsma kollha marbutin mad-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet fundamentali, li għandhom ikunu parti integrali mill-ftehim, bil-kundizzjoni li r-Russja tkun lesta tieħu passi biex issaħħaħ l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

4.  Itenni l-appoġġ tiegħu għas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni; jilqa' l-inizjattiva li jinħareġ rapport konġunt tal-progress imma jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jintlaħaq qbil dwar il-passi li jmiss skont ir-riżultati miksuba sa issa fil-kuntest tal-erba' Spazji Komuni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja kif ukoll skont il-lakuni li għad fadal; jappoġġja speċjalment il-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u jenfasizza li l-erba' Spazji Komuni jistrieħu fuq il-prinċipju tar-reċiproċità; jistieden għalhekk lill-partijiet fis-sammit li jmiss bejn l-UE u r-Russja biex jieħdu azzjoni biex jifformulaw objettivi konkreti; jenfasizza l-importanza li jiġu ttratati l-kwistjonijiet ta' funzjonament effettiv u indipendenti tal-ġudikatura u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jenfasizza li l-UE hija lesta tikkontribwixxi b'kull mod possibbli għal titjib tal-effikaċja ta' sistema indipendenti ta' stat tad-dritt fir-Russja; jilqa' l-fatt li r-Russja ħabbret li se tiffirma l-Konvenzjoni tal-OKŻE dwar il-Ġlieda kontra t-Tixħim ta' Uffiċjali Pubbliċi Barranin;

5.  Jittama li s-Samit jgħin biex isolvi l-aħħar kwistjonijiet relatati mal-adeżjoni tar-Russja mad-WTO, wara l-ftehim bilaterali f'Diċembru 2010 bejn l-UE u r-Russja dwar il-faċilitazzjoni tal-adeżjoni tal-pajjiż mad-WTO; itenni l-appoġġ tiegħu għall-adeżjoni tar-Russja, li se toħloq kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta għall-komunitajiet kummerċjali fuq iż-żewġ naħat u se tiffaċilita u tilliberalizza l-kummerċ fl-ekonomija dinjija; jistieden lill-awtoritajiet Russi jadottaw qafas legali stabbli u ġust biex jirregolaw kif jixraq l-attività tan-negozji; jenfasizza li prerekwiżit għall-adeżjoni mad-WTO huwa li r-Russja tissodisfa r-regoli kollha tad-WTO, inkluża r-rinunzja ta' kull miżura protezzjonista, inkluża r-rettifika ta' elementi li jfixklu l-kummerċ, bħalma hija l-għaqda doganali Russja-Kazakistan-Belarus, li wasslet għal tariffi konsolidati ogħla;

6.  Jissottolinja li s-sħubija fid-WTO u l-implimentazzjoni tagħha se tgħin lir-Russja tattira aktar investiment barrani u biex tiddiversifika l-ekonomija tagħha permezz ta' qafas regolatorju li se jżid il-kunfidenza tal-investituri; jitlob lill-awtoritajiet Russi biex ma jagħmlux użu ħażin minn raġunijiet sanitarji għal miżuri protezzjonistiċi mhux ġustifikati; jitlob lill-awtoritajiet Russi, abbażi ta' dan, biex jirrevedu l-projbizzjoni attwali fuq l-importazzjonijiet kollha tal-ħaxix tal-UE;

7.  Jinnota b'interess id-djalogu li għaddej bħalissa bejn l-UE u r-Russja dwar tħaffif ulterjuri tal-viża; itenni l-impenn favur l-objettiv fit-tul li jkun hemm ivvjaġġar mingħajr viżi bejn l-UE u r-Russja, abbażi ta' approċċ gradwali ffukat fuq is-sustanza u l-progress prattiku; jilqa' l-lista ta' passi komuni (pjan tar-rotta) għall-ivvjaġġar mingħajr viżi bejn ir-Russja u l-UE li tħabbar f'Mejju 2011; jenfasizza li dan id-djalogu għandu jkun f'konformità mal-proċess tat-tħaffif tal-viża li jolqot il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; ifakkar li kemm l-UE u r-Russja għandhom jimplimentaw bis-sħiħ il-ftehimiet li ġew konklużi; jistieden lir-Rappreżentat Għoli u lill-Kummisjoni biex jikkonvinċu lir-Russja ma tibqax toħroġ passaporti lir-residenti tal-provinċji okkupati tan-Nofsinhar tal-Ossetia u ta' Abkhazia; jenfasizza l-ħtieġa tal-prevenzjoni ta' kull ksur ta' sikurezza fl-Ewropa; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni ulterjuri dwar l-immigrazzjoni illegali, kontrolli mtejba fil-punti transkonfinali ta' kontroll u skambju ta' informazzjoni dwar it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

8.  Jenfasizza l-importanza tas-sigurtà tal-enerġija u huwa tal-fehma li l-politika tal-enerġija tar-Russja fir-rigward tal-Istati Membri u l-pajjiżi fil-viċinat komuni tkun test deċiżiv tas-serjetà reali tal-intenzjoni tar-Russja li ssegwi t-triq tal-modernizzazzjoni u tad-demokratizzazzjoni; jissottolinja li l-provvista tar-riżorsi naturali m'għandhiex tintuża bħala għodda politika; jenfasizza li l-prinċipji ta' interdipendenza u trasparenza għandhom ikunu l-bażi ta' din il-kooperazzjoni, flimkien ma' aċċess ugwali għas-swieq, l-infrastruttura u l-investiment; jilqa' l-interess muri wkoll min-naħa tar-Russja għal qafas legalment vinkolanti rigward l-enerġija; itenni l-interess tal-UE f'soluzzjoni trilaterali UE-Russja-Ukraina dwar il-provvisti tal-gass lejn l-UE fil-ġejjieni; jitlob kooperezzjoni mill-qrib bejn l-UE u r-Russja dwar il-provvista ta' materja prima u metalli rari, speċjalment ta' dawk meqjusa bħala kritiċi, u jitlob f'dal-kuntest għar-rispett tar-regoli internazzjonali, speċjalment ir-regoli tad-WTO;

9.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-prinċipji tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u l-Protokoll ta' Tranżitu anness miegħu jiddaħħlu fi Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-UE u r-Russja u biex jiżguraw provvista affidabbli u sikura tal-enerġija bbażata fuq standards ugwali; jilqa' l-iffirmar fi Frar 2011 ta' Mekkaniżmu ta' Twissija Bikrija aġġornat biex itejjeb aktar il-koordinament f'każ ta' emerġenzi tal-provvista jew tad-domanda; jilqa' l-qbil li jinħoloq Forum Konsultattiv dwar il-Gass li għandu jipprovdi informazzjoni, anke mingħand l-industrija, dwar żviluppi fis-swieq tal-gass tar-Russja u tal-Ewropa.

10.  Iħeġġeġ lil-Federazzjoni Russa tintensifika l-kontribut tagħha biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, permezz ta' tnaqqis domestiku fil-gassijiet serra u speċjalment billi ttejjeb l-effiċjenza enerġetika; jitlob kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u r-Russja rigward negozjati internazzjonali għal qafas politiku komprensiv għal wara l-2012 fil-qasam klimatiku skont l-UNFCCC u l-Protokoll ta' Kjoto;

11.  Jistenna li l-parteċipanti fis-samit bejn l-UE u r-Russja sejrin jaħdmu biex jintlaħaq impenn konġunt mis-sħab tal-UE favur l-ogħla standards ta' sikurezza, testijiet tal-istress ambizzjużi tal-impjanti tal-enerġija nukleari u kooperazzjoni internazzjonali msaħħa, wara l-esperjenza tal-kriżi li għaddejja fl-impjant nukleari ta' Fukushima; iqis li dan jgħodd b'mod speċjali għar-reatturi nukleari tat-tip ta' Chernobyl li għadhom fl-użu;

12.  Jissottolinja li s-Samit jasal fi żmien kruċjali fit-tħejjijiet għall-elezzjonijiet tad-Duma Statali u jikkunsidra li huwa importanti li dawn l-elezzjonijiet għandhom ikunu ħielsa u ġusti u msejsa fuq l-implimentazzjoni ta' standards tal-elezzjonijiet ifformati mill-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE; jinnota li xi proċeduri ta' reġistrazzjoni ta' partiti politiċi u listi ta' kandidati rriżultaw li mhumiex ġustifikati u b'hekk huma ostakolu għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti; jesprimi n-nuqqas ta' qbil tiegħu ma' kwalunkwe restrizzjoni tal-possibbiltajiet għall-partiti tal-oppożizzjoni li jirreġistraw għall-elezzjonijiet u jistieden lir-Russja tieħu azzjoni biex timplimenta l-istandards tal-elezzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jippermettu li l-OSKE/Kunsill tal-Ewropa jagħmlu osservazzjoni fit-tul tal-elezzjonijiet fl-aktar stadju bikri u jistieden lir-Rappreżentat Għoli/Viċi President tinsisti fuq l-istabbiliment ta' missjoni għal dan il-għan;

13.  Jirriafferma l-ħtieġa urġenti li r-Russja timplimenta l-prinċipji fundamentali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-midja bħala bażi għall-kooperazzjoni; jistieden lir-Russja tieħu azzjoni konkreta biex ittejjeb ir-rekord tagħha tad-drittijiet tal-bniedem u biex tipproteġi l-ġurnalisti, l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, il-minoranzi u r-rappreżentanti tal-oppożizzjoni minn vjolenza u intimidazzjoni;

14.  Jilqa' r-rieda tal-kontroparti Russa li tinvolvi ruħha b'mod kostruttiv u miftuħ rigward il-kwistjonijiet ewlenin imqajma mir-rappreżentanti tal-UE fil-laqgħa tal-Konsultazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-4 ta' Mejju 2011; jitlob li dan il-proċess ikun miftuħ għal kontribut effettiv mill-Parlament Ewropew, mid-Duma, kif ukoll għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet Russi konċernati inklużi l-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Ministeru tal-Affarijiet Interni, u minn NGOs favur id-drittijiet tal-bniedem, kemm jekk id-djalogu jsir fir-Russja, kif ukoll jekk isir fi Stat Membru tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu kuntatti fil-qrib u programmi ta' appoġġ għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fir-Russja; jesprimi tħassib serju fuq l-istatus tal-NGOs u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja; jilqa' d-deċiżjoni tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russa li jaħtar Ambaxxatur għad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem;

15.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-proposta, adottata mill-Parlament Ewropew fil-baġit tal-2011, biex jiġi stabbilit djalogu tas-soċjetà ċivili bejn l-UE u r-Russja bi rbit mas-Samits biennali bejn l-UE u r-Russja; jitlob sabiex il-Forum tas-Soċjetà Ċivili UE-Russja jiġi inkluż fil-qafas tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni;

16.  Jinnota bi tħassib is-sentenza maqtugħa mill-qorti tal-appell Russa kontra Mikhail Khordorkovsky u sieħbu fin-negozju Platon Lebedev fis-26 ta' Mejju 2011 bħala kontinwazzjoni ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji politikament motivati; jikkundanna l-interferenza politika fil-proċess; jilqa' d-deċiżjoni tal-President Medvedev li jeżamina dan il-każ fil-Kunsill Presidenzjali tad-Drittijiet tal-Bniedem; jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f'dan il-każ li fiha aċċettat l-allegazzjonijiet ta' Khodorkovsky ta' detenzjoni illegali; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-President Medvedev li jibda' investigazzjoni dwar l-akkużi kriminali kontra Sergey Magnitsky; iħeġġeġ lill-kumitat investigattiv jippubblika rapport indipendenti u dettaljat mill-aktar fis possibbli; jilqa' l-kundanni għall-qtil ta' Anastasiya Baburova u Stanislav Markelov, u jistieden lill-awtoritajiet Russi jkomplu xogħolhom fuq dan il-każ; jieħu nota tal-arrest tal-assassin suspettat ta' Anna Politkovskaya;

17.  Jiddispjaċih ħafna li, kuntrarju għall-obbligi tar-Russja bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa li tiddefendi l-libertà tal-għaqda, ġemgħat paċifċi jibqgħu jiġu pprojbiti u sfrattati b'mod vjolenti, inkluża l-mixja Gay Pride f'Moska għas-sitt sena konsekuttiva, b'mod li jinjora d-deċiżjoni finali ta' April 2011 tal-Qorti Ewropea tad-Drittijet tal-Bniedem; jistenna li fil-futur, d-delegazzjonijiet tal-UE u tal-korp diplomatiku tal-UE jimplimentaw b'mod attiv il-Kaxxa tal-Għodda għall-Promozzjoni u l-Ħarsien tad-Drittijiet Kollha tal-Bniedem għal Persuni LGBT;

18.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li r-Russja tirriżolvi b'mod urġenti l-kwistjoni tal-istatus legali tan-numru kbir ta' persuni mhux ċittadini fir-Russja;

19.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-inċidenti fatali f'Nagorno-Karabakh u jilqa' d-dikjarazzjoni konġunta tas-sħab tal-G8 imxandra fis-26 ta' Mejju 2011 li tenfasizza qbil li jittieħed pass deċiżiv lejn soluzzjoni paċifika tal-kunflitt f'Nagorno-Karabakh, jitlob lir-Russja biex tgħin issolvi l-kunflitt minflok tforni armi liż-żewġ partijiet tal-konflitt; iħeġġeġ lir-Rappreżentat Għoli/Viċi President tieħu passi li jipprevjenu eskalazzjoni potenzajli tal-kunflitt u jitlob diżinċentivi fir-rigward ta' kwalunkwe parti li tikser il-ftehim ta' Bishkek dwar waqfien mill-ġlied;

20.  Jistieden lir-Russja tirrispetta l-ftehimiet li ffirmat u tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati fil-Ftehim tas-Sitt punti għall-Waqfien mill-Ġlied u biex tirtira immedjatament it-truppi tagħha mit-territorji Ġeorġjani tan-Nofsinhar ta' Ossetia u Abkhazia għall-pożizzjonijiet ta' qabel il-kunflitt kif ukoll biex tiggarantixxi li l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM) ikollha aċċess għal dawn it-territorji;

21.  Jistieden lir-Russja tieħu pożizzjoni kostruttiva fil-każ ta' Transnistria u n-negozjati dwar il-kunflitt t'hemmhekk u tesprimi l-fehma tagħha dwar Transnistria bħala test għall-appoġġ reċiproku bejn l-UE u r-Russja fis-soluzzjoni ta' “kunflitt ffriżati”, jitlob biex jerġgħu jibdew in-negozjati uffiċjali 5+2 bl-intenzjoni li jaslu għal soluzzjoni fil-futur qarib (l-inizjattiva Meseberg);

22.  Jiddikjara li r-Russja, li għandha s-setgħa tal-veto fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, għandha tieħu r-responsabbiltà tagħha fil-kriżijiet internazzjonali u għandha tiggarantixxi u tirrispetta bis-sħiħ is-sovrenità tal-pajjiżi ġirien tagħha; f'dan ir-rigward, tħeġġeġ lir-Russja biex ma tkomplix tagħmel pressjoni fuq l-Ukraina biex tissieħeb mal-unjoni doganali Russja-Kazakistan-Bjelorussja;

23.  Jitlob li jkun hemm djalogu komprensiv ulterjuri bejn il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti dwar kwistjonijiet ta' sigurtà, inkluż l-istabbiliment tat-tarka ta' difiża kontra l-missili;

24.  Jitlob lir-rappreżentanti tal-UE fis-Samit bejn l-UE u r-Russja biex iqajmu l-kwistjonijiet kollha li saret referenza għalihom f'din ir-riżoluzzjoni;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta? u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

(1) ĠU L 327, 28.11.1997, p. 1.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0066.
(3) Testi adottati, P7_TA(2009)0234.
(4) ĠU L 271 E, 7.10.2010, p. 2.
(5) ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 27.
(6) ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 23.


Kumpaniji tad-direttorju qarrieqa
PDF 197kWORD 33k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar il-kumpaniji ta' direttorju qarrieqa (Petizzjonijiet 0045/2006, 1476/2006, 0079/2003, 0819/2003, 1010/2005, 0052/2007, 0306/2007, 0444/2007, 0562/2007 u oħrajn)
P7_TA(2011)0269B7-0342/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-kumpaniji ta' direttorju qarrieqa (Petizzjonijiet 0045/2006, 1476/2006, 0079/2003, 0819/2003, 1010/2005, 0052/2007, 0306/2007, 0444/2007, 0562/2007 u oħrajn) (1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Parlament irċieva aktar minn 400 petizzjoni dwar it-tixtrid ta' prattiki kummerċjali qarrieqa min-naħa ta' kumpaniji tad-direttorji kummerċjali li jaffettwaw eluf ta' impriżi, li l-biċċa l-kbira jkunu żgħar, fl-Unjoni Ewropea, b'impatt finanzjarju sinifikanti; billi l-Parlament għadu jirċievi petizzjoniji u lmenti dwar il-kumpaniji tad-direttorji kummerċjali,

B.  billi l-prattiki kummerċjali qarrieqa inkwistjoni tipikament jippruvaw jikkonvinċu lin-negozji, kif ukoll lill-professjonisti u l-entitajiet mingħajr skop ta' lukru, biex jitniżżlu mingħajr ħlas f'direttorji kummerċjali; billi l-firmatarji aktar tard jiskopru li ffirmaw kuntratt bi ħlas,

C.  billi l-kumpaniji tad-direttorju kummerċjali spiss ikunu stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak tal-vittmi tagħhom, u għalhekk ikun diffiċli għall-vittma li tfittex protezzjoni u/jew rimedju mingħand l-awtoritajiet nazzjonali,

1.  Jesprimi dispjaċir li d-Direttiva 2006/114/KE(2) dwar ir-riklamar qarrieqi u komparattiv li tapplika għal tranżazzjonijiet bejn intrapriża u oħra, tidher li jew mhix suffiċjenti biex tipprovdi rimedju effettiv jew mhux qed tiġi infurzata kif jixraq mill-Istati Membri;

2.  Ifakkar li, għalkemm il-Kummissjoni m'għandha l-ebda setgħa li tinforza d-Direttiva direttament kontra individwi jew kumpaniji, hi għandha dmir li tiżgura li d-Direttiva tiġi implimentata b'mod xieraq mill-Istati Membri;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika b'mod proattiv it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar nazzjonali tad-Direttiva 2006/114/KE min-naħa tal-Istati Membri u tieħu azzjoni korrettiva fejn meħtieġ;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef l-attivitajiet tagħha rigward ir-reviżjoni u t-titjib tad-Direttiva u l-leġiżlazzjoni relevanti oħra sabiex twaqqaf il-prattiki qarrieqa tal-kumpaniji tad-direttorju kummerċjali kemm jista' jkun malajr, partikolarment billi telenka b'mod speċifiku fil-lista s-sewda l-prattiki qarrieqa tad-direttorji kummerċjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 17.
(2) ĠU L 376 tas-27.12.2006, p.21. p. 21.


Il-Madagaskar
PDF 215kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Madagaskar
P7_TA(2011)0270RC-B7-0353/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Ftehim ta' Cotonou dwar id-djalogu politiku u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem rispettivament,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Madagascar, partikolarment dik tas-7 ta' Mejju 2009(1) u dik tal-11 ta' Frar 2010(2), u l-missjoni għat-tfittxija tal-fatti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE fil-Madagaskar tal-10 u l-11 ta' Lulju 2010,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Novembru 2010 mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton,

–  wara li kkunsidra l-Komunikat ta' Swaziland tat-30 ta' Marzu 2009 u d-deċiżjoni ta' Livingstone tal-31 ta' Marzu 2011 li, fil-paragrafu 6, tiddikjara li s-soluzzjoni fil-Madagaskar għandha tkun demokratika, b'kunsens, inklużiva u trasparenti,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Maputo tat-8 u d-9 ta' Awwissu 2009 u l-Att Addizzjonali ta' Addis Ababa tas-6 ta' Novembru 2009, iffirmati mill-erba' mexxejja tal-aggruppamenti politiċi fil-Madagaskar, u billi dawn il-Ftehimiet għandhom valur kostituzzjonali kif espressament mifthieem mill-partijiet ikkonċernati u rikonoxxut mill-komunità internazzjonali,

–  wara li kkunsidra s-sospensjoni tal-Madagaskar mill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika u mill-Unjoni Afrikana (UA),

–  wara li kkunsidra s-sanzjonijiet deċiżi mill-Unjoni Afrikana fis-17 ta' Marzu 2010 u kkonfermati fil-31 ta' Jannar 2011 kontra s-Sur Rajoelina u iktar minn mitt alleat tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali riċenti propost mit-tim ta' medjazzjoni tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika,

–  wara li kkunsidra s-Samit Straordinarju tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika fil-Madagaskar tal-20 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-instabilità politika persistenti li baqgħet wara l-kolp ta' stat tefgħet lill-Madagaskar f'sitwazzjoni prekarja mill-perspettiva soċjoekonomika, dik umanitarja u dik tad-drittijiet tal-bniedem,

B.  wara li kkunsidra l-impenji mogħtija f'Maputo u f'Addis Adaba dwar il-qsim tal-poter ma' movimenti politiċi oħra fil-Madagaskar; billi dawn il-ftehimiet jinkludu wkoll Karta tal-Valuri bbażata fuq l-osservanza tal-prinċipji fundamentali u l-promozzjoni, matul il-perjodu tranżitorju, tan-nonvjolenza, ir-rikonċiljazzjoni u r-rispett mutwu,

C.  billi r-reġim preżenti jonqos mir-rispett lejn id-drittijiet kostituzzjonali, demokratiċi u fundamentali mħaddna fil-Ftehim ta' Cotonou u fil-ftehimiet internazzjonali,

D.  billi għandha tinbeda inkjesta miftuħa u indipendenti dwar l-imwiet u l-użu eċċessiv tal-forza waqt id-demostrazzjonijiet fl-2009,

E.  billi r-reġim illegali attwali għandu monompolju fuq il-poteri eżekuttivi, leġiżlattivi, ġudizzjarji u l-mezzi tax-xandir,

F.  billi l-proċess kurrenti ta' negozjati taħt medjazzjoni internazzjonali għandu jkompli b'mod inklużiv,

G.  billi fis-17 ta' Novembru 2010 l-awtorità de facto organizzat referendem kostituzzjonali inġust, li ġie bbojkottjat bix-xieraq mill-opppożizzjoni, u injorat b'mod ġenerali mill-komunità internazzjonali li wassal għall-adozzjoni tal-hekk imsejħa Kostituzzjoni ġdida,

H.  billi nhar it-Tnejn 6 ta' Lulju 2009 l-Unjoni Ewropea bdiet proċess ta' konsultazzjoni mal-Madagaskar skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, biex b'hekk fetħet djalogu bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet adegwati għall-problemi politiċi tal-pajjiż,

I.  billi fis-7 ta' Ġunju 2010 l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tagħlaq il-konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Madagaskar u adottat miżuri xierqa skont l-Artikolu 69 tal-Ftehim ta' Cotonou, f'dan il-każ is-sospensjoni tal-għajnuna,

J.  billi l-attentati evidenti msemmija hawn fuq fuq id-demokrazija wasslu wkoll għas-sospensjoni tal-għajnuna mill-FMI u mill-Bank Dinji, sospensjoni tal-benefiċċji tal-Att Afrikan għat-Tkabbir u l-Opportunità (African Growth and Opportunity Act) u l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet immirati mill-Unjoni Afrikana,

K.  billi fis-17 ta' Mejju 2011 il-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE talbu li jiġi stabbilit gvern tranżitorju li jkun newtrali, b'kunsens u inklużiv bil-missjoni li jnedi proċess elettorali trasparenti u indipendenti li jwassal lejn elezzjonijiet demokratiċi ssorveljati mill-komunità internazzjonali, bħala l-ewwel pass lejn l-istabbiliment mill-ġdid sostenibbli tal-ordni kostituzzjonali,

L.  billi l-popolazzjoni għandha inqas minn USD 1 fil-ġurnata għad-dispożizzjoni tagħha u d-dħul disponibbli għall-unitajiet domestiċi jagħmilha diffiċli li dawn jiksbu affarijiet bażiċi tal-ikel, ilma, servizzi iġeniċi, saħħa u edukazzjoni; billi s-sitwazzjoni ddeterjorat konsiderevolment mill-bidu tal-kriżi politika u minħabba l-għargħar u d-diversi diżastri naturali li laqtu lill-pajjiż f'dawn l-aħħar sentejn,

1.  Itenni bil-saħħa l-kundanna qawwija tiegħu għall-proċess li bih is-Sur Rajoelina ħataf il-poter u qed iżomm ir-reġim illegali u illeġittimu tiegħu, u jibqa' mħasseb dwar is-sitwazzjoni kurrenti fil-Madagaskar;

2.  Jikkundanna l-ħafna ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi ta' sigurtà kurrenti tal-Madagaskar kontra l-popolazzjoni tagħhom stess u jitlob li jiġu xolti l-milizzji politiċi kollha, favur r-rispett sħiħ tad-drittijiet ċivili, politiċi, soċjali u ekonomiċi taċ-ċittadini kollha u l-istabbiliment mill-ġdid tal-istat tad-dritt fil-Madagaskar; jitlob il-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha; jitlob l-persuni eżiljati u l-mexxejja politiċi jkollhom ritorn sikur;

3.  Jitlob li ssir inkjesta indipendenti ta' dawn l-atti li l-għan tagħha għandu jkun li l-awturi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jinġabu quddiem il-ġustizzja;

4.  Jesprimi l-allarm profond tiegħu dwar is-serq illegali kontinwu u l-esportazzjoni ta' njam, minerali u annimali selvaġġi prezzjużi mill-ġonna nazzjonali u minn żoni protetti, u dwar it-theddid dejjem jiżdied għall-ġestjoni komunitajra tal-bijodiversità minħabba t-tiġrif tal-ordni, u jappoġġa l-gruppi ta' preservazzjoni u s-soċjetà ċivili fl-isforzi kontinwi tagħhom biex jevitaw it-triq għan-niżla lejn id-deprivazzjoni ambjentali estrema u d-diżastru soċjali;

5.  Jiddispjaċih mill-falliment tan-negozjati ta' Gaborone u jitlob strateġija sodisfaċenti ta' ħruġ mis-sitwazzjoni staġnata kurrenti sabiex ikun stabbilit gvern tranżitorju verament newtrali, b'kunsens u inklużiv; jinnota l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport għas-Samit Straordinarju tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika; jinkoraġġixxi li s-Samit li jmiss tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika fil-11 ta' Ġunju 2011 jtemm b'mod definittiv l-istaġnar politiku u jimmira biex jaqdi l-interessi tal-poplu tal-Madagaskar; iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti skont it-termini tal-ftehimiet li ġew iffirmati biex jonoraw l-impenji tagħhom;

6.  Jenfasizza l-bżonn urġenti li jerġa' jiġi stabbilit l-orndi kostituzzjonali, li hu kundizzjoni għar-ritorn għan-normalità istituzzjonali fil-Madagaskar, u jħeġġeġ pass rapidu lejn elezzjonijiet liberi, miftuħa u trasparenti li jikkonformaw ma' standards demokratiċi taħt is-sorveljanza tal-komunità internazzjonali;

7.  Jenfasizza li l-kredibilità, inkluża l-legalità tal-proċess elettorali, timplika li l-movimenti u l-mexxejja politiċi kollha jkunu jistgħu jieħdu sehem f'dawn l-elezzjonijiet b'mod liberu u bla kundizzjonijiet u jkollhom aċċess bla xkiel għall-mezzi tax-xandir;

8.  Ma jaċċettax il-fatt li l-awtoritajiet li ħadu l-poter b'mod mhux kostituzzjonali għandhom il-leġittimità li jorganizzaw elezzjonijiet;

9.  Ifakkar fid-deċiżjoni mħabbra mis-Sur Rajoelina li ma joħroġx għall-elezzjonijiet presidenzjali futuri;

10.  Jenfasizza l-fatt li l-poplu tal-Madagaskar għandu bżonn u huwa kapaċi jagħżel il-futur tiegħu u jeżerċita l-awtodeterminazzjoni bla ebda kundizzjoni;

11.  Jenfasizza li l-Unjoni Afrikana, fis-Samit tagħha tal-31 ta' Jannar 2011, ikkonfermat sanzjonijiet individwali u selettivi miftiehma fis-Samit tas-17 ta' Marzu 2010 kontra s-Sur Rajoelina u mitt persuna oħra li jappoġġaw l-Awtorità Għolja tal-Gvern Tranżitorju;

12.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Kunsill ta' Sigurtà tal-NU jkomplu jimponu u jestendu s-sanzjonijiet fuq ir-reġim sakemm il-kriżi politika tiġi riżolta skont il-kunsiderazzjonijiet t'hawn fuq u b'mod partikolari biex jestendu għall-pajjiżi membri kollha l-projbizzjonijiet ta' viża stabbiliti mill-Unjoni Afrikana;

13.  Jenfasizza li l-gvern tas-Sur Rajoelina mhu rikonoxxut la mill-UE u lanqas minn ebda pajjiż membru tal-Grupp Internazzonali ta' Kuntatt dwar il-Madagaskar;

14.  Jappoġġa l-isforzi kurrenti tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika u jistieden lill-Unjoni Afrikana, lill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika u lill-Grupp Internazzjonali ta' Kuntatt biex iwasslu l-proċess ta' tranżizzjoni għal konklużjoni sodisfaċenti;

15.  Jappoġġa bis-sħiħ il-miżuri xierqa tal-UE li ttieħdu fis-7 ta' Ġunju 2010 wara l-konklużjoni tal-proċedura ta' konsultazzjoni skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou;

16.  Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali u lill-Unjoni Ewropea sabiex iżidu l-għajnuna umanitarja tagħhom lill-poplu tal-Madagaskar; ifakkar li l-istabbiliment mill-ġdid gradwali tal-programmi ta' kooperazzjoni mal-Madagaskar jiddependi mir-rispett sħiħ tal-prinċipji demokratiċi u tal-libertajiet fundamentali kollha;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi b'din r-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-AKP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, lill-President Joaquim Chissano u lill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana.

(1) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 111.
(2) ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 72.


Guantánamo: deċiżjoni imminenti dwar piena tal-mewt
PDF 214kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar Guantánamo: deċiżjoni imminenti tal-piena tal-mewt
P7_TA(2011)0271RC-B7-0362/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali, Ewropej u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u dwar il-projbizzjoni tad-detenzjoni arbitrarja, l-għajbien furzat u t-tortura, bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tas-16 ta' Diċembru 1966 u l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Kastigi oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-10 ta' Diċembru 1984, u l-protokolli relevanti tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 62/149 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 2007 fejn intalab moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt u 63/168 tat-18 ta' Diċembru 2008 b'talba għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-piena tal-mewt, l-aktar dawk tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-Jum Dinji kontra l-piena tal-mewt(1) u tal-10 ta' Lulju 2008 dwar il-piena tal-mewt, b'mod partikulari l-każ ta' Troy Davis(2), dwar Guantánamo, partikolarment dawk tat-13 ta' Ġunju 2006 dwar il-qagħda tal-priġunieri ta' Guantánamo(3) u tal-10 ta' Marzu 2004 dwar id-dritt tal-priġunieri ta' Guantánamo li jkollhom proċess ġust(4), kif ukoll dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri, partikolarment dik adottata fl-14 ta' Frar 2007(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2009 dwar ir-ritorn u r-rilokazzjoni tal-priġunieri tal-faċilità ta' detenzjoni ta' Guantánamo(6),

–   wara li kkunsidra l-ittra mibgħuta mill-President tiegħu lill-parlamenti nazzjonali dwar is-segwitu mogħti mill-Istati Membri għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Frar 2007,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tat-28 ta' April 1983 dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt,

–  wara li kkunsidra t-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-ICCPR, bil-għan li jikseb l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, tal-15 ta' Diċembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Gvern tal-Istati Uniti għandu l-intenzjoni li jitlob il-piena tal-mewt fil-proċess tal-kummissjoni militari li jmiss ta' raġel mill-Arabja Sawdija, Abd al-Rahim Hussayn Muhammed al-Nashiri, li attwalment qed jinżamm fil-faċilità ta' detenzjoni tal-Istati Uniti fi Guantánamo Bay; billi biex isir hekk hemm bżonn tal-approvazzjoni ta' uffiċjal magħruf bħala “l-awtorità ta' konvokazzjoni”, u d-deċiżjoni hija mistennija fi żmien numru ta' ġimgħat,

B.  billi al-Rahim al-Nashiri ilu taħt il-kustodja tal-Istati Uniti għal madwar disa' snin, u billi, minkejja li ġie msemmi f'att ta' akkuża ppreżentata lil qorti federali tal-Istati Uniti xhur biss wara l-arrest tiegħu fl-2002, huwa ma ttiħidx minnufih quddiem awtorità ġudizzjarja u ttieħed għall-proċess mingħajr dewmien, kif mitlub mil-liġi internazzjonali, iżda kien minflok miżmum taħt arrest sigriet sakemm ġie ttrasferit fi Guantánamo fl-2006,

C.  billi matul kważi erba' snin taħt il-kustodja tas-CIA huwa apparentement inżamm incommunicado, f'reklużjoni, f'postijiet sigrieti u kien allegatament suġġett għal tortura, inkluż “il-water-boarding”,

D.  billi fl-20 ta' April 2011 id-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti ħabbar li Abd al-Rahim al-Nashiri kien ġie mixli skont l-Att tal-Kummissjonijiet Militari tal-2009 b'fost l-oħrajn, “qtil bi vjolazzjoni tal-liġi tal-gwerra”, u “terroriżmu” fuq il-bażi tal-allegat rwol ta' tmexxija tiegħu fl-attakk fuq il-USS Cole fil-Jemen fit-12 ta' Ottubru 2000, fejn 17-il baħri Amerikan inqatel u 40 oħra korrew, u fl-attakk tat-tanker taż-żejt Franċiż MV Limburg fil-Golf ta' Aden fis-6 ta' Ottubru 2002, fejn inqatel membru tal-bdot,

E.  billi l-każ ta' Abd al-Rahim al-Nashiri, ċittadin Sawdi, se jkun l-ewwel li se jiġi pproċessat quddiem kummissjoni militari minn mindu l-President Obama amar il-bidu mill-ġdid ta' proċessi simili, billi l-ebda data ma ġiet stabbilita sa issa għall-proċess mill-kummissjoni militari, u billi l-prosekuzzjoni rrakomandat li l-piena tal-mewt tkun għażla fil-proċess, anki jekk din għandha tkun approvata minn qabel “mill-awtorità ewlenija militari”/ta' konvokazzjoni għall-kummissjonijiet militari, uffiċjal maħtur mis-Segretarju tad-Difiża tal-Istati Uniti,

F.  billi l-uffiċjal tal-awtorità ta' konvokazzjoni attwali indika li huwa lest biex jirċievi sottomissjonijiet bil-miktub dwar il-kwistjoni tal-piena tal-mewt sat-30 ta' Ġunju 2011 u li d-deċiżjoni tiegħu jeħodha wara din id-data,

G.  billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata bil-qawwa fil-ħidma tagħha biex tiżgura l-moratorji fuq l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt minn pajjiżi terzi, l-ewwel nett, u l-abolizzjoni eventwali tal-piena tal-mewt kullimkien, u qed tħabrek biex tikseb l-aċċettazzjoni universali ta' dan il-prinċipju,

H.  billi l-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tirrikonoxxi li xi pajjiżi jżommu l-piena tal-mewt, imma tipprojbixxi l-impożizzjoni u t-twettiq ta' sentenza ta' mewt fuq il-bażi ta' proċess li ma jkunx issodisfa l-ogħla standards tal-ġustizzja,

I.  billi hu diġà esprima l-kritika tiegħu u stieden lill-Istati Uniti biex jirrevedu s-sistema tal-kummissjonijiet militari, minħabba li mhux qed jissodisfaw l-istandards internazzjonali rigward proċessi ġusti,

J.  billi fl-2007 r-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali stieden lill-Istati Uniti jabolixxu l-kummissjonijiet militari, u billi fl-2009 r-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji ħeġġeġ lill-Istati Uniti biex ma jmexxu l-ebda prosekuzzjoni kapitali quddiem kummissjonijiet militari,

K.  billi Abd al-Rahim al-Nashiri allega li għal bosta xhur fl-2002 u fl-2003 huwa nżamm b'mod sigriet f'detenzjoni tas-CIA fil-Polonja u li ġie ttorturat waqt dan il-perjodu, u billi fl-10 ta' Mejju 2011 huwa appella lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bl-appoġġ tal-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem,

L.  billi minkejja l-evidenza ta' vjolazzjonijiet estremament serji tad-drittijiet tal-bniedem u delitti skont il-liġi internazzjonali, bħalma huma t-tortura, il-maltrattament, id-detenzjoni incommunicado u l-għajbien furzat, li seħħew waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu, ftit nies ġew imressqa quddiem il-ġustizzja f'dan ir-rigward, fl-Istati Uniti jew fl-UE,

1.  Jinnota r-relazzjoni fil-qrib transatlantika msejsa fuq il-kondiviżjoni ta' nukleu ta' valuri u rispett għal drittijiet bażiċi u universali tal-bniedem li mhumiex negozjabbli, bħalma huma d-dritt għal proċess ġust u l-projbizzjoni ta' detenzjoni arbitrarja; jilqa' l-kooperazzjoni fil-qrib transatlantika fuq medda wiesa' ta' kwistjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Itenni l-għadab u r-rabja tiegħu lejn l-attakki kollha tal-massa mit-terroristi, u s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi ta' attakki simili u s-simpatija tiegħu għall-uġigħ u t-tbatija tal-familji tagħhom, tal-ħbieb u tal-qraba; itenni, madankollu, li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tistax titwettaq b'detriment tal-valuri kondiviżi, bażiċi u stabbiliti, bħalma huwa r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-istat ta' dritt;

3.  Itenni l-oppożizzjoni twila tiegħu għall-użu tat-tortura u l-maltrattament u għall-piena tal-mewt f'kull każ u taħt kull ċirkostanza, u jenfasizza għal darb'oħra li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità tal-bniedem u l-iżvilupp progressiv tad-drittijiet tal-bniedem;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex ma jimponux il-piena tal-mewt fuq Abd al-Rahim al-Nashiri, u jistieden lir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, il-Presidenza tal-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iqajmu l-kwistjoni bħala waħda ta' urġenza mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti u biex jagħmlu rappreżentazzjonijiet qawwija lill-Istati Uniti fi sforz biex ikun żgurat li Abd al-Rahim al-Nashiri ma jinqatilx;

5.  Itenni l-istedina tiegħu lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jirrevedu s-sistema tal-kummissjonijiet militari biex ikunu żgurati proċessi ġusti, biex jagħlqu Guantánamo, jipprojbixxu taħt kull ċirkostanza l-użu tat-tortura, il-maltrattament, id-detenzjoni incommunicado, id-detenzjoni indefinita mingħajr proċess u l-għajbien furzat, u jfakkar lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri dwar id-dmir tagħhom biex ma jikkollaborawx, jew ma jgħattux, atti simili pprojbiti mil-liġi internazzjonali, Ewropea u nazzjonali;

6.  Josserva b'dispjaċir id-deċiżjoni tal-President tal-Istati Uniti tas-7 ta' Marzu 2011 li jiffirma l-ordni eżekuttiva dwar id-detenzjoni u r-revoka tal-projbizzjoni dwar it-tribunali militari; huwa konvint li l-proċessi kriminali normali taħt il-ġurisdizzjoni ċivili huma l-aqwa mod biex ikun solvut l-istatus tad-detenuti ta' Guantánamo; jinsisti li s-Sur al-Nashiri, u d-detenuti l-oħra kollha taħt il-kustodja tal-Istati Uniti, għandhom ikunu mixlija minnufih u pproċessati skont l-istandards internazzjonali tal-istat ta' dritt jew inkella jinħelsu; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-istess standards dwar proċessi ġusti għandhom japplikaw għal kulħadd, mingħajr diskriminazzjoni;

7.  Jistieden lill-UE u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, biex jiżguraw li inkjesti u investigazzjonijiet sħaħ, ġusti, indipendenti u imparzjali jitwettqu fil-kuntest tal-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-delitti skont il-liġi internazzjonali, Ewropea u nazzjonali, u biex jitressqu quddiem il-ġustizzja dawk responsabbli, inkluż il-qafas tal-kunsinni straordinarji tas-CIA u l-programm tal-ħabsijiet sigrieti;

8.  Jilqa' l-fatt li numru ta' Stati Membri aċċettaw id-detenuti ta' Guantánamo għal rilokazzjoni, u jistieden aktar Stati Membri jikkooperaw mal-Gvern tal-Istati Uniti għal dan il-għan;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Awtorità ta' Konvokazzjoni għall-Kummissjonijiet Militari, lis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, lill-President tal-Istati Uniti, lill-Kungress u s-Senat tal-Istati Uniti, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0351.
(2) ĠU C 294E, 3.12.2009, p. 80.
(3) ĠU C 300E, 9.12.2006, p. 136.
(4) ĠU C 102 E, 28.4.2004, p. 640.
(5) ĠU C 287E, 29.11.2007, p. 309.
(6) ĠU C 67E, 18.3.2010, p. 91.


L-Ukraina: il-każijiet ta' Yulia Tymoshenko u membri oħra tal-gvern preċedenti
PDF 217kWORD 47k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar l-Ukraina: il-każi ta' Yulia Tymoshenko u membri oħra tal-gvern preċedenti
P7_TA(2011)0272RC-B7-0370/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010(1),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998 u n-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni maħsub biex jissostitiwixxi l-FSK,

–   wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina, li tissostitwixxi l-Pjan ta' Azzjoni u li ġiet approvata mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Ukraina f'Ġunju 2009,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Mejju 2010 “Analiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat” (COM(2010)0207) u r-Rapport ta' progress tal-25 ta' Mejju 2011 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tiegħu dwar id-detenzjoni ta' Yulia Tymoshenko fl-24 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Mejju 2011 mill-kelliemi tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton dwar il-każ ta' Yulia Tymoshenko,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummmissarju Štefan Füle fl-24 ta' Marzu 2011 wara l-laqgħa tiegħu ma' Yulia Tymoshenko,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' liġi dwar il-prevenzjoni u t-trattament tal-korruzzjoni adottat mill-Verkhovna Rada fis-7 ta' April 2011 u li se jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE hija favur Ukraina demokratika u stabbli li tirrispetta l-prinċipji tal-ekonomija tas-suq soċjali, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi, u li tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali; billi l-istabbiltà politika domestika, konċentrazzjoni fuq ir-riforma interna u r-rispett tal-istat tad-dritt, li jinkorpora proċessi legali ġusti, imparzjali u indipendenti, fl-Ukraina huma prerekwiżiti għal żvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina; billi l-Viċinat tal-Lvant iħaddan dawn il-prinċipji kollha,

B.  billi riforma komprensiva tal-ġudikatura u miżuri li jiżguraw ir-rispett tal-istat tad-dritt fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet kriminali, inkluż il-prinċipju ta' proċedimenti ġudizzjarji ġusti, imparzjali u indipendenti, għadhom ma ġewx implimentati fl-Ukraina,

C.  billi l-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter għadhom mifruxa fl-Ukraina u jirrikjedu rispons bla ekwivoċi mill-awtoritajiet, inkwantu jressqu “l dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja; billi jeħtieġ li l-prosekuzzjonijiet u l-investigazzjonijiet ikunu imparzjali u indipendenti, u jeħtieġ li ma jintużawx għal finijiet politiċi,

D.  billi fl-24 ta' Mejju 2011 l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali fl-Ukraina kkompleta l-investigazzjoni dwar il-każ kontra Yulia Tymoshenko, ex Prim Ministru tal-Ukraina, u ressaq kontrieha akkużi ta' abbuż ta' poter bi rbit mal-konklużjoni ta' kuntratti tal-gass mal-Federazzjoni Russa fl-2009,

E.  billi fil-21 ta' Frar 2011 żewġ proċedimenti kriminali kontra Yulia Tymoshenko nġiebu flimkien f'kawża waħda li fiha hija akkużata bi frodi ta' fondi mill-bejgħ ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra skont il-Protokoll ta' Kjoto u bl-approprjazzjoni bla dritt ta' UAH 67 miljun li kienu allokati mill-baġit statali tal-Ukraina, taħt garanzija tal-gvern lill-Gvern Awstrijak, għax-xiri u l-importazzjoni ta' 1 000 vettura Opel Combo li suppost kellhom jintużaw għal finjijiet medikali f'żoni rurali meta kienet Prim Ministru,

F.  billi, mindu ġew varati l-investigazzjonijiet fil-15 ta' Diċembru 2010, Yulia Tymoshenko ġiet interrogata 44 darba, ġiet imposta fuqha projbizzjoni tal-ivvjaġġar, sew intern kif ukoll internazzjonali, għal kważi sitt xhur, inżammet mill-awtoritajiet tal-Ukraina milli tivvjaġġa ġewwa l-Ukraina f'erba' okkażjonijiet, kif ukoll li tivvjaġġa lejn Brussell fi Frar u f'Ġunju, u ġiet imħarrka u interrogata fil-25 ta' Mejju 2011 għal diversi sigħat qabel ma nħelset,

G.  billi 12-il persuna li kienu uffiċjali mlaħħqa fil-gvern ta' Tymoshenko jinsabu miżmuma f'detenzji ta' qabel proċess, fosthom Yuri Lutsenko, li kien Ministru tal-Intern u li huwa wieħed mill-mexxejja tal-Partit Popolari ta' Awtodifiża, li ġie akkużat b'abbuż tal-uffiċċju u b'approprjazzjoni bla dritt ta' fondi u arrestat fis-26 ta' Diċembru 2010 talli allegatament ma kkooperax mal-prosekuzzjoni, kif ukoll dak li kien l-Ewwel Viċi Ministru tal-Ġustizzja, Yevhen Korniychuk, li safa arrestat fit-22 ta' Diċembru 2010 b'akkużi li kiser il-liġi bi rbit ma' proċeduri ta' akkwsit pubbliku għal servizzi legali,

H.  billi s-Sur Lutsenko ma nħelisx mid-detenzjoni ta' qabel proċess meta l-proċess tiegħu nfetaħ fit-23 ta' Mejju 2011, minkejja l-fatt li d-detenzjoni għall-allegat nuqqas ta' kooperazzjoni fl-investigazzjoni tal-kawża tiegħu hija miżura estremanent sproporzjonata,

I.  billi rapport preliminari tal-Kumitat Daniż ta' Ħelsinki għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-proċessi ta' Lutsenko u Korniychuk elenka vjolazzjonijiet enormi tal-konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

J.  billi proċedimenti kriminali nbdew ukoll kontra dak li kien Ministru tal-Ekonomija, Bohdan Danylyshin, li ħarab mill-Ukraina u ngħata asil politiku fir-Repubblika Ċeka; billi dak li kien Ministru tal-Ambjent, Georgy Filipchuk, u dak li kien Aġent Ministru tad-Difiża, Valery Ivashchenko, ukoll jiffaċċaw akkużi kriminali,

K.  billi dak li kien Speaker tal-Parlament tal-Krimea, Anatoliy Grytsenko (Partit tar-Reġjuni), ġie miżmum fl-24 ta' Jannar 2011 u akkużat b'abbuż ta' poter li jinvolvi l-għoti illegali ta' 4 800 ettaru artijiet; billi kawża kriminali oħra nfetħet aktar tard, rigward frodi tal-artijiet bi rbit ma' art ta' żvilupp turistiku f'Yalta,

L.  billli l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali fetaħ ukoll investigazzjoni kirminali dwar abbuż ta' poter kontra dak li kien President tal-Ukraina, Leonid Kuchma,

M.  billi l-Kostituzzjoni tal-Ukraina tipprovdi dwar responsabbiltà kollettiva għad-deċiżjonijiet li jieħu l-Gvern tal-Ukraina,

N.  billi l-UE tkompli tenfasizza l-ħtieġa li jintwera rispett għall-istat tad-dritt, li jinkorpora proċessi legali ġusti, imparzjali u indipendenti, filwaqt li jevita l-periklu li jagħti lok għall-perċezzjoni li miżuri ġudizzjarji jkunu qed jintużaw selettivament; billi l-UE dawn il-prinċipji tqishom speċjalment importanti f'pajjiż li jaspira li jidħol f'relazzjoni kuntrattwali aktar profonda msejsa fuq assoċjazzjoni politika,

1.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-akbar trasparenza fl-investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u proċessi, u jwissi kontra kwalunkwe użu tal-liġi kriminali bħala għodda għall-ilħiq ta' finijiet politiċi;

2.  Huwa mħasseb dwar żieda fil-prosekuzzjoni selettiva ta' figuri mill-oppożizzjoni politika fl-Ukraina kif ukoll dwar il-karattru sproporzjonat tal-miżuri applikati, partikolarment fil-kawżi tas-Sinjura Tymoshenko u s-Sur Lutsenko, li kien ministru tal-Intern, u jinnota li s-Sur Lutsenko ilu miżmum mis-26 ta' Diċembru 2010; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-Kummissarju tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ukraina, Nina Karpachova, li talbet lill-Prosekutur Ġenerali tal-Ukraina jikkunsidra l-possibbiltà li japplika miżuri preventivi li ma jinvolvux id-detenzjoni;

3.  Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Ukraina li l-prinċipju tar-responsabbiltà kollettiva għad-deċiżjonijiet tal-gvern ma tippermettix il-prosekuzzjoni ta' membri individwali tal-gvern fuq deċiżjonijiet li ttieħdu b'mod kolleġġjali;

4.  Jenfasizza li l-investigazzjonijiet li għaddejjin fuq mexxejja politiċi prominenti tal-Ukraina m'għandhomx iżommuhom milli jieħdu sehem attiv fil-ħajja politika tal-pajjiż, jiltaqgħu mal-votanti u jivvjaġġaw għal laqgħat internazzjonali; jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet tal-Ukraina jneħħu l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar, sew intern kif ukoll internazzjonali, imposta fuq Yulia Tymoshenko u figuri politiċi ewlenin oħra;

5.  Jisħaq fuq il-fatt li t-tisħiħ tal-istat tad-dritt u ġlieda kredibbli kontra l-korruzzjoni huma essenzjali mhux biss għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina b'mod ġenerali, imma wkoll għall-konsolidament tad-demokrazija fl-Ukraina;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni tgħin fir-riforma tal-ġudikatura tal-Ukraina billi tagħmel użu aħjar tal-programm tal-UE għall-bini tal-kapaċità u tikkunsidra li jinħoloq Grupp Konsultattiv ta' Livell Għoli tal-UE għall-Ukraina biex jgħin lill-pajjiż fl-isforzi tiegħu ħalli jallinja ruħu mal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż f'dak li jirrigwarda l-ġudikatura;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-SEAE, lill-Istati Membri, lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Ukraina u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0444.


Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Isport Ewropew
PDF 72kWORD 33k
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Isport Ewropew
P7_TA(2011)0273P7_DCL(2011)0007

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra s-seba' inċiż tal-Artikolu 165(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jiddikjara li l-azzjoni tal-Unjoni għandha timmira għall-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport, billi ssir promozzjoni sabiex il-kompetizzjonijiet sportivi jkunu ġusti u miftuħin,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi jirrikonoxxi l-impatt soċjali u finanzjarju importanti ħafna tal-isport Ewropew fuq iċ-ċittadini u l-intrapriżi fl-Unjoni,

B.  billi skont il-Wħite Paper dwar l-Isport (COM(2007)0391) il-problemi ta' korruzzjoni b'dimensjoni Ewropea għandhom jiġu indirizzati fil-livell Ewropew, u l-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ħasil tal-flus fl-Istati Membri fir-rigward tas-settur tal-isport,

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina, flimkien mal-Istati Membri, studju fuq skala kbira dwar il-każijiet ta' korruzzjoni fl-isport Ewropew, billi tikkonsulta mal-partijiet interessati;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jenfasizzaw speċifikament ir-rabtiet bejn l-attività kriminali organizzata u l-imħatri legali u illegali, l-aġenti sportivi, ir-referees, l-uffiċjali tal-klabbs u l-isportivi nisa u rġiel, li jippruvaw jiffissaw minn qabel ir-riżultati tal-logħbiet tal-isport Ewropej;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tirregola l-imħatri fuq l-Internet, fl-interessi tal-integrità u l-iżvilupp sostenibbli tal-isport Ewropew, permezz ta' operaturi awtorizzati, miżuri speċifiċi għall-ġlieda kontra l-iffissar tar-riżultati minn qabel u billi tiżgura ritorn ġust għall-isport tan-nies komuni permezz tar-rikonoxximent tad-dritt tal-imħatri lill-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet sportivi;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji(1), lill-Kummissjoni u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Il-lista ta' firmatarji hija ppubblikata fl-Anness 1 għall-Minuti tad-9 ta' Ġunju 2011 (P7_PV(2011)06-09(ANN1)).


Ix-xogħol tal-Kumitat għal Persuni Nieqsa f'Ċipru
PDF 73kWORD 31k
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar ix-xogħol tal-Kumitat għal Persuni Nieqsa f'Ċipru
P7_TA(2011)0274P7_DCL(2011)0010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi waqt il-ġlied interkomunali 1963-1964, u wara bl-invażjoni Torka ta' Ċipru fl-1974, ġew rapportati nieqsa madwar 2 000 individwu kemm mill-komunitajiet Griegi u dawk Torok,

B.  billi l-lokazzjoni u d-destin ta' bosta minn dawn l-individwi għadhom mhumiex magħrufa,

C.  billi l-Kumitat għal Persuni Nieqsa f'Ċipru (CMP), li hu sussidjat finanzjarjament min-Nazzjonijiet Uniti, il-Kumissjoni Ewropea u donaturi oħra, jaħdem biex jistabilixxi x'sar minnhom dawk li ġew irrappurtati nieqsa,

1.  Jaċċetta b'mod komplut ix-xogħol tas-CMP u jagħraf ir-rwol tiegħu wara konflitt għall-promozzjoni tal-verità, it-tifkira u r-rikonċiljazzjoni f'Ċipru;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tkompli talloka biżżejjed riżorsi lis-CMP sabiex dan ikun jista' jissodisfa l-mandat importanti tiegħu;

3.  Jitlob lill-Gvernijiet tat-Turkija u lil Ċipru biex ikomplu jappoġġaw ix-xogħol tas-CMP, biex jirduppjaw l-isforzi sabiex jagħtu kont dwar dawk l-individwi li għadhom elenkati bħala nieqsa u biex jassiguraw li l-informazzjoni kollha li tista' tiffaċilita l-missjoni tas-CMP tiġi provvduta lilu b'mod ħieles;

4.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji(1), lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kumitat għal Persuni Nieqsa f'Ċipru.

(1) Il-lista ta' firmatarji hija ppubblikata fl-Anness 2 għall-Minuti tad-9 ta' Ġunju 2011 (P7_PV(2011)06-09(ANN2)).

Avviż legali - Politika tal-privatezza