Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2011 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv (2012) (COM(2010)0462 – C7-0253/2010 – 2010/0242(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2010)0462),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 294(2) u 153(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema l-Kummissjoni ressqet il-proposta lill-Parlament (C7-0253/2010),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits dwar il-kompatibilità finanzjarja tal-proposta,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2010(1),
– wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-18 ta' Mejju 2011, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 38 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0061/2011),
1. Adotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tas-7 ta' Lulju 2011 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni .../2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012)
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, d-Deċiżjoni Nru 940/2011/UE.)
ANNESS
Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-baġit
Skont l-Artikolu 8, l-allokazzjoni finanzjarja għall-implimentazzjoni tas-Sena Ewropa hija ta' mhux inqas minn EUR 5 000 000. EUR 2.3 miljun se jintużaw mill-baġit għas-sena 2011 mingħajr ma jintużaw marġni disponibbli biex jiġu ffinanzjati partikolarment attivitajiet ta' komunikazzjoni u l-konferenzi tal-UE għas-Sena Ewropea, u mill-inqas EUR 2.7 miljun, li għandhom jiġu prijoritizzati mill-ġdid minn riżorsi eżistenti mingħajr ma jintużaw il-marġni eżistenti, se jkunu riżervati u jsiru viżibbli fil-linja baġitarja fl-abbozz ta' baġit għall-2012.
Is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u l-Afrika ta' Fuq
331k
88k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u fl-Afrika ta' Fuq
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn, b'mod partikolari dwar il-qagħda fis-Sirja, il-Baħrejn u l-Jemen tas-7 ta' April 2011(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tan-Nofsinhar tas-7 ta' April 2011(3),
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni (VP/RGħ) dwar is-Sirja, tat-18, 22, 24 u s-26 ta' Marzu, tat-23 ta' April, tas-6 u l-11 ta' Ġunju 2011; u dwar il-Jemen tal-10, 12 u t-18 ta' Marzu, tas-27 ta' April, tal-11, is-26 u l-31 ta' Mejju u tat-3 ta' Ġunju 2011, u dwar il-Baħrejn tal-10, it-12 u t-18 ta' Marzu, it-3 ta' Mejju u l-1 ta' Lulju 2011,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-VP/RGħ f'isem l-UE dwar is-Sirja tad-29 ta' April 2011,
–wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-25 ta' Mejju 2011, dwar ir-“Rispons ġdid għal viċinat li qed jinbidel” li tikkomplimenta l-Komunikazzjoni Konġunta tat-8 ta' Marzu 2011 dwar “Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran”,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Vicinat tan-Nofsinhar tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-Sirja tad-29 ta' April 2011,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/273/PESK tad-9 ta' Mejju 2011, 2011/302/PESK tat-23 ta' Mejju 2011 u 2011/367/PESK tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar is-Sirja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat-23 ta' Mejju u tal-20 ta' Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-Sirja tat-3 ta' Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Ġunju 2011, tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, dwar is-sentenzi kontra 21 attivista politiku Baħrejni, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-kapijiet tal-oppożizzjoni,
–wara li kkunsidra r-rapport preliminari tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-Sirja tal-14 ta' Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1990,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u t-Trattament jew Piena oħra Krudila, Inumana jew Degradanti tal-1975,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-2004, kif aġġornati fl-2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, id-dimostrazzjonijiet paċifiċi fil-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani esprimew aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi u talbiet qawwija għal riformi istituzzjonali, politiċi, ekonomiċi u soċjali mmirati lejn il-kisba ta' demokrazija ġenwina, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u n-nepotiżmu, l-iżgurar tar-rispett tal-istat ta' dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali, u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali aħjar,
B. billi l-Komunikazzjoni Konġunta msemmija “Rispons ġdid għal Viċinat li qed jinbidel” tal-25 ta' Mejju 2011 tieħu approċċ ġdid, billi teżamina mill-ġdid l-implimentazzjoni tal-prinċipji bażiċi li jiggvernaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni, b'mod partikolari l-valuri universali tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, li jinsabu fil-qalba tal-Politika tal-Viċinat, filwaqt li tirrifletti l-ħtieġa tal-UE li tappoġġa l-bidliet demokratiċi fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani,
Is-Sirja
C. billi sa mill-bidu tar-ripressjoni fis-Sirja f'Marzu 2011, il-vjolenza kompliet tikber u l-forzi tas-sigurtà qegħdin jirreaġixxu għall-protesti kontinwi, b'arresti tal-massa u b'żieda fil-brutalità, bil-qtil ta' aktar minn 400 ċittadin fil-provinċja ta' Daraa waħedha u possibiliment ta' aktar minn 1000 ruħ madwar is-Sirja kollha,
D. billi vidjows reċenti, li kienu mxandra madwar id-dinja, urew stampi inkwetanti ta' tfal detenuti arbitrarjament fis-Sirja li sfaw vittmi tat-tortura jew trattament ħażin, li f'ċerti każi wasslet għall-mewt tagħhom, bħal fil-każ ta' Hamza al-Khateeb, tifel ta' 13-il sena; billi, b'żieda ma' dan, l-użu ta' munizzjon attiv kontra d-dimostranti diġà wassal għall-imwiet ta' mill-anqas 30 tifel, kif rappuratat mill-UNICEF, l-aġenzija tan-NU għat-tfal, fil-31 ta' Mejju 2011,
E. billi l-President Bashar al-Assad, fit-tielet indirizz tiegħu fl-20 ta' Ġunju 2011, qal li djalogu nazzjonali se jsawwar il-ġejjieni tas-Sirja; billi minkejja impenji ripetuti għall-implimentazzjoni ta' riformi u bidliet politiċi fis-Sirja, l-awtoritajiet ma ħadu l-ebda pass kredibbli biex iwettquhom; billi diġà ġew dokumentati aktar minn 800 każ tal-għajbien furzat u 11 000 każ ta' detenzjoni arbitrarja, mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem,
F. billi fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Kunsill tat-23 ta' Ġunju 2011 adotta deċiżjoni u regolament li jimponi miżuri restrittivi fuq seba' persuni oħrajn li żdiedu mal-lista stipulata fid-9 ta' Mejju 2011, li daħħlet miżuri speċjali, bħall-projbizzjoni tal-viża u l-iffriżar tal-assi u li imponiet ukoll embargo fuq l-armi u tgħamir li jista' jintuża fir-ripressjoni interna, kontra l-erba' entitajiet assoċjati mar-reġim Sirjan,
G. billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra, għadu jrid jiġi ffirmat; billi l-iffirmar ta' dan il-Ftehim ġie pospost fuq talba tas-Sirja minn Ottubru 2009, u l-Kunsill kien diġà ddeċieda li ma jieħux passi ulterjuri; billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jikkostitwixxi parti essenzjali ta' dan il-Ftehim,
H. billi hemm riskju serju ta' żieda f'attakki vjolenti minn gruppi estremisti, inkluż minn gruppi armati tal-jihadi; billi huwa importanti li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-komunitajiet reliġjużi differenti fis-Sirja, inkluż in-numru kbir ta' refuġjati Iraqqin li waslu fil-pajjiż,
I. billi, wara l-assedju ta' Daraa, il-forzi tas-sigurtà nedew operazzjoni u kampanja militari fuq skala kbira ta' arresti arbitrarji fl-irħula qarib; billi hu stmat li madwar 12 000 Sirjan minn Jisr al-Shughour u mill-inħawi tal-viċin qasmu l-fruntiera bejn is-Sirja u t-Turkija, wara biża ta' ripressjonijiet mill-forzi tas-sigurtà, u skont in-Nofs Qamar l-Aħmar hemm 17 000 oħra li qegħdin jistennew biex jaqsmu l-fruntiera,
Il-Jemen
J. billi s-sitwazzjoni fil-Jemen tibqa' waħda ta' tħassib serju wara xhur ta' vjolenza u taqlib li kkawżaw sofferenza sostanzjali fuq il-poplu tal-Jemen, u wasslet għal telf ta' ħajja u ġrieħi serji, u għall-arrest ta' dimostranti, kif ukoll l-iggravar ta' kriżi ekonomika u politika fil-pajjiż,
K. billi l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) nieda pjan għat-trasferiment paċifiku tal-poter, li ma ġiex iffirmat mill-President tal-Jemen, Ali Abdullah Saleh,
L. billi tul l-attakki reċenti fuq il-kwartieri tiegħu fit-3 ta' Ġunju 2011, il-President Saleh kien ferut serjament u issa qiegħed jirċievi trattament mediku fl-Arabja Sawdija; billi l-poter kien ittrasferit temporanjament lill-Viċi President tal-pajjiż, Abd Rabbuh Mansur Hadi,
M. billi l-Jemen hu l-ifqar pajjiż fil-Lvant Nofsani, b'malnutrizzjoni mifruxa, riżervi taż-żejt li qed jonqsu, popolazzjoni li qed tikber, gvern ċentrali dgħajjef, nuqqas dejjem akbar ta' ilma u ftit investiment fl-ekonomija tal-pajjiż; billi hemm tħassib serju dwar id-diżintegrazzjoni tal-istat Jemenit, b'waqfien mill-ġlied fraġli li ilu fis-seħħ minn Frar mar-ribelli Xiti fit-Tramuntana, moviment seċessjonista fin-Nofsinhar u ħafna ġellieda ta' Al Qaeda li huma rrappurtati li jużaw il-Jemen bħala kenn,
Il-Baħrejn
N. billi l-istat tas-sikurezza nazzjonali fil-Baħrejn tneħħa fl-1 ta' Ġunju 2011 u r-Re Hamad Bin Isa al-Khalifa għamel appell għal djalogu nazzjonali, li nbeda fit-2 ta' Lulju 2011,
O. billi fid-29 ta' Ġunju 2011 twaqqfet kummissjoni indipendenti mir-Re Hamad sabiex tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tul ir-ripressjonijiet riċenti tal-gvern kontra d-dimostranti favur ir-riforma,
P. billi fit-22 ta' Ġunju 2011 il-Qorti tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Baħrejn, li hija qorti militari, ħabbret il-verdett tagħha kontra 21 attivist tal-oppożizzjoni tal-Baħrejn, inkluż sebgħa minnhom in absentia; billi tmien attivisti tal-oppożizzjoni ngħataw sentenza ta' għomorhom il-ħabs u 13 oħra ngħataw sentenzi ta' ħabs sa 15-il sena talli “ikkonfoffaw biex iwaqqgħu l-gvern”; billi bosta attivisti politiċi oħrajn, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti ġew miżmuma tul il-protesti reċenti favur ir-riforma, u billi skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem dawn ġew ittorturati, trattati ħażin u abbużati,
Q. billi fit-22 ta' Mejju 2011, il-kundanni għall-mewt kontra żewġt irġiel, Ali “Abdullah Hassan al-Sankis u Abdulaziz ”Abdulridha Ibrahim Hussain, għall-qtil ta' żewġ pulizija tul protesti kontra l-gvern fil-Baħrejn ġew ikkonfermati mill-Qorti tal-Appell tas-Sikurezza Nazzjonali; billi l-eżekuzzjoni tagħhom kienet posposta sa Settembru,
R. billi 47 bejn tobba u infermiera mill-Baħrejn kienu akkużati b'“inċitament għat-twaqqigħ tar-reġim bil-forza” u qegħdin jiffaċċjaw proċess quddiem qorti militari tal-Baħrejn; billi l-professjonisti mediċi ttrattaw lill-persuni feruti kollha bl-istess mod, fir-rispett tal-kodiċi tal-etika tal-professjoni tagħhom,
S. billi fuq talba tal-gvern tal-Baħrejn, ġew skjerati forzi barranin fil-Baħrejn taħt il-bandiera tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC),
1. Jikkundanna bil-qawwa l-użu sproporzjonat tal-vjolenza mir-reġimi, kontra d-dimostranti paċifiċi u jiddeplora l-għadd kbir ta' persuni li nqatlu jew ndarbu; iwassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u l-midruba; jitlob it-tmiem minnufih ta' tixrid tad-demm u r-rilaxx tal-persuni arrestati; jitlob li ssir investigazzjoni dwar il-qtil, l-arresti u l-allegati torturi;
2. Ifaħħar liċ-ċittadini għall-kuraġġ muri fid-dimostrazzjonijiet tagħhom għall-bidla demokratika, b'mod partikolari n-nisa li kienu u li spiss jibqgħu fuq quddiem nett tal-protesti;
3. Jistieden lill-mexxejja politiċi fil-pajjiżi Għarab jonoraw l-impenji tagħhom billi jipparteċipaw fi djalogu politiku miftuħ u kostruttiv li jinvolvi l-partiti u movimenti politiċi demokratiċi kollha kif ukoll lis-soċjetà ċivili mingħajr dewmien jew pre-kundizzjoni, hu mmirat għat-tħejjija tat-triq għal demokrazija ġenwina, u għall-implimentazzjoni ta' riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali reali, u ambizzjużi, li huma essenzjali għall-istabbilità u l-iżvilupp fit-tul f'dawn il-pajjiżi u f'dan ir-reġjun kollu kemm hu;
Is-Sirja
4. Jikkundanna bil-qawwa ż-żieda qawwija ta' vjolenza fis-Sirja u t-tkomplija ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-assedji imposti fuq numru ta' bliet, bħal Daraa, Jisr al-Shughour u Hama, arresti tal-massa, qtil extraġudizzjarju, detenzjoni arbitrarja, allegazzjonijiet ta' għajbien furzat u tortura;
5. Jiddeplora l-fatt li t-tneħħija tal-istat ta' emerġenza mħabbar fil-21 ta' April, 2011 u n-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' riformi oħrajn imwiegħda mill-President Assad, u li l-priġunieri politiċi għadhom taħt arrest minkejja l-amnestija reċenti mħabbra mill-President; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-Sirja jwaqqfu minnufih l-assedju ta' bliet affettwati u jippermettu aċċess rapidu u mingħajr xkiel għall-aġenziji u l-ħaddiema umanitarji;
6. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-Sirja u lill-President Bashar al Assad biex itemmu l-qtil ta' dimostranti mhux armati u biex jeħilsu minnufih mill-arrest lid-dimostranti, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u priġunieri politiċi; jistieden lill-forzi demokratiċi kollha u lill-atturi tas-soċjetà ċivili biex jipparteċipaw fi proċess politiku immedjat u ġenwin sabiex jikkontribwixxu għal transizzjoni demokratika fis-Sirja msejsa fuq aġenda ta' riformi fundamentali reali u fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;
7. Jitlob lill-awtoritajiet tas-Sirja jippermettu d-dħul tal-istampa barranija fil-pajjiż biex din tivverifika l-allegazzjonijiet kollha ta' “gruppi ta' estremisti armati” li qegħdin jisparaw kontra l-forzi tas-sigurtà, li tirrappreżenta l-ġustifikazzjoni tar-reġim għat-tixrid ta' demm inaċċettabbli li qiegħed iseħħ; jistieden lill-awtoritajiet tas-Sirja jikkooperaw bis-sħiħ u jipprovdu aċċess mingħajr xkiel lill-uffiċċju tal-Kummissarju Għoli u lill-mekkaniżmi oħrajn tan-NU;
8. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-Sirja sabiex minnufih jeħilsu lit-tfal kollha arrestati tul ir-ripressjoni tad-dimostrazzjonijiet u tul avvenimenti relatati, biex jinvestigaw bir-reqqa r-rapporti ta' każijiet ta' vjolenza kontra t-tfal u biex jieqfu milli jwettqu aktar arresti u vjolenza kontra t-tfal u minn kull ksur ta' drittijiet tat-tfal;
9. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jimponi miżuri restrittivi fuq is-Sirja u fuq il-persuni responsabbli mir-ripressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili, jissospendi t-tħejjijiet għall-programmi ta' kooperazzjoni bilaterali ġodda, jissospendi l-programmi bilaterali li għadhom għaddejjin mal-awtoritajiet tas-Sirja skont l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) u l-istrument MEDA, jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex għalissa ma japprovax operazzjonijiet ta' finanzjament ġodda fis-Sirja, biex jikkunsidra s-sospensjoni ta' għajnuna Komunitarja ulterjuri għas-Sirja fid-dawl tal-iżviluppi attwali u biex ma jieħux aktar passi rigward il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mas-Sirja; japoġġa ġabra ta' sanzjonijiet intelliġenti adottati mill-Kunsill u jistieden lill-Kunsill jieħu inizjattiva diplomatika qawwija biex jikkonvinċi l-pajjiżi l-oħra jadottaw l-istess sanzjonijiet; hu tal-fehma li l-Kunsill għandu jkompli jestendi s-sanzjonijiet immirati lejn il-persuni kollha u l-entitajiet kollha marbuta mar-reġim bil-għan li ddgħajjifhom u tiżolahom filwaqt li twitti t-triq għal tranżizzjoni demokratika;
10. Jappoġġja bil-qawwa l-isforzi diplomatiċi tal-UE flimkien mas-sħab tagħha fil-komunità internazzjoni biex tiżgura li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) jikkundanna l-vjolenza kontinwa fis-Sirja, jirrifjuta l-impunità u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-Sirja jwettqu l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Sirjan; jiddispjaċih għall-fatt li s'issa dawn l-isforzi ma kienux ta' suċċess u li r-riżoluzzjoni ma setgħatx tiddaħħal; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lir-VP/RGħ jkomplu jaħdmu flimkien mas-sħab internazzjonali biex jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-KSNU fis-sitwazzjoni fis-Sirja u għall-implimentazzjoni mill-awtoritajiet Sirjani tar-responsabilità tagħhom li jipproteġi l-popolazzjoni tas-Sirja;
11. Jilqa' l-politika tat-Turkija li żżomm il-fruntieri miftuħa għar-refuġjati Sirjani u l-organizzazzjoni u l-mobilizzazzjoni mħaffa tar-riżorsi tan-Nofs Qamar l-Aħmar;
12. Jilqa' r-rikonoxximent mill-UE tal-isforzi tat-Turkija u tas-sħab reġjonali l-oħrajn fit-trattament tagħhom tal-aspetti differenti tal-kriżi, b'mod partikolari l-aspetti umanitarji, u jiddikjara li ser jaħdem magħhom biex jindirizza s-sitwazzjoni fis-Sirja; jistieden lit-Turkija u lill-UE biex ikabbru l-isforzi tagħhom ta' koordinament tal-politika barranija u jħeġġeġ bil-qawwa t-tfittxija ta' sforzi mmirati ta' appoġġ għad-demokratizzazzjoni u l-iżvilupp fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq;
13. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex minnufih jipprovdu għajnuna u appoġġ lill-awtoritajiet tat-Turkija u tal-Libanu fl-isforzi tagħhom biex jimmaniġġjaw l-kriżi umanitarja tul il-fruntieri tagħhom mas-Sirja, bil-ħolqien ta' kuridur umanitarju fil-livell tan-NU;
14. Jistieden lir-RGħ/VP, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jħeġġu lill-movimenti demokratiċi tal-oppożizzjoni ġewwa u barra mill-pajjiż; jitlob, f'dan ir-rigward, għal tnedija urġenti ta' djalogu politiku ġenwin li jwassal għal transizzjoni demokratika profonda fis-Sirja;
Il-Jemen
15. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki armati reċenti fil-Jemen, inkluż l-attakk tat-3 ta' Ġunju 2011 fuq il-kwartieri presidenzjali; jistieden lill-partijiet kollha jtemmu l-ostilitajiet kollha, jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jirrispettaw waqfien mill-ġlied permanenti;
16. Jilqa' l-impenn tal-Viċi President Abd Rabbuh Mansur Hadi li jirrispetta l-waqfien mill-ġlied, id-demilitarizzazzjoni tal-bliet tal-Jemen u biex jiżgura l-protezzjoni għal kull protesta u dimostrazzjoni paċifika oħra;
17. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Jemen, jilqa' pożittivament l-aspirazzjonijiet tagħhom għal bidla demokratika fil-pajjiż u jappoġġa l-isforzi tal-GCC fejn dawn ikunu ffukati fuq is-sejbien ta' soluzzjoni nnegozjata, li timplika r-riżenja tal-President Saleh u tal-membri tal-familja tiegħu li għadhom iżommu pożizzjonijiet ta' poter, fil-qafas ta' sistema politika aktar inklusiva mmirata biex jittaffa l-faqar u jitjiebu l-kundizzjoniiet tal-għajxien tal-parti l-kbira tal-popolazzjoni;
18. Jiddeplora l-falliment tal-awtoritajiet tal-Jemen li jiżguraw il-passaġġ sikur ta' diplomatiċi mill-Ambaxxata tal-Emirati Għarab Magħquda f'Sana'a fit-22 ta' Mejju 2011, inkluż is-Segretarju Ġenerali tal-GCC u l-Ambaxxaturi tal-Istati Membri tal-GCC, tal-UE, tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti; jistieden lill-awtoritajiet tal-Jemen jirrispettaw bis-sħiħ il-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi;
19. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' rapporti ta' progress mill-kumitat ta' livell għoli maħtur mill-Gvern tal-Jemen biex jinvestiga l-attakk fuq id-dimostranti fit-18 ta' Marzu 2011 f'Sana'a, fejn inqatlu 54 persuna u aktar minn 300 ġew midruba; itenni t-talba tiegħu lir-RGħ/VP biex jappoġġja t-talbiet għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar dan l-inċident;
20. Jilqa' l-missjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) għall-Jemen, li evalwa s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u se jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Gvern tal-Jemen u lill-komunità internazzjonali;
Il-Baħrejn
21. Jikkundanna r-ripressjoni fil-Baħrejn u jħeġġeġ il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tad-dimostranti paċifiċi kollha inkluż l-attivisti politiċi, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tas-47 tabib u infermiera mill-Baħrejn li kienu qegħdin iwettqu d-dover professjonali tagħhom; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sentenzi ta' għomor il-ħabs għal tmien attivisti tal-oppożizzjoni u għas-sentenzi ta' ħabs ta' 15-il sena għal 13 oħra;
22. Jilqa' t-tneħħija tal-“istat ta' sikurezza nazzjonali” fil-Baħrejn kif ukoll is-sejħa għal djalogu nazzjonali magħmula mir-Re Hamad Bin Isa al-Khalifa; iqis li d-djalogu nazzjonali mniedi mir-Re Hamad jista' jseħħ biss bil-parteċipazzjoni tal-forzi politiċi kollha inkluż tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili bil-għan li titħejja t-triq għal demokrazija u riformi politiċi ġenwini fil-Baħrejn;
23. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Baħrejn biex jibdlu s-sentenzi tal-mewt ta' Ali “Abdullah Hassan al-Sankis u ta' ”Abdulaziz “Abdulridha Ibrahim Hussain, u biex jerġgħu jdaħħlu d-de facto moratorium fuq il-piena kapitali;
24. Jieħu nota pożittiva tad-deċiżjoni tar-Re Hamad li joħloq kummissjoni indipendenti li tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tul ir-ripressjonijiet reċenti mill-gvern kontra dimostranti favur ir-riforma; iħeġġeġ l-imparzjalità u t-trasparenza totali tal-kummissjoni u jistieden lill-gvern tal-Baħrejn ma jindaħalx f'ħidmietha;
25. Jilqa' l-ħolqien ta' Ministeru għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Iżvilupp Soċjali fil-Baħrejn u jitlob lill-Ministeru jaġixxi skont l-obbligi u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
26. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-preżenza ta' truppi barranin taħt il-bandiera tal-GCC fil-Baħrejn; itenni t-talba lill-GCC biex jikkontribwixxi r-riżorsi tiegħu bħala parteċipant kollettiv reġjonali biex jaġixxi b'mod kostruttiv u jagħmilha ta' medjatur fl-interess ta' riformi paċifiċi fil-Baħrejn;
Id-Dinja Għarbija u l-Afrika ta' Fuq
27. Jilqa' l-proċess ta' tranżizzjoni demokratika fl-Eġittu u fit-Tuneżija, bħala l-ewwel eżempji tal-proċess ta' demokratizzazzjoni attwali u tal-mewġa l-ġdida ta' parteċipazzjoni miċ-ċittadini, u b'mod speċjali taż-żgħażagħ fid-dinja Għarbija; jappoġġja bil-qawwa l-aspirazzjonijiet tal-poplu għal-libertà, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jitlob għal proċess elettorali trasparenti, ġust u ħieles fiż-żewġ pajjiżi li jqis iċ-ċirkostanzi individwali tagħhom; jistieden lill-komunità internazzjonali twettaq aktar sforzi biex issostni u tħeġġeġ il-proċess ta' riforma politika fil-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u l-Lvant Nofsani;
28. Itenni l-impenn tal-komunità internazzjonali favur il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili fil-Libja, inkluż permezz tal-intensifikazzjoni tal-pressjoni fuq ir-reġim Libjan, u l-appoġġ għall-bini ta' stat demokratiku Libjan; jilqa' d-deċiżjoni tal-UE li tintensifika s-sanzjonijiet tagħha kontra r-reġim biż-żieda ta' sitt awtoritajiet portwali taħt il-kontroll tar-reġim mal-lista ta' ffriżar tal-assi tal-UE; itenni t-talba tiegħu lill-Kurunell Muammar Mohammed Abu Minyar Gaddafi biex iċedi l-poter minnufih;
29. Hu mħasseb dwar id-diffikultajiet iffaċċjati mill-popolazzjoni tal-Libja, minħabba nuqqas ta' ikel, nuqqas ta' aċċess għal għajnuna medika u n-nuqqas ta' flussi ta' kapital fis-salarji u bħala tweġiba għall-ħtiġijiet amministrattivi differenti; jitlob lir-RGħ/VP u lill-Istati Membri tal-UE jaġixxu minnufih biex jipprovdu lill-Kunsill Transizzjonali Nazzjonali b'parti mill-assi Libjani ffriżati, b'awtorizzazzjoni u taħt is-superviżjoni tal-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għas-Sanzjonijiet, sabiex jiġu żgurati l-bżonnijiet ta' emerġenza;
30. Jistieden lill-Kunsill u lir-RGħ/VP biex jieħdu aktar inizjattivi biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt b'kunsiderazzjoni tal-mandat ta' arrest reċenti tal-QKI kontra l-Kurunell Gaddafi, ibnu Saif al-Islam u Abdullah al-Sanussi;
31. Jilqa' l-proċess ta' riformi fil-Marokk, u b'mod partikolari r-riforma kostituzzjonali proposta li tressqet f'referendum, bħala pass fid-direzzjoni t-tajba għall-ftuħ tas-sistema ta' governanza, ta' modernizzazzjoni u ta' demokratizzazzjoni; jistieden lill-partiti politiċi fil-Marokk biex iwettqu rwol attiv f'dan il-proċess ta' bidla; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili u l-partiti politiċi għandhom jibqgħu fil-qalba tal-proċess ta' implimentazzjoni ta' riformi kontinwu, u jinnota li l-Marokk kien l-ewwel pajjiż fir-reġjun li ngħata Status Avvanzat fir-relazzjonijiet mal-UE;
32. Jinnota l-aħbar pożittiva mill-President tal-Alġerija dwar it-tnedija ta' proċess ta' tħejjija għad-demokratizzazzjoni u għall-iżgurar ta' governanza aħjar tal-pajjiż, inkluż it-tneħħija tal-istat ta' emerġenza u tar-riforma kostituzzjonali ppjanata; jenfasizza l-ħtieġa li jitħaffu dawn l-inizjattivi u jitlob impenn qawwi mill-awtoritajiet tal-Alġerija għal dan il-proċess ta' riformi, li għandu jkun inklusiv u miftuħ għas-soċjetà ċivili;
33. Jilqa' l-impenn tal-awtoritajiet tal-Ġordan għal riformi politiċi, u b'mod partikolari għar-rieżami tal-Kostituzzjoni tal-Ġordan u l-ħidma tal-Kumitat ta' Djalogu Nazzjonali; ifaħħar l-isforzi mwettqa mill-awtoritajiet tal-Ġordan u jenfasizza l-ħtieġa għall-implimentazzjoni reali tar-riformi; jinnota li l-UE qablet li tagħti lill-Ġordan sħubija bi “Status Avvanzat” fl-2010;
34. Jenfasizza li d-dritt tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem li għandu jkun garantit mill-awtoritajiet; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jipprovdu protezzjoni affidabbli u effikaċi għad-denominazzjonijiet reliġjużi li jinsabu f'pajjiżhom u jiżguraw is-sikurezza personali u l-integrità fiżika tal-membri tad-denominazzjonijiet reliġjużi kollha;
35. Jappoġġja bil-qawwa l-pożizzjoni tal-Kunsill li l-Politika Ewropea tal-Viċinat għandha tkun ugwali għall-isfidi l-ġodda fil-Viċinat tan-Nofsinhar; jilqa' l-impenn tal-UE u l-Istati Membri biex jakkompanjaw u jappoġġjaw sforzi reali mill-gvernijiet li qegħdin iwettqu riformi politiċi u ekonomiċi b'mod attiv, kif ukoll is-soċjetajiet ċivili; jilqa' l-ħolqien ta' Task Force għall-Mediterran tan-Nofsinhar mir-RGħ/VP;
36. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isegwu approċċ differenzjat ibbażat fuq politika ta' “aktar għal aktar” kif mfassla mill-Komunikazzjoni Konġunta tal-25 ta' Mejju 2011 rigward il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, li skontha għandu jiġi ppremjat il-progress reali lejn id-demokrazija, l-elezzjonijiet ħielsa u ġusti, u fuq kollox id-drittijiet tal-bniedem;
37. Jistieden lill-Unjoni Ewropea tkompli tipprovdi l-għajnuna umanitarja meħtieġa għall-persuni mċaqalqa fir-reġjun, li ħafna minnhom issa jgħixu bħala refuġjati fil-fruntieri ta' pajjiżhom;
38. Jilqa' s-“Sħubija Deauville” mal-popli tar-reġjun li tnediet mill-membri tal-G8; jinnota li l-ewwel “Pajjiżi Sħab” se jkunu l-Eġittu u t-Tuneżija; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri tal-UE jikoordinaw l-isforzi tagħhom mal-membri tal-G8 li jinsabu lesti li jestendu din is-Sħubija lill-pajjiżi kollha fir-reġjun li qegħdin jipparteċipaw fi transizzjoni lejn soċjetajiet ħielsa, demokratiċi u tolleranti;
o o o
39. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Jemen, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Baħrejn, lill-Kunsill Transizzjonali Nazzjonali, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Marokk, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Ġordan, lill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, lill-Gvern tar-Repubblika tat-Tuneżija, lis-Segretarju Ġenerali tal-GCC u lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran.
– wara li kunsidra d-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b'mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-impenji ta' l-OSKE li sar ftehim fuqhom f'Kopenħagen fl-1990 u fis-Samit ta' Istanbul fl-1999, li matulhom l-Istati parteċipanti kollha tal-OSKE impenjaw ruħhom li jistiednu osservaturi internazzjonali, u b'mod speċifiku lill-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) għall-elezzjonijiet tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 169 tal-ILO dwar Popli Indiġeni u Tribali tas-7 ta' Ġunju 1989,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6, 8 u 21 tat-Trattat dwar Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fi Strasburgu fit-12 ta' Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 9 u 96 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE (2000),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet uniti tal-4 ta' Diċembru 2000 bl-isem “Il-promozzjoni u l-konsolidament tad-demokrazija”(1), kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-istess korp tal-20 ta' Diċembru 2004 bl-isem “It-titjib tar-rwol ta' organizzazzjonijiet reġjonali, subreġjonali u oħrajn fil-promozzjoni u l-konsolidament tad-demokrazija”(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta' strument ta' finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (EIDHR),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Settembru 1996 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni tar-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem fi ftehimiet bejn il-Komunità u pajjiżi terzi(3), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2006 dwar il-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-ftehimiet tal-Unjoni Ewropea(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2001 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “L-Għajnuna u l-Osservazzjoni tal-UE waqt l-Elezzjonijiet”(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2002 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Is-sehem tal-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi terzi”(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Mejju 2008 bl-isem “Il-missjonijiet ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet tal-UE: objettivi, prattiki u sfidi futuri”(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar il-bini tad-demokrazija fir-relazzjonijiet barranin tal-UE(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-25 ta' Marzu 2010 dwar l-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Settembru 2010 bl-isem “It-tnaqqis tal-faqar u l-ħolqien tal-impjieg fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: it-triq ”il quddiem“, b'mod partikolari l-paragrafi 71, 72 u 73 tiegħu(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(12),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali 2009 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni(13),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 bl-isem “It-Taxxa u l-Iżvilupp – kooperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa”(14),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 bl-isem “Il-flussi tal-migrazzjoni li qed jirriżultaw mill-instabilità: l-ambitu u r-rwol tal-politika estera tal-UE”(15),
– wara li kkunsidra l-ftehimiet kollha konklużi bejn l-UE u pajjiżi terzi u l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija f'dawk il-ftehimiet,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Mejju 2009 dwar “l-Appoġġ għall-Governanza Demokratika: lejn qafas imsaħħaħ tal-UE”,
– wara li kkunsidra ż-żewġ ġabriet tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “L-appoġġ għad-demokrazija fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea”: dawk tas-17 ta' Novembru 2009 u dawk tat-13 ta' Diċembru 2010 li fihom “Rapport ta' progress 2010 u lista ta' pajjiżi pilota”,
– wara li kkunsidra d-dokument konġunt tal-Kummissjoni / is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar “Il-Bini tad-demokrazija fir-relazzjonijiet esterni tal-UE” (SEC(2009)1095),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem “Sħubija għad-demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran” (COM(2011)0200),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tat-22 ta' Ġunju 1993,
– wara li kkunsidra l-istrumenti finanzjarji tematiċi u ġeografiċi tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-demokratizzazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem u t-traffikar tal-bnedmin (bħalma huma AENEAS, is-suċċessur tiegħu il-Programm Tematiku għall-Migrazzjoni u l-Ażil, MIEUX, EIDHR, TAIEX, ENPI eċċ.),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-21 ta' Marzu 2011 mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi oħra(16),
– wara li kkunsidra l-ħolqien tal-kariga ta' Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u ta' Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) operattiv mill-1 ta' Jannar 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0231/2011),
A. billi t-Trattati tal-Unjoni jipproklamaw id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija bħala valuri fundaturi tal-UE u bħala prinċipji u objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, li din jeħtiġilha tippromwovihom bħala universali,
B. billi d-demokrazija hija l-aqwa salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, tat-tolleranza tal-gruppi kollha fis-soċjetà u tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet għal kull persuna,
C. billi d-demokrazija evolviet f'valur universali, imma s-sistemi demokratiċi jistgħu jvarjaw fis-sura u l-forma, kif jixhdu l-forom differenti iżda validi ndaqs ta' demokrazija fis-27 Stat Membru tal-UE, ilkoll imsawra mill-istorja, il-kultura u ċ-ċirkustanzi, u kif tixhed l-UE nnifisha, li tirrappreżenta forma ta' demokrazija sovranzzjonali li hija unika fid-dinja; billi ma jeżisti l-ebda mudell waħdieni tad-demokrazija, u l-ebda pjanta waħdanija tagħha, iżda hemm qbil komuni dwar l-elementi essenzjali tad-demokrazija,
D. billi dawn huma definiti f'żewġ riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tal-Unjoni Ewropea(17),
E. billi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija huma konnessi b'mod li ma jistax jinfirdu, u billi l-individwi jistgħu jgawdu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tagħhom biss f'demokrazija; u billi d-demokrazija tista' teżisti biss meta d-drittijiet tal-bniedm ikunu rrispettati,
F. billi jeħtieġ li l-istat tad-dritt jirbaħ, billi jiżgura l-ugwaljanza quddiem il-liġi, ir-rikonoxximent tad-drittijiet tal-proprjetà privata u in-nuqqas ta' interferenza arbitrarja mill-awtoritajiet pubbliċi, kemm fil-liġi kif ukoll fil-prattika, u għaldaqstant jeħtieġ li l-istituzzjonijiet pubbliċi jeżerċitaw is-setgħat tagħhom permezz ta' uffiċjali eletti u pubbliċi li jkunu trasparenti u responsabbli, b'ġudikatura indipendenti u imparzjali,
G. billi l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni huma ta' importanza vitali; u billi kulħadd huwa intitolat li jgawdi d-drittijiet kollha tal-bniedem mingħajr diskriminazzjoni rigward razza, ġeneru, orjentazzjoni sesswali, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew ta' tip ieħor, oriġini nazzjonali jew soċjali, l-istatus tat-twelid jew ta' tip ieħor; billi d-demokrazija għandha tiżgura d-drittijiet ta' kulħadd, inklużi dawk ta' persuni li jappartjenu lil minoranzi, ta' popli indiġeni u ta' gruppi oħra vulnerabbli; billi l-kapaċità tal-irġiel u tan-nisa li jipparteċipaw b'mod indaqs fil-ħajja politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet hija prerekwiżit tad-demokrazija vera,
H. billi l-governanza demokratika tħaddan, fost affarijiet oħra, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-aċċess għall-ġustizzja, rwol importanti għall-parlamenti u l-awtoritajiet lokali fit-teħid ta' deċiżjonijiet, kif ukoll, ġestjoni trasparenti tal-finanzi pubbliċi; billi r-responsabbiltà ta' rendikont tal-mexxejja u l-uffiċjali pubbliċi taċ-ċittadini hija element essenzjali tad-demokrazija; billi, f'dan il-kuntest, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija kruċjali; u billi l-governanza demokratika tinvolvi wkoll il-kontroll ċivili tas-settur tas-sigurtà,
I. billi ċ-ċittadini kollha għandhom id-dritt li perjodikament jivvutaw f'elezzjonijiet ħielsa u ġusti u joħorġu għal kariga pubblika,
J. billi l-libertà tal-opinjoni u l-espressjoni dwar kwistjonijiet politiċi, soċjali, u ekonomiċi, fis-sens wiesa' tagħhom, mingħajr ir-riskju ta' kastig mill-istat, huwa dritt universali, kif inhi l-possibilità li wieħed ifittex sorsi differenti ta' informazzjoni,
K. billi ċ-ċittadini kollha għandhom id-dritt li jifformaw assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet indipendenti, inklużi partiti politiċi u gruppi ta' interess,
L. billi l-partiti politiċi u l-firxa ta' fehmiet politiċi, interessi, affiljazzjonijiet reġjonali jew komunali li dawn jirrappreżentaw huma ta' importanza vitali; billi l-partiti politiċi jeħtieġ jaħdmu b'mod ħieles mill-interferenza tal-gvern u tal-uffiċjali eżekuttivi; billi r-rappreżentanti eletti, sew jekk jappoġġjaw jew inkella jopponu lill-gvern, jeħtiġilhom l-awtorità u r-riżorsi biex jiddibattu u japprovaw il-liġijiet u l-baġits nazzjonali, li jżommu l-gvern responsabbli għall-imġiba tal-amministrazzjoni pubblika u l-użu tal-fondi; billi parlamenti b'saħħithom, bħala l-forum pubbliku għan-negozjar ta' kunċetti kompetittivi b'mod paċifiku u ordni soċjali, u korpi nazzjonali tat-teħid ta' deċiżjonijiet leġiżlattivi huma essenzjali għall-esperjenza ta' demokrazija inklussiva,
M. billi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u atturi mhux statali huma komponenti vitali fil-bini ta' demokrazija li tiffunzjona tajjeb u għandhom rwol importanti fl-istabbiliment ta' kultura demokratika b'għeruq fondi fis-soċjetà; billi dawn jiggwidaw ir-rieda pubblika u jżommu lill-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom,
N. billi mezzi tax-xandir indipendenti u differenti huma essenzjali biex jiġi żgurat li firxa wiesgħa ta' opinjonijiet u fehmiet ikunu espressi u kkomunikati lill-pubbliku; u billi aċċess ħieles għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni u aċċess mhux iċċensurat għall-internet (il-libertà tal-internet) huma drittijiet universali u indispensabbli għall-iżgurar tat-trasparenza u r-responsabbiltà ta' rendikont fil-ħajja pubblika,
O. billi l-edukazzjoni dwar il-valuri demokratiċi hija importanti biex tiġi sostnuta d-demokrazija, kif inhi l-parteċipazzjoni xierqa, skont l-età, fit-teħid tad-deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni,
P. billi l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtiġilhom jieħdu dawn l-elementi ewlenin tad-demokrazija bħala komponenti tal-appoġġ tal-UE f'oqsma speċifiċi biex tgħin lil pajjiżi terzi ħalli jsegwu t-triq tagħhom stess lejn id-demokrazija,
Q. billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “L-appoġġ għad-demokrazija fil-qafas tar-relazzjonijiet esterni tal-UE” tal-2009 u l-2010 jirriflettu dawn l-elementi,
R. billi l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR) issaħħaħ is-sistema Ewropea tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tqawwi l-pożizzjoni tal-UE fir-rigward ta' pajjiżi terzi,
S. billi huwa tal-akbar importanza li nsostnu mill-ġdid li d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali huma interdipendenti u jsaħħu “l xulxin reċiprokament, u li biss l-infurzar tagħhom kollha jista” jikkontribwixxi għat-twaqqif ta' demokrazija ġenwina; billi d-demokrazija hija l-aqwa mezz biex tiggarantixxi u tħares id-drittijiet tal-bniedem u tippermetti żvilupp ekonomiku sostenibbli; billi l-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' governanza, u l-kontribuzzjoni tagħha għal dan tal-aħħar, huma ta' importanza kruċjali, u billi spiss wisq jibqgħu ttraskurati,
T. billi, fl-Aġenda tiegħu għal Azzjoni dwar id-Demokrazija fir-Relazzjonijiet Esterni tal-UE, il-Kunsill afferma r-rieda tiegħu li jkabbar il-koerenza u l-effikaċja tal-appoġġ tiegħu, imma billi sar ftit progress f'dan is-sens,
U. billi l-Unjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha firxa wiesgħa ta' strumenti biex tappoġġa d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem (fosthom ftehimiet u sħubijiet politiċi, ekonomiċi u kummerċjali, li fihom klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, l-arranġament ta' inċentivi speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u l-govrnanza tajba (GSP+), djalogi politiċi, azzjonijiet tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), missjonijiet tal-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża (PESD), strumenti finanzjarji speċjalizzati, proġetti ta' ġemellaġġ u missjonijiet ta' osservazzjoni); iżda billi huwa essenzjali li niżviluppaw politika koerenti u orjentata lejn ir-riżultati dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, ibbażata fuq metodoloġija standard imfassla għas-sitwazzjoni f'kull pajjiż, li twarrab l-inkonsistenzi eżistenti u kriterji mhux trasparenti fil-politiki esterni tal-UE favur id-demokratizzazzjoni u tevita li ddaħħal oħrajn ġodda, tagħti attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' sitwazzjonijiet fraġġli u ta' wara l-kunflitti u ġġib “il quddiem id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp bħala objettivi interkonnessi,
V. billi l-UE għandha tkun aktar sensittiva għar-realtajiet soċjali, politiċi, ekonomiċi u strateġiċi ta' pajjiż hija u tiddeċiedi jekk tagħtix jew tirtirax preferenzi kummerċjali bħall-SPĠ+,
W. billi l-UE għandha tintensifika l-isforzi tagħha biex tippromwovi normi u elementi marbutin mad-demokrazija permezz tal-attivitajiet tagħha fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali u għandha tkompli tippromwovi l-implimentazzjoni effikaċi tal-impenji u l-obbligi meħuda fi ħdan jew permezz il-fora li fihom jipparteċipaw l-Istati Membri tal-UE,
X. billi għad hemm sfidi kbar rigward il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-klawsoli vinkolanti relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali tal-UE; billi s-sospensjoni ta' ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u pajjiż sieħeb tagħha b'reazzjoni għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew tad-demokrazija hija għodda li teżisti biex tintuża f'ċerti sitwazzjonijiet; billi, minkejja l-ksur frekwenti tal-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u n-nuqqas ta' ċerti pajjiżi terzi li josservaw l-impenji li jinsabu fil-ftehimiet internazzjonali rilevanti, il-gvernijiet tal-pajjiżi kkonċernati rari jiġu ssanzjonati jew jinżammu responsabbli biżżejjed, anki f'każijiet ta' ksur sfaċċatt tad-drittijiet tal-bniedem; billi n-nuqqas tal-UE li tuża din l-għodda b'konsistenza jimmina l-kredibbiltà tal-Unjoni bħala attur b'saħħtu u determinat fix-xena internazzjonali,
Y. billi l-għażla tas-sanzjonijiet għandha ssir b'mod ġust, meqjus u intelliġenti, u billi l-popolazzjonijet tal-pajjiż ikkonċernat fl-ebda każ m'għandhom ikunu l-vittmi ewlenin ta' dawn is-sanzjonijiet,
Z. billi l-Unjoni għandha politika reali ta' inċentivi f'dan il-qasam bil-għan li ssaħħaħ ir-riformi, imma billi l-potenzjal sħiħ ta' dawn l-inċentivi ma ġiex sfruttat, għal raġunijiet politiċi u b'mod partikolari minħabba nuqqas ta' qbil fl-UE kollha dwar l-importanza tal-promozzjoni tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward meta mqabbla ma' prijoritajiet oħra; billi teoretikament m'hemm l-ebda ostakolu strutturali jew legali għall-użu kkoordinat tal-istrumenti finanzjarji esterni għall-appoġġ tad-demokratizzazzjoni,
AA. billi r-Riżoluzzjoni 63/168 adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-18 ta' Diċembru 2008 titlob moratorju globali dwar l-użu tal-piena tal-mewt; billi l-piena tal-mewt għadha tintuża bħala metodu ta' kastig f'ħafna pajjiżi tad-dinja u f'xi każijiet anki fuq minorenni,
AB. billi l-Istrument Ewropew ta' Finanzjament għall-Promozzjoni tad-Demokrazija u tad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) huwa ċentrali għall-politika Ewropea, minħabba l-konċentrazzjoni tiegħu fuq miżuri li ma jistgħux jitwettqu permezz ta' strumenti ta' koperazzjoni bilaterali,
AC. billi l-EIDHR jiffinanzja l-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-UE, strumenti essenzjali ta' interazzjoni fil-qasam tal-konsolidament demokratiku, imma billi r-rakkomandazzjonijiet ta' dawn il-missjonijiet f'bosta każijiet ma sarulhomx segwitu u implimentazzjoni adegwati,
AD. billi din is-sitwazzjoni jista' jkun li tirriżulta minn nuqqas ta' impenn politiku min-naħa tal-gvernijiet tal-pajjiżi ospitanti ta' dawn il-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-UE kif ukoll mill-inkapaċità tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri li jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet jiġu segwiti minn programmi ta' appoġġ speċifiku, b'mod partikolari favur parlamenti li jkunu għadhom kif ġew eletti,
AE. billi l-Parlament Ewropew għad m'għandux għad-dispożizzjoni tiegħu studji dettaljati biżżejjed biex ikun jista' jevalwa l-ambitu tal-appoġġ għad-demokrazija mogħti mill-Unjoni, inkluż mill-Istati Membri tagħha; billi dan huwa dovut, parzjalment, għal kwistjonijiet ta' trasparenza, ta' aċċess għad-dokumenti li l-Kunsill għadu ma rrisolvihomx,
AF. billi l-uniku mod biex jinkisbu l-għanijiet ta' demokratizzazzjoni ġenwina, rispett ġenwin għad-drittijiet tal-bniedem u prospetti ekonomiċi ġenwinament aħjar għal popolazzjonijiet lokali huwa li jiġi applikat prinċipju ta' kundizzjonalità sħiħa; billi dan il-prinċipju ta' kundizzjonalità għandu jiġi definit flimkien ma' pajjiżi benefiċjarji, b'konsultazzjoni mill-qrib mhux biss ma' gvernijiet, iżda wkoll mas-soċjetà ċivili, u bir-rispett dovut għall-ħtiġijiet reali tal-popolazzjonijiet lokali,
AG. billi partiti politiċi u parlamenti eletti b'mod ħieles u ġust huma ta' importanza ċentrali għal kull demokrazija u proċess ta' demokratizzazzjoni, u billi l-appoġġ għall-EDHR u l-applikazzjoni tiegħu ma kkorrispondewx mal-importanza ta' dawn l-atturi fl-imgħoddi,
AH. billi x-xogħol tal-Nisa tan-NU huwa kruċjali għall-appoġġ tan-nisa fil-kontribuzzjoni u parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess ta' demokratizzazzjoni,
AI. billi hemm qbil ġenerali fost l-istituzzjonijiet tal-UE dwar in-natura multidimensjonali, kumplessa u fit-tul tad-demokrazija, iżda billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma qisux iċ-ċiklu elettorali sħiħ huma u jipprogrammaw u jimplimentaw miżuri ta' appoġġ tad-demokrazija,
AJ. billi, fi stati li għaddejjin mid-demokratizzazzjoni, in-nisa u t-tfal żgħar huma partikolarment vulnerabbli għat-traffikar tal-bnedmin, inklużi għal finijiet ta' prostituzzjoni,
Il-ħtieġa ta' bidla tal-paradigma
1. Jemmen li biss id-demokraziji bbażati fuq l-istat tad-dritt jistgħu jiffunzjonaw bħala sisien għal sħubijiet strutturali bbilanċjati bejn pajjiżi terzi u l-Unjoni, li wkoll jirrispettaw il-bżonnijiet u l-interessi taż-żewġ partijiet u tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom;
2. Jenfasizza li sħubijiet ibbażati fuq id-djalogu u l-konsultazzjoni jsaħħu s-sjieda ta' proċessi tal-bini tad-demokrazija u elementi tal-governanza demokratika; jappella lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex jagħmlu aktar sforzi ħalli jużaw dawn id-djalogi b'mod aktar koerenti, konsistenti u koordinat;
3. Iqis li r-rwol tal-UE bħala “setgħa ta' persważjoni” fis-sistema internazzjonali jista' jiġi kkonsolidat biss jekk il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tikkostitwixxi prijorità reali għaliha fil-politika tagħha fir-rigward ta' pajjiżi terzi;
4. Jirrimarka li huwa essenzjali, jekk l-UE għandu jkollha politika estera kredibbli u konsistenti u tappoġġja l-iżvilupp tad-demokrazija, li politika eżemplari ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija għandha tiġi segwita fi ħdan l-UE u l-Istati Membri tagħha, sew illum kif ukoll fil-ġejjieni;
5. Iqis, madankollu, li l-ġlieda kontra l-faqar u l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-iżvilupp jistgħu jagħtu kontribut deċiżiv għall-proċessi demokratiċi;
6. Jinnota li l-avvenimenti li qed iseħħu fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani wrew il-limitazzjonijiet ta' fokus fuq is-sigurtà – partikolarment il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari – u l-istabbiltà, approċċ li ma rnexxilux inaqqas il-faqar u l-inġustizzja soċjali; jenfasizza li “s-sigurtà kontra d-demokrazija” hija dilemma falza, għax ma jistax ikun hemm sigurtà għall-bnedmin mingħajr gvern demokratiku u b'responsabbiltà ta' rendikont; jemmen li. minkejja t-tkabbir ekonomiku li sar, il-benefiċċji ma tqassmux b'mod ġust; iqis għalhekk li l-kwistjoni tal-ġustizzja soċjali u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi għandha ssir objettiv essenzjali tal-politika esterna tal-Unjoni, għaliex hija fattur indispensabbli għall-bini ta' soċjetà paċifika, għanja u demokratika;
7. Jenfasizza l-ħtieġa għal bidla tal-paradigma favur konsolidament ġenwin tad-demokrazija abbażi ta' żvilupp endoġenu, sostenibbli u komprensiv li minnu tgawdi l-popolazzjoni u li jirrispetta l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet bażiċi; huwa tal-fehma li l-UE jeħtiġilha tħeġġeġ l-istabbiliment ta' ambjent favorevoli għall-iżvilupp ta' soċjetà demokratika;
8. Jenfasizza li d-demokrazija bħala sistema ta' ggvernar tipprovdi mekkaniżmi għall-allokazzjoni tal-poter politiku u l-ġestjoni tal-kunflitti, li huma essenzjali għal soċjetajiet stabbli u paċifiċi; jinnota, madankollu, li d-demokrazija jeħtiġilha titrawwem lokalment u ma tistax tiġi imposta b'mod artifiċjali minn aġenti esterni; isostni li l-UE, flimkien mal-komunità internazzjonali, jista' jkollha rwol attiv ta' appoġġ għal proċessi ta' konsolidament demokratiku;
9. Iqis li, biex proċess ta' demokratizzazzjoni jirnexxi, huwa kruċjali li jindirizza l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-pajjiż ikkonċernat, sabiex ikun żgurat li l-abitanti igawdu d-drittijiet bażiċi, bħall-edukazzjoni, is-saħħa u l-impjiegi;
10. Huwa tal-fehma li l-esperjenza tat-tranżizzjoni demokratika wara l-waqgħa tar-reġimi dittatorjali Komunisti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandha tkun kondiviża mal-forzi demokratiċi emerġenti ġodda fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani usa“; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-SEAE biex jieħdu sehem aktar attiv fil-proċess ta' demokratizzazzjoni li qed iseħħ f'dar-reġjun ġar importanti; iħeġġeġ lill-Partijiet Ewropej biex jiżviluppaw programmi ta' kooperazzjoni bejn il-partijiet ma' sħab emerġenti fir-reġjuni kollha tal-viċinat;
11. Jissottolinja li jeħtieġ li minn issa l-prijorità tingħata lill-użu msaħħaħ u aktar enerġetiku tal-firxa eżistenti ta' strumenti u inċentivi tal-Unjoni, miġjuba flimkien fl-istrateġiji mfassla għas-sitwazzjoni f'kull pajjiż, u lill-eliminazzjoni tal-inkonsistenzi u tal-istandards doppji fl-implimentazzjoni, li jimminaw il-perċezzjoni tal-Ewropa u l-ħila tagħha li timplimenta politika esterna b'saħħitha u konsistenti; jenfasizza li tali approċċ jeħtieġ bidla ġenwina tal-politika fejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem isiru l-ġebla tax-xewka tal-politika esterna tal-Unjoni, b'tali mod mhux biss jissarrfu f' objettivi tal-politika, iżda wkoll isiru parti mill-artikolazzjoni u mill-istess struttura tagħha;
12. Jitlob li l-ftehimiet internazzjonali, id-dokumenti ta' strateġija għal pajjiżi speċifiċi, il-pjanijiet ta' azzjoni, il-programm SPĠ+ u kwalunkwe relazzjoni kuntrattwali oħra bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi għandhom jiġu msaħħa permezz ta' formulazzjoni aktar preċiża tal-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, id-dritt tal-popli indiġeni għal konsultazzjoni qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet, il-governanza tajba, mekkaniżmi preċiżi fil-każ ta' nuqqas ta' konformità (ibbażati, tal-anqas, fuq dawk imfissra fil-Ftehim ta' Cotonou, impenji marbutin ma' kriterji għall-valutazzjoni tal-progress li jkunu speċifiċi, jitkejlu, fattibbli u bi skeda ta' żmien definita, u kalendarju speċifiku għall-implimentazzjoni; jiddispjaċih li, minkejja l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Ftehim ta' Cotonou, l-UE spiss tagħlaq għajnejha għal ksur kontinwu u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem li jsir minn uħud mill-gvernijiet sħab fil-Ftehim ta' Cotonou, u tadotta relazzjoni ta' “kollox jibqa” għaddej bħas-soltu“; jistieden lill-Kummissjoni tadotta politiki konsistenti mmirati biex jiskuraġġixxu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bħat-tnaqqis ta' pakketti finanzjarji għal gvernijiet li ma jurux rispett għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, jiġifieri tiċħdilhom l-appoġġ baġitarju, filwaqt li tqawwi l-mezzi finanzjarji għat-tisħiħ tas-soċjetà ċivili li jaqbżu ”l dawk il-gvernijiet;
13. Ifakkar li l-objettivi tal-politika kummerċjali komuni għandhom ikunu kkoordinati bis-sħiħ mal-objettivi globali tal-UE; jirrimarka li, skont l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-politika kummerċjali komuni tal-UE għandha titwettaq “fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni” u li, skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-unjoni Ewropea, għandha tikkontribwixxi speċjalment għall-iżvilupp sostenibbli, għall-eliminazzjoni tal-faqar u għall-protezzjoni tad-drittijet tal-bniedem;
14. Jenfasizza l-importanza ta' monitoraġġ kostanti tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet u jappella f'dar-rigward għall-użu tal-istudji ta' impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija flimkien ma' dawk dwar l-iżvilupp sostenibbli sabiex tiġi assigurata l-evalwazzjoni kontinwa tal-ftehimiet;
15. Jinnota li l-prinċipji u l-valuri demokratiċi jistgħu jkunu inkoraġġiti aktar bil-promozzjoni tar-ratifikazzjoni tal-Istatut ta' Ruma tal-QKI, li tagħti prijorità lir-reġjuni li huma anqas rappreżentati, sabiex jissaħħaħ il-karattru universali tagħha u l-ġlieda kontra l-impunità, il-ġenoċidju, id-delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;
16. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni rari ħafna timplimenta l-mekkaniżmi li jipprovdu għall-irtirar ta' preferenzi SPĠ+, f'każ ta' ksur tal-ftehimiet assoċjati magħhom; jikkundanna l-attitudni adottat mill-Kummissjoni, li minkejja r-rapporti konkordanti ta' diversi organizzazzjonijiet internazzjonali, tirrifjuta li tiftaħ inkjesti dwar diversi pajjiżi li jibbenefikaw mill-SPĠ+ li dwarhom hemm suspett kbir li ma jirrispettawx il-ftehimiet li ffirmaw;
17. Ifakkar fil-pożizzjoni soda adottata mill-Parlament favur l-inklużjoni, fil-ftehimiet kollha ta' kummerċ ħieles, ta' klawsoli legalment vinkolanti relatati mal-aspett soċjali, ambjentali u mad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li tittieħed bħala bażi minima l-lista ta' ftehimiet inklużi fir-Regolament dwar il-SPĠ+;
18. Jerġa' jafferma li hu neċessarju għall-Parlament Ewropew li jagħmel kontroll iktar strett fuq dawn l-elementi; jitlob, għalhekk, li l-Kunsill u l-Kummissjoni jinvolvu lill-Parlament Ewropew fl-istadji kollha tan-negozjar, il-konklużjoni, l-applikazzjoni u s-sospensjoni tal-ftehimiet internazzjonali ma' pajjiżi terzi u b'mod partikolari fid-definizzjoni tal-mandat ta' negozjar ta' ftehimiet ġodda (b'mod partikolari fil-qasam tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem), fi djalogu fi ħdan il-kunsilli ta' assoċjazzjoni jew kwalunkwe organu politiku ieħor ekwivalenti ta' ġestjoni ta' ftehim (dwar l-implimentazzjoni tal-impenji tad-demokratizzazzjoni) u l-proċess ta' deċiżjoni dwar il-bidu ta' konsultazzjoni jew is-sospensjoni ta' ftehim;
19. Iqis li għandhom jittieħdu lezzjonijiet mill-passat rigward il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet rigward titjib ta' relazzjonijiet ma' pajjiżi sħab; jenfasizza li l-istatus avvanzat għandu jingħata biss jekk jintlaħqu r-rekwiżiti ċari tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija mill-pajjiżi sħab; jitlob għal darb'oħra li l-mekkaniżmu ta' konsultazzjoni ċara li tiggarantixxi li l-Parlament jibqa' jkun infurmat b'mod sħiħ fil-livelli kollha tan-negozjati;
20. Jemmen li huwa fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti li l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'kull pajjiż jirċievi l-leġittimità tiegħu, u jtenni l-ħtieġa ta' pożizzjoni komuni tal-pajjiżi Ewropej fil-korpi kollha tan-Nazzjonijiet Uniti; jitlob, madankollu, lill-Kummissjoni u lill-SEAE jippreżentaw rapporti regolari u eżawrenti dwar l-implimentazzjoni mill-pajjiżi terzi tal-impenji fil-qasam tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem speċifikament inklużi fil-ftehimiet mal-Unjoni;
21. Jerġa' jafferma l-appoġġ kontinwu tal-UE għax-xogħol tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, tan-Nisa tan-NU u tal-UNICEF; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkollaboraw mill-qrib mal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem;
22. Jitlob ukoll li l-UE, fir-rigward tal-qasam hekk sensittiv tad-demokratizzazzjoni, tibbaża l-istrateġiji tagħha relatati mad-demokrazija fuq analiżi dettaljata tal-possibilitajiet ta' riforma fil-pajjiżi terzi, tar-rieda politika tal-mexxejja li jinvolvi ruħhom f'tali proċess, u biex tidentifika l-ostakli possibbli biex jiġu ddeterminati l-istrateġiji l-aktar xierqa; huwa tal-fehma li dan il-proċess ta' identifikazzjoni għandu jkun ibbażat fuq skambju ta' fehmiet regolari mal-komponenti demokratiċi kollha ta' pajjiż biex b'hekk ikun ibbażat fuq il-fiduċja u l-għarfien reċiproku;
23. Jinnota li l-għajnuna Ewropea mgħoddija bħala appoġġ baġitarju lil stati awtoritarji mhux dejjem tiggarantixxi żvilupp ekonomiku u li l-valutazzjoni tal-effikaċja tal-għajnuna għandha tiffoka fuq l-outputs, aktar milli l-inputs;
24. jirrakkomanda li, fil-każ tas-sħubijiet l-aktar diffiċli, l-Unjoni żżomm lura milli tiżola lill-pajjiżi kkonċernati, u li minflok li twettaq ir-relazzjonijiet magħhom fuq il-bażi ta' kundizzjonalità xierqa u effikaċi, li sservi ta' inċentiv reali għar-riformi demokratiċi, konformità mar-regoli ta' governanza tajba u rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u li l-Unjoni tiżgura ruħha li l-popolazzjonijiet jibbenefikaw verament minn din il-kooperazzjoni; japprova l-approċċ “aktar għal aktar” li jinsab fil-komunikazzjoni bl-isem “Sħubija għad-demokrazija u prosperità komuni man-Nofsinhar tal-Mediterran”; iqis li, bl-istess mod, l-Unjoni m'għandhiex toqgħod lura milli terġa' talloka fondi preċedentement previsti għall-pajjiżi li l-gvernijiet tagħhom ma jonorawx l-impenji tagħhom fil-qasam tal-governanza demokratika lil pajjiżi li jkunu għamlu aktar progress biex jissodisfaw l-impenji li daħlu għalihom fi ħdan is-Sħubija Ewro-Mediterranja u s-Sħubija tal-Lvant, u jitlob li jsir aktar enfasi fuq il-promozzjoni tad-demokrazija fil-politiki tal-viċinanza u tal-viċinat;
25. Jitlob lil l-Unjoni ma toqgħodx lura milli timponi sanzjonijiet adegawti, proporzjonali u intelliġenti kontra l-awtoritajiet ewlenin tar-reġim – filwaqt li tipprovdi appoġġ għall-popolazzjoni u żżid l-għajnuna diretta għat-tisħiħ tas-soċjetà ċivili – f'pajjiżi li jonqsu milli jonoraw l-impenji tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u d-demokratizzazzjoni, b'qies xieraq, qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni, tal-impatt ta' tali sanzjonijiet fuq il-popolazzjonijiet tal-pajjiżi benefiċjarji; jenfasizza li l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi għandha tkun ibbażata fuq il-premessa ta' rispett reċiproku u ndaqs bejn dawn il-pajjiżi; jitlob li l-ħolqien ta' netwerk ta' appoġġ finanzjarju, permezz ta' Bank Ewro-Meditarranju, biex jippromwovi inizjattivi tekniċi u ta' żvilupp intraprenditorjali;
26. Jinsisti, madankollu, li dan l-approċċ flimkien mal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) riveduta li jmiss, jimplika li l-approċċ differenzjat jista' biss ikun strument prezzjuż u kredibbli jekk jesiġi l-istess objettivi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija għall-pajjiżi sħab kollha tal-PEV; jenfasizza li l-UE tista' titlef il-kredibilità tagħha għal darb'oħra jekk tagħmel differenza bejn l-“istandards minimi” li għandhom ikunu rrispettati mill-pajjiżi l-aktar diffiċli u standards aktar ambizzjużi għall-pajjiżi l-aktar avvanzati;
27. Jistieden lill-Kunsill u lill-SEAE biex jirrazzjonalizza l-użu ta' sanzjonijiet “intelliġenti”, u t-theddida tagħhom, bħala strument tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tar-reġimi l-aktar ripressivi; huwa konvint li l-miżuri punittivi selettivi, bħall-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti fuq individwi ta' grad għoli, jistgħu u għandhom jintużaw b'mod li ma jfixklux aktar il-ħidma diplomatika, il-kummerċ bilaterali, l-għoti ta' assistenza tal-UE, u l-kuntatti bejn il-popli; itenni, madankollu, li sabiex iservi ta' deterrent effikaċi konta l-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem, għandhom jiġu applikati sanzjonijiet immirati b'mod sistematiku, konsistenti u bl-aktar kooperazzjoni internazzjonali wiesgħa possibbli;
28. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, meta meħtieġ, jagħmlu pressjoni fuq il-gvernijiet ta' stati magħrufa għall-istorja negattiva tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem, sabiex itejbu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn l-istati u b'hekk iħaffu l-proċess tad-demokratizzazzjoni;
29. Jixtieq li jiġi stabbilit forum li jinvolvi lill-parlamenti nazzjonali u lill-Parlament Ewropew biex jiġu ttrattati kwistjonijiet ta' politika barranija, speċjalment f'dak li jirrigwarda suġġetti sensittivi bħad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;
L-approfondiment tad-dimensjoni politika
30. Iqis li approċċ globali u koerenti huwa meħtieġ, fuq bażi ta' strateġiji mmirati li jirrigwardaw l-iżvilupp, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba, l-inklużjoni soċjali, il-promozzjoni tan-nisa u tal-minoranzi u t-tolleranza reliġjuża, bħala strument addizzjonali tal-politika estera tal-UE, u li dan huwa essenzjali bħala mezz biex jingħaqdu ż-żewġ approċċi eżistenti fil-qasam tal-promozzjoni tad-demokrazija, jiġifieri l-approċċ ta' żvilupp, li jiffoka fuq il-progress soċjoekonomiku u t-tkabbir li jiffavorixxi l-foqra, u l-approċċ politiku, li jappoġġa l-pluraliżmu politiku, id-demokrazija parlamentari, l-istat tad-dritt, id-drittijiet talbniedem u l-libertajiet bażiċi u għal soċjetà ċivili li tiffunzjona sewwa; jinsisti li dan l-appoġġ għad-dimensjoni politika tal-pajjiżi terzi jeħtieġlu jikkonsisti f'appoġġ li jibni l-kapaċità għall-pluraliżmu – partikolarment fir-rigward tal-indipendenza u l-integrità tal-ġudikatura u għall-mekkaniżmi ta' governanza tajba, inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjon – u appoġġ istituzzjonali minflok l-indħil; jenfasizza l-valur miżjud tal-ex Membri tal-Parlament Ewropew fl-azzjonijiet tal-UE favur il-promozzjoni tad-demokratizzazzjoni;
31. Jappella għal titjib fl-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokraqzija, il-governanza demokratika u l-istat tad-dritt fl-attivitajiet tar-relazzjonijiet esterni kollha tal-UE konformi mal-impenji eżistenti u ġodda, kemm minn perspettiva istituzzjonali kif ukoll fil-politika u l-istrumenti ġeografiċi/tematiċi;
32. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu jżommu n-natura apolitika tal-għajnuna umanitarja li tiġi pprovduta matul il-proċess ta' demokratizzazzjoni;
33. Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Unjoni,sabiex tappoġġa ċerti gruppi ta' atturi involuti favur ir-riformi demokratiċi, inklużi fost oħrajn id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-mezzi tax-xandir indipendenti; jinsisti, fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ il-pluraliżmu politiku bil-ħsieb li tkun promossa tranżizzjoni demokratika;jitlob li jkun hemm appoġġ sistematiku għall-parlamenti ġodda eletti b'mod demokratiku ħieles u ġust, speċjalment fil-pajjiżi fi tranżizzjoni u dawk fejn l-UE bagħtet missjonni tal-osservazzjoni tal-elezzjonijiet; iqis li tali appoġġ mhux biss għandu jkun awtomatikament iffinanzjat mill-EIDHR iżda wkoll minn strumenti ġeografiċi;
34. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli li jappoġġaw l-istabbiliment ta' Fond Ewropew għad-Demokratizzazzjoni (EED) bħala strument flessibbli u espert li jappoġġa atturi politiċi li jkunu qed jaħdmu favur bidla demokratika fil-pajjiżi mhux demokratiċi u fil-pajjiżi fi tranżizzjoni, partikolarment fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE; jenfasizza li l-EED tal-ġejjieni għandu jikkumplimenta l-EIDHR u l-għodod l-oħra tad-demokratizzazzjoni u l-istrumenti finanzjarji esterni diġà fis-seħħ, f'termini tal-objettivi tiegħu u tal-modalitajiet finanzjarji u ta' ġestjoni differenti; jappoġġa l-idea tad-diċentralizzazzjoni tar-responsabbiltà tal-politika tal-appoġġ għad-demokrazija tal-UE permezz tal-ġemellaġġ ta' atturi tad-demokrazija tal-UE mal-kontropartijiet tagħhom fil-pajjiżi mmirati; jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Presidenza Pollakka li ġejja jippreżentaw demarkazzjoni ċara tal-kompetenzi ta' EED ġejjieni f'relazzjoni ma' dawn l-istrumenti u oqfsa; jinsisti fuq id-dritt ta' skrutinju u involviment tal-Parlament Ewropew fil-proċess tat-twaqqif tal-EED u tal-funzjonament tiegħu, fid-determinazzjoni tal-objettivi annwali, prijoritajiet, riżultati mistennija u allokazzjonijiet finanzjarji f'termini wiesgħa, u fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-attivitajiet;
35. Iħeġġeġ lid-donaturi tal-għajnuna jitrattaw il-bini tad-demokrazija bħala imperattiv politiku u morali, aktar milli sempliċi eżerċizzju tekniku, u jiżviluppaw l-għarfien lokali tagħhom tal-pajjiż li jirċievu biex l-għajnuna tkun tista' tiġi mmirata b'mod effettiv li jkun adattat għaċ-ċirkostanzi lokali;
36. Jenfasizza li biex tkun kompletament leġittima u bbażata bis-sħiħ fuq ir-rieda tal-poplu, kwalunkwe strateġija li tippromwovi d-demokrazija għandha tkun ibbażata fuq id-djalogu ma' firxa kemm jista' jkun wiesgħa ta' atturi lokali; iħeġġeġ lill-Kunsill, lis-SEAE u lill-Kummissjoni jagħmlu konsultazzjonijiet wiesgħa u profondi mal-partijiet interessati kollha;
37. Jilqa' r-rispons effikaċi, immedjat u integrat tal-Istrument tal-Istabilità għal sitwazzjonijiet ta' kriżi u instabilità f'pajjiżi terzi, u l-għajnuna tiegħu biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tal-politiki appoġġati minn strumenti oħra, jiġifieri l-Istrument ta' Assistenza Qabel l-Adeżjoni, l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija, l-Istrument ta' Kooperazzjoni fl-Iżvilupp u l-Istrument ta' Kooperazzjoni Ekonomika;
38. Jenfasizza l-importanza, għad-demokratizzazzjoni ta' kwalunkwe soċjetà, li jiġu protetti d-drittijiet tal-bniet u n-nisa, inklużi d-drittijiet għal trattament ugwali u l-edukazzjoni; jappoġġa bil-qawwa l-inizjattivi, l-inċentivi u l-miżuri kollha tal-bini tal-kapaċità li jinsabu fil-politiki esterni tal-UE biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha kemm fl-isfera pubblika kif ukoll f'dik privata; jenfasizza l-fatt li l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u tal-irġiel fl-isferi kollha tal-ħajja hija element kruċjali tad-demokrazija u li l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-iżvilupp tikkostitwixxi valur fundamentali u universalment aċċettat kif ukoll prekundizzjoni għall-iżvilupp soċjoekonomiku u għall-governanza demokratika tajba; għalhekk iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jagħmlu l-ugwaljanza bejn is-sessi prijorità fl-aġenda tagħhom tal-promozzjoni tad-demokrazija; jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġati d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u l-parlamentari nisa, inter alia billi jiġu żviluppati kapaċitajiet fl-ibbaġitjar ibbażat fuq is-sessi; b'mod partikolari, jistieden lill-UE biex tappoġġa finanzjarjament, u tipprovdi l-bini tal-kapaċitajiet lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u lill-kandidati politiċi nisa; jappoġġa s-simplifikazzjoni u r-rinfurzar ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fi prijoritajiet tematiċi u permezz tal-użu tal-approċċi parteċipatorji fit-tfassil u l-iżvilupp tal-programmi, b'enfasi fuq il-ġlieda kontra l-istereotipi tas-sessi u kull forma ta' diskriminazzjoni u vjolenza kontra n-nisa;
39. Jipproponi li l-mandat tal-Grupp għall-koordinament Elettorali (ECG) jitkabbar biex jinkludi politiki ta' appoġġ għad-demokrazija, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-kumitati relevanti, u jħeġġeġ lill-Uffiċċju għall-Promozzjoni tad-Demokrazija Parlamentari (OPPD) jikkoopera mill-qrib mal-ECG;
40. Jistieden lis-SEAE u lid-Delegazzjonijiet tal-UE jirrikonoxxu l-importanza tat-tkattir tas-għarfien tal-uffiċjali tad-delgazzjonijiet tal-UE dwar l-azzjonijiet marbuta mad-demokrazija, b'mod partikolari dwar l-appoġġ għall-parlamenti;
41. Jenfasizza kemm hu importanti li l-politiki dwar id-demokratizzazzjoni jiġu integrati fix-xogħol kollu tal-Parlament Ewropew kif ukoll f'dak tad-delegazzjonijiet tiegħu; jirrikonoxxi wkoll l-importanza tal-kooperazzjoni globali interparlamentari dwar il-politiki dwar id-demokratizzazzjoni permezz ta' fora bħall-Parlamentari għal Azzjoni Globali;
42. Jenfasizza r-rwol li jista' jkollhom il-partiti politiċi demokratiċi leġittimi, il-movimenti soċjali ġenwini u stampa ħielsa fil-ħarsien tal-interessi pubbliċi billi jissorveljaw it-trasparenza u r-responsabbilizzazzjoni tal-gvernijiet, u b'hekk jagħtu lok lill-istati li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u jippromwovu l-iżvilupp soċjali u ekonomiku;
43. Jissottolinja r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili u ta' parlamenti ta' pajjiżi terzi fis-superviżjoni demokratika tal-baġit, u jinsab konvint li kwalunkwe appoġġ għall-baġit dirett provdut mill-Unjoni jrid ikun komplementat minn tisħiħ tekniku u politiku tal-kapaċità ta' superviżjoni tal-parlamenti nazzjonali; jafferma li l-Unjoni għandha tinforma b'mod attiv lill-parlamenti tal-pajjiżi terzi dwar il-kontenut tal-kooperazzjoni tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-OPPD biex jieħu rwol attiv fl-appoġġ tal-parlamenti rigward is-superviżjoni demokratika baġitarja; jilqa' bi pjaċir f'dan ir-rigward, it-titjib tal-koperazzjoni mal-parlamenti tas-Sħubija tal-Lvant fi ħdan l-assemblea Euronest, li kellha l-laqgħa kostitwenti tagħha fit-3 ta' Mejju 2011, u għandha aspettattivi kbar ta' tali koperazzjoni; jiġbed attenzjoni fuq l-importanza ta' din l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew bħala aspett importanti tal-politiki esterni tal-UE favur id-demokratizzazzjoni;
44. Jirrikonoxxi l-isforzi magħmula mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew għall-Promozzjoni tad-Demokrazija Parlamentari (OPPD) biex jassistu u jappoġġjaw parlamenti f'demokraziji ġodda u emerġenti, kif ukoll parlamenti reġjonali; jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni tal-OPPD biex tinbena l-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva tal-parlamenti ta' demokraziji ġodda u emerġenti u l-kooperazzjoni tiegħu mal-UNDP u l-IPU f'dar-rigward; iħeġġeġ lill-OPPD biex jaħdem għal kunsens globali dwar standards bażiċi ta' prattika parlamentari tajba;
45. Iqis li huwa essenzjali li, fil-futur, is-soċjetà ċivili tikkontribwixxi direttament għall-proċessi ta' governanza tajba u b'hekk għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex joħolqu mekkaniżmu strutturat ta' monitoraġġ tal-ftehimiet internazzjonali tal-UE li jinvolvi l-komponenti kollha tas-soċjetà ċivili ta' pajjiżi terzi, inklużi l-atturi mhux statali u l-imsieħba soċjali, fil-proċess ta' evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet;
46. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Unjoni li telabora strateġiji għal kull pajjiż fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li dawn għandhom ikopru wkoll aspetti tad-demokratizzazzjoni; u jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni rapida tagħhom sabiex l-Unjoni tkun tista' minnufih ikollha analiżi komuni tas-sitwazzjoni u tal-bżonnijiet f'kull pajjiż, kif ukoll pjan ta' azzjoni li jagħti dettalji dwar kif l-istrumenti tal-Unjoni se jintużaw b'mod sħiħ kumplimentarjament; jenfasizza, fl-istess waqt, li l-istrateġiji l-ġodda u l-mod kif jiġu implimentati għandhom jirriżultaw fl-eliminazzjoni tal-inkonsistenzi u l-istandards doppji eżistenti fil-politiki esterni tal-UE favur id-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni u m'għandhom jintroduċu ebda oħrajn ġodda; jinnota li d-dokumenti dwar l-istrateġija tal-pajjiż għandhom jifformaw il-politiki esterni kollha li jappartjenu għall-pajjiż konċernat, fi;waqt li jifformaw l-użu tal-istrumenti tal-UE; jitlob li d-dokumenti dwar l-istrateġija tal-pajjiż ikunu disponibbli għall-Parlament.
47. Jistieden lill-UE biex tgħaqqad l-impenji finanzjarji futuri mal-progress magħmul minn pajjiżi tersi fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-progress demokratiku reali;
48. Jenfasizza l-ħtieġa li jinbnew koalizzjonijiet sodi ma' atturi oħra fix-xena dinjija bħall-Unjoni Afrikana u l-Lega Għarbija sabiex jiġu promossi l-valuri demokratiċi b'mod aktar effikaċi; iħeġġeġ lill-UE biex issegwi b'mod attiv dawn il-koalizzjonijiet, b'mod partikolari mal-Istati Unit ital-Amerka, fl-isfera tal-isforzi komuni tal-UE u tal-USA biex jikkoordinaw aħjar il-politiki tagħhom dwar l-iżvilupp;
49. Jilqa' l-ħolqien ta' Direttorat għad-Drittijet tal-Bniedem u d-Demokrazija fi ħdan is-SEAE, u jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni /lir-Rappreżentant Għoli biex jiżgura li kull rappreżentanza esterna tal-UE jkollha punt ta' kuntatt għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;
50. Jippromwovi r-rwol ta' medjaturi tal-paċi fil-prevenzjoni u fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, u jagħmel ħiltu għal involviment attiv tagħhom għall-ġid tas-soċjetà;
51. Jappoġġa programmi reġjonali li jħarsu dawk li huma l-aktar vulnerabbli, b'mod partikolari favur it-tfal, in-nisa u l-anzjani;
52. Jemmen bil-qawwa li l-għoti ta' setgħa lill-individwi, partikolarment lin-nisa, u lis-soċjetà ċivili permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tqajjim tal-kuxjenza, filwaqt li tkun iffaċilitata l-promozzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet soċjali, ekonomiċi u kulturali kollha, huwa element essenzjali li jikkumplimenta l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi ta' demokratizzazzjoni, li għandu jiġi żgurat il-finanzjament meħtieġ għalihom;
53. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jħejju strateġija politika b'rabta mal-missjonijiet tal-UE ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet, partikolarment permezz tas-sottomissjoni tal-abbozz politiku assoċjat ma' kull missjoni; jirrikjedi, sentejn wara kull missjoni, stima tal-progress demokratiku li jkun sar u tal-punti li jkun għad baqa' li jissaħħu, waqt id-dibattitu annwali tal-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet tal-bniedem mar-Rappreżentant Għoli/Viċi President; jirriafferma l-benefiċċji li l-ex membri parlamentrau jiġu mistiedna jqiegħdu l-kompetenza u l-esperjenza tagħhom għad-disponibbiltà tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali jew is-segwitu tagħhom;
54. Jenfasizza, speċjalment fid-dawl tal-fondi limitati disponibbli, l-importanza li l-pajjiżi prijoritarji għall-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali jintgħażlu fuq il-bażi tal-potenzjal għal impatt reali li jista' jkollha missjoni fuq il-promozzjoni ta' demokratizzazzjoni ġenwina fit-tul; jistieden lis-SEAE jadotta approċċ selettiv ħafna għall-għażla ta' tali pajjiżi; jinnota li l-Grupp ta' Koordinazzjoni tal-Oservazzjoni tal-Elezzjonijiet, li jiġi kkonsultat dwar il-programm annwali tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-Unjoni, stabbilixxa kriterji preċiżi f'dan ir-rigward; jitlob li tiżdied il-viġilanza fuq il-konformità bil-metodoloġija u r-regoli stipulati fuq il-livell internazzjonali, b'mod partikolari rigward l-indipendenza u l-effikaċja tal-missjoni;
55. Jenfasizza l-importanza li, fl-aħħar ta' kull missjoni ta' osservazzjoni elettorali, jitfasslu rakkomandazzjonijiet realistiċi u li jistgħu jintlaħqu; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jallinjaw ruħhom mal-konklużjonijiet, u lill-Kummissjoni, l-SEAE u l-Istati Membri jagħmlu enfasi speċjali biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta' tali rakkomandazzjonijiet permezz tal-kooperazzjoni; jenfasizza l-importanza ta' monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni ta' tali rakkomandazzjonijiet; jitlob li d-disseminazzjoni u l-monitoraġġ ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu fdati lid-Delegazzjonijiet tal-UE, u li jiġu pprovduti l-mezzi meħtieġa; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-firmatarji tad-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji għall-Osservazzjoni Elettorali Internazzjonali biex tissaħħaħ l-effikaċja tal-ħidma demokratika madwar id-dinja;
56. Iqis li d-delegazzjonijiet permanenti tal-PE u l-assemblej parlamentari konġunti għandu jkollhom rwol konsiderevolment ikbar fis-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet u l-analiżi tal-progress fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;
57. Jenfasizza l-importanza ta' proċess ta' appoġġ politiku li ma jiffukax sempliċement fuq il-perjodu immedjatament qabel u wara l-elezzjonijiet, iżda li jkun ibbażat fuq il-kontinwità; f'dan ir-rigward, ifaħħar ix-xogħol utli mwettaq mill-fondazzjonijiet politiċi;
58. Jenfasizza li l-gvernijiet jridu jkunu responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, governanza ħażina, korruzzjoni u misapproprjazzjoni ta' riżorsi nazzjonali maħsuba biex jintużaw għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jagħmlu sforzi biex jippromwovu governanza tajba u biex jiġġieldu l-impunità, anke billi jitolbu l-kooperazzjoni sħiħa minn pajjiżi terzi mal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), u billi jassiguraw li ftehimiet ġodda jkun fihom impenji favur l-Istatut ta' Ruma;
59. Jappella lill-istituzzjonijiet relevanti tal-UE jżommu u jsaħħu l-EIDHR u jtejbu u l-istrumenti u jissimplifikaw strumenti eżistenti u oqfsa mmirati biex jappoġġaw id-demokrazija f'pajjiżi terzi;
L-appoġġ għas-soċjetà ċivili
60. Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ deċentralizzat li jikkumplimenta d-dimensjoni politika u li jkun jista' jikkunsidra iktar ir-realtajiet tal-ħajja ta' kuljum fil-pajjiżi kkonċernati, permezz ta' appoġġ għall-organizzazzjonijiet lokali kif ukoll reġjonali, li jgħinu fit-tisħiħ tad-demokrazija billi joħolqu fora ta' djalogu u skambju ta' prattiki tajbin mal-Unjoni kif ukoll ma' pajjiżi sħab oħra fl-istess reġjun;
61. Jipproponi żvilupp ta' politika iktar miftuħa u iktar attiva ta' appoġġ għall-forzi ewlenin fis-soċjetà u dawk li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini; jissuġġerixxi t-trawwim tal-influwenza tas-soċjetà ċivili permezz ta' programmi speċifiċi u bl-inkorporazzjoni ta' dan il-kunċett fil-programmi eżistenti;
62. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mtejba l-kapaċitajiet tas-soċjetà ċivili, permezz tal-edukazzjoni u s-sensibilizazzjoni, u biex tkun iffaċilitata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċessi politiċi; jenfasizza li sħubija mill-qrib bejn is-settur pubbliku u dak privat, flimkien mat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet ta' sorveljanza, inklużi l-parlamenti nazzjonali, huma kruċjali għall-promozzjoni tad-demokrazija;
63. Jitlob li jkun hemm appoġġ immirat għal movimenti soċjali mhux estremisti, midja ġenwinament indipendenti u partiti politiċi li jaħdmu għad-demokrazija fi stati awtoritarji u demokraziji ġodda, sabiex ikunu promossi l-parteċipazzjoni pubblika, jingħata appoġġ lil sistemi multipartitiċi, u jitjiebu d-drittijiet tal-bniedem; hu tal-fehma li l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem għandu jkollu rwol ewlieni f'dan ir-rigward.;
64. Jitlob appoġġ għall-parteċipazzjoni wiesgħa ta' dawk kollha interessati fl-iżvilupp tal-pajjiżi u jinkoraġġixxi lill-partijiet kollha tas-soċjetà biex jieħdu sehem fil-bini tad-demokrazija; jirrikonoxxi r-rwol vitali li għandhom l-NGOs u atturi oħra mhux governattivi fil-promozzjoni tad-demokrazija, il-ġustizzja soċjali u d-drittijiet tal-bniedem;
65. Jappoġġa l-prattika stabbilita għat-tfittix ta' modi innovattivi biex jiġu involuti s-soċjetà ċivili, il-partiti politiċi, il-mezzi tax-xandir u atturi oħra politiċi mhux governattivi fid-djalogi tal-UE ma' pajjiżi terzi; itenni l-appoġġ tiegħu għal-libertà, għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-midja, għat-tnaqqis tad-distakk diġitali u għall-iffaċilitar tal-aċċess għall-internet;
66. Jappoġġa l-finanzjament għas-soċjetà ċivili permezz tal-EIDHR, u l-allokazzjoni ta' fondi għal proġetti lokali mill-NGOs; jissuġġerixxi l-allokazzjoni ta' aktar fondi b'mod progressiv, jekk is-sitwazzjoni fil-pajjiż tkun tali li jkun hemm soċjetà ċivili u demokrazija fit-triq tas-suċċess;
67. Jenfasizza l-fatt li l-aċċess għall-informazzjoni u l-mezzi tax-xandir indipendenti huwa kruċjali biex titrawwem it-talba pubblika għar-riformi demokratiċi, u għalhekk jitlob iżjed appoġġ fl-oqsma tal-promozzjoni tal-libertà tal-mezzi tax-xandir “qodma” u “ġodda”, tal-protezzjoni tal-ġurnalisti indipendenti, tat-tnaqqis tad-distakk fl-għarfien diġitali u tal-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-internet;
68. Ifaħħar il-passi meħuda mill-Istati Membri tal-UE biex jappoġġjaw id-demokratizzazzjoni fid-dinja, bħall-programm ta' kooperazzjoni bejn l-Ombudsmen tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant tal-2009-2013 li ġie stabbilit b'mod konġunt mill-Ombudsman Pollakk u dak Franċiż bl-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tal-uffiċji tal-Ombudsmen, tal-entitajiet governattivi u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant bl-għan tal-ħarsien tad-drittijiet individwali u tal-bini ta' stati demokratiċi bbażati fuq l-istat tad-dritt; jenfasizza l-ħtieġa li tali azzjoni tiġi kkoordinata fl-UE u li l-istituzzjonijiet tal-UE jużaw l-esperjenza miksuba f'dan ir-rigward;
69. Jerġa' jafferma l-impenn tal-UE biex tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni speċjali lil stati li għaddejjin mill-proċess ta' demokratizzazzjoni, minħabba li l-popolazzjonijiet tagħhom huma partikolarment vulnerabbli għall-possibilità li jkunu suġġeti għat-traffikar tal-bnedmin; jappella għal kooperazzjoni mill-qrib bejn id-DĠ DEVCO, id-DĠ ENLAR, id-DĠ HOME u l-Koordinatur ta' Kontra t-Traffikar tal-UE dwar il-kwistjoni;
70. Jirrikonoxxi l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tad-demokratizzazzjoni fid-dinja; jilqa' l-bidu ta' programmi konġunti tal-UE u tal-Kunsill tal-Ewropa li jappoġġaw id-demokrazija, il-governanza tajba u l-istabilità fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;
o o o
71. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, li daħal fis-seħħ fl-1997 u li ġie estiż fl-istennija li jkun hemm ftehim ġdid,
– wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa għal ftehim ġdid li jipprovdi qafas komprensiv ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, kif ukoll is-“Sħubija għall-Modernizzazzjoni” li nbdiet fl-2010,
– wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, partikolarment ir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja(1), tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja(2), tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar il-konklużjonijiet tas-Samit bejn l-UE u r-Russja(3), tat-12 ta'Novembru 2009(4) qabel is-Samit bejn l-UE u r-Russja fi Stokkolma fit-18 ta' Novembru 2009, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' ta' Settembru 2009 dwar il-qtil ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja(5) u dwar aspetti esterni tas-sigurtà tal-enerġija(6),
– wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-aħħar laqgħa li saret f'dan il-kuntest fl-4 ta' Mejju 2011,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja Russu tat-22 ta' Ġunju 2011 li jirrifjuta l-applikazzjoni tar-reġistrar uffiċjali tal-Partit tal-Libertà tal-Poplu (PARNAS), u għal każi preċedenti simili, li jfisser li se jkun impossibbli li dawn il-partiti jipparteċipaw fl-elezzjonijiet,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni (HR/VP), Catherine Ashton, tat-22 ta' Ġunju 2011 dwar ir-reġistrazzjoni tal-partiti fir-Russja,
– wara li kkunsidra l-obbligu li jitħarsu l-prinċipji demokratiċi previsti mis-sħubija tar-Russja fil-Kunsill tal-Ewropa u bħala firmatarja tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;
– wara li kkunsidra l-eżitu tas-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Nizhny Novgorod fid-9 u l-10 ta' Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-pluraliżmu politiku huwa element fundamentali ta' soċjetà moderna u demokratika, u sors ta' leġittimità politika,
B. billi fit-12 ta' April 2011 il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem esprimiet il-kritika tagħha dwar il-proċeduri kkumplikati għar-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi fir-Russja, li mhumiex konformi mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,
C. billi l-osservaturi tal-ODIHR żaru r-Russja waqt l-elezzjoni parlamentari tal-2003 u taw parir li l-missjonijiet standard tal-OSKE għandhom jibdew ħidmiethom sitt ġimgħat qabel l-elezzjonijiet u għandhom ikunu magħmula minn 60 osservatur fuq żmien fit-tul u 400 osservatur fuq żmien qasir,
D. billi għad hemm tħassib dwar il-progress fir-Russja fir-rigward tar-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għal prinċipji, regoli u proċeduri demokratiċi rikonoxxuti b'mod komuni. billi l-Federazzjoni Russa hija membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta? u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u tan-NU, u għalhekk intrabtet mal-prinċipji tad-demokrazija u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif promossi minn dawn l-organizzazzjonijiet,
1. Jerġa' jafferma t-twemmin tiegħu li r-Russja għadha wieħed mis-sħab l-iktar importanti tal-Unjoni Ewropea fil-bini ta' kooperazzjoni strateġika, peress li t-tnejn mhux biss għandhom interessi ekonomiċi u kummerċjali komuni, iżda għandhom ukoll l-objettiv li jikkooperaw flimkien mill-qrib fil-viċinat komuni kif ukoll fuq livell globali;
2. Jerġa jikkonfema r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar is-Samit bejn l-UE u r-Rusjja f'Nizhny Novgorod;
3. Jiddeplora d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Russi li jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni tal-Partit tal-Libertà tal-Poplu (PARNAS) fl-elezzjonijiet ta' Duma li se jsiru f'Diċembru 2011; jistieden lill-awtoritajiet jiggarantixxu elezzjonijiet ħielsa u ġusti u jirtiraw kwalunkwe deċiżjoni u regola li jopponu dan il-prinċipju;
4. jerġa' jafferma t-tħassib tiegħu rigward id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-partiti politiċi biex jirreġistraw għall-elezzjonijiet, diffukultajiet li effettivament jillimitaw il-kompetizzjoni politika fir-Russja, inaqqsu l-għażla disponibbli għall-elettorat tal-pajjiż u juru li għad hemm ostakoli reali għall-pluraliżmu politiku fil-pajjiż;
5. Jenfasizza li l-elezzjonijiet tad-Duma tal-Istat għandhom ikunu bbażati fuq l-implimentazzjoni ta' standards elettorali mwaqqfa mill-Kunsill tal-Ewropa u mill-OSKE; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jawtorizzaw il-missjoni ta' osservazzjoni elettorali fit-tul tal-OSKE/Kunsill tal-Ewropa u biex jikkooperaw magħha bis-sħiħ sa mill-aktar stadju bikri tal-elezzjonijiet u jistieden lir-Rappreżentat Għoli/Viċi President tinsisti fuq l-istabbiliment ta' missjoni għal dan l-għan; jappella għal kooperazzjoni mill-qrib bejn il-missjoni ta' osservazzjoni msemmija u s-soċjetà ċivili u l-gruppi ta' monitoraġġ;
6. jiddeplora l-projbizzjoni tal-ivjaġġar għal sitt xhur imposta fuq Boris Nemtsov fil-5 ta' Lulju 2011 u jsejjaħ biex titneħħa minnufih;
7. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-proposta ta' abbozz ta' liġi, li għandha tiġi diskussa fid-Duma, li permezz tagħha l-qrati Russi jkunu jistgħu jinjoraw s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f'xi oqsma, peress li tali inizjattiva tmur kontra l-prinċipji bażiċi tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jilqa' d-deċiżjoni reċenti tad-Duma tar-Russja li ma tikkunsidrax dan l-abbozz ta' liġi għal issa u jixtieq li finalment tabbanduna din l-inizjattiva;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-OSKE, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-TUE u l-Artikoli 18, 20, 21, 67, 77 u 80 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tad-19 ta' Ġunju 1990,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)(2),
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' evalwazzjoni biex jissorvelja l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen (COM(2010)0624),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' rapport dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' evalwazzjoni biex jissorvelja l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen (PE460.834),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu b'mod ħieles fit-territorju tal-Istati Membri(3),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta' Mejju 2011dwar il-migrazzjoni (COM(2011)0248),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Barranin tad-9 ta' Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropea tal-24 ta' Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-ħolqien taż-żona ta' Schengen u l-integrazzjoni tal-acquis ta' Schengen fil-qafas tal-UE huma wħud mill-ikbar kisbiet tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea, immarkat mit-tneħħija tal-kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni u minn libertà tal-moviment bla preċedent għal popolazzjoni ta' iktar minn 400 miljun persuna f'żona ta' 4 312 099 km2,
B. billi l-libertà tal-moviment saret waħda mill-pilastri taċ-ċittadinanza tal-UE u waħda mill-pedamenti tal-UE bħala żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, li tinkludi d-dritt ta' moviment u għejxien liberu għaċ-ċittadini fl-Istati Membri kollha filwaqt li jgawdu l-istess drittijiet, protezzjonijiet u garanziji, li jinkludu l-projbizzjoni tal-forom kollha ta' diskriminazzjoni fuq il-bażi taċ-ċittadinanza,
C. billi skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u l-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, il-libertà tal-moviment fl-UE tista“, skont kundizzjonijiet speċifiċi, tiġi estiża anke għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti legali fl-UE,
L-avvenimenti riċenti
D. billi, speċjalment fl-aħħar sena, kien hemm spostament kbir ta' nies minn bosta pajjiżi fl-Afrika ta' Fuq; billi dan l-aħħar is-sistema ta' Schegen kienet taħt pressjoni tant li xi Stati Membri bdew iqisu r-riintroduzzjoni ta' kontrolli fil-fruntieri nazzjonali minħabba li qed jiffaċċaw flussi migratorji f'daqqa ta' immigranti,
E. billi fl-4 ta' Mejju 2011 il-Kummissjoni ppreżentat diversi inizjattivi għal approċċ aktar strutturat dwar il-migrazzjoni, li jqis b'mod partikolari l-iżviluppi riċenti fir-reġjun tal-Mediterran u li jinkludi proposta dwar Schengen; billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta' Ġunju 2011 jitolbu l-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar “mekkaniżmu ta' protezzjoni” sabiex jirrispondi għal “ċirkustanzi eċċezzjonali” li jistgħu jqiegħdu l-kooperazzjoni ta' Schengen f'riskju,
Il-kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u l-politika ta' migrazzjoni
F. billi r-regoli ta' Schengen li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera ġew definiti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, li l-Artikoli 23 u 26 tiegħu jistabbilixxu miżuri u proċeduri għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontroll fil-frunteri interni li, madankollu, peress li hu ta' natura unilaterali, ma jagħmilhiex possibbli li l-interess kollettiv tal-UE jirbaħ,
G. billi l-ħolqien taż-żona Schengen iddefinixxiet fruntiera esterna komuni, li l-UE għandha responsabilità konġunta li tiġġestixxi, skont l-Artikolu 80 tat-TFUE; billi l-UE għadha ma kkonformatx bis-sħiħ ma' dan ir-rekwiżit, għalkemm li ppruvat tistabbilixxi kontrolli u kooperazzjoni effikaċi bejn l-awtoritajiet tad-dwana, tal-pulizija u dawk ġudizzjarji, politika komuni tal-immigrazzjoni, l-asil u l-viża u l-ħolqien tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) u s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS),
Mekkaniżmu ta' evalwazzjoni
H. billi t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni titlob li l-Istati Membri jkollhom fiduċja sħiħa fil-kapaċità tagħhom li jimplimentaw b'mod sħiħ il-miżuri li permezz tagħhom dawk il-kontrolli setgħu jitneħħew, billi s-sigurtà taż-żona ta' Schengen tiddependi fuq il-mod dixxiplinat u effikaċi li bih Stat Membru jesegwixxi l-kontrolli fil-fruntieri esterni tiegħu, kif ukoll fuq il-kwalità u l-ħeffa li bihom isir l-iskambju tal-informazzjoni permezz tas-SIS; billi t-tħaddim inadegwat ta' xi wieħed jew aktar minn dawn l-elementi jipperikolaw is-sigurtà tal-UE b'mod globali,
I. billi hu essenzjali li jiġi evalwat li l-Istati Membri jkunu konformi mal-acquis ta' Schegen sabiex jiġi żgurat funzjonament bla xkiel taż-żona Schegen; billi l-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni bbażat fuq il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Evalwazzjoni ta' Schengen (SCH-EVAL), korp purament intergovernattiv, ma weriex li hu biżżejjed effikaċi,
J. billi l-istandards doppji li bħalissa hemm fil-Ftehim ta' Schengen, fejn jintalbu rekwiżiti għolja mill-pajjiżi kandidati kollha mentri l-pajjiżi Membri taż-żona ta' Schengen jiġu trattati b'mod iktar ħafif, għandhom jitneħħew,
K. billi mekkaniżmu ġdid ta' evalwazzjoni hu stipulat fil-proposta għal Regolament li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' evalwazzjoni li jissorvelja l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen, li bħalissa qed tiġi eżaminata mill-PE skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja; billi dan il-mekkaniżmu diġà jispeċifika l-proċeduri, prinċipji u għodod li jappoġġaw u jassistu l-konformità tal-Istati Membri mal-acquis ta' Schengen, ukoll fil-preżenza ta' avvenimenti mhux previsti,
Kodeċiżjoni
L. billi l-Artikolu 77 tat-TFUE jiddikjara li l-Parlament u l-Kunsill, filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jadottaw miżuri li jikkonċernaw, inter alia, il-kontrolli li jiġu suġġetti għalihom il-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni fin-nuqqas ta' kwalunkwe kontroll fuq il-persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni,
L-importanza ta' Schengen
1. Jenfasizza li l-moviment liberu tal-persuni fiż-żona Schengen diġà kien wieħed mill-ikbar kisbiet tal-integrazzjoni Ewropea, li l-Ftehim ta' Schengen għandu impatt pożittiv fuq il-ħajja ta' mijiet ta' eluf ta' ċittadini, kemm billi jagħmel il-qsim tal-fruntieri konvenjenti, kif ukoll billi jtejjeb l-ekonomija, u li l-libertà tal-moviment hija dritt fundamentali u pilastru taċ-ċittadinanza tal-UE, li l-kundizzjonijiet tal-eżerċitar tiegħu huma stipulati fit-Trattati u fid-Direttiva 2004/38/KE;
Il-governanza ta' Schengen u l-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni
2. Jirrakkomanda b'qawwa t-tisħiħ tal-governanza ta' Schengen sabiex tgħin tiżgura li kull Stat Membru jkun jista' jikkontrolla b'mod effikaċi s-sezzjoni tiegħu tal-fruntieri esterni tal-UE, tinforza mill-ġdid il-fiduċja reċiproka u tibni fiduċja fl-effettività tas-sistema tal-UE għall-ġestjoni tal-migrazzjoni; jenfasizza fermament il-bżonn li jkun hemm solidarjetà akbar ma' dawk l-Istati Membri li qed jiffaċċaw l-influss qawwi ta' migranti biex dawn jiġu megħjuna jaffrontaw sitwazzjonijiet straordinarji ta' din in-natura;
3. Jemmen li l-mekkaniżmu ġdid ta' evalwazzjoni ta' Schengen, li bħalissa qed jiġi diskuss fil-Parlament, se jkun parti mit-tweġiba, peress li dan jiżgura mmoniterjar effettiv ta' kwalunkwe tentattiv li jiddaħħlu kontrolli illegali tal-fruntieri interni u jsaħħaħ il-fiduċja reċiproka; jemmen ukoll li s-sistema l-ġdida ta' evalwazzjoni ta' Schengen tagħmilha possibbli li jintalaq u jinkiseb l-appoġġ għal Stat Membru bil-għan li tkun żgurata l-osservanza tal-acquis ta' Schengen fil-każ ta' pressjoni eċċezzjonali fil-fruntieri esterni tal-UE;
4. Jenfasizza l-bżonn li jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni xierqa tar-regoli ta' Schengen mill-Istati Membri anke wara l-adeżjoni tagħhom; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li dan ifisser ukoll li dawk l-Istati Membri li jiffaċċaw problemi jiġu megħjuna fi stadju bikri sabiex ikunu jistgħu jirremedjaw id-defiċenzi tagħhom b'appoġġ prattiku mill-aġenziji tal-UE; hu tal-fehma li l-mekkaniżmu eżistenti ta' evalwazzjoni għandu jissaħħaħ u jsir sistema tal-UE;
5. Jemmen li l-effettività tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni tistrieħ fuq il-possibilità ta' sanzjonijiet fil-każ li d-defiċenzi jippersistu u jkunu qed jipperikolaw is-sigurtà globali taż-żona Schengen; ifakkar li l-iskop primarju ta' tali sanzjzonijiet huwa li jiskoraġġixxi;
Il-kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen
6. Jemmen li l-kundizzjonijiet neċessarji għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali diġà ġew stabbiliti b'mod ċar fir-Regolament (KE) Nru 562/2006 (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), li l-Artikoli 23, 24 u 25 tiegħu jipprovdu għall-possibilità li jiġu riintrodotti l-kontrolli fil-fruntieri interni fil-każ biss ta' theddid serju għall-politika pubblika jew is-sigurtà interna; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta inizjattiva mmirata lejn id-definizzjoni tal-applikazzjoni stretta ta' dawk l-Artikoli mill-Istati Membri;
7. Hu tal-fehma, għalhekk, li kwalunkwe eżenzjoni addizzjonali ġdida mir-regoli kurrenti, bħal raġunijiet ġodda biex jiġu riintrodotti l-kontrolli fil-fruntieri fuq bażi eċċezzjonai, definittivament mhux se ssaħħaħ is-sistema ta' Schengen; jiġbed l-attenzjoni li l-influss ta' migranti u applikanti għall-asil fil-fruntieri esterni per se bl-ebda mod ma jista' jitqies bħala bażi addizzjonali għar-riintroduzzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri;
8. Jiddispjaċih bil-qawwa bit-tentattiv ta' bosta Stati Membri biex jirriintroduċu l-kontrolli fil-fruntieri, ħaġa li b'mod ċar tipperikola l-ispirtu proprju tal-acquis ta' Schengen;
9. Hu tal-fehma li l-problemi riċenti bil-Ftehim ta' Schengen ingħataw rotta ġdida bin-nuqqas ta' determinazzjoni biex jiġu implimentati l-politiki Ewropej f'oqsma oħra, b'mod l-iktar kruċjali sistema komuni Ewropea ta' asil u migrazzjoni (li tinkludi li jissolvew il-problemi tal-immigrazzjoni irregolari u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata);
10. Itenni li hi ta' importanza mill-akbar li jsir progress f'dan ir-rigward, peress li l-iskadenza għall-istabbiliment ta' sistema Ewropea komuni tal-asil ġiet stabbilita għall-2012;
11. Jafferma mill-ġdid l-oppożizzjoni soda tiegħu għal kwalunkwe mekkaniżmu ġdid ta' Schengen li jkollu objettivi oħra barra dawk li jtejjeb il-libertà tal-moviment u li jsaħħaħ il-governanza tal-UE taż-żona Schengen;
Kodeċiżjoni
12. Jenfasizza li kwalunkwe tentattiv biex il-bażi legali korretta tkun differenti mill-Artikolu 77 tat-TFUE għall-miżuri kollha f'dan il-qasam se jitqies bħala devjazzjoni mit-Trattati tal-UE u jirriżerva d-dritt li juża r-rimedji legali kollha disponibbli jekk ikun hemm bżonn;
o o o
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
L-approċċ tal-Parlament Ewropew rigward l-implimentazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll 1 tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-kooperazzjoni parlamentari fil-qasam tal-PESK/PSDK
210k
40k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2011 dwar l-approċċ tal-Parlament Ewropew għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll 1 tat-Trattat ta' Lisbona rigward il-kooperazzjoni parlamentari fil-qasam tal-PESK/PSDK
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll 1 ta' dan dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna(1) u d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar ir-responsabbiltà politika anessa magħha(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet bażiċi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) fl-2009, ippreżentat lill-Parlament Ewropew b'applikazzjoni tal-Parti II, Taqsima G, Paragrafu 43 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006(3), u b'mod partikulari l-paragrafu 18 ta' dik ir-riżoluzzjoni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar l-iżvilupp tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona(4), u b'mod partikulari l-paragrafi 12, 13 u 14 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konferenza tal-Ispikers tal-Parlamenti tal-UE li saret fi Brussell fl-4 u l-5 ta' April 2011,
– wara li kkunsidra l-kontribuzzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-XLV laqgħa tal-COSAC li saret f'Budapest mid-29 sal-31 ta' Mejju 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll 1 jistipula li l-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta' kwalunkwe forma ta' kooperazzjoni interparlamentari effettiva u regolari għandha tkun iddeterminata flimkien bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali,
B. billi bħala membru tal-Kulleġġ tal-Kummissarji, ir-RGħ/VP huwa suġġett għall-vot ta' approvazzjoni mill-Parlament Ewropew,
C. billi l-Parlament Ewropew jikkodeċiedi mal-Kunsill dwar il-baġit tal-UE għall-azzjoni esterna, inkluż il-baġit għall-missjonijiet ċivili taħt il-PESK u l-PSDK u l-ispejjeż amministrattivi li jirriżultaw mill-koordinazzjoni militari tal-UE,
D. billi, skont it-Trattat, il-Parlament Ewropew huwa kkonsultat b'mod regolari fuq l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-PESK u billi l-approvazzjoni tiegħu hi meħtieġa sabiex l-istrateġiji tal-UE jissarfu f'liġijiet u fil-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali, inklużi ftehimiet marbuta l-iktar mal-PESK, bl-unika eċċezzjoni jkunu l-ftehimiet marbuta biss mal-PESK,
1. Ifakkar li l-Parlament Ewropew huwa sors ta' leġittimità politika għall-PESK u l-PSDK, li fuqhom jeżerċita skrutinju politiku;
2. Huwa konvint fl-istess ħin li kooperazzjoni interparlamentari msaħħa fil-qasam tal-PESK u l-PSDK tirrinforza l-influwenza parlamentari fuq l-għażliet politiċi li jsiru mill-UE u l-Istati Membri tagħha, bis-saħħa tar-responsabilitajiet tal-Parlament Ewropew għall-politiki komuni tal-Unjoni, inkluża l-PESK/PSDK, u tal-prerogattivi li kull parlament nazzjonali jgawdi fir-rigward tas-sigurtà nazzjonali u d-deċiżjonijiet ta' politika ta' difiża;
3. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' ftehim waqt il-Konferenza tal-Ispikers tal-UE fl-4 u l-5 ta' April 2011 u jantiċipa bi pjaċir li juri l-appoġġ tiegħu għall-Presidenza Pollakka fl-ilħuq ta' ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali dwar forom ġodda ta' kooperazzjoni interparlamentari f'dan il-qasam;
4. Jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu kif stabbilita fir-rapporti rilevanti u b'mod partikulari:
–
li, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll 1 tat-Trattat ta' Lisbona, “il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali għandhom jiddeterminaw flimkien l-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta' koperazzjoni interparlamentari effettiva u regolari fi ħdan l-Unjoni”, sabiex jippromwovu s-sjieda konġunta fl-organizzazzjoni u l-eżerċizzju ta' kooperazzjoni interparlamentari effettiva u regolari;
–
li r-rappreżentanza tiegħu stess fi kwalunkwe forma ġdida ta' kooperazzjoni interparlamentari għandha tkun ta' skala li tirrifletti l-firxa u l-importanza tar-rwol tiegħu fl-iskrutinju tal-PESK/PSKD, tagħraf in-natura komuni Ewropea ta' politiki bħal dawn u tissodisfa l-ħtieġa li jkun rifless il-pluraliżmu politiku u ġeografiku tal-Kamra;
–
li, fl-insegwiment tal-valur miżjud kif ukoll sabiex ikunu limitati l-ispejjeż, is-Segretarjat u l-bini tal-Parlament Ewropew ikunu, fil-prinċipju, disponibbli biex jappoġġjaw l-organizzazzjoni u l-ospitar tal-laqgħat interparlamentari;
–
li l-konklużjonijiet tal-laqgħat interparlamentari ma jkunux jorbtu lill-partijiet li jipparteċipaw;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lil Presidenza Pollakka tal-Konferenza tal-Ispikers tal-Parlamenti tal-UE, lill-Ispikers tal-Parlamenti tal-UE u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.
– wara li kkunsidra l-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS)(1) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 983/2008 tat-3 ta' Ottubru 2008 li jadotta l-pjan għall-allokazzjoni lill-Istati Membri ta' riżorsi li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-sena 2009 għall-provvista tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità(2),
– wara li kkunsidra l-proposta emendata tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007, fir-rigward tad-distribuzzjoni ta' prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni (COM(2010)0486),
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fil-Kawża T-576/08,
– wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 562/2011 tal-10 ta' Ġunju 2011 li jadotta l-pjan li jalloka lill-Istati Membri riżorsi li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-sena 2012 għall-provvista tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni Ewropea u li jidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 807/2010(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni u r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) biex tiġi stabbilita distribuzzjoni tal-ikel lill-ifqar nies fil-Komunità(4),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Parlament tal-4 ta' April 2006(5) dwar din l-iskema, ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008(6), l-pożizzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 u l-proposta tal-Kummissjoni COM(2010)0486,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE dwar il-kriterji komuni rigward ir-riżorsi u l-għajnuna soċjali suffiċjenti fis-sistemi ta' ħarsien soċjali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kummissjoni tikkalkula li 43 miljun ruħ fl-UE jinsabu f'riskju ta' faqar alimentari,
B. billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-prezzijiet tal-ikel li dejjem jogħlew qed iqiegħdu lil iktar persuni f'riskju ta' faqar alimentari,
C. billi l-Kummissjoni tikkalkula li 80 miljun ruħ fl-UE jinsabu f'riskju ta' faqar u li, minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika, l-għadd ta' nies milquta mill-faqar jista' jiżdied; billi waħda mill-ħames prijoritajiet tal-Istrateġija UE 2020 hija li jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea,
D. billi l-Iskema għad-distribuzzjoni tal-ikel lin-nies l-iktar imċaħħda fl-Unjoni, imwaqqfa fl-1987 taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK), attwalment tipprovdi għajnuna f'ikel lil 13-il miljun persuna li qed isofru mill-faqar f'19-il Stat Membru u għandha ktajjen tad-distribuzzjoni li jinvolvu madwar 240 bank tal-ikel u istituzzjoni karitattevoli,
E. billi l-ħażniet ta' intervent tal-UE tnaqqsu b'mod drastiku,
F. billi l-iskema kulma jmur kienet tistrieħ iktar fuq l-akkwisti fis-suq bħala konsegwenza tal-Politika Agrikola Komuni riformata, u dan kien wassal għal tnaqqis fil-livelli tal-ħażniet ta' intervent, li huma l-għajn tradizzjonali ta' provvisti għall-iskema,
G. billi sentenza tal-QĠUE iddikjarat li l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 983/2008, li jittratta l-akkwist addizzjonali ta' ikel mis-suq, għandu jiġi kkanċellat,
H. billi wara s-sentenza tal-QĠUE, il-proposta tal-Kummissjoni għall-2012 tinkludi tnaqqis f'daqqa fil-finanzjamenti minn EUR 500 miljun fl-2011 għal EUR 113-il miljun fl-2012,
I. billi l-PAK u l-iskemi relatati tagħha u l-Fondi Strutturali, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), se jidħlu f'perjodu ta' finanzjament ġdid fl-2014,
1. Jenfasizza li meta titwaqqaf ħesrem skema ta' għajnuna eżistenti u operattiva mingħajr preavviż jew tħejjija, dan ikollu impatt maġġuri fuq l-iktar ċittadini vulnerabbli tal-UE u ma jikkostitwix prattika affidabbli ta' finanzjament;
2. Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżviluppaw soluzzjoni tranżizzjonali għas-snin li fadal tal-perjodu ta' finanzjament (l-2012 u l-2013) biex jiġi evitat tnaqqis immedjat u qawwi fl-għajnuna alimentari dovut għat-tnaqqis fil-finanzjamenti minn EUR 500 miljun għal EUR 113-il miljun u biex jiġi żgurat li l-persuni dipendenti mill-għajnuna alimentari ma jsofrux minn faqar alimentari;
3. Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isibu mezz għat-tkomplija tal-Iskema MDP għas-snin li fadal tal-pjan ta' finanzjament (l-2012 u l-2013) u għall-perjodu l-ġdid ta' finanzjament 2014-2020 fuq bażi legali li ma tistax tiġi kkontestata mill-QTĠ, billi jinżamm il-limitu finanzjarju annwali ta' EUR 500 miljun biex jiġi żgurat li l-persuni dipendenti fuq l-għajnuna f'ikel ma jsofrux minn faqar alimentari;
4. Jitlob biex fuq medda twila ta' żmien il-partijiet kollha interessati jevalwaw bir-reqqa l-adegwatezza tal-iskema ta' assistenza alimentari, b'mod partikolari bħala element tal-PAK, fil-kuntest tal-perjodu ta' finanzjament il-ġdid mill-2014 “il quddiem;
5. Jieħu nota tat-tħabbira mill-Kummissarju Ciolos fid-29 ta' Ġunju 2011 tal-proposta li l-iskema tan-nies l-iktar imċaħħda tiġi ttrasferita mill-PAK, u jieħu nota li għandu jiġi żgurat il-finanzjament xieraq;
6. Ifakkar li l-programmi għan-nies fil-bżonn għandhom jiġu implimentati fid-dawl tal-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali, kif indikat tajjeb il-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-estimi tagħha għas-sena baġitarja 2012; jinnota li l-Qorti, fis-Sentenza tagħha T-576/08 tat-13 ta' April 2011, iddikjarat li hija biss il-provvista ta' ikel li jkun ġej mill-ħażniet ta' intervent li għandha tiġi koperta minn dan il-programm, kuntrarjament għall-infiq ikkawżat mix-xiri tal-provvisti tal-ikel fuq is-suq; iqis li, minħabba s-Sentenza, l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 983/2008 ma jistax jintuża bħala bażi legali għad-distribuzzjoni tal-ikel għal dawk li jinsabu fil-bżonn;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi modifika tar-regolament għall-iskema tal-persuni l-iktar imċaħħda sabiex tinstab soluzzjoni għall-istaġnar attwali dwar din il-kwestjoni fil-livell tal-Kunsill; iqis li għandha tinstab il-bażi legali l-iktar xierqa għall-perjodu ta' pprogrammar finanzjarju li jmiss;
8. Jenfasizza li d-dritt għall-ikel huwa dritt tal-bniedem bażiku u fundamentali u jinkiseb biss meta kulħadd, f'kull ħin, ikollu aċċess fiżiku u ekonomikament fattibbli għal ikel xieraq, sikur u nutrittiv biex jissodisfa l-ħtiġijiet u l-preferenzi tad-dieta tiegħu għal ħajja attiva u mimlija saħħa; jirrimarka li nutriment mhux sustanzjuż għandu influwenza fuq negattiva fuq is-saħħa;
9. Jenfasizza li nutriment ta' kwalità għolja u sustanzjuż huwa partikolarment importanti għat-tfal u jikkontribwixxu għall-issodisfar tal-bżonnijiet ta' żvilupp u edukattivi tagħhom;
10. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u tal-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti biex jaffrontaw flimkien l-insikurezza alimentari u d-dgħufija dovuta għan-nuqqas ta' ikel sustanzjuż madwar id-dinja;
11. Jenfasizza li l-bdiewa għandhom jingħataw l-assigurazzjoni ta' introjtu u rimunerazzjoni deċenti u ġusti għall-ħidma tagħhom; jirrimarka li l-bdiewa f'bosta reġjuni qed jiffaċċjaw problemi finanzjarji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-kwestjoni tal-faqar rurali u tal-kollass tal-komunitajiet rurali;
12. Jemmen li, fil-kuntest ta' żieda fis-sigurtà alimentari u ta' ħolqien ta' produzzjoni u ta' sistemi ta' provvista sostenibbli, jibqa' ta' importanza kruċjali għall-ġejjieni “l bogħod li l-ħela tal-ikel titnaqqas kemm jista” jkun;
13. Jenfasizza l-importanza li tingħata għajnuna fil-livell Ewropew lill-iktar membri tas-soċjetà li huma vulnerabbli u fil-bżonn, partikolarment fid-dawl tal-kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali attwali;
14. Ifakkar li wieħed mill-ħames objettivi tal-Istrateġija UE 2020 huwa li jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea; jenfasizza li biex jiġi miġġieled il-faqar, tinħtieġ politika integrata li tlaqqa' flimkien introjti deċenti, kundizzjonijiet ta' xogħol u għajxien deċenti u aċċess għad-drittijiet fundamentali kollha; politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali; iqis li l-miżuri ta' għajnuna alimentari jistgħu jikkostitwixxu element wieħed f'politika integrata akbar biex jiġi miġġieled il-faqar; jirrikonoxxi li wieħed mill-effetti sekondarji tal-faqar spiss huma d-dgħufija fiżika minħabba nuqqas ta' ikel sustanzjuż u l-faqar alimentari;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ottawa dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Ħżin, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini kontra l-Persuni u dwar id-Distruzzjoni tagħhom (minn hawn “il quddiem it-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini) tat-3 ta' Diċembru 1997, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1999,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1980 dwar Ċerti Armamenti Konvenzjonali (CCW) u l-protokolli tagħha, speċjalment il-Protokoll II Emendat dwar Mini, Bombi Moħbija u Tagħmir Ieħor u l-Protokoll V dwar Fdalijiet ta' Splussivi tal-Gwerra,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet l-aktar reċenti tiegħu tat-22 ta' April 2004 dwar il-mini kontra l-persuni(1), tas-7 ta' Lulju 2005 dwar dinja mingħajr mini(2), tad-19 ta' Jannar 2006 dwar id-diżabilità u l-iżvilupp(3), tat-13 ta' Diċembru 2007 dwar l-għaxar anniversarju tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini(4), u tas-6 ta' Settembru 2001 dwar miżuri biex jippromwovu l-impenn ta' atturi mhux statali dwar il-projbizzjoni totali tal-mini kontra l-persuni(5),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1724/2001 tat-23 ta' Lulju 2001 rigward azzjoni kontra l-isplussivi tal-art anti-persunal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(6) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1725/2001 tat-23 ta' Lulju 2001 rigward azzjoni kontra l-isplussivi tal-art anti-persunal fil-pajjiżi terzi għajr dawk fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw(7),
– wara li kkunsidra l-“Pjan ta' Azzjoni ta' Kartaġena 2010-2014: Tmiem tat-Tbatija kkawżata minn Mini kontra l-persuni adottata mit-Tieni Konferenza ta' Reviżjoni dwar il-Konvenzjoni ta' Ottawa tal-1997, li saret f'Kartaġena, il-Kolombja mit-30 ta' Novembru sal-4 ta' Dicembru 2009,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Azzjoni tal-Komunità Ewropea rigward il-Mini 2008-2013,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet numerużi dwar munizzjon tat-tip “cluster”, l-aktar reċenti tat-8 ta' Lulju 2010(8), u dwar il-Konvenzjoni ta' Oslo dwar il-Munizzjon tat-Tip “Cluster” iffirmata minn 94 stat li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2010,
– wara li kkunsidra r-Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Servizz ta' Azzjoni rigward il-Mini tal-2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7–0211/2011),
A. billi l-UE ilha impenjata attivament f'azzjonijiet rigward il-mini, speċjalment mill-Azzjoni Konġunta tal-1995 “il hawn, u hija impenjata favur il-projbizzjoni totali u l-eliminazzjoni ta' mini kontra l-persuni (APL) mad-dinja kollha; billi l-UE hija minn ta' quddiem fl-appoġġ u l-kontribut tagħha għal azzjoni rigward il-mini, li hija fost il-prijoritajiet tagħha favur id-drittijiet tal-bniedem, u l-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp,
B. billi l-“azzjoni rigward il-mini” tinkludi l-istħarriġ, il-kxif, l-immarkar u t-tneħħija tal-mini kontra l-persuni (APL) u l-fdalijiet tal-isplussivi tal-gwerra (ERW) – li jinkludu t-tagħmir abbandunat (AO), it-tagħmir mhux splodut (UXO), il-fdalijiet ta' munizzjoni tat-tip “cluster” u t-tagħmir splussiv improvizzat (IEDs); kif ukoll it-tagħlim dwar ir-riskji tal-mini u l-ERW u l-programmi ta' taħriġ speċjalment għat-tfal, l-għajnuna lill-vittmi, id-distruzzjoni tal-ħażniet u ħidma favur il-promozzjoni tal-universalizzazzjoni ta' konvenzjonijiet u trattati internazzjonali relevanti sabiex jintemmu l-produzzjoni, il-kummerċ u l-użu tal-APL,
C. billi l-persistenza tal-APL u l-ERW, inklużi l-IED u fdalijiet ta' munizzjon tat-tip “cluster”, minbarra li tikkawża t-telf tal-ħajjiet umani, speċjalment fost il-popolazzjonijiet ċivili, tirrappreżenta ostaklu serju għar-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitt fil-pajjiżi affettwati, u tista' sservi bħala materja prima għall-IED,
D. billi, sal-1 ta' Diċembru 2010, 156 Stat kienu formalment qablu li jintrabtu bit-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini,
E. billi fl-1999 kien hemm madwar 18,000 vittma mill-APL u ERW oħrajn u sal-2009 dawn naqsu għal madwar 4,000, skont is-Sorveljanza tal-Mini u Munizzjon tat-tip “Cluster”; billi 70 % minn dawn il-vittmi x'aktarx huma ċivili, b'terz minnhom tfal, u billi bosta nies globalment għadhom jiġu affettwati mill-APL u l-ERW,
F. billi żewġ gvernijiet biss – f'Burma/Myanmar u fil-Libja – dan l-aħħar firxu APL, l-ebda esportazzjoni jew trasferiment statali tal-APL ma ġew irreġistrati, u tliet stati biss huma kkunsidrati li komplew il-manufattura tagħhom, iżda gruppi ta' ribelli bħall-FARC qed ikomplu jipproduċu t-tagħmir tagħhom huma stess,
G. billi l-parti l-kbira tal-forzi armati waqfu jużaw l-APL, iżda diversi atturi armati mhux statali baqgħu jużaw l-APL, kif ukoll IED attivati mill-vittmi u munizzjon tat-tip “cluster”,
H. billi iktar minn 90 pajjiż għadhom affettwati mill-APL u sa ċertu punt minn ERW oħra iżda dawk l-aktar affettwati reċentement huma l-Afganistan, il-Kolombja, il-Pakistan, il-Myammar, il-Kambodja u l-Laos,
I. billi, l-ewwel nett, hi r-responsabilità tal-istati affettwati li jindirizzaw il-problemi tal-APL u l-ERW fit-territorju tagħhom, qabel, waqt u meta jkun spiċċa l-kunflitt,
J. billi ftit mill-qawwa tal-militar ġiet kommessa għat-tneħħija tal-mini fil-pajjiżi affettwati fejn il-konflitt spiċċa iżda fejn għad hemm forzi armati lokali kbar,
K. billi l-bżonn tal-għajnuna għall-vittmi ser jibqa' ħafna wara li t-theddida tal-APL tkun tneħħiet,
L. billi l-komunità internazzjonali rrispondiet b'mod eċċellenti għall-isfida tat-traġedja tal-APL, b'kontribuzzjoni ta' madwar USD 3,9 biljun bejn l-1999 u l-2009 għall-ġlieda kontra l-mini, u billi l-kontributuri l-kbar kienu l-Istati Uniti (USD 902,4 miljun), il-K.E (USD 521,9 miljun), il-Ġappun (USD 336,9 miljun), in-Norveġja (USD 342,7 miljun), il-Kanada (USD 259,8 miljun), ir-Renju Unit (USD 220,6 miljun), il-Ġermanja (USD 206,9 miljun) u l-Pajjiżi l-Baxxi (USD 201,9 miljun),
M. billi l-perċezzjoni tat-theddida mill-mini hi ġeneralment ikbar mir-realtà u ġie kkalkulat li 2 % biss mill-art li hija suġġetta għall-proċess li jiswa ħafna flus għat-“tindif” fiżiku, hi verament ikkontaminata bl-APL jew ERW oħrajn; billi hemm indikazzjonijiet ċari dwar użu ineffiċjenti ta' fondi allokati għal azzjoni rigward il-mini; jinnota wkoll li metodoloġiji ta' stħarriġ u fehim aħjar tar-riżultati tal-istħarriġ jistgħu jnaqqsu drammatikament, kif għamlu fis-snin reċenti, il-bżonn ta' tindif komplet ta' żoni suspettati perikolużi,
N. billi t-tekniki u t-teknoloġija tal-kxif tal-isplussivi ma żviluppawx ħafna, minkejja daqstant investiment, u hemm imperattiv ġdid minħabba l-użu dejjem akbar tal-IEDs,
O. billi edukazzjoni għat-tnaqqis tar-riskju hija element kruċjali biex tgħin lin-nies, speċjalment it-tfal, f'reġjuni affettwati mill-mini, jgħixu aktar fis-sikurezza u biex jitgħallmu l-perikli tal-APL u tal-ERW;
Sforzi Globali dwar il-ġlieda kontra l-mini
1. Ifaħħar il-progress li sar fil-ġlieda kontra l-mini fl-aħħar deċennju iżda jenfasizza li l-isforzi jridu jiffukaw mill-ġdid u jiġu intensifikati jekk irridu neliminaw it-theddida tal-APL f'perjodu definit;
2. Jilqa' b'sodisfazzjoni l-fatt li 156 pajjiż iffirmaw u rratifikaw it-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini, inklużi l-25 Stat Membru tal-UE, iżda jiddispjaċih li xi 37 pajjiż għadhom ma ffirmawx; iħeġġeġ lill-istati kollha li mhumiex partijiet sabiex jissieħbu fit-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini u l-Konvenzjoni dwar Munizzjon tat-tip “Cluster”; iħeġġeġ, partikolarment, lil dawk l-Istati Membri tal-UE li għad iridu jissieħbu fit-Trattat biex jagħmlu dan u jinkuraġġixxi sinerġija ikbar bejn id-diversi strumenti internazzjonali;
3. Jilqa' b'sodisfazzjoni il-fatt li 56 pajjiż issieħbu fit-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Munizzjon tat-tip “Cluster”, inklużi 15-il Stat Membru tal-UE, jilqa“, ukoll, l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Vientiane tal-2010 u l-pjan ta' azzjoni tagħha; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha sabiex jippromwovu l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni kemm tal-MBT kif ukoll tas-CCM;
4. Jappoġġa bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Kartaġena, li jipprevedi għal pjan ta' impenji fuq ħames snin fl-oqsma kollha tal-azzjoni rigward il-mini u, jistieden lill-Kunsill sabiex jadotta kemm jista' jkun malajr deċiżjoni ta' appoġġ għal dan il-Pjan;
5. Jenfasizza l-bżonn li tinstab sinerġija bejn id-diversi dimensjonijiet ta' azzjoni rigward il-mini, b'attenzjoni speċjali għall-aspetti umanitarji u ta' żvilupp, kif ukoll billi tiżdied is-sjieda lokali ta' proġetti relatati u l-parteċipazzjoni fihom, sabiex jiġu sodisfatti aħjar il-bżonnijiet tal-persuni affettwati direttament;
6. Jirrikonoxxi l-kontribut kbir tad-donaturi internazzjonali, l-aġenziji internazzjonali u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs) fil-ġlieda kontra l-problema tal-APL u d-dedikazzjoni u s-sagrifiċċju tal-persunal kemm internazzjonali kif ukoll lokali;
7. Jilqa' l-fatt li seba' pajjiżi ulterjuri ħabbru li lestew l-attivitajiet ta' tindif fl-2009 u fl-2010, biex b'hekk l-għadd totali tal-pajjiżi li għamlu dan huwa 16;
8. Jirrikonoxxi li l-Istati Uniti kienet l-isponsor globali prinċipali fil-ġlieda kontra l-mini, li tappoġġja bil-qawwa l-programmi internazzjonali għat-tindif taż-żoni bil-mini u biex jiġu mgħejuna l-vittmi, u diġà applikat il-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet prinċipali tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini u għaldaqstant jinkuraġġixxi lill-Istati Uniti biex tissieħeb fit-Trattat;
9. Iħeġġeġ lir-Russja biex tissieħeb fit-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini, filwaqt li jinnota li r-Russja, li qabel kienet sors prinċipali tal-APL u għal żmien twil ġiet irreġistrata li tuża l-mini, tneħħiet mil-lista tal-2010 wara li ddikjarat li waqqfet l-użu;
10. Ifakkar lill-istati fit-Trattat bl-obbligu tagħhom li jeqirdu l-ħażniet ta' APL; hu mħasseb dwar il-fatt li ċ-Ċina u r-Russja għandhom l-ikbar ħażniet tal-APL, madwar 100 miljun u 24.5 miljun rispettivament; iħeġġeġ lill-UE sabiex tinkludi fin-negozjati mar-Russja u ċ-Ċina l-kwistjoni tal-qerda tal-ħażniet tagħhom u adeżjoni rapida fit-Trattat tal-Projbizzjoni tal-Mini, u jistieden barra minn hekk lill-UE sabiex tkompli tippromwovi l-universalizzazzjoni tat-Trattat tal-Projbizzjoni tal-Mini u konvenzjonijiet oħra relevanti billi tinkludi wkoll il-kwistjoni ta' azzjoni rigward il-mini fid-djalogu politiku tagħha u ftehimiet iffirmati ma' pajjiżi terzi;
11. Jiddeplora l-użu li qed ikompli jsir minn APL minn gruppi ribelli u terroristi u atturi oħrajn mhux statali; f'dan ir-rigward jindika s-sitwazzjoni fil-Kambodja, fejn il-FARC huwa meqjus bħala l-grupp li l-aktar juża l-APL fost il-gruppi ribelli l-oħrajn kollha fid-dinja;
Studju ta' Każ – L-Afganistan
12. Jinnota li l-użu mifrux u indiskriminat tal-APL, matul iktar minn tliet deċennji ta' kunflitt, wassal biex l-Afganistan ikun l-aktar pajjiż ikkontaminat fid-dinja, u affettwat iktar bl-użu tal-IED mit-Taliban;
13. Jiddeplora l-fatt li minkejja li għadda aktar minn deċennju ta' tindif bl-akbar u l-aktar programm umanitarju ffinanzjat għat-tneħħija ta' mini fid-dinja, l-Afganistan għad għandu waħda mill-ogħla rati ta' vittmi fid-dinja, u jesprimi tħassib serju dwar il-508 vittma minħabba l-APL u vittmi oħra tal-ERW bejn l-1 ta' Marzu 2009 u 1 ta' Marzu 2010, li iktar minn nofshom kienu tfal;
14. Jirrikonoxxi li l-kunflitt li għaddej f'ħafna żoni jagħmel it-tneħħija tal-mini perikoluża b'mod eċċezzjonali u li t-Taliban għandu fil-mira l-uffiċċji tan-NU u l-persunal kemm lokali kif ukoll internazzjonali;
15. Jinnota li ngħataw xi USD 80 miljun mill-komunità internazzjonali għall-ġlieda kontra l-mini fl-Afganistan fl-2009 u li l-għajnuna finanzjarja u teknika tal-UE mill-2002 “il hawn, li tammonta għal EUR 89 miljun, għenet tnaddaf madwar 240km² ta' APL fil-pajjiż biex hekk għamlet l-art ekonomikament aċċessibbli u ppermettiet il-bini mill-ġdid ta' proprjetà u lill-familji biex imorru lura fi djarhom; jissottolinja l-bżonn ta' aktar enfasi fuq l-għanjuna għall-vittmi u t-tagħlim dwar ir-riskji tal-mini;
16. Jilqa' l-fatt li l-operazzjonijiet jiddependu esklussivament fuq xi 10,000 persunal lokali b'appoġġ internazzjonali, li jsaħħaħ il-komponent tas-sjieda tal-proċess;
17. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li jidher li l-Gvern Afgan ma jridx jassumi r-responsabbiltà, fil-livelli ċentrali u provinċali, dwar il-ġlieda kontra l-mini;
Studju ta' Każ – L-Angola
18. Xi 30 sena ta' kunflitti wasslu biex l-Angola, bħall-Afganistan, hi waħda mill-iktar pajjiżi affetwati mill-APL;
19. Jinnota li s-CNIDAH hi stabbilita bħala l-awtorità nazzjonali għall-ġlieda kontra l-mini, iżda l-pajjiżi donaturi għandhom ftit influwenza u l-gvern għandu aċċess għar-riżorsi finanzjarji sostanzjali tiegħu stess, b'mod partikolari mid-dħul miż-żejt;
20. Hu mħasseb ħafna bil-bosta problemi strutturali enfasizzati mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-2009, pereżempju l-ineffiċjenzi tan-nefqa ta' EUR 2.7 miljun fuq 22 persunal tas-CNIDAH; iħeġġeġ lill-UE sabiex tissorvelja, tikkontrolla u tivvaluta l-użu effikaċi tal-flus u tiżgura li l-baġit allokat jintuża b'mod effiċjenti u mmirat sabiex jinkiseb ir-riżultat meħtieġ ta' art imnaddfa;
21. Jiddispjaċih mill-fatt li minkejja li tlestew studju nazzjonali fl-2007 u programm kbir dwar il-ġlieda kontra l-mini, il-limitu tat-theddida mill-APL/ERW għadha mhix magħrufa b'ċertezza, u li bir-rati kurrenti tal-progress, hemm bżonn ta' 100 sena sabiex jitnaddaf il-pajjiż; jissottolinja l-bżonn urġenti li tiġi stabbilita relazzjoni differenti bejn il-gvern u d-donaturi internazzjonali, biex jiġu ddedikati aktar riżorsi nazzjonali għall-problema, bl-introduzzjoni ta' tekniki mtejba għat-tnaqqis taż-żoni u ż-żieda fil-kapaċità nazzjonali għat-tneħħija tal-mini sabiex l-art tkun tista' tinħeles iktar malajr għal użu produttiv;
Studju ta' Każ – Il-Bosnja
22. Jiddispjaċih li, 16-il sena wara t-tmiem tal-kunflitt fil-Bosnja-Ħerzegovina (BiH), għad hemm livell għoli ta' kontaminazzjoni mill-APL/ERW, b'madwar 11,000 meded imminati u madwar 220,000 APL u ERW li għadhom attivi fil-pajjiż kollu, li jirrappreżentaw sfida serja għas-sikurezza u ostaklu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali;
23. Jinnota t-titjib fil-ġestjoni tal-ġlieda kontra l-mini permezz tal-istabbiliment taċ-Ċentru għall-Ġlieda kontra l-Mini fil-BiH, iżda jiddispjaċih li l-BiH waqa' lura ħafna fil-miri ta' finanzjament u tindif stipulati fit-talba ta' estensjoni tiegħu skont it-Trattat tal-Projbizzjoni tal-Mini;
24. Jirrikonoxxi li l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi toħloq sfidi kbar għall-gvern u li l-Istrateġija dwar il-Ġlieda kontra l-Mini tal-2009–2019 għad trid tidħol fis-seħħ; jiddispjaċih li l-korp prinċipali tal-gvern responsabbli għall-azzjoni rigward il-mini, il-Kummissjoni għat-Tneħħija tal-Mini ilha xi snin ma' tiltaqa' mar-rappreżentanti tad-donaturi bbażati f'Sarajevo u li l-membri tagħha ma attendewx il-laqgħat internazzjonali tat-Trattat tal-Projbizzjoni tal-Mini mindu it-Tieni Konferenza ta' Reviżjoni tat-trattat fl-2009; iħeġġeġ lill-gvern sabiex jassumi s-sjieda sħiħa tal-azzjoni rigward il-mini sabiex jiżgura l-ippjanar u l-ġestjoni strateġika tagħha;
25. Jifraħ lill-Fond Fiduċjarju Internazzjonali għat-Tneħħija tal-Mini u l-Assistenza għall-Vittmi ta' Mini (ITFD) ibbażat fis-Slovenja dwar il-kontribuzzjoni tiegħu fil-ġlieda kontra l-mini fil-BiH, u jenfasizza l-bżonn li jibqa' kkonċentrat fuq il-BiH sakemm il-problema tingħeleb kompletament;
26. Jinnota li 33 organizzazzjoni akkreditata għat-tneħħija tal-mini joperaw fil-BiH iżda jista' jsir użu ikbar mill-qawwa tal-militar;
27. Ifaħħar lill EUFOR ALTHEA u l-Għalliema ta' Edukazzjoni dwar ir-Riskji tal-Mini għat-taħriġ li taw lil bosta eluf ta' nies u jħeġġiġhom biex ikomplu bl-isforzi tagħhom;
Għajnuna għall-vittmi
28. Jirrikonoxxi li l-ħajjiet u l-għajxien tal-vittmi tal-APL u ERW oħra jiġu affettwati għal għomorhom, prinċipalment huma ċivili, spiss ġejjin mill-ifqar popli tal-ifqar pajjiżi u jeħtieġu appoġġ mediku u soċjali speċjalizzat u għajnuna matul is-snin, anke meta ma jkunx hemm aktar vittmi;
29. Jilqa' l-fatt li, permezz tal-ġlieda kontra l-mini, ir-rata tal-vittmi tnaqqset drastikament, iżda jiddispjaċih mill-fatt li ċ-ċivili għamlu 70 % mill-vittmi kollha fl-2009 u jiddeplora speċjalment li l-parti l-kbira tal-vittmi huma tfal;
30. Jiddispjaċih li s-superstiti mill-mini jew l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom ħadu sehem fl-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-vittmi f'inqas min-nofs il-pajjiżi affettwati, u jaqbel li l-fehmiet u d-drittijiet tas-superstiti għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali u lill-UE biex iżidu b'mod sinifikanti l-proporzjon tal-finanzjament tagħhom disponibbli għall-għajnuna għall-vittmi izda mhux askapitu tat-tindif tal-mini;
Progress fis-sejba tal-mini u t-tekniki tas-Sorveljanza
31. Jirrikonoxxi li n-nies lokali fiż-żoni affettwati mill-mini huma l-aħjar indikaturi inizjali fejn hemm theddida minn mina;
32. Jinnota li - ukoll jekk saru żviluppi fit-teknoloġija għall-kxif tal-mini, it-taħriġ u t-tekniki - is-soluzzjonijiet rapidi, affidabbli u kosteffettivi għadhom ma nstabux u li tekniki li jużaw sondi manwali, inevitabbilment għadhom jintużaw b'mod mifrux; jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni importanti tal-Istandards Internazzjonali għal Azzjoni rigward il-Mini tan-NU (IMAS) biex ittejjeb is-sikurezza u l-effiċjenza tal-azzjoni rigward il-mini billi tistipula standards u tipprovdi gwida, kif ukoll ir-rwol tas-Servizz ta' Azzjoni rigward il-Mini tan-NU fil-koordinazzjoni tal-isforzi ta' azzjoni rigward il-mini;
33. Jinnota li l-iktar prospetti produttivi għall-avvanzi tekniċi rigward il-kxif qegħdin f'metodi mfassla apposta bbażati fuq il-kombinazzjoni ta' numru ta' teknoloġiji, sabiex jiġu evitati vittmi u t-tneħħija ta' mini ssir b'impatt ambjentali minimu;
34. Jirrikonoxxi li stħarriġ magħmul sew jiswa' biss daqs l-eżattezza u l-effiċjenza tar-rappurtar sussegwenti u li d-donaturi jridu jiżguraw li l-finanzjament tagħhom ta' tali attività jintefaq sew;
35. Jistieden lill-Kummissjoni talloka fondi ulterjuri għar-riċerka dwar it-teknoloġiji u t-tekniki għall-istħarriġ u l-kxif tal-mini, b'kooperazzjoni internazzjonali mill-qrib ma' dawk li jispeċjalizzaw f'dan il-qasam, u tuża fondi disponibbli fil-kuntest tas-7 Programm Qafas u s-settur tar-Riċerka dwar is-Sigurtà;
Lejn tmiem it-theddida mill-APL
36. Hu mħasseb li xi pajjiżi li jsofru mill-effett tal-APL qed jiddependu żżejjed fuq l-għajnuna finanzjarja internazzjonali għall-ġlieda kontra l-mini u mhux qed jużaw biżżejjed mir-riżorsi tagħhom ta' ħaddiema jew mid-dħul; jistieden lill-UE sabiex tiżgura involviment akbar mill-pajjiżi affettwati u sabiex tfakkar lil dawn il-pajjiżi fir-responsabbilitajiet tagħhom u jitlob li b'mod partikolari s-sitwazzjoni fl-Angola tiġi studjata sabiex tiġi mobilizzata kontribuzzjoni nazzjonali akbar;
37. Hu mħasseb bid-devjazzjoni tar-riżorsi għat-“tneħħija tal-mini” f'żoni fejn hemm ftit li xejn theddid għall-iżvilupp f'termini umanitarji jew ekonomiċi, jew fejn it-theddid hu perċepit iżda mhux realtà, b'detriment tal-mira fuq żoni b'theddida għolja għall-ħajja; isejjaħ għal aktar enfasi fuq l-ippjanar u l-ġestjoni aħjar tal-operazzjonijiet u bi stħarriġ inizjali preċiż u rappurtar taż-żoni suspettużi;
38. Jesprimi tħassib dwar is-sigurtà u l-kontroll dgħajjef ta' ħażniet militari fejn jinżammu armi u tagħmir splussiv, inklużi mini, partikolarment f'pajjiżi fejn hemm ribelljoni u diżordni;
39. Jemmen li l-komunità internazzjonali għandha tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq dawk il-pajjiżi li l-inqas jistgħu jgħinu lilhom infushom, u dwar it-tneħħija tal-mini u l-għajnuna lill-vittmi, u li l-mira għandha tkun li nimxu b'aktar ħeffa lejn sitwazzjoni fejn il-pajjiżi jistgħu jiġu ddikjarati ħielsa mit-theddida tal-mini għall-ħajja u l-iżvilupp ekonomiku;
40. Iħeġġeġ lid-donaturi biex jipprovdu finanzjament b'miri aktar effikaċi, b'monitoraġġ u b'valutazzjoni;
41. Jemmen li l-isforzi għandhom jiġu kkonċentrati fuq il-ġenerazzjoni u l-iżvilupp ta' kapaċità lokali akbar, u li din tista' tinkludi persunal lokali mħarreġ b'mod speċjalizzat fuq bażi strutturata u professjonali jew aktar użu tal-unitajiet militari fis-sitwazzjonijiet ta' wara l-kunflitt, imħarrġa speċifikament għat-tneħħija tal-mini bi skop umanitarju;
42. Jitlob li jsir titjib fl-ippjanar nazzjonali, li jibni fuq l-aħjar prattiki, u għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-mini li talloka r-riżorsi, b'aktar effikaċja liż-żoni ta' prijorità, filwaqt li jkollha strutturi bl-inqas burokrazija possibbli;
43. Jiddispjaċih li m'hemm l-ebda ċensiment affidabbli bin-numru kurrenti tal-vittmi tal-APL/ERW/IED u jħeġġeġ li ssir analiżi xierqa bħala gwida biex ir-riżorsi jkunu allokati b'aktar effikaċja, b'aktar konsiderazzjoni mogħtija lill-bżonnijiet tal-vittmi u l-familji tagħhom;
44. Jiddispjaċih li mit-tneħħija, fl-2007, tal-linja baġitarja allokata mill-UE, l-UE m'għandhiex strument li fin-natura tiegħu hu flessibbli u għal ħafna pajjiżi, li jirrispondi b'mod koerenti għall-prijoritajiet tal-ġlieda kontra l-mini u li hemm, f'termini kwantitattivi, tnaqqis fil-finanzjament tal-UE għall-ġlieda kontra l-mini; għaldaqstant jitlob għar-restawr ta' approċċ aktar dedikat, b'linja baġitarja waħda taħt direttorat mexxej wieħed li jissinjala s-saħħa tal-impenn kontinwu tal-UE għall-ġlieda kontra l-mini, li teħtieġ tikkunsidra l-bżonnijiet speċifiċi ta' pajjiżi individwali kif stipulat fil-Karti Strateġiċi tal-Pajjiżi u fl-istess waqt il-fatt li f'xi pajjiżi l-eżistenza tal-mini saret kwistjoni strutturali u għaldaqstant kwistjoni għall-politika tal-iżvilupp tal-UE;
45. Jiddispjaċih li sa issa la l-għajnuna eċċezzjonali (Artikolu 3) u lanqas il-komponent fit-tul (Artikolu 4) tal-Istrument għall-Istabbilità ma ntużaw għall-finanzjament ta' programmi ta' azzjoni rigward il-mini;
46. Jisħaq il-kapaċità li l-ġlieda kontra l-mini tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għad-diżarm wara l-ġlied, id-demobilizzazzjoni u r-riabilitazzjoni, u mhux wisq inqas billi tipprovdi taħriġ u xogħol ta' rispett għoli lill-ex kombattenti;
47. Jistieden lid-donaturi biex jistandardizzaw il-metodi tagħhom ta' monitoraġġ u ta' valutazzjoni tal-kosteffettività tal-azzjonijiet mill-mini, sabiex ikunu iktar miftuħa għat-tqabbil u l-iskrutinju abbażi ta' pajjiż b'pajjiż, u permezz tal-aġenzija tal-MASG, jidentifikaw u jipproponu l-aħjar prattika;
48. Jistieden lill-Kummissjoni biex taġġorna l-“Linji Gwida dwar l-Azzjoni tal-Komunità Ewropea kontra l-Mini 2008-2013” tagħha, biex jirriflettu l-bidliet proposti fl-arkitettura tal-istituzzjoni u fil-finanzjament, biex tiżgura li t-tifrix tal-fondi jsir b'mod aktar rapidu u flessibbli, biex tipprovdi istruzzjonijiet ċari dwar l-aċċess għall-finanzjament, fejn il-mira tkun fuq l-iktar prijoritajiet urġenti u l-aħjar prattika, biex tipprevedi “pakketti” tal-għajnuna li jippermettu lill-iktar pajjiżi li għandhom l-aktar bżonn jimxu mal-obbligi tagħhom skont it-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini u tissorvelja u tevalwa b'mod tajjeb l-effikaċja tal-finanzjament;
49. Jenfasizza li azzjoni rigward il-mini għandha tkun element obbligatorju tal-istrateġiji għall-pajjiżi fejn huwa magħruf li hemm mini u/jew fejn huma maħżuna;
50. Hu konvint li permezz ta' koordinazzjoni u prijoritizzazzjoni internazzjonali aħjar, ġestjoni mtejba, prattiki tal-osservazzjoni u t-tneħħija tal-mini, monitoraġġ u rappurtar aħjar u użu aktar intelliġenti u aħjar tal-fondi, dinja mingħajr t-theddia tal-APL għall-ħajja, l-għajxien u l-iżvilupp ekonomiku, hi possibiltà reali f'perjodu definit;
o o o
51. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-President tal-Istati Uniti tal-Amerika u lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika, lill-gvernijiet tal-pajjiżi l-aktar affettwati mill-mini, u lill-NGOs internazzjonali.
Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, stupru tal-massa fil-provinċja tan-Nofsinhar ta' Kivu
223k
51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2011 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-istupri tal-massa fil-provinċja ta' Kivu tan-Nofsinhar
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou ffirmat f'Ġunju 2000,
– wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali adottat fl-1998, u b'mod partikolari l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8 tiegħu li jiddefinixxu l-istupru, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni sfurzata, it-tqala sfurzata u l-isterilizzazzjoni sfurzata jew kull forma oħra ta' vjolenza sesswali bħala delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra u jqisuhom bħala forma ta' tortura u delitt tal-gwerra gravi, kemm jekk dawn l-atti twettqu sistematikament kif ukoll jekk ma twettqux sistematikament matul kunflitti interni jew internazzjonali,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u r-Riżoluzzjoni 1888 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-atti ta' vjolenza sesswali kontra n-nisa u t-tfal fi żmien ta' kunflitt armat,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1925 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li tiddefinixxi l-mandat tal-missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-RDK (MONUSCO),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1991 tat-28 ta' Ġunju 2011 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li ttawwal il-mandat tal-MONUSCO,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Ġunju 2011 tar-Rappreżentant Speċjali inkarigat mill-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali fil-kunflitti armati, Margot Wallström,
– wara li kkunsidra l-communiqué finali tas-6 laqgħa reġjonali tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE f'Yaoundé, il-Kamerun, fit-28 u d-29 ta' April 2011,
– wara li kkunsidra l-liġi dwar il-vjolenza sesswali adottata mill-Parlament tar-RDK fl-2006, imfassla biex tħaffef il-prosekuzzjoni f'każ ta' stupru u biex timponi sanzjonijiet eħrex,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi 170 ruħ kienu vittmi ta' stupri jew ta' vjolenza fiżika bejn l-10 u t-12 ta' Ġunju 2011 fil-villaġġi ta' Nakiele u Abala, fil-provinċja ta' Kivu tan-Nofsinhar; billi xi membri tal-istess grupp armat responsabbli għal dawn l-atti kienu diġà implikati fi stupri tal-massa, arresti u serq fl-istess reġjun f'Jannar 2011,
B. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà f'Kivu tan-Nofsinhar għadha estremament instabbli u l-inkwiet li qed jaffettwa l-Lvant tar-RDK wassal għal żieda enormi fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u fid-delitti tal-gwerra, inklużi atti ta' vjolenza sesswali kontra n-nisa, stupri tal-massa u atti oħra ta' tortura, il-massakru tal-popolazzjoni ċivili u r-reklutaġġ enormi ta' suldati tfal, imwettqa minn gruppi ribelli armati kif ukoll mill-forzi armati u tal-pulizija tal-Gvern,
C. billi l-istupru, arma tal-gwerra użata mill-ġellieda biex jintimidaw, jikkastigaw u jikkontrollaw il-vittmi tagħhom, sar atroċement komuni fil-Lvant tar-RDK mindu bdew l-operazzjonijiet militari fl-2009; billi l-atroċitajiet kontra n-nisa huma strutturati madwar l-istupru, l-istupru kollettiv, l-iskjavitù sesswali u l-qtil u għandhom konsegwenzi konsiderevoli bħad-distruzzjoni fiżika u psikoloġika tan-nisa,
D. billi fid-29 ta' Ġunju 2011, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda jtawwal il-Missjoni tal-Organizzazjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-RDK (MONUSCO) b'sena oħra, u filwaqt li jfakkar li l-missjoni għandha mandat li jawtorizzaha tuża l-mezzi kollha neċessarji biex tipproteġi l-popolazzjoni ċivili mill-ksur tad-dritt internazzjonali umanitarju u tad-drittijiet tal-bniedem,
E. billi l-vittmi tal-istupri jaffaċċjaw nuqqas konsiderevoli ta' infrastruttura u ma jistgħux jibbenefikaw minn għajnuna jew minn kura medika xierqa; billi n-nisa jiġu attakkati deliberatament fil-pubbliku, billi dawn l-attakki spiss itellfulhom posthom fis-soċjetà u l-abbiltà tagħhom li jieħdu ħsieb uliedhom, u billi r-riskji ta' infezzjoni bil-vajrus tal-AIDS huma konsiderevoli; billi r-rispons mediku ta' emerġenza huwa assigurat biss mill-bosta NGOs li jaħdmu fiż-żona li m'għadhomx iggarantiti l-koordinazzjoni u l-aċċess għall-vittmi,
F. billi l-inabbiltà tar-RDK li tressaq il-qorti l-membri tal-armata tagħha stess u tal-gruppi armati għal delitti skont il-liġi internazzjonali ffavoriet kultura ta' impunità; billi l-armata Kongoliża m'għandhiex mezzi umani, tekniċi u finanzjarji biżżejjed biex twettaq dmirijietha fil-provinċji tal-Lvant tar-RDK u biex tiggarantixxi l-protezzjoni tal-popolazzjoni,
G. billi l-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-vjolenza sesswali, adottata mill-Parlament tar-RDK fl-2006, hija limitata ħafna,
H. billi l-midja għandha rwol essenzjali biex jiġi żgurat livell għoli ta' mobilizzazzjoni u biex trawwem l-opinjoni pubblika,
1. Jikkundanna bil-qawwa l-istupri tal-massa, l-atti ta' vjolenza sesswali u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu bejn l-10 u t-12 ta' Ġunju 2011 fir-reġjun ta' Kivu tan-Nofsinhar; jassoċja ruħu mat-tbatija u n-niket tal-vittmi kollha ta' atti ta' vjolenza sesswali, b'mod partikolari ta' stupri tal-massa, li twettqu ripetutament fil-parti tal-Lvant tar-RDK matul l-erba' snin li għaddew;
2. Jistieden lill-Gvern tar-RDK jikkunsidra l-ġlieda kontra l-istupri tal-massa u l-vjolenza sesswali kontra n-nisa bħala prijorità nazzjonali;
3. Jilqa' d-deċiżjoni tan-NU li tniedi investigazzjoni dwar dawn il-każijiet; jitlob li jsiru investigazzjonijiet immedjati, indipendenti u imparzjali dwar dawn id-delitti skont l-istandards internazzjonali; jiddeplora l-fatt li kriminali tal-gwerra għad għandhom pożizzjonijiet ta' kmand għolja; jitlob li jittieħdu miżuri effikaċi u immedjati biex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-vittmi u tax-xhieda matul u wara dawn l-investigazzjonijiet;
4. Jitlob lill-Kummissjoni u lir-Repubblika Demokratika tal-Kongo jeżaminaw mill-ġdid id-Dokument ta' Strateġija għall-Pajjiż tar-RDK u l-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-10 FEŻ (2008-2013) bl-għan li l-kwistjoni tal-istupri tal-massa u l-vjolenza sesswali kontra n-nisa ssir prijorità nazzjonali biex tiġi miġġielda l-impunità;
5. Huwa preokkupat dwar ir-riskji ta' trivjalizzazzjoni tal-atti ta' vjolenza sesswali; jenfasizza li huwa d-dmir tal-Gvern tar-RDK li jiżgura s-sigurtà tat-territorju tiegħu u li jipproteġi l-popolazzjoni ċivili; ifakkar lill-President Kabila li impenja ruħu personalment li jmexxi politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-vjolenza sesswali u li impenja ruħu li jtella' l-qorti lil min wettaq delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità fil-pajjiż, kif ukoll li jikkoopera mal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-pajjiżi tar-reġjun;
6. Jilqa' l-azzjoni tal-NGOs li taw l-għajnuna tagħhom lill-vittmi ta' stupri u delitti tal-gwerra, u partikolarment il-kura medika mogħtija minn ċerti sptarijiet bħal dak ta' Panzi f'Bukavu; jenfasizza li l-biċċa l-kbira tal-vittmi ta' attakki sesswali ma jibbenefikawx mill-għajnuna medika, soċjali jew ġuridika meħtieġa; jissuġġerixxi li l-Gvern tar-RDK jfassal programm komplet ta' għajnuna lill-vittmi u ta' reintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà Kongoliża u fis-suq tax-xogħol; jitlob lill-Kummissjoni tirrilaxxa l-fondi supplementari għall-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali u taħdem favur il-ħolqien ta' djar għall-vittmi tal-vjolenza sesswali fiż-żoni milquta; jissuġġerixxi l-implimentazzjoni ta' proġett pilota għat-titjib tal-għajnuna medika mogħtija lill-vittmi tal-vjolenza sesswali fir-RDK;
7. Huwa preokkupat li s-“Sub-Cluster” GBV (vjolenza bbażata fuq il-ġeneru), li kellu jiżgura l-koordinazzjoni tar-rsipons umanitarju għall-vjolenza sesswali, ġie abolit sena u nofs ilu, minħabba nuqqas ta' tmexxija tal-UNFPA (Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni); jitlob għalhekk it-tfassil mill-ġdid tas-sistema ta' koordinazzjoni umanitarja fil-post;
8. Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar il-fatt li l-MONUSCO ma setgħetx tuża l-mandat tagħha u r-regoli tal-kumbattiment tagħha aktar attivament biex tagħti protezzjoni kontra l-istupri tal-massa, inklużi l-azzjonijiet imwettqa mill-forzi tagħha stess; jirrikonoxxi madankollu li l-preżenza tagħha għadha indispensabbli għall-aċċessibbiltà umanitarja; jinsisti li l-mandat ur-regoli tal-MONUSCO jitwettqu b'determinazzjoni biex tkun żgurata b'mod aktar effikaċi l-protezzjoni tal-popolazzjoni; jilqa' d-deċiżjoni li l-mandat tal-missjoni jittawwal sat-30 ta' Ġunju 2012;
9. Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-attivitajiet tal-missjonijiet EUSEC RD u EUPOL RD; jitlob li l-kwistjonijiet tal-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali jiġu integrati għalkollox fl-operazzjonijiet ta' sigurtà u ta' difiża komuni;
10. Għadu preokkupat ferm dwar is-sitwazzjoni umanitarja attwali fir-RDK u dwar is-sottofinanzjament f'dan ir-reġjun minħabba t-tnaqqis tal-finanzjament minn ċerti donaturi bilaterali; jiddeplora bil-qawwa l-fatt li sal-lum, il-fondi allokati jaslu biss għand ftit vittmi; jitlob lill-Kummissjoni żżomm il-finanzjament mogħti għall-għajnuna umanitarja fil-Lvant tar-RDK;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi dwar il-“minerali tal-kunflitti”, li jalimentaw il-gwerra u l-istupri tal-massa fir-RDK, biex tiġi miġġielda l-impunità, skont il-liġi Amerikana Dodd Franck (b'mod partikolari t-taqsima 1502 tagħha), li timponi rekwiżiti ġodda rigward l-informazzjoni dwar il-prodotti li għall-manifattura tagħhom jintużaw dawn il-“minerali tal-kunflitti”;
12. Jinnota li l-pjan ta' riżoluzzjoni tal-kunflitt f'Kivu tan-Nofsinhar, li jagħti prijorità lis-soluzzjoni militari, ma rnexxiex; iqis li s-soluzzjoni għal dan il-kunflitt trid tkun politika u jiddispjaċih għan-nuqqas ta' kuraġġ min-naħa tal-Komunità internazzjonali; iqis li wasal iż-żmien li wieħed imur lil hinn minn sempliċi kundanna u li l-Gvern Kongoliż, l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti jridu jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom u jieħdu miżuri konkreti biex jintemmu dawn l-atroċitajiet; jenfasizza li jekk ma jinbidel xejn, l-atturi umanitarji se jibqgħu għal żmien ħafna itwal fil-post;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-Gvernijiet tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar, lill-President, il-Prim Ministru u l-Parlament tar-RDK, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lir-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti Armati, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.
L-Indoneżja, inklużi l-attakki kontra l-minoranzi
212k
48k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2011 dwar l-Indoneżja, inklużi l-attakki kontra l-minoranzi
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2009 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar is-suġġett(1),
– wara li kkunsidra l-elezzjoni tal-Indoneżja għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR) f'Mejju 2011; filwaqt li membri tal-UNHCR jeħtieġ li jżommu l-ogħla standards għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Presidenza tal-Indoneżja fl-ASEAN fl-2011, il-Karta tal-ASEAN li daħlet fis-seħħ fil-15 ta' Diċembru 2008, u l-ħolqien tal-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN fit-23 ta' Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li ġie ratifikat mill-Indoneżja fl-2006,
– wara li kkunsidra l-Kapitolu 29 tal-Kostituzzjoni Indoneżjana, li tiggarantixxi l-libertà tar-reliġjon,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 156 u 156 (a) tal-Kodiċi Kriminali Indoneżjana li jipprojbixxi d-dagħa, l-eresija u d-difamazzjoni reliġjuża,
– wara li kkunsidra d-Digriet Presidenzjali Nru. 1/PNPS/1965 dwar il-prevenzjoni tad-dagħa u l-abbuż tar-reliġjon,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE tat-8 ta' Frar 2011 dwar attakki reċenti fuq u l-qtil ta' Ahmadis fir-reġjun ta' Banten,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Indoneżja (FSK) u l-ewwel sessjoni tad-Djalogu tad-Drittijiet tal-Bniedem li sar f'dan il-qafas, li sar f'Ġunju 2010 f'Ġakarta,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122 (5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Indoneżja hija l-akbar nazzjoni li l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tiegħu hi Musulmana, u billi t-tradizzjoni tal-Indoneżja tal-pluraliżmu, l-armonija kulturali, il-libertà reliġjuża u l-ġustizzja soċjali hija stipulata fl-ideoloġija nazzjonali tal-“Pancasila”,
B. billi kien hemm żieda sinifikanti fl-inċidenza tal-attakki kontra minoranzi reliġjużi, partikolarment l-Ahmadis, li jikkunsidraw lilhom infushom Musulmani, iżda wkoll kontra Kristjani, Buddisti u organizzazzjonijiet progressivi tas-soċjetà ċivili,
C. billi, wara l-projbizzjoni tat-tixrid ta' tagħlim Musulman ta' Ahmadi fl-2008, il-Ministru Indoneżjan għall-Affarijiet Reliġjużi talab repetutament għall-impożizzjoni ta' projbizzjoni totali tal-komunità Musulmana ta' Ahmadiyya, pass li diġà kien ittieħed minn tliet reġjuni, il-Java tal-Punent, is-Sulawesi tan-Nofsinhar u s-Sumatra tal-Punent; billi fis-6 ta' Frar 2011, folla ta' għallanqas 1500 persuna attakkaw 20 Musulman Ahmadi f'Cikeusik, fir-reġjun ta' Banten, fejn qatlu tlieta minnhom u korrew b'mod serju bosta oħra, li wasslet għal kundanna u sejħa għal investigazzjoni mill-President tal-Indoneżja,
D. billi, wara dan l-attakk, fit-8 ta' Frar 2011, mijiet ta' persuni qabbdu tliet knejjes u attakkaw qassis fil-belt ċentrali ta' Java ta' Temanggung wara li Kristjan li ġie kkundannat għal ħames snin ħabs wara li insulta l-Islam, minflok ma kien ikkundannat għall-mewt kif mistenni minn min jattakkah, u filwaqt li l-Komunjoni tal-Knejjes fl-Indoneżja rreġistrat 430 attakki kontra knejjes Kristjani dawn l-aħħar sitt snin,
E. billi “il fuq minn 150 persuna diġà ġew arrestati jew miżmuma skont l-Artikoli 156 u 156 (a) tal-Kodiċi Kriminali Indoneżjana, u billi kien hemm evidenza li turi li leġiżlazzjoni sussidjarja dwar id-dagħa, l-eresija u d-difamazzjoni reliġjuża qed jintużaw minn estremisti biex irażżnu l-libertà reliġjuża u jqajjmu tensjonijiet u vjolenza interkomunitarja,
F. billi fid-19 ta' April 2010, il-Qorti Kostituzzjonali Indoneżjana żammet il-liġijiet sussidjarji dwar id-dagħa u l-eresija u rrifjutat it-talba għall-abrogazzjoni tagħhom li ġiet sottomessa minn erba' akkademiċi Islamiċi prominenti u għallanqas seba' organizzazzjonijiet Indoneżjani tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili u appoġġata minn għallanqas 40 organizzazzjoni oħra,
G. billi hemm rapporti kredibbli, jiġifieri mill-Kummissjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, tal-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem minn membri tal-forzi tas-sigurtà fl-Indoneżja, inkluż tortura u forom oħra ta' maltrattament u l-użu mhux meħtieġ u eċċessiv ta' forza, partikolarment fil-Papua u l-Gżejjer tal-Maluku; billi dawk responsabbli rarament ikollhom jidhru quddiem qorti indipendenti,
1. Jilqa' d-dikjarazzjoni konġunta ppublikata fl-24 ta' Mejju 2011 mill-President, l-Ispiker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, l-Ispiker tal-Kunsill tar-Rappreżentanti Reġjonali, l-Ispiker tal-Assemblea Konsultattiva tal-Poplu, il-Prim Imħallfin tal-Qorti Suprema u l-Qorti Kostituzzjonali u uffiċjali kbar oħrajn li jitolbu biex tinżamm il-“Pancasila” u għall-protezzjoni tal-pluraliżmu;
2. Jissottolinja l-progress li sar mill-Indoneżja fil-qasam tal-implimentazzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fis-snin reċenti, u jagħti ħafna importanza li jinżammu u għall-approfondiment ta' relazzjonijiet armonjużi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indoneżja f'bosta oqsma, kif rifless fl-FSK bejn l-UE u l-Indoneżja;
3. Jilqa' l-impenji li ħadet l-Indoneżja qabel l-elezzjoni tagħha għall-UNHCR fl-20 ta' Mejju 2011, inkluż dak tar-ratifika tal-istrumenti prinċipali kollha tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha Kontra l-Għajbien Infurzat;
4. Jesprimi tħassib serju dwar l-inċidenti ta' vjolenza kontra minoranzi reliġjużi, partikolarment Musulmani Ahmadi, Kristjani, Baha'ís u Buddisti; huwa mħasseb li vjolazzjonijiet tal-libertà reliġjuża jdgħajfu d-drittijiet tal-bniedem li huma garantiti fil-Kostituzzjoni Indoneżjana, inkluż il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni u l-libertà tal-espressjoni, tal-opinjoni u li n-nies jinġabru b'mod paċifiku;
5. Jitlob lill-Gvern Indoneżjan, jiġifieri l-Ministru tal-Affarijiet Reliġjużi, u l-ġudikatura Indoneżjana biex jiggarantixxu li l-istat tad-dritt jiġi implimentat u jinżamm u li persuni ħatja tal-vjolenza reliġjuża jitressqu quddiem il-ġustizzja;
6. Jesprimi tħassib serju dwar il-liġijiet sussidjarji lokali dwar id-dagħa, l-eresija u d-difamazzjoni reliġjuża jistgħu jintużaw ħażin, u dwar id-Digriet Ministerjali Konġunt tal-2008 li jipprojbixxi t-tixrid tat-tagħlim Musulman ta' Ahmadiyya, u jitlob lill-awtoritajiet Indoneżjani biex jirrevokawhom jew jirreveduhom;
7. Japprova x-xogħol tas-soċjetà ċivili Indoneżjana, inkluż think-tanks Musulmani, Kristjani u sekulari, organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-biedem u organizzazzjonijiet għal kontra l-estremiżmu, biex jippromwovu l-pluraliżmu, il-libertà reliġjuża, l-armonija reliġjuża u d-drittijiet tal-bniedem;
8. Iħeġġeġ lill-Gvern Indoneżjan biex jimxi mar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kummissjarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u, partikolarment, biex jistieden lir-Rapporteur Speċjali tan-NU għal-libertà tar-reliġjoni u tat-twemmin biex iżur il-pajjjiż;
9. Jilqa' l-investigazzjoni li saret dwar l-attakki mdemmija ta' Frar 2011 fuq il-komunità Ahmadiyya f'Java tal-Punent, li wassal biex jiġu sostitwiti kummissarji tal-pulizija reġjonali u provinċjali, filwaqt li ttieħdu passi kontra disa' pulizija talli traskuraw d-dmirijiet tagħhom u 14-il persuna oħra li jkollhom jgħaddu ġuri għar-reati li wettqu, u jitlob għal monitoraġġ indipendenti tal-proċessi ta' dawk li ġew akkużati sabiex jiżguraw li ssir ġustizzja għall-partijiet kollha involuti;
10. Jitlob lill-awtoritajiet Indoneżjani biex jinvestigaw allegazzjonijiet ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem minn membri tal-forzi tas-sigurtà u biex jipprosekutaw lil dawk li jinstabu li kienu responsabbli, inkluż persuni b'responsabbiltà li jikkmandaw;
11. Jitlob għal ħelsien immedjat u bla kondizzjoni tal-priġunieri kollha b'kuxjenza u li ġew arrestati u akkużati sempliċement abbażi tal-involviment tagħhom fi protesta politika paċifika, li huwa kuntrarju għall-ispirtu tal-Liġi Awtonoma Speċjali tal-2011 li tat lil Papuani, Maluku u lil minoranzi etniċi u reliġjużi oħra d-dritt li jesprimu l-identità kulturali tagħhom;
12. Jitlob lid-delegazjoni tal-UE u lil missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri biex ikomplu jissorveljaw mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment f'reġjuni sensittivi bħall-Papua, il-Moluccas u l-Aceh;
13. Jenfasizza l-importanza li tiġi inkluża dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'enfasi speċjali fuq il-libertà reliġjuża u r-rispett tal-minoranzi, fid-djalogu politiku fil-qafas tal-FSK bejn l-UE u l-Indoneżja;
14. Jitlob lil-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex tappoġġa s-soċjetà ċivili Indoneżjana u l-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem li jippromwovu b'mod attiv id-demokrazija, it-tolleranza u l-ko-eżistenza paċifika bejn gruppi etniċi u reliġjużi differenti;
15. Jagħti struzzjonijiet lill-President biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Indoneżja, il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, il-Kummissjoni, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni Intergovernattiva tal-ASEAN dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 63/168, li ssejjaħ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 62/149 tat-18 ta' Diċembru 2007, meta 106 pajjiż ivvotaw favur riżoluzzjoni li titlob moratorju dinji fuq is-sentenzi tal-mewt u l-eżekuzzjonijiet, b'34 astensjoni u b'biss 46 vot kontra r-riżoluzzjoni,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 65/206 tal-21 ta' Diċembru 2010 dwar moratorju fuq l-użu tal-piena kapitali,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena Kapitali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2007 dwar moratorju universali fuq il-piena kapitali(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-1994 bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Indja,
– wara li kkunsidra d-Djalogu Tematiku UE-Indja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar Jum Dinji kontra l-piena kapitali(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fl-2011 – sa Mejju – twettqu eżekuzzjonjiet f'disa' pajjiżi biss, indikazzjoni ċara li qed jikber dejjem aktar r-rikonoxximent dinji tan-natura krudili u inġusta tal-piena kapitali,
B. billi l-Indja ilha ma timplimenta l-piena kapitali mill-2004,
C. billi ngħatat approvazzjoni għall-eżekuzzjoni ta' żewġ ħabsin,
D. billi, fuq rakkomandazzjoni tal-Ministeru tal-Intern tal-Unjoni, il-President tal-Indja, Pratibha Patil, irrifjuta l-petizzjonijiet għal reviżjoni mressqa skont l-Artikolu 72 tal-Kostituzzjoni Indjana f'isem Davinder Pal Singh Bhullar, mill-Punjab, u Mahendra Nath Das, mill-Assam,
E. billi Mahendra Nath Das ġie kkundannat għall-mewt fl-1997 wara li nstab ħati ta' qtil, billi r-rimedji legali kollha ġew eżawriti u billi l-eżekuzzjoni tiegħu ġiet sospiża sal-21 ta' Lulju 2011 mill-Qorti Għolja ta' Gauhati fl-Assam (fil-Grigal tal-Indja), minħabba li l-Gvern Indjan talab li jingħata żmien biex jirrispondi lill-Qorti,,
F. billi Davinder Pal Singh Bhullar ġie kkundannat għall-mewt fid- 29 ta' Awwissu 2001 wara li nstab ħati li kien involut fl-attakk bil-bombi tal-1993 fuq l-Uffiċċju taż-Żgħażagħ tal-Congress fi New Delhi,
G. billi ċ-ċirkustanzi madwar ir-ritorn ta' Davinder Pal Singh Bhullar lejn India mill-Ġermanja u ż-żmien twil li Mahendra Nath Das għadda l-ħabs jistenna l-eżekuzzjoni jagħtu lok għal tħassib,
H. billi l-Indja, hija u tippreżenta l-kandidatura tagħha għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem qabel l-elezzjonijiet tal-20 ta' Mejju 2011, impenjat ruħha li żżomm l-ogħla standards f'dak li jirrigwarda l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem,
1. Jesprimi t-tħassib gravi tiegħu li l-Gvern tal-Indja jista' jerġa' jibda japplika l-piena kapitali wara moratorju de facto ta' seba' snin, u b'hekk imur kontra x-xejra dinjija lejn l-abolizzjoni tal-piena kapitali;
2. Itenni l-appoġġ sod tiegħu għas-sejħa tal-Assemblea Ġenerali tan-NU għall-istabbiliment ta' moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet bil-għan li l-piena kapitali tiġi abolita;
3. Jappella b'urġenza lill-Gvern tal-Indja biex ma jwettaqx l-eżekuzzjoni ta' Davinder Pal Singh Bhullar jew ta' Mahendra Nath Das, u li jikkommuta s-sentenzi tal-mewt tagħhom;
4. Jistieden lill-awtoritajiet Indjani jittrattaw il-każijiet ta' Davinder Pal Singh Bhullar u Mahendra Nath Das b'mod partikolarment trasparenti;
5. Jistieden lill-Gvern u lill-Parlament tal-Indja jadottaw leġiżlazzjoni li tintroduċi moratorju permanenti fuq l-eżekuzzjonijiet bil-għan li jabolixxu l-piena kapitali fil-ġejjieni qarib;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Indja, lill-Ministru tal-Liġi u l-Ġustizzja tal-Indja, lill-Ministru tal-Intern tal-Indja, lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.