Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 17 ta' Novembru 2011 - Strasburgu
Appoġġ tal-UE għall-Qorti Kriminali Internazzjonali
 Programm biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ulterjuri ta' Politika Marittima Integrata ***I
 Il-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka u attivitajiet ta' taħriġ nukleari *
 Samit UE-Stati Uniti tat-28 ta' Novembru 2011
 L-Internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa
 Il-projbizzjoni tal-munizzjon tat-tip cluster
 Il-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-VAT biex tingħata spinta lis-suq uniku diġitali
 Negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja
 Approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn is-sessi fil-qafas tal-ħidma tal-Parlament Ewropew
 Il-ġlieda kontra s-sajd illegali fil-livell dinji
 Iran - każijiet reċenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem
 Eġittu, b'mod partikolari l-każ tal-blogger Alaa Abdel Fatah
 Il-ħtieġa ta' servizzi ta' emerġenza 112 aċċessibbli

Appoġġ tal-UE għall-Qorti Kriminali Internazzjonali
PDF 357kWORD 114k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar appoġġ tal-UE għall-QKI: naffaċċjaw l-isfidi u negħlbu d-diffikultajiet (2011/2109(INI))
P7_TA(2011)0507A7-0368/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2002,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ikkastigar tad-Delitt tal-Ġenoċidju, li daħlet fis-seħħ fit-12 ta' Jannar 1951,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali, b'mod partikolari dawk tad-19 ta' Novembru 1998(1), tat-18 ta' Jannar 2001(2), tat-28 ta' Frar 2002(3), tas-26 ta' Settembru 2002(4) u tad-19 ta' Mejju 2010(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Rapporti Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja, b'dik l-aktar riċenti tkun tas-16 ta' Diċembru 2010(6),

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/PESK tas-16 ta' Ġunju 2003 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali(7),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK tal-21 ta' Marzu 2011 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali(8),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-4 ta' Frar 2004 u l-Pjan ta' Azzjoni ta' segwitu dwar id-Deċiżjoni dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali mit-12 ta' Lulju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima bejn il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea dwar il-kooperazzjoni u l-għajnuna(9),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea (SSE) tal-2003 intitotala “Ewropa Sigura f'Dinja Aħjar”, li ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Stokkolma 2010-2014 bl-isem “Ewropa Miftuħa u Sigura għas-Servizz u l-Protezzjoni taċ-Ċittadini” (Diċembru 2009)(10) u l-Pjan ta' Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma (April 2010, COM (2010)0171),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/494/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi network Ewropew ta' punti ta' kuntatt dwar persuni li huma responsabbli għal ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra(11), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/335/ĠAI tat-8 ta' Mejju 2003 dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra(12),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1593 (2005) dwar is-Sudan/Darfur u r-Riżoluzzjoni 1970 (2011) dwar il-Libja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7–0368/2011),

A.  billi l-ġustizzja, l-istat ta' dritt u l-ġlieda kontra l-impunità huma l-pilastri ta' paċi sostenibbli, peress li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

B.  billi minn Settembru 2011, 117-il stat irratifika l-Istatut ta' Ruma; billi l-kisba tar-ratifika universali tiegħu għandha madankollu tibqa' l-objettiv primarju;

C.  billi n-natura universali tal-ġustizzja timplika l-applikazzjoni uniformi tagħha, mingħajr eċċezzjonijiet u differenzi fit-trattament; billi mkien m'għandu jkun post tal-kenn għal min iwettaq ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, delitti tal-gwerra, tortura, stupru tal-massa jew għibien sfurzat;

D.  billi l-ġustizzja għandha titqies bħala element indispensabbli li fuqu huma msejsa l-isforzi tal-paċi u tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti;

E.  billi ż-żamma tal-indipendenza tal-QKI hija kruċjali mhux biss biex tiżgura l-effikaċja sħiħa tagħha, iżda wkoll biex tiġi promossa l-universalità tal-Istatut ta' Ruma;

F.  billi l-QKI hija l-ewwel korp ġudizzjarju internazzjonali permanenti li jista' jressaq quddiem il-qorti lil persuni minħabba l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, li b'hekk jagħmel kontribuzzjoni deċiżiva għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u għal-liġi internazzjonali billi tiġi miġġielda l-impunità, u billi għandu rwol dissważiv kruċjali u billi jibgħat sinjal ċar li l-impunità għal dawn id-delitti mhux se tkun tollerata;

G.  billi s-segwitu tal-“interessi tal-ġustizzja”, minkejja l-kunsiderazzjonijiet politiċi (l-Artikolu 53 tal-Istatut ta' Ruma), huwa l-prinċipju fundamentali tal-Qorti; billi l-QKI għandha rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-ġustizzja internazzjonali u għalhekk tikkontribwixxi għas-sigurtà, il-ġustizzja u l-istat tad-dritt kif ukoll għaż-żamma tal-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali;

H.  billi l-QKI għandha ġurisdizzjoni fuq id-delitti mwettqa wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut ta' Ruma fl-1 ta' Lulju 2002;

I.  billi, bi qbil mal-Preambolu tal-Istatut, kif ukoll mal-prinċipju tal-komplementarjetà, il-QKI taġixxi biss meta l-qrati nazzjonali ma jkunux jistgħu jew ma jkunux iridu jmexxu proċessi kredibbli domestikament, sabiex Stati Partijiet iżommu r-responsabilità primarja li jwettqu prosekuzzjoni ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju; billi huwa importanti ħafna li jkun hemm kooperazzjoni bejn l-Istati Partijiet għall-Istatut ta' Ruma u l-organizzazzjonijiet reġjonali, partikolarment f'sitwazzjonijiet fejn il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tkun qed tiġi kkontestata;

J.  billi l-politika tal-QKI ta' “komplementarjetà pożittiva” tappoġġa l-kapaċità tal-qrati nazzjonali fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra;

K.  billi l-QKI bħalissa qed twettaq investigazzjonijiet f'seba' pajjiżi (l-Uganda, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Kenja, il-Libja u l-Côte d'Ivoire), u ddikjarat pubblikament li hija qed tanalizza l-informazzjoni dwar l-allegati delitti mwettqa f'diversi sitwazzjonijiet oħra; billi żewġ każijiet (id-Darfur u l-Libja) tressqu mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, tliet każijiet (l-Uganda, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Repubblika Ċentru-Afrikana) tressqu quddiem il-Qorti mill-Istati Partijiet stess, u tnejn (il-Kenja u l-Côte d'Ivoire) tressqu proprio motu mill-Prosekutur;

L.  billi l-parti l-kbira mis-17-il mandat għall-arrest maħruġa mill-QKI għandhom ma ġewx implimentati, inklużi dawk kontra Joseph Kony u kapijiet oħra tal-Armata tal-“Lord's Resistance” fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Uganda ta' Fuq, Bosco Ntaganda tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Ahmad Muhammad Harun, Ali Muhammad Ali Abd-Al-Rahman u l-President Omar Hassan Ahmad Al Bashir tas-Sudan, u Saif al-Islam Gaddafi u Abdullah Al-Senussi tal-Libja;

M.  billi d-drittijiet għal proċess ekwu u ġust u d-drittijiet tal-vittmi huma l-prinċipji fundamentali tas-sistema tal-Istatut ta' Ruma;

N.  billi l-għan tal-Qorti huwa li tipprovdi ġustizzja għall-vittmi u għall-komunitajiet affettwati b'mod komprensiv u riparattiv, inkluż permezz ta' attivitajiet ta' parteċipazzjoni, protezzjoni, rappreżentazzjoni legali u sensibilizzazzjoni;

O.  billi l-Qorti toffri lill-vittmi d-dritt għal parteċipazzjoni appoġġat mill-istrutturi tal-protezzjoni tax-xhieda;

P.  billi s-sistema tar-riparazzjonijiet għall-vittmi tad-delitti li jaqgħu fil-kompetenzi tal-Qorti tagħmel lill-QKI istituzzjoni ġudizzjarja unika fil-livell internazzjonali;

Q.  billi s-suċċess tal-proċeduri tar-riparazzjonijiet li se jibdew fl-2011 jiddependi kemm mill-kontribuzzjonijiet volontarji mid-donaturi, kif ukoll mill-ġbir tal-multi u l-konfiski mill-persuni sentenzjati;

R.  billi l-Qorti bħalissa qed tiġi msejħa biex tittratta numru li kulma jmur qed jikber ta' investigazzjonijiet, każijiet u eżamijiet preliminari, filwaqt li ċerti Stati Partijiet għall-Istatut ta' Ruma qed jippruvaw iżommu l-baġit tal-Qorti kif inhu jew saħansitra inaqqsuh;

S.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu alleati konvinti tal-Qorti mill-bidu nett tagħha, filwaqt li offrew appoġġ politiku, diplomatiku, finanzjarju u loġistiku kontinwu, inkluża l-promozzjoni tal-universalità u d-difiża tal-integrità tal-Istatut ta' Ruma, bil-ħsieb li titħares u tissaħħaħ l-indipendenza tal-Qorti;

T.  billi l-ġlieda kontra l-impunità tista' tirnexxi biss ladarba l-Istati Partijiet kollha jikkooperaw bis-sħiħ mal-QKI, u ladarba dawk li mhumiex partijiet jipprovdu wkoll għajnuna lill-istituzzjoni ġudizzjarja;

Il-ħtieġa li jissaħħaħ l-appoġġ għall-Qorti permezz ta' azzjoni politika u diplomatika

1.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-QKI, l-Istatut ta' Ruma, u s-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali li l-objettiv primarju tagħha huwa l-ġlieda kontra l-impunità għall-ġenoċidju, id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità;

2.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Uffiċċju tal-Prosekutur, is-setgħat proprio motu tal-Prosekutur u l-progress biex jinbdew investigazzjonijiet ġodda;

3.  Iħeġġeġ lill-Partijiet għall-Istatut ta' Ruma u lil dawk li mhumiex biex ma jagħmlux pressjoni politika fuq il-Qorti sabiex tinżamm u tiġi żgurata l-imparzjalità tagħha u biex ikun hemm ġustizzja bbażata fuq il-liġi, aktar milli fuq kunsiderazzjonijiet politiċi;

4.  Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tal-universalità, u jitlob lis-SEAE, lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni jkomplu jistinkaw bis-sħiħ għall-promozzjoni tar-ratifikazzjoni universali tal-Istatut ta' Ruma u tal-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Qorti Kriminali Internazzonali (APIC) u l-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali;

5.  Jilqa' l-fatt li l-UE u l-parti l-kbira tal-Istati Membri tagħha għamlu wegħdiet speċifiċi fil-konferenza ta' Kampala, u jirrakkomanda li t-twettiq ta' dawn il-wegħdiet ikun f'waqtu u jiġi rrappurtat lura fl-Assemblea li jmiss tal-Istati Partijiet, li hi skedata li ssir bejn it-12 u l-21 ta' Diċembru 2011 fi New York;

6.  Jilqa' l-adozzjoni tal-emendi fl-Istatut ta' Ruma, inklużi dawk dwar id-delitt tal-aggressjoni, u jitlob lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jirratifikawhom u jdaħħluhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;

7.  Jilqa' bi pjaċir ir-rieżami tal-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar il-QKI permezz tal-adozzjoni ta' Deċiżjoni fil-21 ta' Marzu 2011; jinnota li d-deċiżjoni l-ġdida tqis l-isfidi li qed taffaċċja l-Qorti u jenfasizza li d-deċiżjoni tipprovdi bażi tajba għall-UE u għall-Istati Membri tagħha biex jgħinu lil-Qorti tindirizzahom;

8.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni rivedut miftiehem fit-12 ta' Lulju 2011 biex isegwi d-Deċiżjoni dwar il-QKI, li jsemmi l-miżuri effettivi u konkreti li jridu jittieħdu mill-UE biex iżżid l-appoġġ futur tagħha għall-Qorti, u jħeġġeġ lill-Presidenza tal-Kunsill flimkien mal-Kummissjoni, is-SEAE u l-Istati Membri biex jagħmlu l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni prijorità;

9.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni sħiħa u f'waqtha bejn l-Istati Partijiet, inklużi l-Istati Membri tal-UE, u l-Qorti, tibqa' essenzjali għall-effikaċja u s-suċċess tas-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali;

10.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jissodisfaw it-talbiet kollha magħmula mill-Qorti biex tingħata għajnuna u biex ikun hemm kooperazzjoni f'waqthom, sabiex jiġu żgurati, inter alia, l-eżekuzzjoni tal-mandati pendenti għall-arrest u l-għoti ta' informazzjoni, inkluż talbiet biex tingħata għajnuna għall-identifikazzjoni, l-iffriżar u l-konfiska ta' assi finanzjarji tal-persuni suspettati;

11.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha li għadhom ma għamlux dan biex jippromulgaw leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kooperazzjoni u biex jiġu konklużi ftehimiet qafas mal-QKI għall-infurzar tas-sentenza tal-Qorti u dwar kwistjonijiet ta' investigazzjoni, il-ġbir tal-evidenza, it-tfittxija, il-protezzjoni u r-rilokazzjoni tax-xhieda, l-arrest, l-estradizzjoni, iż-żamma f'kustodja u l-ospitar tal-persuni indikati meta jiġu liberati fuq garanzija personali, il-priġunerija tal-persuni sentenzjati; jitlob lill-Istati Membri jikkooperaw reċiprokament permezz ta' mekkaniżmi tal-pulizija, dawk ġudizzjarji u permezz ta' mekkaniżmi rilevanti oħra biex jiġi żgurat l-appoġġ lill-QKI;

12.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE biex jemendaw l-Artikolu 83 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex id-delitti taħt il-ġurisdizzjoni tal-QKI jiddaħħlu fil-lista ta' delitti li għalihom l-UE għandha kompetenza; b'mod aktar speċifiku, iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jittrasferixxu l-kompetenzi lill-UE fil-qasam tal-identifikazzjoni u l-konfiskar tal-assi tal-persuni akkużati mill-QKI, minkejja l-fatt li l-proċeduri ġudizzjarji jinfetħu mill-QKI; jitlob lill-Istati Membri tal-UE jikkooperaw billi jiskambjaw informazzjoni rilevanti permezz tal-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi eżistenti kif ukoll permezz tan-Network tal-Inter-Aġenziji Camden għall-Irkupru tal-Assi (CARIN);

13.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jintegraw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Istatut ta' Ruma u l-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Qorti (APIC) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;

14.  Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni, waqt il-Konferenza ta' Reviżjoni ta' Kampala, ta' emendi għall-Istatut ta' Ruma relatati mad-delitt tal-aggressjoni u jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jirratifikawhom u jintegrawhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom; jirrakkomanda li, fl-interessi tat-tisħiħ tal-universalità tal-Istatut ta' Ruma, jsiru sforzi bi ftehim konġunt biex ikun hemm definizzjoni aktar preċiża tar-reati relevanti li jistabbilixxu att ta' aggressjoni li jiksru l-liġi internazzjonali;

15.  Jinnota li l-Qorti, skont ir-riżultati tal-Konferenza ta' Kampala, mhux se tkun tista' teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha fuq id-delitt tal-aggressjoni sa wara Jannar 2017, meta għandha tittieħed deċiżjoni mill-Istati Partijiet biex tiġi attivata din il-ġurisdizzjoni;

16.  Jilqa' l-kontribuzzjoni ta' wħud mill-Istati Membri tal-UE għall-ġlieda kontra l-impunità għall-agħar delitti magħrufa mill-bniedem permezz tal-applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni universali; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jagħmlu l-istess ħaġa; jirrakkomanda li jkompli jissaħħaħ ir-rwol tan-Netwerk tal-UE ta' Punti ta' Kuntatt għad-Delitti tal-Gwerra, id-Delitti kontra l-Umanità u l-Ġenoċidju fil-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-UE fil-prosekuzzjoni ta' delitti serji;

17.  Jenfasizza r-rwol fundamentali tal-ġurisdizzjonijiet kriminali internazzjonali fil-ġlieda kontra l-impunità u fl-indirizzar tal-ksur rilevanti tal-liġi internazzjonali dwar l-użu illegali u r-reklutaġġ suldati tfal; jopponi bil-qawwa r-reklutaġġ jew il-qbid bil-lieva ta' tfal ta' età anqas minn tmintax-il sena fil-forzi armati u wkoll l-użu tagħhom fi kwalunkwe tip ta' azzjoni militari; jinnota l-importanza li jiġu salvagwardjati d-drittijiet għal tfulija paċifika, l-edukazzjoni, l-integrità fiżika, is-sikurezza u l-awtonomija sesswali;

18.  Jitlob il-ħolqien ta' politiki effettivi u mekkaniżmi ta' tisħiħ li jiżguraw li l-parteċipazzjoni tal-vittmi fil-QKI jkollha impatt sostanzjali, inkluż l-għoti ta' pariri psikoloġiċi, mediċi u legali aktar aċċessibbli għal programmi ta' protezzjoni ta' xhieda; jenfasizza l-importanza li jiġi promoss l-għarfien dwar il-vjolenza sesswali f'zoni ta' kunflitt permezz ta' programmi legali, bid-dokumentazzjoni ta' krimini bbażati fuq il-ġeneru f'kunflitti armati, u bit-taħriġ ta' avukati, imħallfin u attivisti dwar l-Istatut ta' Ruma u dwar il-ġurisprudenza internazzjonali fir-rigward tal-krimini bbażati fuq il-ġeneru mwettqa kontra n-nisa u t-tfal;

19.  Jinkoraġġixxi lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jiżguraw li jkun hemm programmi ta' taħriġ għall-investigaturi tal-pulizija, il-prosekuturi, l-imħallfin u l-uffiċjali tal-armata, madankollu l-programmi ma jkunux limitati għal dawn, u li jiffukaw l-ewwel nett fuq id-dispożizzjonijiet tal-Istatut ta' Ruma u l-liġi internazzjonali rilevanti u, it-tieni nett fuq il-prevenzjoni, l-identifikar, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ksur ta' dawn il-prinċipji;

20.  Jinnota l-ftehima bejn il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea dwar il-kooperazzjoni u l-għajnuna; jitlob lill-Istati Membri tal-UE biex japplikaw il-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali għall-ġlieda kontra l-impunità u d-delitti kontra l-umanità u jfakkar l-importanza tiegħu għall-effikaċja u s-suċċess tas-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali;

21.  Jinkoraġġixxi b'mod qawwi li l-UE u l-Istati Membri tagħha jieħdu kull opportunità diplomatika u jużaw kull strument diplomatiku biex jagħmlu pressjoni għal kooperazzjoni effikaċi mal-QKI, b'mod partikolari fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta' mandati pendenti għall-arrest;

22.  Jinkoraġġixxi b'mod qawwi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, bl-għajnuna tas-SEAE, biex iwaqqfu sett ta' linji gwida interni riġidi, immudellati fuq linji gwida eżistenti tan-NU u tal-QKI, li jimxi fuqhom l-Uffiċċju tal-Prosekutur, li jistabbilixxu kodiċi ta' kondotta għal kuntatt bejn uffiċjali tal-UE u tal-Istati Membri u persuni mfittxija mill-QKI, b'mod partikolari meta dawn tal-aħħar ikunu għadhom jokkupaw karigi uffiċjali, irrispettivament mill-istejtus tagħhom u mill-fatt jekk humiex ċittadini ta' postijiet li huma jew mhumiex Stati Partijiet għall-Istatut ta' Ruma;

23.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, f'każ li xi pajjiż sieħeb joħroġ stedina għal jew juri r-rieda li jaċċetta viżitaturi fit-territorju tiegħu minn individwu li huwa s-suġġett ta' mandat għall-arrest tal-QKI, biex jagħmlu pressjoni qawwija fuq dak il-pajjiż mingħajr dewmien, bl-għan li jew jiġi arrestat jew appoġġata l-operazzjoni ta' arrest jew, għall-inqas jiġi evitat li dak l-individwu jivvjaġġa; jinnota li peress li dan l-aħħar stediniet bħal dawn inħarġu lill-president tas-Sudan Omar al-Bashir miċ-Ċad, miċ-Ċina, minn Ġibuti, mill-Kenja u mill-Malasja, fost l-oħrajn;

24.  Jirrikonoxxi d-deċiżjoni reċenti li ttieħdet mill-Prosekutur tal-QKI li joħroġ mandat ta' arrest kontra Saif al-Islam Gaddafi u l-kap tal-intelliġenza Abdullah al-Sanoussi tal-Libja, b'rabta mal-allegati delitti kontra l-umanità sa minn meta bdew l-irvellijiet fil-pajjiż; jenfasizza li l-qbid b'suċċess tagħhom, u l-proċess sussegwenti mill-QKI, se jkun kontribut kruċjali għall-ġlieda kontra l-impunità fir-reġjun;

25.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li Stati Partijiet tal-QKI bħaċ-Ċad, Ġibuti u l-Kenja reċentement laqgħu l-President tas-Sudan al-Bashir fit-territorji tagħhom mingħajr ma arrestawh u kkonsenjawh lill-Qorti, minkejja l-obbligu legali ċar tagħhom skont l-Istatut ta' Ruma li jarrestawh jikkonsenjawh lill-Qorti;

26.  Jenfasizza l-importanza ta' azzjoni b'saħħitha tal-UE sabiex jiġu antiċipati u evitati jew ikkundannati tali każijiet ta' nuqqas ta' kooperazzjoni; itenni l-bżonn għall-UE (u lill-Istati Membri) biex jistabbilixxu protokoll intern b'azzjonijiet konkreti u standard li jippermettulhom li jirreaġixxu f'waqthom u b'mod konsistenti għal każijiet ta' nuqqas ta' kooperazzjoni mal-Qorti, fejn ikun xieraq, f'koordinazzjoni mal-mekkaniżmi ta' istituzzjonijiet rilevanti oħra, inkluża l-Assemblea tal-Istati Partijiet;

27.  Jinnota li l-Istati Afrikani kellhom rwol prinċipali fil-ħolqien tal-QKI u jqis li l-appoġġ tagħhom u l-kooperazzjoni mill-qrib huma indispensabbli sabiex il-Qorti tiffunzjona b'mod effikaċi u tkun indipendenti;

28.  Jistieden lill-Istati Partijiet Afrikani tal-Istatut ta' Ruma tal-QKI biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Istatut ta' Ruma tal-QKI u, f'konformità mal-Att Kostituttiv tal-Unjoni Afrikana, sabiex jiġi żgurat b'mod attiv li dawk li jwettqu l-agħar delitti fid-dinja jwieġbu għal għemilhom billi jappoġġaw bis-sħiħ lill-Qorti matul il-laqgħat tal-Unjoni Afrikana (UA) u jħeġġeġ lill-UA biex tkisser iċ-ċiklu tal-impunità għall-każijiet tad-delitti l-aktar gravi u jiġu megħjuna l-vittmi tal-atroċitajiet; jesprimi l-appoġġ tiegħu għat-talba tal-Qorti biex jinfetaħ uffiċċju ta' kuntatt mal-Unjoni Afrikana f'Addis Ababa;

29.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jintegraw il-ħidma tal-QKI u d-dispożizzjonijiet tal-Istatut ta' Ruma fil-programmi ta' żvilupp tagħha mmirati biex isaħħu l-istat ta' dritt tagħha; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipprovdu l-għajnuna teknika, loġistika u finanzjarja u l-kompetenzi meħtieġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom riżorsi limitati li bihom jadattaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom għall-prinċipji tal-Istatut ta' Ruma u biex jikkooperaw mal-QKI, irrilevanti mill-fatt jekk dawn il-pajjiżi rratifikawx l-Istatut jew le; iħeġġeġ ulterjorment lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw programmi ta' taħriġ għall-awtoritajiet tal-pulizija, tal-ġudikatura, l-awtoritajiet militari u dawk amministrattivi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jingħataw introduzzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-Istatut ta' Ruma;

30.  Iħeġġeġ lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE li jmiss biex tiddiskuti l-ġlieda kontra l-impunità fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp internazzjonali u d-djalogu politiku rilevanti, kif rakkomandat f'diversi riżoluzzjonijiet u fl-Artikolu 11.6 tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut, bil-ħsieb li l-ġlieda kontra l-impunità u t-tisħiħ tal-istat ta' dritt jiġu integrati fi programmi u azzjonijiet eżistenti tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

31.  Jinkoraġġixxi lis-SEAE u lis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri tal-UE biex jagħmlu użu sistematiku u mmirat mill-għodod diplomatiċi użati minnhom it-tnejn biex iżidu l-appoġġ għall-QKI u jippromwovu ratifikazzjoni usa' u implimentazzjoni tal-Istatut ta' Ruma; jinnota li dawn l-għodod jinkludu démarches, dikjarazzjonijiet politiċi, stqarrijiet u klawsoli tal-QKI fi ftehimiet ma' pajjiżi terzi, kif ukoll djalogi politiċi jew dwar id-drittijiet tal-bniedem; jissuġġerixxi li għandha tittieħed azzjoni xierqa abbażi tal-evalwazzjoni tar-riżultati;

32.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-QKI testendi l-attenzjoni tagħha lil hinn minn sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat u, b'mod aktar proattiv, tinvestiga l-emerġenzi tad-drittijiet tal-bniedem li jeskalaw għal-livell ta' delitti kontra l-umanità, u sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet domestiċi juru biċ-ċar li ma jridux jinvestigaw, iwettqu prosekuzzjoni dwar dawk li allegatament iwettqu delitt u jikkastigawhom;

33.  Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President u lill-Istati Membri tal-UE biex jagħmlu sforzi diplomatiċi biex jinkoraġġixxu lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jagħmlu rinviju lill-QKI biex tiftaħ investigazzjonijiet dwar każijiet fejn uffiċjali minn Stati li mhumiex partijiet għall-Istatut u li kienu allegatament involuti f'delitti kontra l-umanità qed ikomplu jgawdu minn impunità kontinwa, inklużi s-sitwazzjonijiet reċenti fl-Iran, is-Sirja, il-Baħrejn u l-Jemen;

34.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-UE fil-promozzjoni tar-ratifika mad-dinja kollha tal-Istatut ta' Ruma u tal-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Qorti (APIC) u jilqa' bi pjaċir l-adeżjonijiet reċenti għall-Istatut ta' Ruma u r-ratifikazzjoni tiegħu mit-Tuneżija, il-Filippini, il-Maldive, Grenada, il-Moldova, Santa Luċija u s-Seychelles, li ġabu n-numru totali ta' Stati Partijiet għal 118; jappella sabiex aktar pajjiżi Asjatiċi, tal-Afrika ta' Fuq, tal-Lvant Nofsani u l-pajjiżi sub-Saħarjani jsiru parti għall-Istatut ta' Ruma;

35.  Iħeġġeġ lill-UE, u b'mod partikolari s-SEAE, sabiex ikomplu jippromwovu l-universalità tal-Istatut ta' Ruma u tal-APIC u l-ġlieda kontra l-impunità, kif ukoll ir-rispett tal-Qorti, il-kooperazzjoni magħha u l-għajnuna lilha fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, inkluż fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou u tad-djalogi bejn l-UE u organizzazzjonijiet reġjonali, bħall-Unjoni Afrikana, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN); jenfasizza l-importanza li jiġu promossi r-ratifikazzjoni u l-applikazzjoni tal-Istatut ta' Ruma mill-Qorti fid-djalogi bilaterali tal-UE ma' pajjiżi terzi dwar id-drittijiet tal-bniedem;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jinkludu b'mod aktar sistematiku l-klawsola tal-QKI f'mandati u ftehimiet ta' negozjar ma' pajjiżi terzi;

37.  Jistieden lill-mexxejja tal-UE biex jimmotivaw l-Istati kollha li għadhom mhumiex parti għall-Istatut ta' Ruma biex isiru Stati Partijiet; b'dan, l-enfasi għandha tkun b'mod partikolari fuq il-membri permanenti u l-membri mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

38.  Jilqa' bi pjaċir il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti bħala osservatur fl-Assemblea tal-Istati Partijiet tal-QKI u jesprimi t-tama li ma jdumux ma jsiru Stat Parti;

39.  Jilqa' bi pjaċir l-adeżjoni riċenti tat-Tuneżija għall-Istatut ta' Ruma u jittama li din tibgħat sinjal pożittiv lil pajjiżi oħra tal-Afrika ta' Fuq u tal-Lvant Nofsani sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-istess; jilqa' wkoll ir-ratifika reċenti tal-Istatut ta' Ruma mill-Filippini, li żżid in-numru ta' Stati Asjatiċi fis-sistema tal-Qorti u tagħti sinjal importanti li s-sħubija Asjatika fl-ICC qed tiżdied, kif ukoll ir-ratifika reċenti tal-Istatut ta' Ruma mill-Maldive u l-liġi reċenti maħruġa mill-Assemblea Nazzjonali tal-Kap Verde li tawtorizza r-ratifika tal-Istatut ta' Ruma, u jittama li l-gvern tagħha jipproċedi mingħajr dewmien f'dan ir-rigward; juri t-tama tiegħu li l-pajjiżi kollha tal-Amerika Latina jissieħbu mal-QKI;

40.  Jistieden lit-Turkija, l-uniku kandidat uffiċjali għal sħubija fl-UE li għadu ma għamilx dan, biex issir Stat Parti tal-Istatut ta' Ruma u tal-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet (APIC) malajr kemm jista' jkun, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li kwalunkwe pajjiż kandidat u pajjiż kandidat potenzjali kif ukoll pajjiż sieħeb futuri koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) jagħmlu l-istess;

41.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jappoġġaw il-kapaċità u r-rieda politika ta' pajjiżi terzi – b'mod partikolari dawk li jinsabu f'postijiet fejn hemm sitwazzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-QKI u f'pajjiżi li jkunu jinsabu taħt eżami preliminari mill-QKI – sabiex iwettqu proċedimenti nazzjonali dwar il-ġenoċidju, id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità; f'dak il-qafas, jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw il-proċessi ta' riforma u sforzi nazzjonali ta' bini ta' kapaċità maħsuba biex isaħħu l-ġudikatura indipendenti, is-settur tal-infurzar tal-liġi, u s-sistema penitenzjarja fil-pajjiżi kollha affettwati direttament mill-allegat kummissjonar ta' delitti internazzjonali serji;

42.  Jenfasizza li l-effikaċja tal-prinċipju tal-kumplimentarjetà tal-Qorti tinsab fl-obbligu primarju tal-Istati Partijiet li jinvestigaw u jwettqu prosekuzzjoni ta' delitti tal-gwerra, ġenoċidju u delitti kontra l-umanità; juri tħassib dwar il-fatt li mhux l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom leġiżlazzjoni li tiddefinxxi dawn id-delitti skont il-liġi nazzjonali li fuqha l-qrati tagħhom għandhom ġurisdizzjoni;

43.  Iħeġġeġ lil dawk l-Istati li għadhom m'għamlux dan sabiex jippromulgaw leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni kompleta u effikaċi f'konsultazzjoni trasparenti mas-soċjetà ċivili, u biex jgħammru lill-ġudikaturi nazzjonali tagħhom bl-għodod meħtieġa biex jiġu investigati dawn id-delitti u titwettaq prosekuzzjoni tagħhom;

44.  Jerġa' jafferma l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jsaħħu l-isforzi diplomatiċi tagħhom fost il-pajjiżi li mhumiex parti tal-Istatut ta' Ruma u tal-organizzazzjonijiet reġjonali (pereżempju l-UA, l-ASEAN, u l-Lega Għarbija) biex jippromwovu fehim aħjar tal-mandat tal-QKI, jiġifieri t-tfittxija tiegħu ta' min iwettaq delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' strateġija speċjali tat-telekomunikazzjoni għal dak l-għan, u biex jitrawwem appoġġ akbar għall-Qorti u l-mandat tagħha, b'mod partikolari f'fora tan-NU bħalma hu l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

45.  Jafferma r-rwol kruċjali tal-appoġġ diplomatiku tal-Istati Membri tal-UE għall-mandat tal-QKI u għall-attivitajiet tagħha f'fora tan-NU, inkluż l-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

46.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' sforzi diplomatiċi kontinwi biex il-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jiġu inkoraġġiti jiżguraw ir-rinviju f'waqtu tal-każijiet, kif asserit fl-Artikolu 13 (b) tal-Istatut ta' Ruma u kif muri dan l-aħħar bir-rinviju unanimu tas-sitwazzjoni fil-Libja lill-QKI mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jesprimi wkoll it-tama tiegħu li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jevita li jiddiferixxi investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet tal-Qorti kif asserit fl-Artikolu 16 tal-Istatut ta' Ruma;

47.  Jistieden lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lill-membri tal-Assemblea Ġenerali tan-NU biex isibu metodi u mezzi biex in-NU tipprovdi lill-Qorti b'riżorsi finanzjarji biex tkopri l-ispejjeż relatati mal-ftuħ ta' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet dwar sitwazzjonijiet imsemmija mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU skont l-Artikolu 115 tal-Istatut ta' Ruma;

48.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw li l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni mal-QKI jkunu inklużi fil-mandat ta' Rappreżentanti Speċjali reġjonali rilevanti tal-UE (RSUE); jistieden lir-Rappreżentant Għoli biex jaħtar RSUE għad-Dritt Umanitarju Internazzjonali u l-Ġustizzja Internazzjonali bil-mandat biex jippromwovi, jintegra u jirrappreżenta l-impenn tal-UE fil-ġlieda kontra l-impunità u l-QKI fil-politiki barranin tal-UE;

49.  Jappella lis-SEAE biex tiżgura li l-QKI tiġi integrata fil-prijoritajiet tal-politika barranija tal-UE kollha, billi tqis b'mod sistematiku l-ġlieda kontra l-impunità u l-prinċipju tal-kumplimentarjetà fil-kuntest usa' ta' żvilupp u għajnuna fl-istat ta' dritt, u b'mod partikulari biex iħeġġeġ lill-istati tranżitorji tan-Nofsinhar tal-Mediterran jiffirmaw u jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma;

50.  Jafferma li l-UE għandha tiżgura li s-SEAE għandha l-kompetenzi u l-kapaċità ta' livell għoli meħtieġa biex tagħmel lill-QKI prijorità reali; jirrakkomanda li s-SEAE tiżgura livelli adegwati ta' persunal kemm fi Brussell kif ukoll fid-delegazzjonijiet ta' uffiċjali inkarigati bit-trattament ta' kwistjonijiet ta' ġustizzja internazzjonali, u li s-SEAE u l-Kummissjoni Ewropea jkomplu jiżviluppaw it-taħriġ tal-persunal rigward il-ġustizzja internazzjonali u kwistjonijiet tal-QKI, jistabbilixxu programm ta' skambju ta' persunal mal-QKI biex jippromwovu l-għarfien istituzzjonali reċiproku u jiffaċilitaw aktar kooperazzjoni;

51.  Iħeġġeġ lill-Istati Partijiet għall-QKI kollha, lill-UE u lill-QKI nnifisu, inkluż l-Uffiċċju tal-Prosekutur, biex jagħmlu kull sforz biex jipproċedu u jikkastigaw lil min wettaq delitti sesswali kontra l-umanità, li huma kategorija speċifika ta' delitti kontra l-umanità li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-QKI (Artikolu 7 tal-Istatut ta' Ruma) u jinkludu l-istupru, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni forzata, it-tqala forzata, l-isterilizzazzjoni forzata u kull forma oħra ta' vjolenza sesswali daqstant gravi, flimkien mal-prosekuzzjoni abbażi ta' sess; jinnota li t-tali delitti sesswali huma partikolarment ta' min jistmellahom minħabba li ta' spiss dawn jiġu ripetuti fuq skala kbira u jikkostitwixxu delitti tal-gwerra kif ukoll delitti kontra l-umanità (Artikolu 8 tal-Istatut ta' Ruma) li jimmiraw il-gruppi l-aktar vulnerabbli – in-nisa, it-tfal u n-nies ċivili – f'pajjiżi li diġà huma dgħajfa kawża ta' kunflitti u/jew nuqqas ta' ikel jew minħabba l-ġuħ;

52.  Fil-kuntest tal-elezzjoni imminenti ta' sitt Imħallfin ġodda u Prosekutur ġdid, li għandha sseħħ fis-sessjoni ta' Diċembru 2011 tal-Assemblea tal-Istati Partijiet, iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jeleġġu l-aktar kandidati bi kwalifiki għolja permezz ta' proċess ġust, trasparenti u bbażat fuq il-mertu, li jiżgura bilanċ kemm ġeografiku kif ukoll bejn is-sessi, u biex jinkoraġġixxu lil Stati minn reġjuni li jibbenefikaw minn Rekwiżiti Minimi ta' Votazzjoni (bħall-Grupp tal-Pajjiżi tal-Amerika Latina u tal-Karibew (GRULAC - Group of Latin America and Caribbean Countries) biex jieħdu vantaġġ minn dan u jinnominaw biżżejjed kandidati, biex b'hekk tiġi żgurata rappreżentazzjoni reġjonali bilanċjata fil-ħatra ta' mħallfin; jinnota li l-elezzjoni ta' Prosekutur ġdid hija tal-akbar importanza għall-effikaċja u l-leġittimità tal-Qorti, u juri apprezzament għall-ħidma tal- Kumitat ta' Investigazzjoni stabbilit mill-Uffiċċju tal-Assemblea tal-Istati Partijiet;

53.  Jilqa' l-proposti għat-twaqqif ta' kumitat konsultattiv li jirċievi u jirrevedi n-nomini kollha tal imħallfin ġodda kif asserit fl-Artikolu 36(4c) tal-Istatut ta' Ruma kif ukoll it-twaqqif ta' kumitat ta' investigazzjoni għall-Prosekutur tal-QKI, u jesprimi l-opinjoni tiegħu li l-ħidma tal-kumitati ta' investigazzjoni m'għandhiex tiġi influwenzata minn kunsiderazzjonijiet politiċi;

Il-ħtieġa li tkompli tiġi żgurata l-għajnuna finanzjarja u loġistika għall-Qorti

54.  Jilqa' l-appoġġ finanzjarju u loġistiku li l-UE u Stati Membri individwali taw lill-QKI s'issa u jirrakkomanda li l-forom attwali ta' appoġġ, permezz ta' baġit regolari tal-QKI ffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Partijiet jew permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) bil-fondi mill-baġit tal-UE, jitkomplew, speċjalment fl-oqsma li ġejjin: attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni li jkollhom l-għan li jgħinu lill-vittmi u lill-komunitajiet milquta; rappreżentanza legali; rilokazzjoni tax-xhieda; il-parteċipazzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi/xhieda, b'kunsiderazzjoni speċjali għall-ħtiġijiet tan-nisa u tal-vittmi żgħażagħ/tfal;l-għoti ta' appoġġ li jippermetti lill-Qorti tkopri l-ħtiġijiet operattivi urġenti li jinbtu minn investigazzjonijiet ġodda; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw l-isforzi tal-Qorti biex ittejjeb il-preżenza tagħha, filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tal-preżenza tal-QKI għall-promozzjoni tal-fehim u l-appoġġ tal-mandat tagħha, kif ukoll fl-involviment tiegħu fl-appoġġ li jagħti lill-komunitajiet li sfaw vittmi ta' delitti li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li n-nuqqas ta' finanzjament jibqa' jimpedixxi lill-Qorti milli tiffunzjona bl-aqwa mod;

55.  Jenfasizza l-impatt kbir tas-sistema tal-Istatut ta' Ruma fuq vittmi, individwi u komunitajiet affettwati minn delitti taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti; iqis li l-isforzi ta' sensibilizzazzjoni kruċjali tal-Qorti, biex jitħeġġu l-fehim u l-appoġġ għall-mandat tagħha li jiġu ġestiti l-aspettattivi u biex il-vittmi u l-komunitajiet affettwati jkunu jistgħu jsewgu u jifhmu l-proċess tal-ġustizzja kriminali internazzjonali u l-ħidma tal-Qorti;

56.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri tal-UE jkomplu jipprovdu finanzjament adegwat lill-Fond Fiduċjarju tal-QKI għall-Vittmi (sabiex jiġu kkumplimentati l-għotjiet ta' riparazzjoni potenzjali futuri filwaqt li jkomplu jitwettqu l-attivitajiet ta' assistenza attwali) u biex jikkontribwixxu għall-Fond Speċjali tal-QKI għar-Rilokazzjonijiet, li għadu kemm ġie stabbilit, għall-Fond għal Żjarat tal-familja tad-detenuti fis-sede tal-Qorti fl-Aja, għall-Programm ta' Għajnuna Legali u għall-ispejjeż assoċjati maż-żamma u l-espansjoni tal-preżenza tal-QKI fuq il-post;

57.  Jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tal-QKI biex iżżid u ssaħħaħ il-preżenza tagħha fil-post billi din hija ferm importanti għat-titjib tal-abilità tagħha li twettaq il-funzjonijiet tagħha, inklużi l-investigazzjonijiet, is-sensibilizzazzjoni mal-vittmi u l-komunitajiet affettwati, il-protezzjoni tax-xhieda u l-iffaċilitar tad-drittijiet tal-vittmi għall-parteċipazzjoni u r-riparazzjoni, u li barra minn hekk, hija fattur importanti biex jissaħħu l-impatt tal-Qorti u l-abilità tagħha li tħalli legat sod u pożittiv;

58.  Jinkoraġġixxi lill-UE biex tiżgura finanzjament adegwat u stabbli għall-atturi tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq kwistjonijiet relatati mal-QKI fl-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE u lill-fondazzjonijiet Ewropej eżistenti biex ikomplu l-appoġġ tagħhom lil dawn l-atturi;

59.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE u lis-SEAE biex jibdew diskussjonijiet relatati mar-rieżami tal-istrumenti finanzjarji attwali tal-UE, partikolarment il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), bl-għan li jiġi eżaminat kif jistgħu jikkontribwixxu aktar biex jappoġġaw l-attivitajiet ta' komplementarjetà fil-pajjiżi benefiċjarji sabiex tingħata spinta lill-ġlieda kontra l-impunità f'dawn il-pajjiżi;

60.  Jirrikonoxxi l-isforzi attwali tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi “Ġabra ta' Għodda ta' Komplementarjetà tal-UE” li jkollha l-għan li tiżviluppa l-kapaċitajiet nazzjonali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' allegazzjonijiet ta' delitti internazzjonali, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni tagħha, bl-għan li l-attivitajiet relatati mal-komplementarjetà jiġu integrati fil-programmi ta' għajnuna u tintlaħaq koerenza aħjar fost id-diversi strumenti tal-UE;

61.  Jistieden lill-Istati Partijiet kollha tal-QKI jippromwovu sforzi konġunti biex jittejbu l-proċessi fil-livell nazzjonali tad-delitti l-aktar serji, bħad-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju;

62.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li torganizza seminar għas-soċjetà ċivili Ewropea u Afrikana biex tiġi diskussa l-ġustizzja internazzjonali f'Pretoria f'April 2001, jinnota r-rakkomandazzjonijiet minn dik il-laqgħa u jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġa tali opportunitajiet;

63.  Jerġa' jfakkar li l-Parlament Ewropew kien wieħed minn tal-ewwel li appoġġa lill-Qorti verbalment u jinnota r-rwol essenzjali tiegħu fil-monitoraġġ tal-azzjoni tal-UE f'din il-kwistjoni; jitlob biex tiddaħħal taqsima dwar il-ġlieda kontra l-impunità u l-QKI fir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-PE fid-dinja u jkompli jissuġġerixxi li l-Parlament Ewropew għandu jkollu rwol aktar proattiv billi jippromwovi u jintegra l-ġlieda kontra l-impunità u l-QKI fil-politiki u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, inkluż fil-ħidma tal-kumitati, il-gruppi u d-delegazzjonijiet kollha ma' pajjiżi terzi;

o
o   o

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 379, 7.12.1998, p. 265.
(2) ĠU C 262, 18.9.2001, p. 262.
(3) ĠU C 293 E, 28.11.2002, p. 88.
(4) ĠU C 273 E, 14.11.2003, p. 291.
(5) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 78.
(6) Testi adottati, P7_TA(2010)0489.
(7) ĠU L 150, 18.6.2003, p. 67.
(8) ĠU L 76, 22.3.2011, p. 56.
(9) ĠU L 115, 28.4.2006, p.50.
(10) ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.
(11) ĠU L 167, 26.6.2002, p. 1.
(12) ĠU L 118, 14.5.2003, p. 12.


Programm biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ulterjuri ta' Politika Marittima Integrata ***I
PDF 295kWORD 42k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar li jiġi stabbilit Programm biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ulterjuri ta' Politika Marittima Integrata (COM(2010)0494 – C7-0292/2010 – 2010/0257(COD))
P7_TA(2011)0508A7-0163/2011

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0494),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2), l-Artikoli 74 u 77(2), l-Artikoli 91(1) u 100(2), l-Artikolu 173(3), l-Artikolu 175, l-Artikolu 188, l-Artikolu 192(1), l-Artikolu 194(2) u l-Artikolu 195(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0292/2010),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-16 ta' Frar 2011 tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Regjuni tas-27 ta' Jannar 2011(2),

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-6 ta' Ottubru 2011, li japprova l-pożizzjoni msemmija, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 37 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Sajd, il-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0163/2011),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Japprova l-istqarrija konġunta mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni annessa ma' din ir-risoluzzjoni;

3.  Japprova l-istqarrija konġunta mill-Parlament u l-Kunsill annessa ma' din ir-risoluzzjoni;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-17 ta' Novembru 2011 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Rgolament (UE) Nru .../2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ulterjuri ta' Politika Marittima Integrata

P7_TC1-COD(2010)0257


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 1255/2011).

Anness għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva

Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumissjoni

Skont l-Artikolu 9, il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm biex jappoġġja l-iżvilupp ulterjuri tal-IMP għall-2011-13 hu ta' EUR 40 000 000. Dan il-pakkett għandu jkun magħmul minn EUR 23 140 000 meħuda mill-baġit tal-2011 mingħajr ma jintuża l-marġni disponibbli tal-Intestatura 2 tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali, ammont ta' EUR 16 660 000, inkluż l-allokazzjoni għal għajnuna teknika, imdaħħla fl-abbozz tal-baġit u aċċettata mill-Kunsill matul il-qari minnu tal-baġit tal-2012 u ammont ulterjuri ta' EUR 200 000 għal għajnuna teknika li għandu jiddaħħal fil-baġit tal-2013.

Għal dan l-għan, il-baġit tal-2011 ikollu bżonn jiġi emendat biex tinħoloq in-nomenklatura meħtieġa u jiddaħħlu l-approprjazzjonijiet fir-riżerva. Il-baġits adottati għall-2012 u l-2013 ikun jeħtieġ li jinkludu l-ammonti rilevanti għal dawk is-snin.

Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma jeskludux il-possibilità li jipprovdu għal atti ddelegati fil-Programmi futuri “l hinn mill-2013 abbażi ta' proposti relevanti tal-Kummissjoni.

(1) ĠU C 107, 6.4.2011, p. 64.
(2) ĠU C 104, 2.4.2011, p. 47.


Il-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka u attivitajiet ta' taħriġ nukleari *
PDF 373kWORD 130k
Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka u attivitajiet ta' taħriġ nukleari (2012 - 2013) (COM(2011)0072 – C7-0077/2011 – 2011/0046(NLE))
P7_TA(2011)0509A7-0360/2011

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2011)0072),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat Euratom, li skontu l-Kunsill ikkonsulta mal-Parlament (C7–0077/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0360/2011),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Iqis li l-ammont tar-referenza ewlenija indikat fil-proposta leġiżlattiva mhuwiex kompatibbli mal-limitu massimu tal-Intestatura 1a tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali attwali 2007-2013 (MFF); jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni(1) biex jiġi rivedut l-MFF attwali abbażi tal-punti 21 sa 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod(2) (IIA) sabiex jiġi akkomodat finanzjament addizzjonali mhux previst għall-ITER għas-snin 2012 u 2013; lest li jidħol f'negozjati mal-fergħa l-oħra tal-awtorità baġitarja, fuq il-bażi tal-mezzi kollha pprovduti fl-IIA, bl-għan li jintlaħaq ftehim rapidu dwar il-finanzjament tal-programm tar-riċerka tal-Euratom sal-aħħar tal-2011; ifakkar li huwa kontra kull forma ta' riallokazzjoni mis-Seba' Programm Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013)(3) kif propost fil-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex biex timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom;

4.  Jistieden lill-Kunsill jinforma lill-Parlament jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

5.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsulta lill-Parlament jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sostanzjali;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 4 a (ġdida)
(4a)  It-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Qafas (2012 - 2013) għandhom ikuun bbażati fuq il-prinċipji tas-sempliċità, l-istabbiltà, it-trasparenza, iċ-ċertezza ġuridika, il-konsistenza, l-eċċellenza u l-fiduċja f' konformita' mar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 Novembru 2010 dwar is-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Programmi Kwadri għar-Riċerka1.
1Testi adottati P7_TA (2010)0401
Emenda 2
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 5 a (ġdida)
(5a)  It-titjib tas-sikurezza nukleari u, fejn ikun rilevanti, l-aspetti tas-sigurtà, għandhom ikunu prijoritizzati, minħabba l-impatt transkonfinali li l-inċidenti nukleari jistgħu jikkawżaw.
Emenda 3
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 6 a (ġdida)
(6a)  L-Inizjattiva Ewropea għall-Industrija Nukleari Sostenibbli (ESNII) għandha bħala l-għan tagħha l-iżvilupp tar-Reatturi ta' Newtroni Rapidi tal-Ġen-IV b'ċiklu tal-fjuwil magħluq bejn l-2035 u l-2040. Hija ssegwi tliet linji ta' żvilupp teknoloġiku u tinkludi erba' proġetti ewlenin: il-prototip ASTRID (imkessaħ bis-sodju), il-mudell sperimentali ALLEGRO (imkessaħ bil-gass), id-dimostratur ALFRED (imkessaħ biċ-ċomb) u, infrastruttura u appoġġ rigward l-aħħar teknoloġija msemmija, l-impjant ta' irradjazzjoni ta' newtroni rapidi MYRRHA (imkessaħ biċ-ċomb-bismut).
Emenda 4
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 6 b (ġdida)
(6b)  Tliet inizjattivi ewlenin ta' kooperazzjoni Ewropea fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija nukleari ġew imnedija fi żmien is-Seba' Programm Qafas tal-Euratom (2007 sal-2011). Dawn huma l-Pjattaforma tat-Teknoloġija tal-Enerġija Nukleari Sostenibbli (SNETP), il-Pjattaforma ta' Implimentazzjoni tat-Teknoloġija tar-Rimi Ġeoloġiku (IGDTP) u l-Inizjattiva Multidixxiplinarja Ewropea ta' Doża Baxxa (MELODI). Kemm l-SNETP kif ukoll l-IGDTP jikkorrispondu mal-objettivi tal-Pjan SET.
Emenda 5
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 6 c (ġdida)
(6c)  Fid-dawl tal-inċident fl-impjant nukleari ta' Fukushima fil-Ġappun li rriżulta mit-terremot u mit-tsunami tal-11 ta' Marzu 2011, jeħtieġ li ssir aktar ħidma fir-riċerka fil-qasam tas-sikurezza tal-fissjoni nukleari sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu aċċertati li s-sikurezza tal-impjanti nukleari bbażati fl-Unjoni tibqa' tilħaq l-ogħla standards internazzjonali. It-tali ħidma addizzjonali tirrikjedi żieda fl-allokazzjoni baġitarja għall-fissjoni nukleari.
Emenda 6
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 9 a (ġdida)
(9a)  Ftehim fuq finanzjament addizzjonali tal-ITER permezz ta' trasferimenti biss ta' marġni tal-2011 tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) u mingħajr tqassim mill-ġdid mis-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka tal-UE għall-Programm Qafas Euratom (2007-2013) għall-Programm Qafas (2012-2013) ikun jippermetti adozzjoni rapida tal-programm fl-2011.
Emenda 7
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 11
(11)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħtieġa għal ħiliet fil-qasam nukleari, adottati fil-laqgħa tagħha li saret fl-1 u t-2 ta' Diċembru 2008, jirrikonoxxu li huwa essenzjali li jinżamm fi ħdan il-Komunità livell għoli ta' taħriġ fil-qasam nukleari.
(11)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħtieġa għal ħiliet fil-qasam nukleari, adottati fil-laqgħa tiegħu li saret fl-1 u t-2 ta' Diċembru 2008, jirrikonoxxu li huwa essenzjali li jinżamm fi ħdan il-Komunità livell għoli ta' taħriġ, u kundizzjonijiet ta' xogħol xierqa, fil-qasam nukleari.
Emenda 8
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 14 a (ġdida)
(14a)  Il-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri għandhom jibdew proċess biex ikun emendat it-Trattat Euratom, biex jissaħħu d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar id-drittijiet tal-informazzjoni u tal-koleġiżlazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kwistjonijiet rigward ir-riċerka Euratom u l-protezzjoni ambjentali biex ikunu ffaċilitati, fost l-oħrajn, proċeduri baġitarji futuri.
Emenda 9
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 16
(16)  Din id-Deċiżjoni għandha tistabbilixxi, għall-perjodu sħiħ tal-Programm Qafas (2012-2013), pakkett finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza primarja, fit-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod, għall-awtorità baġitarja matul il-proċedura baġitarja annwali.
(16)  Din id-Deċiżjoni għandha tistabbilixxi, għall-perjodu sħiħ tal-Programm Qafas (2012-2013), pakkett finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza primarja, fit-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod (IIA), għall-awtorità baġitarja matul il-proċedura baġitarja annwali. Biex jiġi akkomodat il-Programm Qafas (2012-2013) fl-MFF għas-snin 2012 u 2013, jeħtieġ li l-MFF jiġi emendat billi jiżdied il-livell massimu tal-Intestatura 1a. Jekk l-ebda marġni ieħor tal-MFF tal-2011 ma jkun disponibbli biex ikun trasferit fl-2012 u fl-2013, l-Istrument tal-Flessibbiltà, kif previst fil-punt 27 tal-IIA, għandu jkun mobilizzat.
Emenda 10
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 16 a (ġdida)
(16a)  Għall-MFF tal-2014-2020, ir-riżorsi finanzjarji ddedikati għall-proġett ITER għandhom ikunu stabbiliti għall-perjodu kollu tal-programmar sabiex kull ammont li jaqbeż il-limitu tal-ispiża tas-sehem tal-UE ta' EUR  6 600 000 000għall-perjodu ta' kostruzzjoni tal-ITER, attwalment ippjanat biex ikun finalizzat fl-2020, ikun iffinanzjat barra l-limiti massimi tal-MFF (“id-delimitazzjoni tal-fondi”).
Emenda 11
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 18
(18)  Id-dimensjoni internazzjonali u globali tal-attivitajiet ta' riċerka Ewropej hija importanti bil-għan li jinkisbu benefiċċji reċiproki. Il-Programm Qafas (2012-2013) għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi li kkonkludew il-ftehimiet meħtieġa għal dan il-għan, u għandu jkun miftuħ, fil-livell tal-proġett u fuq il-bażi ta' benefiċċju reċiproku, għall-parteċipazzjoni ta' entitajiet minn pajjiżi terzi u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali għal kooperazzjoni xjentifika.
(18)  Id-dimensjoni internazzjonali u globali tal-attivitajiet ta' riċerka Ewropej hija importanti bil-għan li jinkisbu benefiċċji reċiproki. Il-Programm Qafas (2012-2013) għandu jkun għalhekk fuq naħa miftuħ għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi li kkonkludew il-ftehimiet meħtieġa għal dan il-għan, u għandu jkun miftuħ, fil-livell tal-proġett u fuq il-bażi ta' benefiċċju reċiproku, għall-parteċipazzjoni ta' entitajiet minn pajjiżi terzi u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali għal kooperazzjoni xjentifika. Mill-banda l-oħra, dan ifisser ukoll li, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam mal-proġett ITER, is-sħab internazzjonali għandhom jirrispettaw bis-sħiħ l-obbligi finanzjarji tagħhom.
Emenda 12
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 2 – paragrafu 1
1.  Il-Programm Qafas (2012-2013) għandu jsegwi l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(a) tat-Trattat, filwaqt li jikkontribwixxi lejn il-ħolqien tal-Unjoni tal-Innovazzjoni u msejjes fuq iż-Żona ta' Riċerka Ewropea.
1.  Il-Programm Qafas (2012-2013) għandu jsegwi l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(a) tat-Trattat, b'enfasi partikulari fuq is-sikurezza nukleari, is-sigurtà u l-protezzjoni mir-radjazzjoni, filwaqt li jikkontribwixxi lejn il-ħolqien tal-Unjoni tal-Innovazzjoni u msejjes fuq iż-Żona ta' Riċerka Ewropea.
Emenda 13
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 2 – paragrafu 2 a (ġdid)
2a.  Il-Programm Qafas (2012-2013) għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pjan SET. L-azzjonijiet tiegħu għandhom jikkunsidraw l-Aġenda ta' Riċerka Strateġika tat-tliet pjattaformu tekonoloġiċi Ewropej eżistenti dwar l-enerġija nukleari: l-SNETP, l-IGDTP u l-MELODI.
Emenda 14
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 3 – paragrafu 1 – parti introduttorja
L-ammont massimu għall-implimentazzjoni tal-Programm Qafas (2012-2013) għandu jkun ta' EUR 2 560 270 000. Dan l-ammont għandu jitqassam skont kif ġej (f'EUR):

L-ammont massimu għall-implimentazzjoni tal-Programm Qafas (2012-2013) għandu jkun ta' EUR 2 100 270 000. Dan l-ammont għandu jitqassam skont kif ġej (f'EUR):

Emenda 30
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt a – inċiż 1
riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni 2 208 809 000;
riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni 1 748 809 000; din iċ-ċifra tinkludi l-fondi neċessarji għat-tkomplija tal-programm JET f'Culham;
Emenda 16
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt a – inċiż 2
fissjoni nukleari u protezzjoni mir-radjazzjoni 118 245 000;
– fissjoni nukleari, speċjalment is-sikurezza, it-titjib tal-ġestjoni tal-iskart nukleari u protezzjoni mir-radjazzjoni 118 245 000;
Emenda 17
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt b - inċiż 1
attivitajiet nukleari tal-JRC 233 216 000.
– attivitajiet nukleari tal-JRC li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà nukleari, il-ħarsien tal-ambjent u d-dekummissjonar ta' 233 216 000
Emenda 18
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 4 – paragrafu 1 a (ġdid)
Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-iżvilupp ta' arranġamenti kuntrattwali li jnaqqsu kemm r-riskju ta' inadempjenza kif ukoll l-allokazzjoni mill-ġdid tar-riskji u l-ispejjeż maż-żmien

Emenda 19
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 6 – paragrafu 1 a (ġdid)
1a.  Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-inizjattivi li jkunu anċillari għar-riċerka nukleari fundamentali, b'mod partikulari fir-rigward tal-investiment fil-kapital uman u ta' kundizzjonijiet adegwati tax-xogħol u l-azzjonijiet maħsuba biex jindirizzaw ir-riskju ta' nuqqas ta' ħiliet fis-snin li ġejjin.
Emenda 20
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 6 – paragrafu 2 a (ġdid)
2a.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu eżami tal-kompetenzi, taħriġ u kwalifiki professjonali tal-Unjoni fil-qasam nukleari, li jippermetti perspettiva totali tas-sitwazzjoni attwali u jippermetti li jiġu identifikati u implimentati s-soluzzjonijiet xierqa.
Emenda 21
Proposta għal deċiżjoni
Anness 1 – parti I.A – taqsima 3 –– punt 2
Programm iffukat dwar il-fiżika u t-teknoloġija ser jisfrutta t-Torus Konġunt Ewropew (Joint European Torus - JET) u strumenti oħrajn relevanti ta' konteniment tal-manjetiżmu ta' ITER. Dan ser jivvaluta teknoloġiji speċifiċi ewlenin ta' ITER, jikkonsolida għażliet ta' proġetti ta' ITER, u jħejji għat-tħaddim ta' ITER.

Programm iffukat dwar il-fiżika u t-teknoloġija ser jisfrutta t-Torus Konġunt Ewropew (Joint European Torus - JET) u strumenti oħrajn relevanti ta' konteniment tal-manjetiżmu ta' ITER (inkluż, potenzjalment, permezz ta' esperimenti ġodda li għandhom jiġu implimentati u mwettqa b'mod parallel ma' ITER). Dan ser jivvaluta teknoloġiji speċifiċi ewlenin ta' ITER, jikkonsolida għażliet ta' proġetti ta' ITER, u jħejji għat-tħaddim ta' ITER.

Emenda 22
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – parti I.B – taqsima 3 – Objettiv
L-istabbiliment ta' bażi xjentifika u teknika soda sabiex jiġu aċċelerati l-iżviluppi prattiċi għall-immaniġġjar aktar sigur ta' skart radjuattiv b'ħajja twila, li jtejjeb b'mod partikolari s-sikurezza, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-kosteffettività tal-enerġija nukleari u jiżgura sistema ta' protezzjoni robusta u soċjalment aċċettabbli għall-bniedem u l-ambjent kontra l-effetti tar-radjazzjoni jonizzanti.

L-istabbiliment ta' bażi xjentifika u teknika soda sabiex jiġu aċċelerati l-iżviluppi prattiċi għall-immaniġġjar aktar sigur ta' skart radjuattiv b'ħajja twila, li jtejjeb b'mod partikolari s-sikurezza, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-kosteffettività tal-enerġija nukleari u jiżgura sistema ta' protezzjoni robusta u soċjalment aċċettabbli għall-bniedem u l-ambjent kontra l-effetti tar-radjazzjoni jonizzanti. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-iskart nukleari b'ħajja twila fid-dekummissjonar ta' sistemi qodma.

Emenda 23
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – parti I.B – taqsima 3 - punt 5
Appoġġ għaż-żamma u l-iżvilupp ulterjuri ta' kompetenza xjentifika u kapaċità umana sabiex tiġi ggarantita d-disponibbiltà ta' riċerkaturi, inġiniera u impjegati kkwalifikati b'mod adegwat fis-settur nukleari fuq medda ta' żmien aktar fit-tul.

Appoġġ kontinwu għaż-żamma u l-iżvilupp ta' persunal kwalifikat meħtieġ biex tinżamm l-indipendenza nukleari tal-Unjoni, u kostantement tiġi żgurata s-sigurtà nukleari, u jittejjeb il-livell tagħha. Hu kruċjali li tinżamm ħila esperta fl-Unjoni dwar il-qasam nukleari, fir-rigward tal-protezzjoni mir-radjazzjoni u ż-żarmar tal-impjanti nukleari, minħabba li l-enerġija nukleari se tiżvolġi rwol importanti fit-taħlita tal-enerġija tal-UE, inklużi d-dekummissjonar u l-attivitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart li għandu ħajja twila.

Emenda 24
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – parti II – taqsima 2 - paragrafu 2
Sabiex jintlaħaq dan l-għan, hemm bżonn ċar li jiġu żviluppati l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenza sabiex jiġu pprovduti l-aktar teknoloġija xjentifika avvanzata meħtieġa, ħila esperta indipendenti u affidabbli li tappoġġa l-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tas-sikurezza tar-reattur nukleari u ċ-ċikli tal-fjuwil, u s-salvagwardji u s-sigurtà nukleari. L-appoġġ immexxi mill-klijenti lejn il-politika tal-Unjoni enfasizzata fil-missjoni tal-JRC ser jiġi kkumplimentat bi rwol proattiv fi ħdan iż-Żona ta' Riċerka Ewropea fit-twettiq ta' attivitajiet ta' riċerka ta' kwalità għolja f'kuntatt mill-qrib mal-industrija u korpi oħrajn u sabiex jiġu żviluppati netwerks ma' istituzzjonijiet pubbliċi u privati fl-Istati Membri.

Sabiex jintlaħaq dan l-għan, hemm bżonn ċar li jiġu żviluppati l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenza sabiex jiġu pprovduti l-aktar teknoloġija xjentifika avvanzata meħtieġa, ħila esperta indipendenti u affidabbli li tappoġġa l-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tas-salvagwardji u s-sigurtà nukleari. Il-missjoni tal-JRC ser jiġi kkumplimentat bi rwol proattiv fi ħdan iż-Żona ta' Riċerka Ewropea fit-twettiq ta' attivitajiet ta' riċerka ta' kwalità għolja f'kuntatt mill-qrib mal-industrija u korpi oħrajn u sabiex jiġu żviluppati netwerks ma' istituzzjonijiet pubbliċi u privati fl-Istati Membri. Ir-rwol tiegħu bħala fornitur ta' informazzjoni lill-pubbliku se jissaħħaħ.

Emenda 25
Proposta għal deċiżjoni
Anness I – parti II – taqsima 3 – punt 3
3.  Is-sigurtà nukleari, ser tkompli tappoġġa it-twettiq tal-impenji tal-Komunità, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' metodi għall-kontroll tal-faċilitajiet taċ-ċiklu tal-fjuwil, l-implimentazzjoni tal-protokoll addizzjonali inkluż it-teħid ta' kampjuni ambjentali u salvagwardji integrati, u l-prvenzjoni tad-diverżjoni ta' materjali nukleari u radjuattivi assoċjati ma' traffikar illeċitu ta' tali materjali inkluża l-forensika nukleari.
3.  Is-sigurtà nukleari, ser tkompli tappoġġa it-twettiq tal-impenji tal-Komunità, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' metodi għall-kontroll tal-faċilitajiet taċ-ċiklu tal-fjuwil, l-implimentazzjoni tal-protokoll addizzjonali inkluż it-teħid ta' kampjuni ambjentali u salvagwardji integrati, u l-prvenzjoni tad-diverżjoni ta' materjali nukleari u radjuattivi assoċjati ma' traffikar illeċitu ta' tali materjali inkluża l-forensika nukleari. Hu neċċessarju li jintużaw l-aħjar strumenti ta' monitoraġġ tal-attivitajiet nukleari ċivili kollha inkluż l-operazzjonijiet ta' trasport jew il-post fejn jinħażen kwalunkwe materjal radjuattiv.
Emenda 28
Proposta għal deċiżjoni
Anness II – introduzzjoni – paragrafu 1 a (ġdid)
Il-ġestjoni tal-finanzjament tar-riċerka Ewropea għandha tkun ibbażata aktar fuq il-fiduċja u tkun aktar tolleranti għar-riskji fir-rigward tal-parteċipanti fil-fażijiet kollha tal-proġetti, filwaqt li tiġi ggarantita r-responsabbiltà, b'regoli flessibbli tal-Unjoni biex tkun aktar konformi, fejn hu possibbli, mar-regolamenti nazzjonali differenti eżistenti u prattiki ta' kontabbiltà rikonoxxuti.

Emenda 29
Proposta għal deċiżjoni
Anness II – introduzzjoni – paragrafu 1 b (ġdid)
Jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ bejn il-fiduċja u l-kontroll – bejn it-teħid tar-riskju u l-perikli li r-riskju jġib miegħu – biex tiġi żgurata l-ġestjoni finanzjarja soda tal-fondi tal-Unjoni għar-riċerka.

Emenda 26
Proposta għal deċiżjoni
Anness II – punt 2 – punt a – punt 1
Appoġġ għal proġetti ta' riċerka mwettqa minn konsorzja ma' parteċipanti minn pajjiżi differenti, immirati biex jiżviluppaw għarfien ġdid, teknoloġija ġdida, prodotti jew riżorsi komuni għar-riċerka. Id-daqs, l-ambitu u l-organizzazzjoni interna tal-proġetti jistgħu jvarjaw bejn qasam u ieħor u bejn suġġett u ieħor. Il-proġetti jistgħu jvarjaw minn azzjonijiet ta' riċerka ffukati fuq skala żgħira jew medja għal proġetti ta' integrazzjoni akbar li jimmobilizzaw volum sinifikanti ta' riżorsi għall-kisba ta' objettiv iddefinit. L-appoġġ għat-taħriġ u l-iżvilupp fil-karriera tar-riċerkaturi ser jiġi inkluż fil-pjanijiet ta' ħidma tal-proġett.

Appoġġ għal proġetti ta' riċerka mwettqa minn konsorzja ma' parteċipanti minn pajjiżi differenti, immirati biex jiżviluppaw għarfien ġdid, teknoloġija ġdida, prodotti jew riżorsi komuni għar-riċerka. Id-daqs, l-ambitu u l-organizzazzjoni interna tal-proġetti jistgħu jvarjaw bejn qasam u ieħor u bejn suġġett u ieħor. Il-proġetti jistgħu jvarjaw minn azzjonijiet ta' riċerka ffukati fuq skala żgħira jew medja għal proġetti ta' integrazzjoni akbar li jimmobilizzaw volum sinifikanti ta' riżorsi għall-kisba ta' objettiv iddefinit. L-appoġġ għat-taħriġ u l-iżvilupp fil-karriera tar-riċerkaturi ser jiġi inkluż fil-pjanijiet ta' ħidma tal-proġett. Attivitajiet ta' standardizzazzjoni se jkunu inklużi fil-programm ta' ħidma tal-proġett.

Emenda 27
Proposta għal deċiżjoni
Anness II – punt 2 – punt a – punt 3
L-appoġġ għal attivitajiet biex tiġi kkoordinata riċerka ta' koordinazzjoni jew appoġġ (netwerking, skambji, aċċess transnazzjonali għal infrastrutturi ta' riċerka, studji, konferenzi, kontribuzzjonijiet matul il-kostruzzjoni ta' infrastruttura ġdida, eċċ.) jew biex jiġi promoss l-iżvilupp ta' riżorsi umani (eż. netwerking u stabbiliment ta' skemi ta' taħriġ). Dawn l-azzjonijiet jistgħu jiġu implimentati wkoll b'mezzi oħra apparti minn sejħiet għal proposti.

L-appoġġ għal attivitajiet biex tiġi kkoordinata riċerka ta' koordinazzjoni jew appoġġ (netwerking, skambji, aċċess transnazzjonali għal infrastrutturi ta' riċerka, studji, konferenzi, parteċipazzjoni fil-korpi ta' standardizzazzjoni, kontribuzzjonijiet matul il-kostruzzjoni ta' infrastruttura ġdida, eċċ.) jew biex jiġi promoss l-iżvilupp ta' riżorsi umani (eż. netwerking u stabbiliment ta' skemi ta' taħriġ). Dawn l-azzjonijiet jistgħu jiġu implimentati wkoll b'mezzi oħra apparti minn sejħiet għal proposti.

(1) COM (2011)0226.
(2) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(3) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.


Samit UE-Stati Uniti tat-28 ta' Novembru 2011
PDF 295kWORD 57k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar is-Samit bejn l-UE u l-USA tat-28 ta' Novembru 2011
P7_TA(2011)0510RC-B7-0577/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, minkejja li bosta sfidi dinjija fil-qasam tal-politika barranija, is-sigurtà, l-iżvilupp u l-ambjent qed iqajmu l-ħtieġa ta' azzjoni konġunta u kooperazzjoni trans-Atlantika, il-kriżi ekonomika attwali telgħet fil-quċċata bħala l-isfida ewlenija li għandha tiġi indirizzata llum;

B.  billi, flimkien, l-UE u l-USA jirrappreżentaw nofs l-ekonomija dinjija, u billi s-sħubija ta' bejniethom ta' USD 4,28 triljun tikkostitwixxi r-relazzjoni ekonomika li hija l-akbar, l-aktar integrata u l-aktar dejjiema fid-dinja, kif ukoll mutur ewlieni tal-prosperità ekonomika dinjija;

C.  billli l-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi tal-preżent, sew fl-Ewropa kif ukoll fl-Istati Uniti tal-Amerika, qed jheddu l-istabbiltà u l-prosperità tal-ekonomiji tagħna u l-benessri taċ-ċittadini tagħna, u billi qatt ma nħasset aktar urġenti l-kooperazzjoni ekonomika aktar mill-qrib bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti tal-Amerika sabiex jiġu miġġielda dawn il-kriżijiet;

D.  billi l-imperattiv li nissalvagwardjaw il-libertà u s-sigurtà domestika m'għandux jinqeda akkost ta' sagrifiċċju tal-prinċipji ċentrali dwar il-libertajiet ċiviċi u ż-żamma ma' standards komuni rigward id-drittijiet tal-bniedem;

E.  billi s-sħubija trans-Atlantika hija msejsa fuq valuri ċentrali komuni bħal-libertà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, kif ukoll fuq għanijiet komuni bħalma huma l-progress u l-inklużjoni soċjali, l-ekonomiji miftuħa u integrati, l-iżvilupp sostenibbli u s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti, u hi l-pedament tas-sigurtà u l-istabbiltà fiż-żona Ewro-Atlantika;

L-impjiegi u t-tkabbir

1.  Jilqa' l-konklużjonijiet tas-Samit G20 li sar f'Cannes fit-3-4 ta' Novembru 2011, partikolarment rigward il-Pjan ta' Azzjoni għat-Tkabbir u l-Impjiegi, ir-riforma biex tissaħħaħ is-sistema monetarja internazzjonali, it-tkomplija tal-isforzi biex tittejjeb ir-regolazzjoni finanzjarja u l-impenji biex tingħata spinta lill-kummerċ multilaterali u jiġi evitat il-protezzjoniżmu; iqis li huwa essenzjali li, waqt is-Samit bejn l-UE u l-USA, iż-żewġ sħab iwiegħdu li jieħdu r-rwol prinċipali dwar l-implimentazzjoni tal-impenji tal-G20; jinnota li d-diskussjoni tal-G20 dwar sett ta' għażliet għall-finanzjament innovattiv u li l-UE qed tkompli tiżviluppa l-idea ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji;

2.  Jistieden lill-amministrazzjonijiet tal-UE u tal-USA jiżviluppaw u jvaraw inizjattiva trans-Atlantika konġunta għall-impjiegi u t-tkabbir, inkluż pjan direzzjonali għall-promozzjoni tal-kummerċ u tal-investiment;

3.  Jitlob li l-UE u l-USA jimplimentaw mekkanżimu ta' twissija bikrija għall-individwazzjoni u d-deterrent tal-protezzjoniżmu fir-relazzjonijiet bilaterali; ifakkar fis-sinifikat li għandhom għall-kummerċ trans-Atlantiku swieq miftuħa tal-akkwist pubbliku li joffru lill-fornituri kollha aċċess indaqs, b'mod partikolari għall-impriżi żgħar u medji, u għalhekk jitlob lill-USA biex ma tintroduċix rekwiżiti “Buy American”; jisħaq fuq l-importanza tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku Governattiv (GPA) għall-iżgurar ta' aċċess miftuħ u bbilanċjat ta' dan it-tip għaż-żewġ swieq;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-proċess tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (TEC) jissaħħaħ biex jintlaħqu dawn l-objettivi, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' standards komuni għal oqsma ġoddali jeħtieġu r-regolazzjoni, bħan-nanoteknoloġija, jew setturi ekonomiċi tal-ġejjieni, bħat-teknoloġija tal-vetturi elettriċi; iħeġġeġ lill-UE u lill-USA biex jinvolvu lir-rappreżentanti tad-Djalogu bejn il-Leġiżlaturi Trans-Atlantiċi (TLD) mill-qrib fit-TEC, peress li l-leġiżlaturi jaqsmu r-responsabilità tagħhom għall-implimentazzjoni u s-sorveljanza ta' ħafna deċiżjonijiet tat-TEC mal-fergħat eżekuttivi rispettivi tagħhom;

5.  Iħeġġeġ l-iskambju ta' esperjenzi u l-aqwa prattika bejn l-UE u l-USA dwar kif għandha titħeġġeġ l-intraprenditorija, inkluż permezz ta' appoġġ għal intrapriżi ġodda u l-indirizzar ta' fallimenti;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-isforzi ta' kooperazzjoni jissaħħu fil-qafas ta' sħubija tar-riċerka u l-innovazzjoni;

7.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li nadottaw u nimplimentaw Pjan Direzzjonali UE-USA dwar il-materja prima sal-2020 b'enfasi partikolari fuq il-metalli rari, li għandu jippromwovi l-kooperazzjoni fl-effiċjenza tar-riżorsi, l-innovazzjoni fit-teknoloġiji tal-estrazzjoni u r-riċiklaġġ tal-materja prima, u r-riċerka dwar is-sostituzzjoni; jitlob għal strateġija trans-Atlantika biex titkattar il-governanza dinjija marbuta mal-materja prima permezz ta' ħidma kooperattiva bħal Forum Internazzjonali dwar il-Materja Prima simili għall-Forum Internazzjonali dwar l-Enerġija;

8.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni fil-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija, l-enerġiji rinnovabbli u standards ta' sikurezza nukleari għoljin madwar id-dinja, u jilqa' il-koordinazzjoni kontinwa tal-programmi ta' tikkettar tal-effiċjenza enerġetika għat-tagħmir tal-uffiċċju, u l-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-enerġija;

9.  Jitob lill-Kummissjoni tkompli għaddejja bin-negozjati mal-USA fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti, u jilqa' l-introduzzjoni ta' bażi legali għall-Consumer Product Safety Committee tal-USA għan-negozjati mal-UE dwar il-ftehim, li għandu jtejjeb l-iskambju ta' tagħrif dwar il-prodotti perikolużi, id-danni u l-azzjonijiet korrettivi li jsiru sew fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fl-USA;

Il-governanza dinjija, il-politika tal-affarijiet barranin u l-iżvilupp

10.  Ifakkar li l-aqwa garanzija għas-sigurtà dinjija tinsab f'demokraziji ħielsa u miftuħa li jippromwovu l-paċi u l-istabbiltà, u jappella biex l-UE u l-USA jkomplu jsaħħu l-kooperazzjoni biex jippromwovu l-paċi, b'mod partikolari fil-Lvant Nofsani, u jagħtu s-sostenn tagħhom lid-demokraziji emerġenti fl-Afrika ta' Fuq;

11.  Iħeġġeġ lill-UE u l-USA jagħmlu ħilithom għall-bidu mill-ġdid ta' negozjati diretti bejn l-Iżrael u l-Palestinjani b'konformità sħiħa mal-liġi internazzjonali, li jwassal għal soluzzjoni ta' żewġ stati, abbażi tal-fruntieri tal-1967 u b'Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael sigur u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà; jappella lill-Istati Membri u lill-USA jindirizzaw it-talba leġittima tal-Palestinjani biex ikun rappreżentat bħala stat tan-Nazzjonijiet Uniti bħala riżultat tan-negozjati fi ħdan il-qafas tan-NU;

12.  Japella, b'mod partikolari, għal inizjattiva komuni bejn l-UE u l-USA sabiex tikkonvinċi lill-gvern tal-Iżrael ireġġa' lura d-deċiżjoni tiegħu li jħaffef il-bini ta' 2000 unità fix-Xatt tal-Punent u li jżomm id-dħul doganali li għandu jagħti lill-Awtorità Nazzjonali Palestinjana bħala tweġiba għall-ammissjoni tal-Palestina mal-UNESCO;

13.  Jikkundanna bil-qawwa l-eskalazzjoni tal-użu tal-forza fis-Sirja, u jappoġġja l-isforzi li l-USA u l-Istati Membri tal-UE għamlu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) biex tingħadda riżoluzzjoni li tikkundanna l-użu tal-forza letali min-naħa tar-reġim Sirjan u ssejjaħ għat-tmiem ta' dan l-użu tal-forza kif ukoll tipprovdi għal sanzjonijiet fin-nuqqas ta' dan; jilqa' s-suspensjoni min-naħa tal-Lega Għarbija tal-isħubija tas-Sirja, u jilqa' it-talbiet mir-Re Abdullah tal-Ġordan biex jirriżenja l-President Bashar al-Assad;

14.  Jistieden lill-UE u lill-USA jibqgħu jappoġġjaw lill-awtoritajiet tranżizzjonali Libjani f'kull ħidma biex jibnu soċjetà inklussiva u demokratika; jenfasizza fl-istess waqt li dan l-appoġġ għandu jkun kondizzjonali fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-parteċipazzjoni politika taċ-ċittadini kollha, b'mod partikolari tan-nisa;

15.  Huwa mħasseb bil-qawwa dwar l-allegazzjonijiet fl-aħħar rapport tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) rigward il-progress li għamel l-Iran fil-ksib tal-għarfien neċessarju biex jiddisinja u jibni arma nukleari; jiddeplora l-fatt li l-Iran, minkejja li ripetutement insista li l-programm nukleari tiegħu huwa maħsub għal finijiet paċifiċi u tal-ġenerazzjoni tal-enerġija ċivili biss, naqas milli jikkoopera bis-sħiħ mal-IAEA; jemmen li l-UE u l-USA għandhom ikompli jaħdmu b'kooperazzjoni mill-qrib u fi ħdan il-P5+1 biex tinżamm il-pressjoni qawwija fuq l-Iran, bil-mezzi politiċi, diplomatiċi u ekonomiċi kollha, inklużi sanzjonijiet, biex jiġi jkun persważ jissodisfa l-obbligi internazzjonali ta' non-proliferazzjoni tiegħu u biex jiġi evitat u kkontrollat it-theddid tiegħu fuq is-sigurtà internazzjonali;

16.  Jenfasizza li, bejniethom, l-UE u l-USA jimmaniġġjaw 90 % tal-għajnuna dinjija għall-iżvilupp fil-qasam tas-saħħa u 80 % tal-għajnuna kumplessiva; jilqa' l-varar mill-ġdid tad-Djalogu bejn l-UE u l-USA dwar l-Iżvilupp f'Settembru 2011, minħabba li għad fadal biss ħames snin biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millenju;

17.  Jistieden lill-UE u lill-USA jagħmlu pressjoni għal azzjoni fil-G20 għal aktar kooperazzjoni dinjija fl-indirizzaw tal-ispekulazzjoni abbużiva fuq il-prezzijiet tal-ikel u l-fluttwazzjonijiet eċċessivi tal-prezzijiet dinjija tal-ikel; jisħaq li jeħtieġ li l-G20 jinvolvi pajjiżi li mhumiex fil-G20, biex jiżgura konverġenza dinjija;

18.  Jenfasizza li s-Samit għandu jintuża wkoll għall-iskambju tal-opinjonijiet u għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni rigward il-pajjiżi terzi, partikolarment il-BRICs;

19.  Jenfasizza li t-tibdil fil-klima joħloq tħassib dinji, u jappella lill-Kummissjoni tfittex impenn ambizzjuż min-naħa tal-USA biex jinkiseb progress fil-Konferenza li jmiss ta' Durban, bil-ħsieb li jiġi żgurat li jitfassal mandat iddettaljat biex jiġu konklużi n-negozjati għal ftehim dinji komprensiv dwar it-tibdil fil-klima sal-2015; hu mħasseb, f'dan ir-rigward huwa mħasseb dwar l-Abbozz 2594, adottat dan l-aħħar mill-House of Representatives tal-USA, li jagħmel sejħa għal projbizzjoni ta' parteċipazzjoni tal-linji tal-ajru tal-USA fl-Iskema tal-Iskambju tal-Emissjonijiet tal-UE; jistieden lis-Senat tal-USA biex ma jadottax dan l-Abbozz, u jappella għal djalogu kostruttiv fuq dan is-suġġett;

20.  Jitlob li s-Samit tal-UE u l-USA jqis il-kwistjonijiet bħall-protezzjoni tal-klima, l-iskarzezza tar-u l-effiċjenza tar-riżorsi, is-sigurtà tal-enerġija, l-innovazzjoni u l-kompetittività fid-diskussjonijiet dwar l-ekonomija; itenni li l-azzjoni kkoordinata internazzjonalment tgħin biex tindirizza t-tħassib dwar ir-rilaxx tal-karbonju ta' setturi rilevanti, partikolarment fis-setturi intensivi fl-enerġija;

Il-libertà u s-sigurtà

21.  Jirrikonoxxi li l-flussi kolha ta' passiġġieri u merkanzija fiż-żona trans-Atlantika għandhom ikunu soġġetti għal miżuri xierqa u proporzjonali ta' sigurtà;

22.  Jistieden lill-USA, f'dak ir-rigward, titbiegħed minn restrizzjonijiet ġenerali wiesgħa bħal 100 % skennjar tal-kontejners jew il-projbizzjoni tal-likwidi abbord l-ajruplani u timxi favur approċċi aktar immirati u bbażati fuq ir-riskju, bħalma huma skemi ta' operaturi siguri u l-iskennjar tal-likwidi;

23.  Jilqa“, f'dan il-kuntest, il-ftuħ ta' negozjati f'Marzu 2011 rigward il-ftehim UE-USA dwar il-protezzjoni tad-data personali; jinnota t-tħabbir mill-Kummissjoni tan-negozjati dwar ftehim UE-Stati Uniti dwar il-PNR li jiġu eżaminat mill-Parlament Ewropew fid-dawl tar-rekwiżit tiegħu stipulat fir-riżoluzzjonijiet tal-5 ta' Mejju 2010(1) u l-11 ta' Novembru 2010(2);;

24.  Jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni soda tal-ftehimiet UE-USA dwar l-estradizzjoni u l-għajnuna legali reċiproka u l-istrumenti bilaterali relatati;

25.  Itenni l-opinjoni tiegħu li l-UE trid tkompli tqajjem mal-USA, kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak tekniku, il-kwistjoni tal-importanza mogħtija mill-UE għall-ammissjoni tal-erba' Stati Membri tal-UE li fadal għall-programm għall-eżenzjoni mill-viża kemm jista' jkun malajr;

26.  Jisħaq fuq il-ħtieġa nipproteġu l-integrità tal-internet globali u l-libertà tal-komunikazzjoni billi nevitaw miżuri unilaterali għal revoka ta' indirizzi tal-Internet Protocoll (IP) jew ta' domain names;

27.  Iqis il-proposti konkreti ta' kumitati differenti tal-Parlament u jitlob lid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għat-TLD biex jagħmlu użu mill-kontribuzzjonijiet tagħhom;

o
o   o

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kungress tal-Istati Uniti, lill-kopresidenti tad-Djalogu bejn il-Leġiżlaturi Transatlantiċi u lill-kopresidenti u s-segretarjat tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku.

(1) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 70.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0397.


L-Internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa
PDF 226kWORD 59k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa
P7_TA(2011)0511B7-0572/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tad-19 ta' April 2011 dwar l-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa (COM(2011)0222),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsiji tat-12 ta' Ottubru u tal-14 ta' Ottubru 2011 lill-Kunsill dwar L-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa (O-000243/2011 – B7-0641/2011 u O-000261/2011 - B7-0653/2011),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, tat-18 ta' Diċembru 2009, dwar in-newtralità tal-internet(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 1(8)(g) tad-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 20(1)(b), 21(3)(c) u (d) u 22(3) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, kif emendata mid-Direttiva 2009/136/KE,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tad-19 ta' Mejju 2010, bit-titlu “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM(2010)0245),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2010 dwar “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tat-13 ta' April 2011, bit-titlu “L-Att dwar is-Suq Uniku. Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u tiġi rinfurzata l-fiduċja - Flimkien għal tkabbir ġdid” (COM(2011)0206),

–  wara li kkunsidra s-Summit dwar “L-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa” organizzat b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea fi Brussell fil-11 ta' Novembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-IMCO dwar in-“Newtralità tan-Netwerk: Sfidi u reazzjonijiet fl-UE u fl-Istati Uniti” (IP/A/IMCO/ST/2011-02) ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tas-7 ta' Ottubru 2011 dwar in-newtralità tan-net, il-ġestjoni tat-traffiku u l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kunsill biħsiebu jadotta konklużjonijiet dwar l-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa fil-Kunsill TTE tat-13 ta' Diċembru 2011,

B.  billi l-Istati Membri tal-UE kellhom jikkonformaw sal-25 ta' Mejju 2011 mal-pakkett tal-UE tal-2009 dwar ir-riforma tat-telekomunikazzjonijiet u l-Kummissjoni diġà ħadet il-passi meħtieġa biex tiżgura li jitħarsu l-prinċipji tat-Trattat tal-UE u tal-acquis communautaire,

C.  billi l-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja l-prinċipji tan-newtralità u ta' internet miftuħ, kif ukoll tippromwovi l-abbiltà tal-utenti aħħarin li jaċċessaw u jqassmu informazzjoni u jużaw applikazzjonijiet u servizzi tal-għażla tagħhom,

D.  billi l-Kummissjoni talbet lill-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) janalizza l-ostakli biex jinbidel l-operatur u l-prattiki ta' mblukkar u trażżin tat-traffiku tal-internet, kif ukoll it-trasparenza u l-kwalità tas-servizz fl-Istati Membri,

E.  billi l-karatteristika miftuħa tal-internet kienet il-forza motriċi tal-kompetittivtà, it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp soċjali u l-innovazzjoni li wasslet għal livelli spettakolari ta' żvilupp fl-applikazzjonijiet, il-kontenut u s-servizzi onlajn, u b'hekk ta' tkabbir fl-offerta u d-domanda tal-kontenut u s-servizzi; billi din il-karatteristika għamlitu aċċelleratur importanti ħafna fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-għarfien, l-ideat u l-informazzjoni, anke f'pajjiżi fejn hemm aċċess limitat għall-midja indipendenti,

F.  billi hemm terzi pajjiżi li waqqfu fornituri mobbli tal-broadband milli jimblukkaw websajts leġittimi u l-VoIP jew l-applikazzjonijiet ta' telefonija bil-vidjow li jikkompetu mas-servizzi tal-vuċi jew tat-telefonija bil-vidjow tagħhom stess,

G.  billi s-servizzi tal-internet huma offruti fuq skala transkonfinali u l-internet huwa fiċ-ċentru tal-ekonomija globali,

H.  billi b'mod partikolari, kif enfasizzat fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, il-broadband u l-internet huma xpruni importanti għat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività Ewropea fil-livell globali,

I.  billi l-Ewropa tkun tista' tisfrutta għalkollox il-potenzjal ta' ekonomija diġitali biss permezz tal-ixprunar ta' suq intern diġitali li jiffunzjona sew,

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jaqbel mal-analiżi tagħha, b'mod partikolari dwar il-ħtieġa li titħares il-karatteristika miftuħa u newtrali tal-internet bħala forza motriċi tal-innovazzjoni u d-domanda tal-konsumatur filwaqt li jiġi żgurat li l-internet jista' jibqa' jipprovdi servizzi ta' kwalità għolja f'qafas li jippromwovi u jirrispetta d-drittijiet fundamentali;

2.  Jinnota li l-konklużjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jindikaw li f'dan l-istadju jidher li m'hemm l-ebda ħtieġa ċara għal intervent regolatorju addizzjonali rigward in-newtralità tan-net fuq il-livell Ewropew;

3.  Jinnota madankollu l-potenzjal għal imġiba antikompetittiva u diskriminatorja fil-ġestjoni tat-traffiku b'mod partikolari minn kumpaniji integrati vertikalment; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippubblika l-evidenza li ħarġet mill-investigazzjonijiet tal-BEREC dwar prattiki li potenzjalment qed jaffettwaw in-newtralità tan-net fl-Istati Membri;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-applikazzjoni u l-infurzar konsistenti tal-qafas regolatorju Telecom eżistenti tal-UE għall-komunikazzjonijiet u tivvaluta fi żmien sitt xhur wara l-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-investigazzjoni tal-BEREC jinħtiġux aktar miżuri regolatorji sabiex jiġu żgurati l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-aċċess għall-informazzjoni, il-libertà tal-għażla għall-konsumaturi u l-pluraliżmu tal-midja kif ukoll biex jinkisbu kompetizzjoni effikaċi, innovazzjoni, jiġu ffaċilitati benefiċċji wiesa' għall-użu tal-internet miċ-ċittadini, l-impriżi u l-amministrazzjoni pubblika, u jissottolinja li kwalunkwe proposta regolatorja Ewropea fil-qasam tan-newtralità tan-net għandha tkun soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt;

5.  Jilqa' l-ħidma tal-BEREC f'dan il-qasam u jistieden lill-Istati Membri u b'mod partikolari lill-ARN jaħdmu mill-qrib mal-BEREC;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-BEREC, biex f'kooperazzjoni mal-Istati Membri timmonitorja mill-qrib l-iżvilupp ta' prattiki ta' ġestjoni tat-traffiku u ftehimiet dwar l-interkonnessjoni, b'mod partikolari b'rabta mal-imblukkar u t-trażżin ta', jew il-prezzijiet eċċessivi għal, il-VoIP u l-qsim tal-fajls, kif ukoll mal-imġiba antikompetittiva u d-degradazzjoni eċċessiva tal-kwalità kif meħtieġ mill-qafas regolatorju Telecom tal-UE u konsegwentement jistieden lill-Kummissjoni tara li l-Fornituri tas-Servizzi tal-Internet ma jimblukkawx, ma jiddiskriminawx kontra, ma jxekklux, jew ma jiddegradawx l-abilità ta' kwalunkwe persuna li tuża servizz biex ikollha aċċess, tuża, tibgħat, tippowstja, tirċievi, jew toffri kwalunkwe kontenut, applikazzjoni, jew servizz tal-għażla tagħhom irrispettivament mis-sors jew il-mira;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħti lill-Parlament Ewropew informazzjoni dwar prattiki attwali ta' ġestjoni tat-traffiku, is-suq tal-interkonnessjonijiet u l-konġestjoni tan-netwerk kif ukoll dwar kwalunkwe rabta ma' nuqqas ta' investimenti; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza aktar il-kwistjoni ta' “newtralità tal-apparat”;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-BEREC jiżguraw konsistenza fl-approċċ rigward in-newtralità tan-net u l-implimentazzjoni effikaċi tal-qafas regolatorju Telecom tal-UE;

9.  Jenfasizza l-fatt li kwalunkwe soluzzjoni proposta dwar il-kwistjoni tan-newtralità tan-net tista' tkun effikaċi biss permezz ta' approċċ Ewropew konsistenti; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-adozzjoni ta' kwalunkwe regolamenti nazzjonali marbuta man-newtralità tan-net, f'termini tal-effetti fuq is-suq nazzjonali rispettiv kif ukoll fuq is-Suq Intern; jikkunsidra li jkun ta' benefiċċju għall-partijiet interessati kollha jekk il-Kummissjoni tipprovdi linji gwida għall-UE kollha, anke fir-rigward tas-suq tal-komunikazzjoni mobbli, biex ikun żgurat li d-dispożizzjonijiet tal-pakkett Telecom dwar in-newtralità tan-net jiġu applikati u infurzati b'mod xieraq u konsistenti;

10.  Jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u b'mod partikolari bejn l-ARN, flimkien mal-Kummissjoni, sabiex l-UE tibbenefika mill-potenzjal sħiħ tal-internet;

11.  Jiġbed l-attenzjoni rigward ir-riskji serji li nitbiegħdu min-newtralità tan-netwerk bħall-imġiba antikompetittiva, l-imblukkar tal-innovazzjoni, ir-restrizzjoni fuq il-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja, in-nuqqas ta' għarfien tal-konsumatur u l-ksur tal-privatezza li se jkunu ta' detriment għall-impriżi, għall-konsumaturi u għas-soċjetà demokratika b'mod ġenerali u jfakkar fl-opinjoni tal-KEPD dwar l-impatt tal-prattiki ta' ġestjoni tat-traffiku fuq il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet;

12.  Ifakkar li l-għan tal-qafas regolatorju Telecom tal-UE huwa li jippromwovi l-libertà tal-espressjoni, l-aċċess mhux diskriminatorju għall-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi u l-kompetizzjoni effikaċi u għalhekk kwalunkwe miżura fil-qasam tan-newtralità tan-net, minbarra l-liġi tal-kompetizzjoni eżistenti, għandu jkollha l-għan li tittratta kwalunkwe prattika antikompetittiva li tista' titfaċċa u għandha wkoll twassal għall-investimenti u tiffaċilita mudelli kummerċjali innovattivi għall-ekonomija onlajn;

13.  Jikkunsidra l-prinċipju tan-newtralità tan-net bħala prerekwiżit sinifikanti sabiex jiffaċilita ekosistema innovattiva tal-internet u biex jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għas-servizz taċ-ċittadini u tal-intraprendituri Ewropej;

14.  Iqis li l-kompetizzjoni effikaċi fis-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, it-trasparenza dwar il-ġestjoni tat-traffiku u l-kwalità tas-servizz kif ukoll il-faċilità li biha wieħed jista' jaqleb huma fost il-kundizzjonijiet minimi meħtieġa għan-newtralità tan-net, biex tiġi żgurata l-libertà tal-għażla u t-talbiet tal-utenti aħħarin;

15.  Jirrikonoxxi l-fatt li tinħtieġ ġestjoni tat-traffiku raġonevoli biex ikun żgurat li l-konnettività tal-utent aħħari ma tkunx imxekkla minn konġestjoni tan-netwerk; f'dan il-kuntest l-operaturi jistgħu, soġġetti għall-iskrutinju tal-ARN, jużaw proċeduri biex ikejlu u jsawru t-traffiku tal-internet sabiex iżommu l-kapaċità u l-istabbiltà funzjonali tan-netwerks u biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kwalità tas-servizz; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jużaw is-setgħat kollha tagħhom skont id-Direttiva dwar is-Servizzi Universali biex jimponu standards minimi ta' kwalità għas-servizzi, u jemmen li l-iżgurar tal-kwalità fir-rigward tat-traffiku urġenti m'għandux ikun raġuni biex jiġi abbandunat il-prinċipju tal-aħjar sforz;

16.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jiżguraw li l-interventi fil-ġestjoni tat-traffiku ma jinvolvux diskriminazzjoni antikompetittiva jew ta' ħsara; jemmen li servizzi speċjalizzati [jew ġestiti] m'għandhomx ikunu ta' ħsara għas-salvagwardja ta' aċċess stabbli għall-internet skont il-prinċipju tal-“aħjar sforz”, biex b'hekk jitħeġġu l-innovazzjoni u l-libertà tal-espressjoni, tiġi żgurata l-kompetizzjoni u jiġi evitat distakk diġitali ġdid;

Protezzjoni tal-Konsumatur

17.  Jitlob li jkun hemm trasparenza fil-ġestjoni tat-traffiku kif ukoll informazzjoni aħjar għall-utenti aħħarin u jenfasizza l-ħtieġa li l-konsmaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u jkunu jistgħu jaqilbu b'mod effikaċi għal fornitur ġdid li jista' jissodisfa bl-aħjar mod il-ħtiġijiet u l-preferenzi tagħhom inklużi l-veloċità u l-volum tad-downloads u s-servizzi u jfakkar f'dan ir-rigward fl-importanza li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni ċara, effikaċi, sinifikanti u paragunabbli dwra il-prattiki kummerċjali konċernati kollha b'effett ekwivalenti b'mod partikolari fuq l-internet mobbli;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida addizzjonali rigward id-dritt li wieħed jaqleb minn operatur għal ieħor sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti ta' trasparenza u tippromwovi d-drittijiet ugwali għall-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea kollha;

19.  Jinnota l-eżistenza tat-tħassib mill-konsumaturi rigward id-diskrepanza bejn il-veloċitajiet ippubbliċizzati u dawk li fil-fatt jingħataw għal konnessjoni tal-internet; f'dan ir-rigward jitlob lill-Istati Membri biex jinfurzaw il-projbizzjoni dwar ir-reklamar qarrieqi;

20.  Jagħraf il-ħtieġa li jinħolqu diversi modi li jtejbu l-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini fl-ambjent onlajn; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jiżviluppaw il-programmi edukattivi bl-għan li jżidu l-ħiliet tal-ICT tal-konsumaturi u jnaqqsu l-esklużjoni diġitali;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistieden lir-rappreżentanti tal-konsumaturi u lis-soċjetà ċivili jipparteċipaw b'mod attiv u ugwali mar-rappreżentanti tal-industrija fid-diskussjonijiet rigward il-futur tal-internet fl-UE;

o
o   o

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 308, 18.12.2009, p. 2.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0322.


Il-projbizzjoni tal-munizzjon tat-tip cluster
PDF 215kWORD 46k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar il-projbizzjoni tal-munizzjonijiet tat-tferrix
P7_TA(2011)0512RC-B7-0588/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2010 u li fit-8 ta' Novembru 2011 kienet ġiet approvata minn 111-il stat (108 firmatarji, fosthom 3 Stati Membri tal-UE, 63 ratifikazzjoni, fosthom 19-il Stat Membru tal-UE, u 3 adeżjonijiet),

–  wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Protokoll VI dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix, bid-data tas-26 ta' Awwissu 2011, għall-Konvenzjoni dwar Projbizzjonijiet u Restrizzjonijiet fuq l-Użu ta' Ċerti Armi Konvenzjonali li jistgħu jitqiesu li huma ta' Ħsara Eċċessiva jew li għandhom Effetti Indiskriminati (CCW),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-2 ta' Diċembru 2008 dwar il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix,

–  wara li kkunsidra l-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lit-Tieni Laqgħa tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix, imwassal mis-Sur Sergio Duarte, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet tad-Diżarm, f'Beirut fit-13 ta' Settembru 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, b'mod partikolari dik tal-1 ta' Awwissu 2010 dwar il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix u dik tad-29 ta' April 2011l dwar l-użu rapportat ta' munizzjonijiet tat-tferrix fil-Libja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2008 dwar il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjon tat-tip Cluster(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-8 ta' Lulju 2010 dwar id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar Munizzjonijiet ta' Tferrix (CCM) u r-rwol tal-UE(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar progress rigward il-ġlieda kontra l-mini(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-munizzjonijiet tat-tferrix jippreżentaw riskji serji għaċ-ċivili, minħabba li tipikament jinfirxu letalment fuq medda kbira, u billi fil-kuntesti ta' wara l-kunflitti l-użu ta' dawn il-munizzjonijiet ikkawża bosta korrimenti u mwiet traġiċi fost iċ-ċivili, ladarba s-sottomunizzjonijiet mhux sploduti spiss isibuhom it-tfal u nies innoċenti oħra li ma jkunux konxji mill-periklu;

B.  billi l-appoġġ tal-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, l-inizjattivi parlamentari u x-xogħol ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kienu deċiżivi biex ġie konkluż b'suċċess il-“Proċess ta' Oslo” li wassal għad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix (CCM); billi 22 Stat Membru tal-UE huma Stati Partijiet tas-CCM, u ħames Stati Membri tal-UE la ffirmaw u lanqas irratifikaw is-CCM;

C.  billi s-CCM tipprojbixxi lill-Istati Partijiet milli jużuw, jiżviluppaw, jipproduċu, jakkwistaw b'xi mod, jaħżnu, iżommu jew jitrasferixxu lil xi persuna, direttament jew indirettament, u li jassistu, jinkoraġġixxu jew jipprovokaw lil xi persuna biex twettaq xi attività pprojbita lil Stat Parti taħt il-Konvenzjoni;

D.  billi s-CCM tistabbilixxi standard umanitarju ġdid għall-assistenza tal-vittmi, fosthom dawk il-persuni affettwati direttament mill-munizzjonijiet tat-tferrix u l-familji u l-komunitajiet tagħhom;

E.  billi l-abbozz ta' test tal-Protokoll VI tas-CCW li se jiġi diskuss fir-Raba' Konferenza ta' Rieżami tas-CCW la hu kumpatibbli mas-CCM u lanqas ma jikkumplimentaha; billi filwaqt li l-Istati partijiet għas-CCM għandhom obbligu legali li jeqirdu l-munizzjonijiet kollha, dan l-abbozz ta' protokoll ser jipprojbixxi biss il-munizzjonijiet tat-tferrix ta' qabel l-1980, u jipprevedi perjodu ta' tranżizzjoni twil li jippermetti differiment tal-konformità għal mill-anqas 12-il sena, jippermetti l-użu ta' munizzjonijiet tat-tferrix b'mekkaniżmu awtodistruttiv wieħed biss, u jippermetti lill-Istati jużaw munizzjonijiet tat-tferrix bl-hekk imsejħa rata ta' falliment ta' 1% jew anqas;

F.  billi wara l-iffirmar tas-CCM kien rappurtat li l-munizzjonijiet tat-tferrix intużaw riċentement kontra l-popolazzjoni ċivili fil-Kambodja, fit-Tajlandja u fil-Libja u billi issa għandhom jittieħdu passi urġenti biex ikun żgurat li s-sottomunizzjonijiet tat-tferrix mhux sploduti jitneħħew biex ma jkunx hemm aktar imwiet jew korrimenti;

1.  Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE biex la jadottaw, la japprovaw u lanqas sussegwentement jirratifikaw kwalunkwe protokoll għall-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali (CCW) li jippermetti l-użu ta' munizzjonijiet tat-tferrix, li huma pprojbiti mis-CCM, u jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jaġixxu skont dan fir-Raba' Konferenza ta' Rieżami tas-CCW, li għandha ssir mill-14 sal-25 ta' Novembru 2011 f'Ġinevra;

2.  Jiddispjaċih ħafna li l-abbozz ta' test tal-Protokoll VI li għandu jiġi diskuss f'dik il-konferenza jhedded li jdgħajjef l-istandard ċar u robust tad-dritt umanitarju internazzjonali stabbilit mis- CCM, li b'mod komprensiv tipprojbixxi l-munizzjonijiet tat-tferrix, u jdgħajjef ukoll il-protezzjoni taċ-ċivili;

3.  Iħeġġeġ lill-Istati jirrikonoxxu l-konsegwenzi umanitarji u l-prezz politiku għoli li tal-appoġġ għal dan l-abbozz ta' protokoll propost, li hu mimli b'eċċezzjonijiet u lakuni li jippermettu l-użu ta' munizzjonijiet tat-tferrix;

4.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-istati kandidati li mhumiex Stati Partijiet tas-CCM biex jaderixxu magħha u lill-Istati Firmatarji tas-CCM biex jirratifikawha malajr kemm jista' jkun;

5.  Iqis li l-Protokoll VI tas-CCW mhux kompatibbli mas-CCM u li l-Istati Membri li ffirmawha għandhom obbligu legali li jopponu bil-qawwa u jirrifjutaw l-introduzzjoni tal-Protokoll VI;

6.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex tfakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligi legali tagħhom taħt is-CCM; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tpoġġi enfasi speċifiku fuq l-għan tematiku li titnaqqas it-theddida tal-munizzjonijiet tat-tferrix u li twettaq l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mas-CCM, li issa hi possibbli wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona;

7.  Jilqa' l-fatt li ħmistax-il Stat Parti u firmatarju wettqu l-qerda tal-ħażniet u tnax-il Stat ieħor għandhom jagħmlu dan sat-terminu ta' żmien previst, u li qegħdin jitwettqu operazzjonijiet ta' tindif fi tmintax-il pajjiż u tliet żoni oħra;

8.  Jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma aderixxewx mas-CCM iżda li jixtiequ jnaqqsu l-impatt umanitarju tal-munizzjonijiet tat-tferrix biex jieħdu miżuri nazzjonali b'saħħithom u trasparenti sakemm isseħħ l-adeżjoni, fosthom l-adozzjoni ta' moratorju fuq l-użu, il-produzzjoni u t-trasferiment ta' munizzjonijiet tat-tferrix u biex b'urġenza jibdew jeqirdu l-ħażniet ta' munizzjonijiet tat-tferrix;

9.  Jistieden lill-Istati Membri li ffirmaw is-CCM biex jgħaddu leġiżlazzjoni li timplimentaha fil-livell nazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkunu trasparenti dwar l-isforzi li jagħmlu b'reazzjoni għal din ir-riżoluzzjoni u biex jirrappurtaw regolarment, pereżempju lill-parlamenti tagħhom, dwar l-attivitajiet tagħhom taħt is-CCM;

10.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinkludu referenza għall-projbizzjoni tal-munizzjonijiet tat-tferrix bħala klawsola standard fi ftehimiet ma' pajjiżi terzi, flimkien mal-klawsola standard dwar in-nonproliferazzjoni ta' armi għall-qerda tal-massa, b'mod partikolari fil-kuntest tar-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tagħha;

11.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex il-ġlieda kontra l-munizzjonijiet tat-tferrix jagħmluha parti integrali fil-programmi Komunitarji ta' għajnuna esterna biex jappoġġaw lil pajjiżi terzi fil-qerda tal-ħażniet u fl-għoti ta' assistenza umanitarja;

12.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu passi biex jiskoraġġixxu lill-istati milli jipprovdu munizzjonijiet tat-tferrix lil atturi mhux statali;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Koalizzjoni kontra l-Munizzjonijiet tat-Tferrix.

(1) ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 61.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0285.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0339.


Il-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-VAT biex tingħata spinta lis-suq uniku diġitali
PDF 209kWORD 42k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar il-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT biex tingħata spinta lis-suq uniku diġitali
P7_TA(2011)0513RC-B7-0608/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija tat-30 ta' Settembru 2011 lill-Kummissjoni dwar il-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT biex tingħata spinta lis-suq uniku diġitali (O-000226/2011 – B7-0648/2011);

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 113 u 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud(1),

–  wara li kkunsidra Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta' Frar 2008 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-post tal-forniment ta' servizzi(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu: Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM(2010)0245),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-VAT (COM(2010)0695),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-futur tal-VAT(4),

–   wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar in-Newtralità tal-VAT,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-istrateġija UE 2020 tinkludi l-ħolqien ta' suq uniku diġitali;

B.  billi s-suq uniku diġitali tal-UE għadu frammentat;

C.  billi l-kriżi ekonomika għamlet ħsara kbira lill-prospetti tat-tkabbir ekonomiku, u billi l-ekonomija diġitali għandha l-potenzjal li tagħti kontribut sinifikanti lill-prosperità tal-Ewropa fis-snin li ġejjin;

D.  billi l-“US Internet Tax Freedom Act”, li daħal fis-seħħ fl-1998 u baqa' jiġi estiż s'issa, u li tipprojbixxi lill-gvernijiet federali u lokali milli japplikaw rata tat-taxxa diskriminatorja fuq il-bejgħ għall-bejgħ onlajn, kellha impatt sinifikanti fuq il-kummerċ elettroniku u tat kontribut lit-twaqqif ta' kumpaniji li issa jiddominaw is-suq globalment;

E.  billi l-UE trid twettaq il-potenzjal tas-suq uniku billi tiffaċilita l-kummerċ online u transkonfinali bejn l-Istati Membri;

F.  billi l-Kummissjoni bħalissa qed tanalizza l-futur tal-VAT, u billi l-istrateġija UE 2020 għandha titqies b'rabta ma' dan;

1.  Jindika li l-qafas legali attwali, b'mod partikolari l-Anness 3 tad-Direttiva 2006/112/KE, jikkostitwixxi ostakolu għall-iżvilupp ta' servizzi diġitali ġodda u għaldaqstant, huwa inkonsistenti mal-għanijiet stipulati fl-aġenda diġitali;

2.  Iqis li r-rati tal-VAT applikabbli għall-kotba huma eżempju tan-nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni attwali peress li, filwaqt li l-Istati Membri jistgħu japplikaw rati tal-VAT imnaqqsa għall-forniment ta' kotba fuq kull medja fiżika, il-kotba elettroniċi huma soġġetti għal rata standard ta' mhux inqas minn 15 %; huwa tal-fehma li din id-diskriminazzjoni mhix sostenibbli meta jitqies it-tkabbir potenzjali ta' din il-parti tas-suq;

3.  Jenfasizza li l-UE trid tkun ambizzjuża u tmur lil hinn mir-rimedju tal-inkonsistenzi tal-qafas legali attwali; huwa tal-fehma li t-tħeġġiġ lill-kumpaniji biex jiżviluppaw u joffru servizzi onlajn ġodda pan-Ewropej għandu jkun prijorità fir-rieżami tar-regoli tal-VAT;

4.  Jirrimarka madankollu li l-UE għandha tiżviluppa soluzzjonijiet adegwati għall-ħtiġijiet tagħha; iqis li, għall-iżvilupp ta' suq uniku ġenwin, il-liġi tal-UE tista' tippermetti lill-Istati Membri japplikaw, fuq bażi temporanja, rata ta' VAT imnaqqsa għal servizzi ta' provvista elettronika b'kontenut kulturali;

5.  Iqis li din il-kategorija ġdida, li tkun inkluża fl-Anness 3 attwali tad-Direttiva 2006/112/KE, tista' tkopri l-forniment ta' servizzi onlajn, bħal televiżjoni, mużika, kotba, gazzetti u magazines, minn fornitur stabbilit fl-UE lil kwalunkwe konsumatur li wkoll ikun stabbilit fl-UE;

6.  Jirrimarka li t-tqassim diġitali ta' kontenut kulturali, ġurnalistiku u kreattiv jippermetti lil awturi u lil min jipprovdi l-kontenut li jilħqu udjenzi ġodda u usa“; huwa tal-fehma li l-UE għandha tagħti spinta lill-ħolqien, produzzjoni u tqassim (fuq il-pjattaformi kollha) ta' kontenut diġitali u li l-applikazzjoni ta' rata ta' VAT imnaqqsa għal kontenut kulturali onlajn żgur tista” żżid it-tkabbir;

7.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-prinċipji OECD dwar it-tassazzjoni tal-kummerċ elettroniku li ntlaħaq ftehim dwarhom matul konferenza f'Ottawa fl-1998 u li jistabbilixxu li r-regoli għal taxxi fuq il-konsum, bħall-VAT, għandhom iwasslu għal tassazzjoni fil-ġurisdizzjoni fejn isir il-konsum; jirrimarka li, bi qbil mad-Direttiva 2008/8/KE, il-prinċipji OECD se japplikaw għall-UE mill-1 ta' Jannar 2015;

8.  Iqis li rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-VAT li toffri aktar flessibilità lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni ta' rati ta' VAT imnaqqsa għandu jimxi id f'id mal-applikazzjoni tal-prinċipji stipulati fid-Direttiva 2008/8/KE; jindika, madankollu, li biex l-Istati Membri kollha jibbenefikaw indaqs mis-suq uniku diġitali, il-prinċipju tat-tassazzjoni fl-Istat Membru fejn ikun sar il-konsum għandu japplika mill-aktar fis possibbli; jenfasizza li kwalunkwe rieżami għandu jwassal għas-simplifikazzjoni tas-sistema tal-VAT, bħal pereżempju one-stop-shop għall-VAT, u l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja;

9.  Jitlob għalhekk lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibilità ta' rieżami tad-Direttiva 2008/8/KE sabiex il-VAT titħallas bi qbil mal-prinċipju tad-destinazzjoni, sal-1 ta' Jannar 2015;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) ĠU L 44, 20.2.2008, p. 11.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0240.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0436.


Negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja
PDF 326kWORD 83k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja (2011/2133(INI))
P7_TA(2011)0514A7-0374/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u l-Ġeorġja dwar il-konklużjoni ta' ftehim ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew Straordinarju tal-1 ta' Settembru 2008, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Relazzjonijiet Esterni tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Ġeorġja tal-10 ta' Mejju 2010 li adottaw id-direttivi għan-negozjati,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u ta' Kooperazzjoni (FSK) bejn il-Ġeorġja u l-Unjoni Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, b'medjazzjoni mill-UE u ffirmat mill-Ġeorġja u mill-Federazzjoni Russa, u l-ftehim ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra d-diskors minn Mikheil Saakashvili, il-President tal-Ġeorġja, lill-Parlament Ewropew fit-23 ta' Novembru 2010,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar is-Sħubija tal-Lvant tal-25 ta' Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta dwar “Reazzjoni ġdida għal Viċinat li qed jinbidel” (A new response to a changing Neighbourhood) tal-25 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt UE-Ġeorġja dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), approvat mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Ġeorġja fl-14 ta' Novembru 2006, li jistipula l-objettivi strateġiċi u speċifiċi bbażati fuq l-impenji fir-rigward ta' valuri kondiviżi u l-implimentazzjoni effettiva ta' riformi politiċi, ekonomiċi u istituzzjonali,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Progress tal-Ġeorġja tal-Kummissjoni Ewropea adottat fil-25 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet UE-Ġeorġja dwar l-iffaċilitar tal-viża u tar-riammissjoni li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar Sħubija għall-Mobilità bejn l-UE u l-Ġeorġja tat-30 ta' Novembru 2009,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea għal dak li għandu x'jaqsmu mat-tħejjijiet tal-Ġeorġja għall-ftuħ tan-negozjati DCFTA mal-Ġeorġja maħruġa fl-2009,

–  wara li kkunsidra l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-UE u l-Ġeorġja dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ta' prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel tal-14 ta' Lulju 2011,

–  wara li kkunsidra l-iffirmar tal-Ftehim dwar iż-Żona Komuni Ewropea tal-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-Ġeorġja tat-2 ta' Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 13/2010 mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar ir-riżultati tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) fin-Nofsinhar tal-Kawkasu,

–  wara li kkunsidra r-riżulozzjonijiet tiegħu dwar il-Ġeorġja tat-3 ta' Settembru 2008(1), dwar il-bżonn għal Strateġija tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu tal-20 ta' Mejju 2010(2) u dwar ir-Reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat - Dimensjoni tal-Lvant tas-7 ta' April 2011(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 90(4) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0374/2011),

A.  billi s-Sħubija tal-Lvant ħolqot qafas politiku sinifikanti għall-approfondiment tar-relazzjonijiet, l-aċċellerazzjoni tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika ulterjuri bejn l-UE u l-Ġeorġja, billi appoġġat ir-riformi politiċi u soċjoekonomiċi u ffaċilitat it-tqarrib tagħha mal-UE;

B.  billi s-Sħubija tal-Lvant tiddisponi għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali permezz ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni ġodda, waqt li tqis is-sitwazzjoni speċifika u l-ambizzjoni ta' kull pajjiż sieħeb u l-kapaċità tiegħu li jirrispetta l-impenji li jirriżultaw;

C.  billi l-parteċipazzjoni attiva tal-Ġeorġja u l-impenn tagħha għall-valuri u l-prinċipji komuni, li jinkludu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, huma essenzjali biex il-proċess ikompli miexi “l quddiem u biex in-negozjati u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-ftehim ta' assoċjazzjoni jkunu suċċess u jiżguraw li jkollu impatt sostenibbli fuq l-iżvilupp tal-pajjiż;

D.  billi t-tqarrib legali huwa strument importanti għat-trawwim tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja;

E.  billi l-Ġeorġja hija waħda mis-sħab bl-aqwa rendiment tas-Sħubija tal-Lvant rigward l-adozzjoni tar-riformi, għalkemm għad hemm problemi rigward l-implimentazzjoni tagħhom; billi hemm bżonn żvilupp ulterjuri rigward ir-riformi fis-sistema ġudizzjarja, u fid-drittijiet tax-xogħol, fid-drittijiet tan-nisa u fl-integrazzjoni tal-minoranzi;

F.  billi l-kunflitt mhux solvut bejn ir-Russja u l-Ġeorġja jfixkel l-istabbiltà u l-iżvilupp tal-Ġeorġja; billi r-Russja għadha tokkupa r-reġjuni Ġeorġjani tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, bi ksur tan-normi u l-prinċipji fundamentali tal-liġi internazzjonali; billi t-tindif etniku u t-tibdil demografiku bil-forza saru fiż-żoni taħt il-kontroll effettiv tas-setgħa okkupanti, li hija responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn iż-żoni;

G.  billi, fil-Komunikazzjoni Konġunta tagħha dwar “Reazzjoni ġdida għal Viċinat li qed jinbidel”, l-UE ddikjarat l-ambizzjoni tagħha biex ikollha sehem aktar proattiv fir-riżoluzzjoni tal-konflitt; billi l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE (EUMM) qed taqdi rwol importanti fil-post u r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kwakasu u l-Kriżi tal-Ġeorġja qed jikkopresjedi t-taħditiet f'Ġinevra; billi dawn it-taħditiet ftit li xejn ħallew riżultati sal-lum;

H.  billi l-UE tenfasizza d-dritt tal-Ġeorġja li tingħaqad ma' kwalunkwe organizzazzjoni jew alleanza internazzjonali, waqt li tirrispetta l-liġi internazzjonali, u ttenni t-twemmin sod tagħha fil-prinċipju li l-ebda pajjiż terz m'għandu veto fuq id-deċiżjoni sovrana ta' pajjiż ieħor li jingħaqad ma' kwalunkwe organizzazzjoni jew alleanza internazzjonali jew id-dritt li jiddestabilizza gvern elett demokratikament;

I.  billi n-negozjati mal-Ġeorġja u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni qed jimxu “l quddiem b'rata mgħaġġla, imma minkejja kollox in-negozjati dwar iż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva (DCFTA) għadhom ma bdewx;

1.  Jindirrizza, fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE sabiex:

o
o   o

   (a) jiżguraw li n-negozjati mal-Ġeorġja jkomplu b'rata konsistenti;
   (b) jiżguraw ukoll li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jkun qafas komprensiv li jħares “il quddiem għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet mal-Ġeorġja fis-snin li ġejjin;
   Id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni
   (c) jirrikonoxxu l-Ġeorġja bħala stat Ewropew u l-impenn tal-UE u n-negozjati li għaddejjin mal-Ġeorġja jibbażawhom fuq perspettiva Ewropea kif ukoll l-aspirazzjonijiet tal-Ġeorġja, inklużi dawk imsejsa fuq l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-UE, li huwa meqjus bħala lieva siewja għall-implimentazzjoni ta' riformi u katalist neċessarju għal dawn ir-riformi li jkun jista” jsaħħaħ ulterjorment l-impenn tal-Ġeorġja għall-valuri u l-prinċipji komuni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba;
   (d) isaħħu l-appoġġ tal-UE għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja u jiżguraw l-applikabbiltà tal-ftehim, ladarba jkun konkluż, għat-territorju kollu tal-Ġeorġja; għal dak il-għan, ikomplu l-ħidma attiva fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt, inter alia grazzi għall-EUMM, li l-mandat tagħha dan l-aħħar kien estiż sal-15 ta' Settembru 2012;
   (e) jenfasizzaw il-bżonn tar-ritorn sikur u dinjituż tal-persuni kollha spustati internament u tar-refuġjati fil-postijiet tar-residenza permanenti tagħhom u l-inaċċettabbiltà tat-tibdil demografiku bil-forza;
   (f) jenfasizzaw l-importanza tat-tolleranza etnika u reliġjuża; jilqgħu l-liġi reċenti adottata mill-Parlament Ġeorġjan dwar ir-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet reliġjużi u l-miżuri ta' azzjoni affermattiva adottati mill-Gvern Ġeorġjan fil-qasam tal-edukazzjoni, bl-għan li jkun hemm integrazzjoni aħjar tal-minoranzi nazzjonali;
   (g) jirrikonoxxu r-reġjuni tal-Ġeorġja tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar bħala territorji okkupati;
   (h) jintensifikaw it-taħditiet mal-Federazzjoni Russa biex ikun żgurat li din tirrealizza bla kundizzjonijiet id-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim tal-waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008 bejn ir-Russja u l-Ġeorġja, partikolarment id-dispożizzjoni li tgħid li r-Russja għandha tiggarantixxi aċċess bla limitu u sħiħ lill-EUMM għat-territorji okkupati tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar; jagħtu importanza lill-ħtieġa biex tkun ipprovduta stabbiltà fir-reġjuni msemmija qabel tal-Ġeorġja;
   (i) jistiednu lir-Russja tirrevoka r-rikonoxximent tagħha tas-separazzjoni tar-reġjuni Ġeorġjani tal-Abkażja u reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, biex ittemm l-okkupazzjoni ta' dawk it-territorji Ġeorġjani u biex tirrispetta s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja kif ukoll l-invjolabbiltà tal-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment kif hemm imniżżel fil-liġi internazzjonali, il-Karta tan-NU, l-Att Finali tal-Konferenza ta' Ħelsinki dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u r-riżoluzzjonijiet relevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;
   (j) jilqgħu l-impenn unilaterali mill-Ġeorġja biex ma tużax il-forza biex tirbaħ lura l-kontroll tar-reġjuni tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar, kif dikjarat mill-President Saakashvili lill-Parlament Ewropew fit-23 ta' Novembru 2010, u jistiednu r-Russja tirreċiproka l-impenn kontra l-użu tal-forza fir-rigward tal-Ġeorġja; jilqgħu l-istrateġija tal-Ġeorġja dwar it-Territorji Okkupati u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Politika ta' Impenn bħala għodda importanti għar-rikonċiljazzjoni u biex jenfasizzaw il-ħtieġa ta' djalogu aħjar u kuntatti bejn in-nies mal-popolazzjonijiet lokali tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar sabiex joħolqu l-possibilità ta' rikonċiljazzjoni;
   (k) jilqa' l-ftehim milħuq bejn il-gvernijiet tar-Russja u tal-Ġeorġja dwar id-dħul tar-Russja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, bit-tama li dan il-ftehim jitratta l-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar bħala partijiet integrali tal-Ġeorġja;
   (l) jistiednu lill-Ġeorġja u lir-Russja jimpenjaw ruħhom għal taħditiet diretti, mingħajr prekundizzjonijiet, dwar medda ta' suġġetti, b'medjazzjoni, jekk ikun hemm bżonn, minn parti terza aċċettabbli għat-tnejn, li għandhom jikkomplementaw, mhux jissostitwixxu, il-proċess ta' Ġinevra eżistenti;
   (m) jesprimu tħassib dwar l-attakki terroristiċi fil-Ġeorġja mis-sena li għaddiet u jistiednu lill-Ġeorġja u lir-Russja jikkooperaw fl-investigazzjoni tal-attakki terroristiċi msemmija hawn fuq; iħeġġu lill-Ġeorġja u lir-Russja jnaqqsu r-retorika dwar l-attakki bil-bombi u l-appoġġ għat-terroriżmu sabiex joħolqu klima ta' fiduċja waqt it-tmexxija ta' dawn l-investigazzjonijiet;
   (n) jilqa' l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Ġeorġja u l-Federazzjoni Russa dwar l-adeżjoni tal-Russja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li jinkludi arranġament għall-monitoraġġ tal-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi;
   Ġustizzja, libertà u sigurtà
   (o) jilqgħu l-progress sinifikanti magħmul mill-Ġeorġja fl-oqsma ta' riformi demokratiċi, inkluż it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, partikolarment l-Uffiċċju tal-Ombudsman, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-riforma tal-ġudikatura, kif ukoll ir-riformi ekonomiċi u l-liberalizzazzjoni; jifirħu lill-Ġeorġja dwar it-tnaqqis globali tar-rata tal-kriminalità u partikolarment tad-delitti serji fil-pajjiż;
   (p) jistiednu lill-Gvern Ġeorġjan jidħol b'mod iktar estensiv fi djalogu politiku kostruttiv mal-qawwiet tal-oppożizzjoni u jiżviluppa ulterjorment ambjent demokratiku għal-libertà tal-espressjoni, speċjalment l-aċċess għall-midja pubbliċi għall-partiti politiċi kollha;
   (q) jistiednu lill-Gvern Ġeorġjan itejjeb iktar il-kundizzjonijet fiżiċi fil-ħabsijiet u ċ-ċentri ta' detenzjoni, ikompli jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lid-Difensur Pubbliku tal-Ġeorġja, li hu responsabbli għall-monitoraġġ tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jqis li jgħin lis-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi tad-drittijiet tal-bniedem biex iżuru persuni fil-ħabsijiet u ċ-ċentri ta' detenzjoni;
   (r) jistudjaw l-implimentazzjoni tal-ftehimiet tal-iffaċilitar tal-viża u tar-riammissjoni u tas-Sħubija għall-Mobilità tal-UE-Ġeorġja; iqisu t-tnedija wara dan tad-djalogu UE-Ġeorġja dwar il-viża meta jasal il-waqt tiegħu, bl-għan tal-liberalizzazzjoni tal-viża; jiżguraw li l-Ftehim jirrifletti l-progress lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża li jkun sar fil-mument tal-finalizzazzjoni tan-negozjat tal-Ftehim;
   (s) jinkorporaw fil-Ftehim klawżoli dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li jirriflettu l-ogħla standards internazzjonali u Ewropej, billi jibbenefikaw bis-sħiħ mill-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE u b'insistenza partikulari fuq id-drittijiet ta' persuni spustati internament (IDPs) u persuni li huma parti minn minoranzi nazzjonali u minoranzi oħra;
   (t) jinnotaw il-ħidma sinifikanti magħmula mill-Ġeorġja fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-IDP, b'attenzjoni partikulari fuq l-aċċess għad-djar;
   (u) jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet Ġeorġjani jadottaw u jimplimentaw leġiżlazzjoni komprensiva, effettiva u antidiskriminatorja f'konformità mal-kliem u l-ispirtu tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE inter alia, il-leġiżlazzjoni għandha tinkludi dispożizzjonijiet kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali u fuq l-identità tal-ġeneru;
   (v) jenfasizzaw fil-Ftehim l-importanza li jkunu żgurati l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-ġlieda kontinwa kontra l-korruzzjoni u jkomplu jappoġġaw ir-riforma tal-ġudikatura bħala waħda mill-prijoritajiet, sabiex tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku fil-ġudikatura; jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa li tkun żviluppta ġudikatura indipendenti għal kollox, inkluż billi jittieħdu passi biex ikun żgurat li każijiet politiċi, tad-drittijiet tal-bniedem u ta' serq tal-proprjetà magħrufa ħafna jkunu eżaminati b'mod ġust;
   (w) jistiednu lill-Gvern Ġeorġjan jippromwovi midja ħielsa, il-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu fil-midja; jippermetti lill-midja tirrapporta b'mod indipendenti u b'mod objettiv mingħajr pressjoni politika u ekonomika; jiżgura l-implimentazzjoni kredibbli u effiċjenti tal-miżuri għall-ħarsien tal-ġurnalisti; jiżgura t-trasparenza inkwantu s-sjieda tal-midja, rigward b'mod partikolari x-xandir tal-midja, u l-aċċess liberu għall-informazzjoni pubblika;
   (x) jinkludu fil-Ftehim taqsima dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, inkluża l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġeorġjana relevanti mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
   (y) jenfasizzaw l-importanza li tinkiseb ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi fir-rigward, b'mod partikulari, tad-distakk enormi bejn is-sessi fis-salarji;
   Ekonomija u kooperazzjoni settorjali
   (z) iniedu malajr kemm jista' jkun in-negozjati DCFTA, u f'dan il-kuntest jipprovdu l-assistenza relevanti lill-kontropartijiet Ġeorġjani tagħhom biex jinnegozjaw u sussegwentement jimplimentaw id-DCFTA wara evalwazzjoni preċiża u bir-reqqa tal-impatt soċjali u ambjentali tiegħu;
   (aa) jappoġġaw il-ftuħ tan-negozjati dwar DCFTA malajr kemm jista' jkun u hekk kif ir-Rakkomandazzjonijiet Ewlenin magħmula mill-Kummissjoni u approvati mill-Istati Membri tal-UE jintlaqgħu mill-Ġeorġja, sabiex il-Ġeorġja tkun tista' tiġi integrata aktar mal-akbar sieħeb kummerċjali tagħha, minħabba li dan hu meħtieġ sabiex jiġi sostnut it-tkabbir ekonomiku tal-Ġeorġja u biex tegħleb il-kriżi ekonomika u l-ħsara kkawżata mill-gwerra mar-Russja fl-2008;
   (ab) jinkoraġġixxu l-progress tal-Ġeorġja fl-ipperfezzjonar tal-leġiżlazzjoni tagħha, fit-titjib tal-effiċjenza tal-istituzzjonijiet tagħha u fl-iżgurar ta' standards għoljin rigward il-kontrolli tal-kwalità tal-prodotti tagħha sabiex tkun konformi mar-rekwiżiti stipolati mill-Kummissjoni Ewropea;
   (ac) jipprovdu assistenza finanzjarja u teknika mill-UE għall-Ġeorġja sabiex tkun żgurata l-kontinwazzjoni tar-riformi leġiżlattivi u istituzzjonali meħtieġa għall-adattament mad-DCFTA u biex ikun aċċellerat il-proċess ta' implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Ewlenin stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja;
   (ad) jenfasizzaw kemm huwa importanti għall-UE li l-Ġeorġja tiggarantixxi r-rimi kif suppost ta' skart tossiku u radjuattiv fit-territorju tagħha bħala prerekwiżit għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ, speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam mal-agrikoltura sabiex tkun protetta s-sikurezza tal-ikel;
   (ae) jinkludu fil-Ftehim impenji ta' konformità mad-drittijiet u l-istandards tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, speċjalment il-Konvezjonijiet 87 u 98, u l-Karta Soċjali għall-UE wkoll għall-iżvilupp ta' djalogu soċjali ġenwin, strutturat u mhux diskriminatorju u għall-effett ta' faċilitazzjoni li t-tqarrib Ġeorġjan lejn l-acquis soċjali tal-UE jkollu fuq il-perspettiva tal-UE;
   (af) jistiednu lill-awtoritajiet Ġeorġjani biex jagħtu impenn aktar b'saħħtu għall-politiki tal-impjegar u għall-koeżjoni soċjali u biex joħolqu ambjent aktar propizju mal-istandarda tal-UE tal-ekonomija tas-suq soċjali;
   (ag) iqisu l-isforzi sostanzjali li l-Gvern tal-Ġeorġja għamel fis-snin reċenti biex jiftaħ l-ekonomija tal-pajjiż bl-iffissar ta' tariffi industrijali baxxi ħafna, bl-adozzjoni ta' qafas legali u regolatorju li jiffavorixxi n-negozju u l-investiment, u bl-infurzar tal-istat tad-dritt;
   (ah) jinkludu impenji sekwenzjali li jkopru l-kapitoli b'rabta mal-kummerċ bħall-ostakoli mhux tariffarji, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, ir-regoli dwar l-oriġini, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji, id-drittijiet tal-propjetà intellettwali u l-investimenti u l-politika tal-kompetizzjoni, u biex jikkompletaw l-azzjonijiet koperti mill-Pjan ta' Azzjoni;
   (ai) iħeġġu lill-Ġeorġja tkompli fit-triq ta' riformi li jtejbu l-klima kummerċjali, il-kapaċità tagħha ta' ġbir ta' taxxi u l-mekkaniżmu tagħha għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti kuntrattwali, filwaqt li tħeġġeġ responsabbiltà soċjali korporattiva u żvilupp sostenibbli; iħeġġu lill-Ġeorġja tinvesti fl-infrastruttura tagħha, speċjalment rigward is-servizzi pubbliċi, biex tiġġieled kontra l-inugwaljanzi eżistenti, b'mod partikolari f'żoni rurali, tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-esperti mill-Istati Membri tal-UE u l-kontropartijiet tagħhom fil-Ġeorġja sabiex titrawwem l-implimentazzjoni tar-riformi fil-pajjiż u biex jiġu kondiviżi l-aqwa prattiki tal-governanza tal-UE kuljum;
   (aj) jinkoraġġixxu kooperazzjoni settorjali wiesgħa; jikkjarifikaw b'mod partikolari l-benefiċċji u jippromwovu konverġenza regolatorja f'dan il-qasam;
   (ak) jinkludu fil-Ftehim dispożizzjonijiet dwar il-possibbiltà li l-Ġeorġja tipparteċipa fi programmi u aġenziji tal-Komunità, għodda fundamentali għall-promozzjoni tal-istandards Ewropej fil-livelli kollha;
   (al) jenfasizzaw il-bżonn ta' żvilupp sostenibbli, fost l-oħrajn bis-saħħa tal-promozzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-effikaċja tal-enerġija, b'kunsiderazzjoni għall-miri tal-UE rigward it-tibdil fil-klima; jenfasizzaw l-importanza tal-Ġeorġja fit-titjib tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE bil-promozzjoni ta' proġetti ta' prijorità u miżuri ta' politika għall-iżvilupp tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar (NABUCCO, AGRI, Trans-Caspian Pipeline, White Stream, EAOTC);
   (am) jinkoraġġixxu u jassistu lill-awtoritajiet Ġeorġjani fil-programm ta' investiment tagħhom għall-kostruzzjoni ta' kapaċità ġenerattiva ġdida f'impjanti idroelettriċi skont l-istandards u n-normi tal-UE, bħala għodda biex tiddiversifika l-bżonnijiet tagħha tal-enerġija;
   Kwistjonijiet oħrajn
   (an) jikkonsultaw lill-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet rigward il-kooperazzjoni parlamentari;
   (ao) jinkludu punti ta' riferiment ċari għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jagħmlu dispożizzjoni għal mekkaniżmi ta' monitoraġġ, inkluż il-provvediment ta' rapporti regolari lill-Parlament Ewropew;
   (ap) jipprovdu assistenza finanzjarja u teknika speċifika lill-Ġeorġja sabiex jgħinu biex ikun żgurat li hija tista' tissodisfa l-impenji li jirriżultaw min-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu, billi jkomplu jiġu pprovduti Programmi Komprensivi għall-Bini tal-Istituzzjonijiet; iqiegħdu għad-dispożizzjoni iktar riżorsi għall-iżvilupp tal-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bl-għajnuna ta' miżuri fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, għal programmi ta' sħubija, konsultazzjonijiet, programmi ta' taħriġ u programmi ta' skambju tal-ħaddiema lkoll ta' livell għoli, kif ukoll esperjenzi prattiċi ta' xogħol għat-taħriġ vokazzjonali u boroż ta' studju għall-finijiet ta' taħriġ vokazzjonali;
   (aq) iżidu, skont il-Komunikazzjoni Konġunta dwar Reazzjoni Ġdida għal Viċinat li qed Jinbidel, l-assistenza tal-UE lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-midja fil-Ġeorġja sabiex ikunu jistgħu jagħmlu monitoraġġ intern u jkun hemm responsabbiltà akbar fir-rigward tar-riformi u l-impenji li ħa l-gvern;
   (ar) jinkoraġġixxu lit-tim tan-negozjati tal-UE jkompli l-kooperazzjoni tajba mal-Parlament Ewropew, fejn jipprovdi informazzjoni kontinwa, sostnuta bid-dokumentazzjoni, dwar il-progress tan-negozjati, skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, li jiddikjara li l-Parlament għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament lill-Kunsill, kif ukoll lill-Kummissjoni u lis-SEAE u, għall-informazzjoni tagħhom, lill-Ġeorġja.

(1) ĠU C295E, 4.12.2009, p. 26-30
(2) ĠU C161E, 31.5.2011, p. 136-147
(3) Test adottat, P7_TA(2011)0153


Approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn is-sessi fil-qafas tal-ħidma tal-Parlament Ewropew
PDF 239kWORD 69k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn is-sessi fil-qafas tal-ħidma tal-Parlament Ewropew (2011/2151(INI))
P7_TA(2011)0515A7-0351/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-nisa li saret f'Pekin f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottati f'Pekin u d-dokumenti finali sussegwenti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jenfasizza valuri komuni għall-Istati Membri bħall-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 5, 21 u 23 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) adottat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2011(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra r-rapport komprensiv imħejji mill-Presidenza Svediża tal-Unjoni Ewropea għall-2009 bit-titolu “Pekin +15: Il-Pjattaforma ta' Azzjoni u l-Unjoni Ewropea”, li juri b'mod preċiż l-ostakoli li bħalissa qed jimpedixxu r-realizzazzjoni sħiħa tal-ugwaljanza bejn is-sessi,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 u t-3 ta' Ġunju 2005, li fihom l-Istati Membri u l-Kummissjoni ġew mistiedna jsaħħu l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u joħolqu qafas għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, sabiex jinħoloq monitoraġġ aktar konsistenti u sistematiku tal-progress,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Ġunju 1995 dwar ir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa f'Pekin: “Ugwaljanza, Żvilupp u Paċi”(2); tal-10 ta' Marzu 2005 dwar is-segwitu għar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa – Pjattaforma ta' Azzjoni, Pekin +10(3), u tal-25 ta' Frar 2010 dwar Pekin +15 – Pjattaforma ta' Azzjoni tan-NU għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2003 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament Ewropew(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2007 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xogħol tal-kumitati(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2009 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xogħol tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet tagħha(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet esterni tal-UE(8),

–  wara li kkunsidra x-xogħol innovattiv tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u speċifikament “id-Dikjarazzjoni dwar li l-Ugwaljanza bejn is-Sessi ssir Realtà” maħruġa wara l-119-il Sessjoni tal-Kumitat tal-Ministri(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0351/2011),

A.  billi l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi tfisser aktar milli sempliċiment tiġi promossa l-ugwaljanza bl-implimentazzjoni ta' miżuri speċifiċi li jgħinu lin-nisa, jew is-sess l-inqas irrappreżentat f'xi każi, iżda pjuttost tinvolvi l-mobilizzazzjoni tal-politiki u l-miżuri ġenerali kollha għall-fini speċifika li tintlaħaq ugwaljanza bejn is-sessi;

B.  billi n-Nazzjonijiet Uniti stabbiliet in-NU Nisa, li mill-1 ta' Jannar 2011 saħħet l-arranġamenti istituzzjonali tas-sistema tan-NU li tappoġġa l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, bid-Dikjarazzjoni ta' Pekin u l-Pjattaforma ta' Azzjoni bħala l-qafas tagħha(10);

C.  billi l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-prinċipju tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, li jiddikjara li l-Unjoni għandha fl-attivitajiet kollha tagħha tipprova telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

D.  billi l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi, li jiddikjara li l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi u li dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

E.  billi l-inklużjoni ta' perspettiva tas-sessi fil-ħidma leġiżlattiva u politika tal-Parlament, f'xi każi, tintlaħaq l-aħjar permezz ta' emendi ffukati fuq l-abbozz ta' rapporti, imressqa lill-kumitat responsabbli f'forma ta' emendi dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi – strateġija li kienet segwita b'mod attiv mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi sa mill-2009;

F.  billi din il-proċedura ntużat b'suċċess biex l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riżoluzzjonijiet tat-18 ta' Mejju 2010 reċenti dwar “kompetenzi ewlenin għal dinja li qed tinbidel: l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010”(11) u tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tas-Seba' Programm Qafas tal-Unjoni Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni(12);

G.  billi l-Istati Membri huma firmatarji tal-oqfsa internazzjonali ewlenin kollha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa, u għadd ta' dokumenti politiċi jeżistu fil-livell tal-UE, iżda madankollu l-impenn prattiku biex jitmexxew “il quddiem l-inklużjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għotja tas-setgħa lin-nisa jridu jissaħħu minħabba li progress bl-implimentazzjoni tad-dokumenti politiċi eżistenti huwa modest u r-riżorsi baġitarji għall-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi mhumiex biżżejjed;

H.  billi l-Kummissjoni, flimkien mal-istrateġija tagħha għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2010-2015), identifikat l-azzjonijiet ewlenin li jridu jittieħdu minn kull direttorat ġenerali individwali tagħha – indikazzjoni li l-UE miexja lejn approċċ iktar olistiku u koerenti lejn l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi(13);

I.  billi l-Kummissjoni impenjat ruħha, fil-qafas tal-Karta tagħha f'Isem il-Mara(14), biex issaħħaħ il-perspettiva tas-sessi fil-politiki kollha tagħha matul il-mandat tagħha;

J.  billi l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) ingħatalu l-kompitu li jiżviluppa, janalizza, jivvaluta u jxerred għodod ta' metodoloġija sabiex jappoġġa l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki Komunitarji kollha u fil-politika nazzjonali li tirriżulta u jappoġġa l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji kollha(15);

K.  billi hija meħtieġa kooperazzjoni mill-qrib mal-EIGE fir-rwol tiegħu tat-tixrid ta' għodod metodoloġiċi preċiżi u bil-għan li jkun hemm evalwazzjoni aktar effettiva tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ħidma tal-Parlament;

L.  billi l-għan tal-Kummissjoni hu li timplimenta l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħala parti integrali mit-tfassil tal-politiki tagħha, inkluż permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt fuq is-sessi u proċessi ta' valutazzjoni u żviluppat “Gwida għall-valutazzjoni tal-impatt fuq is-sessi” għal dan il-għan(16);

M.  billi l-politika dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi tikkumplimenta u ma tiħux post politiki dwar ugwaljanza speċifika u azzjonijiet pożittivi, bħala parti minn approċċ doppju biex jintlaħaq l-objettiv ta' ugwaljanza bejn is-sessi;

N.  billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess jew il-ġeneru taffettwa b'mod negattiv il-persuni transġeneri, u billi l-politiki u l-attivitajiet tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea u ta' diversi Stati Membri fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi kulma jmur aktar qed jinkludu l-identità tas-sessi,

O.  billi l-maġġoranza tal-kumitati parlamentari ġeneralment jagħtu importanza lill-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi (pereżempju fil-kuntest tal-ħidma leġiżlattiva tagħhom, ir-relazzjonijiet istituzzjonali tagħhom mal-kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, it-tfassil ta' programmi ta' azzjoni għall-ugwaljanza, eċċ.), għalkemm minoranza tal-kumitati rarament jew qatt ma tinteressa ruħha fil-kwistjoni;

1.  Jimpenja ruħu li regolarment jadotta u jimplimenta pjan ta' politika għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament bl-għan globali li jkun il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel permezz ta' inkorporazzjoni ġenwina u effikaċi tal-perspettiva dwar is-sessi fil-politiki u l-attivitajiet kollha, sabiex l-impatt differenti tal-miżuri fuq in-nisa u fuq l-irġiel jiġi vvalutat, l-inizjattivi eżistenti jiġu kkoordinati, u l-objettivi u l-prijoritajiet, kif ukoll il-mezzi biex dawn jintlaħqu, jiġu speċifikati;

2.  Jafferma li l-għan ewlieni tal-pjan tal-politika tiegħu għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għall-perjodu tat-tliet snin li ġejjin għandu jkun li tinkiseb implimentazzjoni aktar konsistenti u effikaċi tal-integrazzjoni bejn is-sessi fil-ħidma kollha tal-Parlament, abbażi tal-prijoritajiet li ġejjin:

   a) impenn kontinwu fil-livell tal-Bureau tal-Parlament, permezz tax-xogħol tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità;
   b) approċċ doppju – l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet tal-Parlament permezz ta', minn naħa waħda, ħidma effikaċi mill-kumitat responsabbli u, min-naħa l-oħra, l-integrazzjoni tal-perspettiva dwar is-sessi fil-ħidma tal-kumitati u d-delegazzjonijiet l-oħra;
   c) sensibilizzazzjoni rigward il-ħtieġa li jkun hemm bilanċ bejn is-sessi fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, li għandu jintlaħaq billi tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa fil-korpi governattivi tal-Parlament, fil-bureaux tal-gruppi politiċi, fil-bureaux tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet, fil-kompożizzjoni tad-delegazzjonijiet u f'missjonijiet oħra, bħall-osservazzjoni tal-elezzjonijiet, u billi tiżdied ir-rappreżentanza tal-irġiel f'oqsma fejn huma l-inqas rappreżentati;
   d) l-inkorporazzjoni tal-analiżi tas-sessi fl-istadji kollha tal-proċess baġitarju biex jiġi żgurat li l-bżonnijiet u l-prijoritajiet tan-nisa u l-irġiel jiġu kkunsidrati b'mod ugwali u li l-impatt tal-għoti tar-riżorsi tal-UE fuq in-nisa u l-irġiel jiġi vvalutat;
   e) politika effikaċi dwar l-istampa u l-informazzjoni li sistematikament tikkunsidra l-ugwaljanza bejn is-sessi u tevita l-isterjotipi tas-sessi;
   f) il-preżentazzjoni kostanti ta' rapporti regolari fil-plenarja dwar il-progress miksub fl-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xogħol tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet tal-Parlament;
   g) enfasi fuq il-bżonn ta' riżorsi finanzjarji u umani adegwati, sabiex il-korpi tal-Parlament jiġu provduti bl-għodod meħtieġa, li jinkludu għodod għall-analiżi u għall-valutazzjoni tas-sessi, b'kompetenza xierqa dwar is-sessi (riċerka u dokumentazzjoni, persunal imħarreġ, esperti) u b'data u statistika speċifika skont is-sessi; jistieden lis-Segretarjat biex jorganizza skambji regolari tal-aħjar prattika u netwerking kif ukoll l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-taħriġ fl-ibbaġitjar b'referenza għall-ugwaljanza bejn is-sessi għall-uffiċjali tal-Parlament;
   h) żvilupp kontinwu tan-Netwerk tal-Parlament għall-Integrazzjoni tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi, għal-liema kull kumitat ħatar membru responsabbli għall-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'xogħlu;
   i) tingħata attenzjoni lill-importanza li jintużaw terminoloġija u definizzjonijiet speċifiċi li huma konformi ma' standards internazzjonali meta t-termini jintużaw għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi;
   j) appoġġ metodoloġiku u analitiku mill-EIGE;

3.  Jistieden lill-kumitat responsabbli tiegħu jeżamina kif il-proċedura fejn il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jadotta emendi għal rapport speċifiku li jissottolinja l-implikazzjonijiet dwar is-sessi ta' qasam politiku, skont id-dati ta' skadenza u l-proċeduri stabbiliti mill-kumitat ikkonċernat tista' tiġi inkorporata l-aħjar fir-Regoli ta' Proċedura;

4.  Jistieden lill-kumitati tal-PE, responsabbli mill-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) u l-Fondi Strutturali jivvalutaw l-impatt li se jkollhom fuq is-sessi l-prijoritajiet ta' nfiq proposti, għejun tad-dħul u għodod ta' governanza qabel ma jiġi adottat l-MFF, ħalli jiġi żgurat li l-MFF ta' wara l-2013 ikun sensittiv għall-kwestjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u billi jiġi ggarantit li l-programmi kollha ta' finanzjament tal-UE jkollhom miri għall-ugwaljanza bejn is-sessi fir-regolamenti bażiċi tagħhom u li jallokaw finanzjament speċifiku għal miżuri ħalli dawn il-miri jintlaħqu;

5.  Jifraħ lin-Netwerk tal-Parlament għall-Integrazzjoni tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi u lill-kumitati parlamentari li implimentaw l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'xogħolhom, u jistieden lill-kumitati l-oħra biex jiżguraw li jkunu impenjati favur l-istrateġija tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u jqiegħduha fil-prattika fix-xogħol tagħhom;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-kumitati parlamentari jingħataw l-għodod xierqa li jippermetuhom jakkwistaw għarfien tajjeb tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, bħalma huma indikaturi, data u statistika mqassma fid-dettall skont is-sessi, kif ukoll li r-riżorsi baġitarji jiġu allokati mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi b'tali mod li jħeġġu lill-kumitati japprofittaw ruħhom mill-kompetenza esperta interna (segretarjat tal-kumitat relevanti, dipartiment ta' politika, librerija eċċ.) u mill-kompetenza esperta esterna fi ħdan istituzzjonijiet lokali, reġjonali, nazzjonali u sopranazzjonali oħra, kemm jekk huma pubbliċi jew privati, f'intrapriżi żgħar, medji u kbar u f'universitajiet li jaħdmu fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi speċifiċi f'dan il-qasam li ttieħdu minn għadd ta' kumitati parlamentari, inkluż ir-rapport fuq inizjattiva proprja dwar ir-rwol tan-nisa fl-agrikoltura u fiż-żoni rurali mfassla mill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, u s-seduta ta' smigħ pubbliku dwar ir-rwol tan-nisa fl-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tas-sajd organizzata mill-Kumitat għas-Sajd;

8.  Jivvaluta, abbażi tal-kwestjonarju mressaq lill-presidenti u lill-viċi presidenti responsabbli għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kumitati parlamentari, li x-xogħol tal-kumitati tal-Parlament dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi jvarja ħafna u hu volontarju, b'enfasi intensiva fuq is-sessi f'xi oqsma u l-ebda jew kważi l-ebda attività apparenti f'oħrajn;

9.  Jilqa' x-xogħol tad-delegazzjonijiet interparlamentari u tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali u l-isforzi tagħhom, fir-relazzjonijiet tagħhom mal-parlamenti tal-pajjiżi terzi, biex jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għotja tas-setgħa lin-nisa permezz ta' monitoraġġ aktar sistematiku u t-twettiq ta' kwistjonijiet bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili u l-mewt tal-ommijiet u billi jaħdmu iktar mill-qrib mal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex jiġu organizzati laqgħat konġunti u l-iskambju ta' informazzjoni f'dawn l-oqsma;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza u tagħti prijorità b'mod iktar konsistenti u sistematiku, l-inugwaljanzi bejn is-sessi fil-programmazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki kollha, u jinsisti li l-kwistjonijiet dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki kollha għandhom jittejbu sabiex jintlaħqu l-objettivi għall-ugwaljanza bejn is-sessi;

11.  Itenni l-bżonn li wieħed jikkonċentra fuq ir-relazzjonijiet tas-sessi bejn l-irġiel u n-nisa li joħolqu u jipperpetwaw inugwaljanzi bejn is-sessi;

12.  Hu tal-fehma li x-xogħol tal-Parlament fir-rigward tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandu jinkludi wkoll l-identità tas-sessi, u jivvaluta x'impatt għandhom il-politiki u l-attivitajiet fuq il-persuni transġeneri; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-identità tas-sessi fl-attivitajiet u fil-politiki kollha fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1) Anness tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2011.
(2) ĠU C 166, 3.7.1995, p. 92.
(3) ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 247.
(4) ĠU C 348 E, 21.12.2010, p. 11.
(5) ĠU C 61 E, 10.3.2004, p. 384.
(6) ĠU C 244 E, 18.10.2007, p. 225.
(7) ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 18.
(8) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 32.
(9) 119-il Sessjoni tal-Kumitat tal-Ministri, Madrid, 12 ta' Mejju 2009.
(10) Riżoluzzjoni 64/289 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-21 ta' Lulju 2010, dwar il-koerenza fis-sistema kollha.
(11) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 8.
(12) Testi adottati, P7_TA(2011)0256.
(13) Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar “l-Azzjonijiet biex tiġi implimentata l-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2010-2015” (SEC(2010)1079/2).
(14) Komunikazzjoni dwar “Impenn imsaħħaħ għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: Karta f'Isem il-Mara” (COM(2010)0078).
(15) Ir-Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 9).
(16) http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=4376&langId=en.


Il-ġlieda kontra s-sajd illegali fil-livell dinji
PDF 272kWORD 101k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar il-ġlieda kontra s-sajd illegali fil-livell dinji – ir-rwol tal-UE (2010/2210(INI))
P7_TA(2011)0516A7-0362/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) u d-Dikjarazzjoni ta' Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, li ġiet adottata fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp f'Ġunju 1992,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) biex tippromwovi l-osservanza tal-miżuri internazzjonali ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni minn bastimenti tas-sajd f'ibħra internazzjonali, li ġiet approvata fis-27 seduta tal-Konferenza tal-FAO f'Novembru 1993 (“Ftehima ta' Osservanza”),

–  wara li kkunsidra l-Ftehima tal-1995 dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Stokk ta' Ħut li hu Komuni f'Aktar minn Żona Waħda u Stokk ta' Ħut li hu Migratorju Ħafna (“Ftehima tan-NU dwar l-Istokks tal-Ħut” – UNFSA ta' Awwissu 1995),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO għal Industrija tas-Sajd Responsabbli, li ġie adottat f'Ottubru 1995 mill-Konferenza tal-FAO,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, li ġiet adottata f'Ġunju 1998 (“Konvenzjoni ta' Århus”),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Internazzjonali tal-FAO sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IPOA-IUU), li ġie appoġġjat mill-Kunsill tal-FAO f'Ġunju 2001,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ta' Mejju 2002 (COM(2002)0180) dwar pjan ta' azzjoni tal-Komunità biex jinqered is-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni li saret fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar mis-26 ta' Awwissu sal-4 ta' Settembru 2002 f'Johannesburg,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2007 dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-UE kontra s-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (“Regolament IUU”)(2), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità (“Regolament tal-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd”)(3) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (“Regolament tal-Kontroll”)(4),

–  wara li kkunsidra l-Ftehima tal-FAO dwar miżuri tal-Istat tal-Port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (PSMA), li ġiet approvata fis-36 seduta tal-Konferenza tal-FAO, li saret f'Ruma f'Novembru 2009,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2011 tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità (UNODC) dwar il-kriminalità organizzata transnazzjonali fl-industrija tas-sajd,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Referenza taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni “L-Iskoraġġiment tal-Attivitajiet Illegali fis-Settur tas-Sajd – il-Ġenetika, il-Ġenomika, il-Kimika u l-Forensika għall-Ġlieda Kontra s-Sajd IUU u bħala Appoġġ għat-Traċċabilità tal-Prodott tal-Ħut”, ippubblikat fl-2011,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti li ġejja dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (UNCSD), li se ssir fil-Brażil f'Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0362/2011),

A.  billi 71 % tad-Dinja hija koperta minn oċeani, li jaħżnu 16-il darba l-ammont ta' dijossidu karboniku maħżun mid-dinja terrestri u għandhom irwol fundamentali fis-sistemi li jappoġġjaw il-klima u l-ħajja tal-pjaneta kollha kif ukoll jipprovdu ikel, għajxien, enerġija u rotot ta' trasport lil porzjon sustanzjali tal-popolazzjoni dinjija;

B.  billi ġie rrappurtat li s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) jikkorrispondi għal bejn 11 u 26 miljun tunnellata fis-sena, li huma ekwivalenti għal mill-inqas 15 % tal-qabdiet dinjija, u b'hekk jagħmel impossibbli l-ġestjoni ekonomika, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-isfruttament tar-riżorsi marittimi tad-dinja;

C.  billi l-ftehima appruvata fl-Għaxar Konferenza tal-Firmatarji tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, li saret f'Ottubru 2010 f'Nagoya, stabbilixxiet l-obbligu internazzjonali li sal-2020 it-telf ta' bijodiversità jitnaqqas mill-inqas bin-nofs;

D.  billi l-oċeani tad-dinja jikkostitwixxu 90 % tal-ħabitats għall-ħajja li fiha;

E.  billi żewġ terzi tal-oċeani tad-dinja ma jaqgħux taħt ġuriżdizzjoni nazzjonali u b'hekk huma neqsin minn politiki komprensivi li jiggvernaw l-ibħra internazzjonali, filwaqt li l-liġijiet inkompluti eżistenti huma bbażati primarjament fuq prinċipji tas-seklu 17 tal-libertà tal-ibħra u jinjoraw ħafna mill-prinċipji ambjentali li ilhom żmien jiġu applikati għall-art u l-atmosfera,

F.  billi l-Ftehima tal-FAO dwar miżuri tal-Istat tal-Port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat tinkludi fost l-objettivi tagħha t-tneħħija tal-“portijiet ta' konvenjenza” li jservu bħala kenn sikur għall-bastimenti IUU u li minnhom jidħol il-kummerċ tal-qabdiet illegali;

G.  billi l-pakkett ta' kontroll il-ġdid tal-UE, li jikkonsisti fir-Regolament IUU, ir-Regolament tal-Kontroll u r-Regolament tal-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd, jikkostitwixxi sett komprensiv ta' strumenti għall-ġlieda kontra dan il-flaġell tal-oċeani billi jispeċifika r-responsabilitajiet tal-istat tal-bandiera, tal-kosta, tal-port u tas-suq kemm tal-Istati Membri tal-UE u kemm tal-pajjiżi terzi;

H.  billi l-UE hija l-ikbar importatur dinji tal-prodotti tas-sajd u waħda mill-qawwiet ewlenin fid-dinja fil-qasam tas-sajd, u għalhekk dan jimponi fuqha responsabilità ewlenija biex tkun fuq quddiem fl-immobilizzar tal-komunità internazzjonali fil-ġlieda kontra s-sajd IUU;

1.  Huwa tal-fehma li s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) huwa waħda mill-aktar theddidiet serji għall-bijodiversità tal-oċeani tad-dinja;

2.  Konvint li s-sajd IUU huwa problema dinjija fil-kuntest ambjentali u ekonomiku, kemm fis-sajd marittimu u f'dak tal-ilma ħelu, jimmina l-isforzi tal-ġestjoni tas-sajd, jhedded is-sostenibilità tal-istokks tal-ħut u s-sigurtà tal-ikel kif ukoll joħloq distorsjoni tas-suq, b'riperkussjonijiet soċjali u ekonomiċi mhux kalkulabbli fuq is-soċjetà bħala tali, inkluż f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

3.  Jenfasizza li s-sajd IUU u l-attivitajiet kummerċjali assoċjati miegħu jikkostitwixxu kompetizzjoni inġusta għas-sajjieda u għal oħrajn li joperaw fir-rispett tal-liġi, u joħolqu diffikultajiet ekonomiċi għall-komunitajiet tas-sajjieda, għall-konsumaturi u għas-settur kollu;

4.  Jenfasizza t-tmexxija dinjija meħuda mill-UE bil-pakkett ta' kontroll il-ġdid, li jikkonsisti fir-Regolament IUU, ir-Regolament tal-Kontroll u r-Regolament tal-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd; iqis li dan jikkostitwixxi sett komprensiv u b'firxa wiesgħa ta' strumenti għall-ġlieda kontra dan il-flaġell tal-oċeani, billi jispeċifika r-responsabilitajiet tal-Istat tal-bandiera, tal-kosta, tal-port u tas-suq kemm tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi terzi, u l-obbligi fir-rigward tal-attivitajiet taċ-ċittadini tagħhom; iħeġġeġ l-applikazzjoni stretta ta' dawn l-istrumenti;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u l-Istati Membri sabiex itejbu l-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni u jassistu fl-applikazzjoni rigoruża u trasparenti tal-leġiżlazzjoni tas-sajd tal-Unjoni;

6.  Iqis li r-responsabilità għall-iżgurar tal-konformità tal-bastimenti mal-ġestjoni rilevanti u regoli oħra, tal-ġbir u l-irrappurtar tad-dejta dwar il-qabda u l-isforz, u għall-iżgurar tat-traċċabilità, inkluż permezz tal-validazzjoni taċ-ċertifikati tal-qabda, għandha tibqa' f'idejn l-Istat tal-bandiera għaliex id-delega lil Stat ieħor iddgħajjef il-ġlieda kontra s-sajd IUU;

7.  Jinsisti li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta' kontroll fl-Istati Membri għandhom jingħataw riżorsi suffiċjenti (umani, finanzjarji, teknoloġiċi) li jippermettulhom li jimplimentaw bis-sħiħ dawn ir-Regolamenti;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa, fl-interess tal-kredibilità tal-UE, biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jidentifikaw u jimponu sanzjonijiet fuq l-operaturi tal-UE li jiksru l-leġiżlazzjoni tal-UE, u jikkunsidra f'dan il-kuntest li għad irid isir xi progress qabel l-UE tiġġieled b'mod sodisfaċenti kontra s-sajd IUU fuq it-territorju tagħha stess u minn operaturi tal-UE f'postijiet oħra;

9.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li s-sajd illegali jiġi miġġieled fil-baħar u fl-ilmijiet interni u jenfasizza l-ħtieġa li terġa' tiġi eżaminata s-suffiċjenza tal-mekkaniżmi ta' kontroll u l-implimentazzjoni tagħhom;

10.  Jitlob rieżami tal-politika tas-sajd komuni biex tintuża għall-ħolqien ta' inċentivi għas-sajd legali fl-interess tal-ħut, l-ambjent, il-konsumaturi u l-produtturi fl-UE;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga – qabel tmiem l-2012 – jekk is-sajd rikreattiv fl-UE jeżistix fuq tali skala li tassew jista' jiġi kklassifikat bħala sajd IUU;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoperaw bejniethom bil-għan li tinħoloq “Gwardja tal-Kosta Ewropea” sabiex tissaħħaħ il-kapaċità komuni ta' monitoraġġ u spezzjoni u biex effettivament jiġu miġġielda perikli kurrenti u futuri fuq il-baħar bħat-terroriżmu, il-piraterija, is-sajd IUU, it-traffikar jew saħansitra t-tniġġiż tal-baħar;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni għall-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima u b'mod partikolari dawk l-isforzi li għandhom l-għan li jieħdu l-kariga ta' għassies tal-kosta fil-livell Ewropew.

14.  Jemmen li l-objettivi tal-UE fil-ġlieda kontra s-sajd IUU għandhom jiġu appoġġjati mir-riżorsi meħtieġa, l-aktar dawk finanzjarji, biex jiżguraw il-promozzjoni tagħhom, bl-Istati Membri li jiġu allokati riżorsi suffiċjenti li jippermettulhom li jimplimentaw ir-regolamenti fis-seħħ; jenfasizza, bl-istess mod, li kwalunkwe adozzjoni futura tal-metodi ġodda (pereżempju s-sistemi elettroniċi tal-intraċċar, eċċ.) għandhom jiżguraw id-disponibilità fil-livell tal-baġit tal-UE tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika valutazzjonijiet annwali tal-prestazzjoni tal-Istati Membri kollha fl-implimentazzjoni tar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) li jidentifikaw punti ta' dgħufija possibbli li jeħtieġu titjib, u tuża l-mezzi kollha possibbli, inkluż l-identifikazzjoni tal-Istati Membri meta dawn jonqsu milli jissodisfaw ir-responsabilitajiet tagħhom, biex tiżgura l-konformità sħiħa tagħhom, sabiex toħloq reġim ta' kontroll affidabbli u trasparenti;

16.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tintroduċi liċenzja tas-sajd ibbażata fuq il-punti, għodda addizzjonali li l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw biex jidentifikaw l-irregolaritajiet f'kull stadju tal-katina tas-suq u jimponu penali severi f'każ ta' ksur;

17.  Iqis li, minħabba l-mobilità għolja tal-istokkijiet tal-ħut, tal-flotot tas-sajd u tal-kapital li jappoġġja l-flotot, kif ukoll minħabba n-natura globali tas-suq tal-ħut, is-sajd IUU jista' jiġi miġġieled b'mod effikaċi bis-saħħa tal-koperazzjoni internazzjonali, kemm fil-livell bilaterali u multilaterali, bi skambju ta' tagħrif estensiv, preċiż u f'waqtu fir-rigward tal-bastimenti tas-sajd, l-attivitajiet u l-qabdiet tagħhom u kwistjonijiet rilevanti oħra;

18.  Jistieden lill-UE tinsisti bis-saħħa sabiex pajjiżi terzi jiġġieldu b'mod effikaċi kontra s-sajd IUU, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-iffirmar, ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-FAO dwar Miżuri tal-Istat tal-Port, il-Ftehim tan-NU dwar l-Istokks tal-Ħut, il-Ftehim ta' Osservanza tal-FAO u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar kif ukoll il-bosta skemi ta' dokumentazzjoni tal-qabda diġà adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) fil-kuntest tal-ftehimiet kummerċjali, il-Ftehimiet tas-Sħubija dwar is-Sajd u l-politika għall-iżvilupp tal-UE;

19.  Jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu applikati r-regoli tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar id-drittijiet fundamentali tax-xogħol, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw id-dumping soċjali kkawżat mis-sajd IUU, lill-pajjiżi terzi kollha li magħhom l-UE stabbilixxiet Ftehima ta' Sħubija dwar is-Sajd;

20.  Jenfasizza li l-limitazzjonijiet li kien hemm fil-passat rigward il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd fil-parti l-kbira tagħhom ingħelbu bis-saħħa tal-avvanzi tekniċi, inkluż żvilupp f'teknoloġiji spazjali u satellitari, u li s-soluzzjoni għall-ġlieda kontra s-sajd IUU tinsab primarjament f'idejn il-gvernijiet li jsibu r-rieda politika li jieħdu azzjoni effikaċi u responsabbli;

21.  Jistieden lill-Istati Membri biex jfittxu u jressqu quddiem il-qorti lil bastimenti, sidien, impriżi, kumpaniji jew individwi involuti f'attivitajiet marbuta mas-sajd IUU, inkluż it-taħlit ta' qbid IUU ma' qabdiet legali, bħalma jsir lil dawk responsabbli għal reati ambjentali jew ekonomiċi, b'sanzjonijiet severi kif jinstabu ħatja inklużi fejn xieraq f'każ ta' ksur serju u ripetut, l-irtirar permanenti tal-liċenzja u r-rifjut ta' aċċess għall-faċilitajiet tal-port;

22.  Jiddeplora l-fatt li s-sussidji tal-UE tqassmu lill-bastimenti li qabel kienu nqabdu jistadu illegalment;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni biex temenda r-rekwiżiti għat-tipi kollha ta' assistenza finanzjarja sabiex tapplika s-sanzjonijiet finanzjarji u r-rifjut tal-opportunitajiet tal-iffinanzjar għas-sidien tal-bastimenti li ġew ippruvati li stadu illegalment;

24.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni iżżomm lura l-għajnuna mill-Fond Ewropew għas-Sajd lill-bastimenti kollha involuti f'attivitajiet ta' sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-iżgurar ta' responsabilità u responsabilità diretta ikbar min-naħa tal-industrija tas-sajd sabiex jinkiseb l-użu sostenibbli tar-riżorsi marittimi; iqis li huwa kruċjali t-titjib tat-trasparenza fl-aspetti kollha tal-industrija tas-sajd u l-attivitajiet tagħha, inkluż l-ilħuq ta' qbil dwar kriterji internazzjonali biex jiġu stabbiliti s-sidien benfiċjarji reali tal-bastimenti kif ukoll id-drittijiet tas-sajd li għandhom, u l-kundizzjonijiet għall-pubblikazzjoni tagħhom, kif ukoll is-sorveljanza tal-bastimenti tas-sajd f'ilmijiet internazzjonali;

26.  Jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tagħti eżempju billi tadotta u tippromwovi politika ta' trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tas-sajd fil-korpi internazzjonali u fil-pajjiżi terzi li magħhom l-UE għandha relazzjonijiet dwar is-sajd;

27.  Iqis li sajd li jirrispetta l-miżuri adottati fil-livell internazzjonali, reġjonali u nazzjonali u bbażat fuq utilizzazzjoni responsabbli u sostenibbli tar-riżorsi jġib “il quddiem it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, sew fi ħdan l-UE kif ukoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat għandu effetti drammatiċi fil-livell ekonomiku, soċjali u ambjentali, u li l-konsegwenzi tiegħu jagħmlu aktar ħsara lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba li jfixkel l-ilħiq tal-Objettivi tal-Iżvilupp tal-Millenju (MDGs), b'mod partikolari l-Objettivi 1, 7 u 8;

28.  Jenfasizza l-karattru transkonfinali tal-attivitajiet tas-sajd u l-ħtieġa, fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat, tal-koperazzjoni fil-livelli bilaterali u multilaterali bil-għan li l-miżuri kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat jiġu applikati minn kulħadd b'mod trasparenti, nondiskriminatorju u ekwu, filwaqt li jitqiesu l-kapaċitajiet finanzjarji, teknċi u umani tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari dawk tal-Istati żgħar li huma gżejjer;

29.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-koerenza tal-politiki tagħha b'tali mod li l-politika tal-iżvilupp li tiġġieled kontra l-faqar tkun parti integrali mill-politika tal-UE kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat, flimkien mal-kwestjonijiet ambjentali u kummerċjali;

30.  Jenfasizza r-rabta diretta bejn is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat u l-livell ta' governanza ta' Stat, u jitlob li kwalunkwe miżura ta' għajnuna esterna tkun akkumpanjata mir-rieda soda tal-Istat benefiċjarju li jipprojbixxi s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat fl-ilmijiet tiegħu, u li b'mod aktar ġenerali jtejjeb il-governanza fis-settur tas-sajd;

31.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jestendu l-programmi tagħhom ta' appoġġ finanzjarju, teknoloġiku u tekniku, inklużi l-Għajnuna għall-Iżvilupp Uffiċjali u l-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd, għall-monitoraġġ, il-kontroll u l-programmi ta' sorveljanza fl-ibħra tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jagħtu prijorità ikbar lill-programmi reġjonali milli lil dawk bilaterali; jinkoraġġixxi wkoll koordinament ikbar fost id-donaturi kollha, kemm dawk Ewropej kif ukoll l-oħrajn, għall-finanzjament ta' dawn il-programmi;

32.  Jikkunsidra wkoll li l-UE għandha tagħmel użu attiv tal-koperazzjoni fil-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Settur tas-Sajd (FPAs) sabiex tiġġieled kontra s-sajd IUU b'mod aktar effettiv;

33.  Jitlob lill-Kummissjoni żżid kemm jeħtieġ l-ammont finanzjarju favur is-settur tas-sajd fil-ftehimiet li tikkonkludi ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-għan li dawn tal-aħħar jikkonsolidaw il-kapaċitajiet istituzzjonali. umani u tekniċi tagħhom biex jiġġieldu kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat, u b'hekk jirrispettaw aktar il-miżuri tal-organizzazzjonijiet dinjija u reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd u l-leġiżlazzjoni Ewropea;

34.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-soċjetà ċivili tiġi involuta u li l-impriżi tas-settur tas-sajd jiġu responsabilizzati, b'tali mod li jieħdu ħsieb jirrispettaw il-metodi legali tas-sajd u jikkoperaw mal-awtoritajiet fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat, fil-kuntest tar-responsabilità soċjali u ambjentali tal-impriżi;

35.  Jitlob li l-Kummissjoni teżamina l-possibilità li żżid il-Ftehima tal-FAO dwar miżuri tal-Istat tal-Port, il-Ftehima tan-NU dwar l-Istokks tal-Ħut u l-Ftehima ta' Osservanza tal-FAO mal-lista tal-istrumenti li għandhom jiġu implimentati sabiex xi pajjiżi jkunu eliġibbli għas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi Plus, li bħalissa qed tiġi rriveduta; jitlob it-tneħħija taċ-ċertifikati ta' esportazzjoni għall-Istati kollha li jqiegħdu fis-suq il-prodotti li joriġinaw mis-sajd IUU; iqis li jkun tajjeb li tiġi stabbilita koperazzjoni ma' dawn l-Istati sabiex jiġi pprojbit it-tqegħid fis-suq ta' dawn il-prodotti;

36.  Ifakkar in-natura inseparabbli tal-kwistjoni tas-sajd IUU u ta' dik tal-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd, fl-ambitu tal-iskambji kummerċjali suġġetti għar-regoli tad-WTO; jenfasizza l-problema tad-deroga mir-regoli tal-oriġini għal ċerti prodotti tas-sajd ipproċessati, b'mod partikolari l-każ tal-Papwa Ginea Ġdida, li ma tippermettix it-traċċar ta' dawn il-prodotti u twitti t-triq għas-sajd IUU;

37.  Iqis li l-UE għandha ssegwi l-għanijiet li ġejjin fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) fejn hija membru:

   l-istabbiliment, għas-sajd kollu li jaqa' fl-ambitu tal-RFMOs, ta' reġistri tal-bastimenti tas-sajd, inklużi l-bastimenti ta' appoġġ, li huma awtorizzati għas-sajd kif ukoll listi tal-bastimenti li huma identifikati bħala IUU (listi suwed), u l-aġġornament frekwenti u l-pubblikazzjoni wiesgħa tagħhom u l-koordinazzjoni tagħhom bejn l-RFMOs;
   it-tisħiħ tal-Kumitati tal-Konformità tal-RMFOs bil-għan li tiġi eżaminata l-prestazzjoni tal-Firmatarji u, fejn meħtieġ, jiġu imposti sanzjonijiet effikaċi;
   l-estensjoni tal-lista ta' miżuri speċifiċi li għandhom jittieħdu mill-Firmatarji (CPCs) bħalma huma l-istati tal-bandiera, tal-kosta, tal-port u tas-suq, u l-Istati tas-sjieda benefiċjarja, fl-RFMOs individwali;
   l-istabbiliment ta' spezzjonijiet adegwati fil-baħar u programmi ta' osservazzjoni;
   il-projbizzjoni tat-trażbord fil-baħar;
   l-iżvilupp ta' skemi tad-dokumentazzjoni tal-qabda li jibdew mill-ispeċi ewlenin li hemm f'kull RFMO;
   l-użu obbligatorju tal-għodda elettronika inkluż il-VMS, il-ġurnali elettroniċi u tagħmir ieħor tal-insegwiment fejn rilevanti;
   evalwazzjonijiet obbligatorji u regulari tal-prestazzjoni tal-RFMOs individwali, bir-rekwiżit li tittieħed azzjoni abbażi tar-rakkomandazzjonijiet;
   id-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji fir-rigward tas-sajd mill-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-RFMOs fejn dawn jistgħu jwasslu għal kunflitt ta' interess;

38.  Jitlob estensjoni urġenti tan-netwerk tal-RFMOs biex ikunu koperti l-meded tal-baħar u ż-żoni kollha fl-ibħra internazzjonali, jew bl-istabbiliment ta' RFMOs ġodda jew bl-estensjoni tal-mandat ta' dawk eżistenti; huwa tal-fehma li fid-dawl tan-natura globali tas-sajd IUU tinħtieġ koperazzjoni mtejba ħafna bejn l-RFMOs fejn jidħlu l-iskambju ta' informazzjoni, sanzjonijiet kontra bastimenti u CPCs;

39.  Jemmen li d-dritt tas-sajd fl-ibħra internazzjonali għandu, sa fejn possibbli skont il-liġi internazzjonali, ikun bil-kundizzjoni li l-Istat jaderixxi mal-korpi internazzjonali rilevanti u jimplimenta bis-sħiħ il-miżuri tal-ġestjoni kollha li jadottaw;

40.  Jinnota li l-FAO hija s-sors ewlieni għat-tagħrif xjentifiku u r-rakkomandazzjonijiet meta jiġi eżaminat is-sajd globali u l-kwistjonijiet tal-akwakultura minħabba li l-iżvilupp u l-ġestjoni tas-sajd ġew amalgamati aħjar mal-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-protezzjoni tal-ambjent;

41.  Jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva kurrenti tal-FAO għall-iżvilupp ta' Reġistru Globali tal-Bastimenti tas-Sajd, Bastimenti tal-Ġarr Imkessħin u Bastimenti ta' Forniment li għandu jkun obbligatorju u għandu jiġbor fih mill-aktar fis il-bastimenti li jaqbżu l-10 GT;

42.  Jinkoraġġixxi l-iżvilupp rapidu ta' sistema ta' evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-istati tal-bandiera, li bħalissa qed tinħoloq fi ħdan il-FAO, bħala mezz ta' pressjoni fil-konfront tal-istati li mhux qed jaqdu l-obbligi legali internazzjonali tagħhom; jinsisti li għandu jinstab mekkaniżmu effikaċi għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet kontra dawk l-istati li ma jiżgurawx li l-bastimenti li qed itajru l-bandiera tagħhom ma jappoġġjawx jew ma jwettqux sajd IUU u jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni kollha rilevanti; jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu b'mod ġust u trasparenti l-istrumenti tas-suq biex iwaqqfu s-sajd illegali, mingħajr ma jiddiskriminaw kontra pajjiżi oħra; jappoġġja d-deċiżjoni tal-FAO li tistabbilixxi konsultazzjonijiet internazzjonali dwar il-prestazzjoni ta' Stati tal-bandiera fir-rigward tal-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali;

43.  Jitlob għall-adozzjoni urġenti tal-miżuri li jġibu fi tmiemu l-użu tal-“bnadar ta' konvenjenza”, prattika li tippermetti li l-bastimenti tas-sajd joperaw illegalment, b'impunità, bi ħsara kbira għall-ekosistema marittima, għall-istokks tal-ħut, għall-komunitajiet kostali, għas-sigurtà tal-ikel, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għall-industrija tas-sajd li hija leġittima u tikkonforma mal-liġi;

44.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-iżgurar li l-interessi tal-UE ma jkunux involuti f'dawk il-forom ta' piraterija tas-sajd u għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li ċ-ċittadini tagħhom ma jappoġġjawx u ma jwettqux sajd IUU;

45.  Jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi reġistru pubbliku li jelenka l-identitajiet tas-sidien tal-vapuri li ġew ippruvati li ħadu sehem fis-sajd IUU; jemmen li r-reġistru għandu jkun konformi ma' dak imħaddem mill-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd f'Vigo;

46.  Huwa tal-fehma li għandhom jitwettqu, mingħajr iktar dewmien, evalwazzjonijiet indipendenti tal-prestazzjoni kemm tal-istati tal-bandiera u kemm tal-RFMOs minn organizzazzjoni integrata fis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti;

47.  Jirrikonoxxi n-nuqqas ta' koperazzjoni internazzjonali fil-ġestjoni tal-impatti negattivi tal-attivitajiet tal-bniedem li mhumiex relatati mas-sajd li jaffettwaw l-ambjent marittimu u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-ħolqien ta' korp globali biex jimla dan il-vojt, possibbilment taħt l-awspiċju tan-NU;

48.  Jenfasizza li l-kunċett tar-responsabilità tal-istat tas-suq għandu jkun żviluppat bis-sħiħ bħala mezz biex jingħalqu s-swieq għall-prodotti tal-ħut IUU; huwa tal-fehma li hemm urġenza biex l-UE tiddiskuti ma' Stati tas-suq ewlenin oħra, inklużi l-Istati Uniti, il-Ġappun u ċ-Ċina, għalkemm m'għandhiex tillimita ruħha għal dawn il-pajjiżi, kif jistgħu jikkoperaw bejniethom u kemm jista' jkun malajr, biex jiġu żviluppati strumenti legali internazzjonali li jistgħu jwaqqfu, iressqu quddiem il-qorti u jikkastigaw il-kummerċ tal-ħut IUU, f'konformità mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u fil-qafas tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti;

49.  Jenfasizza li ż-żamma u l-iżvilupp tas-settur Ewropew tas-sajd jiddependi parzjalment mill-kontroll IUU strett tal-prodotti tas-sajd imqiegħda fis-suq Ewropew u f'dak dinji; jenfasizza l-importanza ta' dan is-settur għall-iżvilupp territorjali, is-sikurezza tal-ikel, il-preservazzjoni tal-impjiegi u tar-riżorsi fl-ilmijiet Komunitarji;

50.  Iqis li l-Unjoni Ewropea diġà għandha strumenti biex tiskoraġġixxi s-sajd illegali, u jinsab konvint li, billi hija għandha wieħed mill-ikbar swieq tas-sajd fid-dinja, jekk tużahom b'mod adegwat, l-effett dissważiv ikollu konsegwenzi prattiċi indiskutibbli. Jjitlob, għaldaqstant, li ma jingħatawx, jew li jiġu rtirati, iċ-Ċertifikati ta' Esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea lil dawk l-Istati jew il-Firmatarji li ma jikkollaborawx mal-RMFOs fl-istabbiliment tal-istrumenti bħas-sistemi ta' dokumentazzjoni tal-qabdiet jew tal-miżuri tal-Istat tal-Port;

51.  Jinsisti li waħda mill-ikbar armi fil-ġlieda kontra s-sajd IUU hija dik kummerċjali. għaldaqstant, jikkundanna, għal darba oħra, in-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn id-DĠ MARE u d-DĠ TRADE, ladarba filwaqt li l-ewwel wieħed kulma jmur dejjem jistipula iktar objettivi biex jikkumbattih, l-objettiv tat-tieni wieħed jidher li huwa esklużivament li kulma jmur dejjem jiftaħ iktar is-swieq Komunitarji għall-importazzjonijiet, ikunu xi jkunu l-oriġini u l-garanziji ta' kontroll tagħhom, filwaqt li jingħataw preferenzi tarrifarji u derogi mir-regoli tal-oriġini li qed iservu biss biex iwasslu lis-swieq Ewropej għal flotot u pajjiżi identifikati għall-inqas bħala tolleranti għas-sajd IUU;

52.  Jikkunsidra f'dan il-kuntest li s-suq għandu jinżamm aktar responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu, u b'mod partikolari l-importaturi, peress li s-suq aktarx li hu l-aktar kawża sinifikanti tas-sajd IUU;

53.  Jisħaq fuq l-importanza tad-dritt tal-konsumatur li dejjem ikun ċert li l-prodott mixtri jkun inqabad legalment;

54.  Jistieden kemm lill-Kummissjoni u kemm lill-Istati Membri biex itejbu l-informazzjoni tagħhom lill-konsumaturi dwar diversi skemi ta' tikkettar, pereżempju l-iskema tal-Marine Stewardship Council (MSC), li joħloq trasparenza u jipprovdi lill-konsumaturi b'garanzija li qed jixtru ħut maqbud b'mod legali u sostenibbli;

55.  Jappoġġja bis-sħiħ il-linji gwida l-ġodda li ġew adottati fil-laqgħa li saret fi Frar 2011 fil-Kumitat dwar is-Sajd tal-FAO (COFI), bl-għan li jarmonizzaw is-sistema tat-tikkettar tal-prodotti tas-sajd sabiex jiġi miġġieled is-sajd illegali; fost il-karatteristiċi li għandhom ikunu fuq it-tikketta, għandu jkun hemm indikazzjonijiet ċari dwar l-ismijiet kummerċjali u xjentifiċi tal-ħut, dwar it-tip ta' sajd u speċjalment dwar l-indikazzjoni taż-żona fejn ikun sar is-sajd;

56.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex taħdem favur l-iżvilupp ta' skemi ta' dokumentazzjoni tal-qabda;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jappoġġjaw l-iżvilupp u l-użu ta' tekniki biex tkun żgurata traċċabilità totali u effikaċi tal-prodotti tas-sajd tul il-katina tal-forniment, inklużi l-intraċċar bis-satellita tal-bastimenti tas-sajd u ta' appoġġ kif ukoll tikketti elettroniċi għall-intraċċar tal-ħut, il-ħolqien ta' bażi tad-data globali tad-DNA tal-ħut u bażijiet tad-data ġeneriċi oħra għall-identifikazzjoni tal-prodotti tal-ħut u l-oriġini ġeografika tagħhom kif deskritt mir-rapport taċ-Ċentru Konġunt Għar-Riċerka (JRC) bit-titlu “L-Iskoraġġiment tal-Attivitajiet Illegali fis-Settur tas-Sajd – il-Ġenetika, il-Ġenomika, il-Kimika u l-Forensika għall-Ġlieda Kontra s-Sajd IUU u bħala Appoġġ għat-Traċċabilità tal-Prodott tal-Ħut”;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iżidu r-riżorsi allokati għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fil-livelli kollha.

59.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rapport reċenti mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità (UNODC) dwar ir-rwol tal-kriminalità organizzata transnazzjonali fl-industrija tas-sajd u l-ispjega li jagħti dwar kif il-gruppi kriminali organizzati qed iżidu l-influwenza tagħhom fl-industrija tas-sajd, inkluż kemm fl-attivitajiet ta' qabel is-sajd (provvista ta' bastimenti u ekwipaġġi, riforniment bil-fjuwil eċċ.) u kemm f'dawk ta' warajh (tqegħid fis-suq, trasport tal-merkanzija);

60.  Jinsab imħasseb dwar l-użu ta' attivitajiet kriminali bħall-isfruttament u t-traffikar tal-bnedmin, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, in-negozju ta' oġġetti misruqa, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi doganali minn dawk involuti fis-sajd IUU, li għandu jitqies bħala forma ta' kriminalità organizzata transnazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa għal strateġija aktar komprensiva u integrata biex ikun miġġieled is-sajd IUU, inklużi l-kontrolli fuq il-kummerċ u l-importazzjonijiet;

61.  Jappoġġja bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-UNODC, inklużi l-estensjoni tal-koperazzjoni internazzjonali fl-investigazzjoni ta' attivitajiet kriminali fil-baħar, it-titjib tat-trasparenza rigward is-sjieda u l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd u l-iskoraġġiment kemm tal-bejgħ kif ukoll tal-isfruttament ta' bastimenti tas-sajd minn kumpaniji fejn ma jkunx possibbli t-traċċar tas-sidien benefiċjarji;

62.  Jinnota li l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali hija wieħed mill-aktar trattati li ġew irratifikati minn għadd kbir ta' pajjiżi u tobbliga lill-Firmatarji tagħha li jikkoperaw ma' xulxin fir-rigward tal-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjoni u l-proċeduri ġudizzjarji f'każijiet relatati mal-kriminalità transnazzjonali organizzata u b'hekk toħloq sinerġiji importanti fil-ġlieda kontra s-sajd IUU;

63.  Huwa tal-fehma li s-sajd IUU għandu jsir wieħed mill-oqsma ta' prijorità għall-Interpol u għandhom jingħataw riżorsi u setgħat ta' investigazzjoni lill-organizzazzjoni biex hija tissorvelja u tikkumbatti l-aspetti kriminali transnazzjonali tas-sajd IUU;

64.  Jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina il-Lacey Act tal-Istati Uniti u tikkunsidra jekk ċertu elementi minnu humiex utli fil-kuntest Ewropew, b'mod partikolari r-responsabilità li jimponi fuq il-bejjiegħa bl-imnut għal-legalità tal-ħut;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-prinċipji t'hawn fuq, fejn rilevanti, fid-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali tas-sajd tagħha;

66.  Jisħaq li l-UE għandha tipproponi li l-kwistjoni tal-governanza internazzjonali tal-oċeani tkun prijorità fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li ġej fl-2012 fil-Brażil, f'għeluq it-tletin sena mil-Liġi tal-Baħar tan-NU;

67.  Jindika li l-ġlieda kontra s-sajd illegali fil-livell dinji hija essenzjali għal żvilupp sostenibbli globali u, għaldaqstant, għandha tifforma parti integrali u ċara mill-Ftehimiet ta' Sħubija tas-Sajd, l-impenji tal-politika kummerċjali, l-objettivi tal-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp u l-prijoritajiet tal-politika estera tal-Unjoni Ewropea;

68.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri, lis-segretarjati tal-RFMOs li tagħhom l-UE hija Firmatarja u lill-Kumitat għas-Sajd tal-FAO.

(1) ĠU C 287E, 29.11.2007, p.502
(2) ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
(3) ĠU L286, 29.10.2008, p. 33.
(4) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.


Iran - każijiet reċenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem
PDF 234kWORD 68k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-Iran – każijiet reċenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem
P7_TA(2011)0517RC-B7-0594/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem, u partikolarment dawk tas-7 ta' Settembru 2010 u tal-20 ta' Jannar 2011,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 16/9 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li tistabbilixxi l-mandat għal Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran,

–  wara li kkunsidra l-123 rakkomandazzjoni li saru wara r-rieżami perjodiku universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Frar 2010,

–  wara li kkunsidra l-ħatra tas-Sur Ahmed Shaheed mill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fis-17 ta' Ġunju 2011 bħala Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, , u r-rapport interim tat-23 ta' Settembru 2011 mir-Rapporteur Speċjali għas-66 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-15 ta' Settembru 2011 lis-66 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,

–  wara li kkunsidra r-rapport miċ-Ċentru ta' Dokumentazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Iran tal-10 ta' Ġunju 2011, dwar l-użu tal-istupru bħala metodu ta' tortura mill-awtoritajiet tal-ħabs Iranjani,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-15 u tas-26 ta' Settembru 2011, dwar id-detenzjoni ta' Nasrin Sotoudeh, avukat tad-drittijiet tal-bniedem, u l-arrest ta' sitt produtturi tal-films indipendenti, u tat-18 ta' Ottubru 2011 dwar is-sentenzi mogħtija lill-produttur tal-films Jafar Panahi u lill-attriċi Marzieh Vafamehr,

–  wara li kkunsidra l-intensifikar tal-miżuri restrittivi tal-UE fl-10 ta' Ottubru 2011 b'reazzjoni għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 62/149 tat-18 ta' Diċembru 2007 u r-Riżoluzzjoni 63/168 of tat-18 ta' Diċembru 2008 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar moratorju fuq l-użu tal-piena kapitali,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali, u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li l-Iran hi stat parti tagħhom ilkoll,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u b'mod partikolari l-Artikoli 23 sa 27 u 32 sa 35 li jipprevedu l-libertà tal-espressjoni, l-għaqda u l-assoċjazzjoni u d-dritt ta' prattika reliġjuża, kif ukoll id-drittijiet bażiċi għall-imputati u d-detenuti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran hi kkaratterizza minn xejra kontinwa ta' ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (b'mod partikolari, ta' attivisti għad-drittijiet tan-nisa, tat-tfal u tal-minoranzi), ġurnalisti, bloggers, artisti, mexxejja ta' studenti, avukati, trejdunjonisti u ambjentalisti għadhom qegħdin jgħixu taħt pressjoni qawwija u taħt theddida kontinwa ta' arrest;

B.  billi l-aktar kwistjonijiet urġenti jikkonċernaw in-numru kbir ta' nuqqasijiet fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, il-prattiki ekwivalenti għal tortura jew it-trattament krudili jew degradanti tal-priġunieri, inkluż l-istupru, l-inugwaljanza fit-trattament tan-nisa, il-persekuzzjoni ta' minoranzi reliġjużi u etniċi u n-nuqqas ta' drittijiet ċivili u politiċi, b'mod partikolari l-fastidju u l-intimidazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-avukati u tal-atturi tas-soċjetà ċivili;

C.  billi r-rata ta' eżekuzzjonijiet fl-Iran tul l-ewwel nofs tal-2011 poġġiet l-Iran fl-ewwel post fid-dinja fir-rigward tan-numru ta' eżekuzzjonijiet għal kull abitant, li jmur kontra x-xejra dinjija li qed tersaq lejn l-abolizzjoni tal-piena kapitali;

D.  billi minkejja li hu firmatarju tal-ICCPR u billi uffiċjalment jipprojbixxi l-eżekuzzjoni ta' persuni taħt it-18-il sena, numru ta' rapporti jindikaw l-Iran bħala l-aktar pajjiż fid-dinja b'eżekuzzjonijiet ta' delinkwenti minorenni;

E.  billi l-awtoritajiet Iranjani sal-lum naqsu milli jwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom lejn in-NU u rrifjutaw li jikkooperaw mar-Rapporteur Speċjali; billi r-rapport interim jiddeskrivi “xejra ta' ksur sistematiku” u kampanja ta' abbużi “intensifikata”, jesprimi preokkupazzjoni għall-użu dejjem akbar tal-piena kapitali għal delitti minuri, u mingħajr proċess ġust, , u jindika li s'issa fl-2011 seħħew mill-anqas 200 eżekuzzjoni uffiċjali u 146 eżekuzzjoni sigrieta fil-belt ta' Mashad, fil-Lvant tal-Iran; billi fl-2010 aktar minn 300 persuna kienu iġġustizzjati b'mod sigriet fl-Iran;

F.  billi l-qraba tal-Iranjani li jinsabu l-ħabs jew li qed jiġu pproċessati qegħdin jiġu arrestati, interrogati u ffastidjati, kemm barra mill-Iran u fi ħdan l-UE; billi eluf ta' Iranjani ħarbu minn pajjiżhom u sabu kemm fil-pajjiżi ġirien;

G.  billi l-mexxejja tal-oppożizzjoni Mir Hossein Mousavi u Mehdi Karroubi inżammu illegalment taħt arrest domiċiljari u ilhom miżmuma b'mod arbitrarju sa mill-14 ta' Frar 2011; billi dawn il-mexxejja, flimkien man-nisa tagħhom, li anke huma huma politikament attivi, għal perjodi twal ta' żmien ġarrbu għajbien imġiegħel f'postijiet mhux magħrufa u kien maqtugħin minn kull kuntatt mal-ħbieb u l-familja, u li f'dan il-perjodi kienu jinsabu f'perikolu serju ta' tortura;

H.  billi fi Frar u f'Marzu tal-2011, mijiet ta' persuni ġew arrestati u mill-anqas tliet persuni ġew maqtula meta eluf ta' dimostranti niżlu fit-toroq biex jappoġġjaw il-movimenti prodemokratiċi fil-pajjiżi Għarab ġirien u biex jipprotestaw kontra d-detenzjoni tal-mexxejja tal-oppożizzjoni Mir Hossein Mousavi u Mehdi Karroubi;

I.  billi f'April 2011, il-forzi ta' sigurtà qatlu bosta għexieren ta' dimostranti, l-aktar Għarab etniċi, u arrestaw għexieren oħra fil-provinċja tal-Khuzestan fil-Lbiċ tal-Iran, u billi għexieren ta' persuni kienu arrestati u feruti fi protesti ambjentali fil-Provinċja tal-Azerbajġan tal-Punent kontra t-tnixxif tal-Għadira ta' Urmia;

J.  billi għadha qed tikber il-pressjoni fuq il-minoranzi reliġjużi, b'mod partikolari l-Bahai“, il-konvertiti u d-dutturi dissidenti Shia; billi l-Bahai”, minkejja li huma l-akbar minoranza reliġjuża mhux Musulmana, isofru diskriminazzjoni qawwija nkluża ċ-ċaħda ta' aċċess għall-edukazzjoni u billi għadhom għaddejja l-proċeduri legali kontra s-seba' mexxejja detenuti tagħhom filwaqt li aktar minn 100 membru tal-komunità għadhom jinsabu taħt arrest; billi hemm rapporti li fl-ewwel nofs tal-2011 mill-anqas 207 Nisrani kienu arrestati; billi l-Musulmani Sunni jibqgħu jiffaċċjaw diskriminazzjoni quddiem il-liġi u fil-prattika, u ma jistgħux jeżerċitaw bis-sħiħ id-dritt li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom; billi għadha għaddejja kampanja ta' diffamazzjoni bl-appoġġ tal-istat kontra persuni Sufi Nematullahi (Shia), li tiddeskrivi kull forma ta' mistiċiżmu bħala satanika u bil-persekuzzjoni ta' prattikanti Sufi b'mod partikolari bħal ma seħħ fl-attakk armat f'Kavar f'Settembru 2011, fejn inqatlet persuna u oħrajn ġew midruba serjament;

K.  billi ġew arrestati individwi li kkonvertew mill-Iżlam, u billi l-Artiklu 225 tal-abbozz ta' Kodiċi Penali għandu l-għan li l-piena kapitali ssir obbligatorja għall-irġiel li jinstabu ħatja ta' apostasija; billi l-pastor protestant Yousef Nadarkhani għadu mhedded b'eżekuzzjoni għal apostasija;

L.  billi l-Gwardja Rivoluzzjonarja Iranjana, is-servizzi sigrieti u l-milizzja Basij qegħdin iwettqu rwol attiv fir-ripressjoni qawwija u brutali fl-Iran;

M.  billi l-membri tal-komunità lesbjana, omosesswali, bisesswali u transesswali jiffaċċjaw fastidju, persekuzzjoni, kastigi krudili u anke l-piena kapitali; billi dawn il-persuni jiffaċċjaw diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom inkluż fir-rigward tal-aċċess għall-impjiegi, abitazzjoni, edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, kif ukoll esklużjoni soċjali fi ħdan il-komunità;

N.  billi s-sentenzi ta' ħabs imposti fuq l-istudenti attivisti prominenti, Bahareh Hedayat, Mahdieh Golroo u Majid Tavakoli lkoll żdiedu b'sitt xhur wara li kienu akkużati bi “propaganda kontra r-reġim”; billi fil-15 ta' Settembru 2011 l-attivista politika u studenta tal-Ph.D Somayeh Tohidlou ngħatat 50 daqqa ta' frosta wara li temmet sentenza ta' sena ħabs fil-ħabs ta' Evin; billi s-Sinjura Tohidlou diġà temmet sentenza ta' 70 ġurnata ħabs; billi ż-żewġ sentenzi ta' ħabs u l-50 daqqa ta' frosta kienu kastigi marbutin mal-ibbloggjar u ma' attivitajiet oħrajn fuq l-internet; billi fid-9 ta' Ottubru 2011, l-istudent attivist Payman Aref ingħata 74 daqqa ta' frosta qabel ma nħeles mill-ħabs, minħabba akkuża li inġurja l-President Iranjan;

O.  billi l-produttur prominenti Iranjan tal-films Jafar Panahi, ingħata sentenza ta' 6 snin ħabs, li kienet ikkonfermata fl-appell; billi l-attriċi prominenti Marzieh Vafamhr ingħatat sentenza ta' sena ħabs u 90 daqqa ta' frosta, minħabba l-parti li ħadmet f'film dwar il-kondizzjonijiet diffiċli li joperaw fihom l-artisti fl-Iran; billi fis-17 ta' Settembru 2011, l-awtoritajiet Iranjani arrestaw lil sitt produtturi tal-films indipendenti, Mohsen Shahrnazdar, Hadi Afarideh, Katayoun Shahabi, Naser Safarian, Shahnam Bazdar u Mojtaba Mir Tahmaseb u akkużawhom li kienu qegħdin jaħdmu għas-Servizz Persjan tal-BBC u li kienu qegħdin iwettqu spjunaġġ f'isem dan is-servizz tal-aħbarijiet;

P.  billi sa mill-2009 għexieren ta' avukati kienu arrestati minħabba l-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom, inkluż Nsrin Soutoudeh, Mohammad Seifzadeh, Houtan Kian u Abdolfattah Soltani; billi Shirin Ebadi, rebbieħa tal-Premju Nobel, ġiet effettivament imġiegħla tmur fl-eżilju wara li l-awtoritajiet għalqu ċ-ċentru għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tagħha u billi l-avukati tal-detenuti politiċi u tal-priġunieri tal-kuxjenza iħabbtu wiċċhom ma' riskji personali dejjem akbar;

Q.  billi l-awtoritajiet Iranjani ħabbru li qegħdin jaħdmu fuq sistema ta' internet, li tixbaħ l-internet regolari ta' madwar id-dinja kollha, sabiex eventwalment l-internet ħieles jinbidel f'internet li jikkonforma mal-prinċipji Iżlamiċi, u li ġie deskritt bħala netwerk “halal”; billi l-“internet halal” effettivament jagħti lill-awtoritajiet Iranjani 100% kontroll fuq it-traffiku u l-kontenut kollu tal-internet, bi ksur serju tal-libertà tal-espressjoni u tal-aċċess għal netwerks ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni;

R.  billi kien hemm rapporti estensivi li kumpaniji (ibbażati) fl-UE qegħdin jipprovdu assistenza teknika u teknoloġiji individwali lill-awtoritajiet Iranjani, li mbagħad intużaw biex jsegwu u jintraċċaw (onlajn) id-difensuri u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u li huma strumentali fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni dejjem agħar tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, in-numru kbir ta' priġunieri politiċi, in-numru dejjem ogħla ta' eżekuzzjonijiet, inkluż ta' minorenni, it-tortura estiża, proċessi inġusti, is-somom ta' flus eżorbitanti mitluba għal pleġġ, kif ukoll ir-restrizzjonijiet qawwija fuq il-libertà ta' informazzjoni, espressjoni, għaqda, twemmin, edukazzjoni u moviment;

2.  Isellem il-kuraġġ tal-Iranjani kollha li qed jiġġieldu biex jiddefendu l-libertajiet fundamentali, ir-rispett tad-drittijiet tal-biedem u tal-prinċipji demokratiċi tagħhom u li jixtiequ jgħixu f'soċjetà ħielsa mir-repressjoni u mill-intimidazzjoni;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-piena kapitali fl-Iran u jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex, bi qbil mar-Riżoluzzjonijiet 62/149 u 63/138, tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, jistabbilixxu moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet sakemm titneħħa l-piena kapitali;

4.  Jitlob li l-Kodiċi Kriminali Iranjan jiġi emendat biex jipprojbixxi l-impożizzjoni ta' swat tal-ġisem mill-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi; ifakkar li l-użu ta' swat tal-ġisem – li hu ekwivalenti għal tortura - mhuwiex kompatibbli mal-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċiviċi u Politiċi; jikkundanna bil-qawwa s-swat tal-istudenti attivisti, Somayeh Tohidlou u Payman Aref;

5.  Jinsab lest li jappoġġja sanzjonijiet addizzjonali għall-individwi responsabbli mill-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-Istati Membri tal-UE li huma membri permanenti tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU biex iqajmu l-kwistjoni tat-tnedija ta' investigazzjoni dwar jekk id-delitti mwettqa mill-awtoritajiet Iranjani għandhomx jitqiesu bħala delitti kontra l-umanità;

6.  Jitlob lill-awtoritajiet Iranjani sabiex jeħilsu l-priġunieri politiċi kollha, inkluż il-mexxejja politiċi Mir-Hussein Mousavi u Mehdi Karroubi, l-avukati għad-drittijiet tal-bniedem Nasrin Sotoudeh u Abdolfattah Soltani, l-istudenti attivisti Bahareh Hedayat, Abdollah Momeni, Mahdieh Golroo, u Majid Tavakoli, il-ġurnalista Abdolreza Tajik u l-Pastor Yousef Nadarkhani, il-produtturi tal-films Jafar Panahi u Mohammad Rasoulof u kull individwu ieħor elenkat fir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, Ahmed Shaheed;

7.  Jiddeplora bil-qawwa n-nuqqas ta' ġustizzja u trasparenza tal-proċess ġudizzjarju u ta' taħriġ professjoniali għal dawk kollha involuti fih, u jitlob lill-awtoritajiet Iranjani jiggarantixxu proċediment ġust u trasparenti;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern Iranjan sabiex minnufih jippermetti d-dħul fl-Iran tar-Rapporteur Speċjali maħtur min-NU, Ahmed Shaheed, biex jindirizza l-kriżi kontinwa tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran; jinnota li n-nuqqas totali ta' kooperazzjoni tal-gvern mal-mandat tar-Rapporteur Speċjali u r-rifjut persistenti li jitħalla jidħol fil-pajjiż, li juri li l-Iran ma għandu l-ebda intenzjoni li jwettaq passi sinifikanti biex itejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani juru li huma impenjati bis-sħiħ biex jikkooperaw mal-komunità internazzjonali biex itejbu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u jitlob lill-Gvern Iranjan iwettaq l-obbligi kollha tiegħu, kemm skont il-liġi internazzjonali, u ukoll skont il-Konvenzjonijiet Internazzjonali li hu firmatarju tagħhom; jissottolinja l-importanza ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani sabiex jeħilsu minnufih il-membri tal-komunità artistika tal-Iran li jinsabu detenuti u biex itemmu l-persekuzzjoni – permezz tad-detenzjoni jew b'kull forma oħra ta' fastidju – ta' din il-komunità; jinnota li dan it-trattament hu inkompatibbli mal-prinċipji internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li tagħhom l-Iran kien firmatarju liberu; ifakkar li d-dritt għal-libertà tal-espressjoni permezz tal-arti u l-kitba hu inkluż fl-Artikolu 19 tal-ICCPR, li tiegħu l-Iran hu firmatarju;

11.  Jistieden lill-Iran iwettaq miżuri li jiżguraw ir-rispett sħiħ għad-dritt għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin, inkluż billi jiżgura li l-leġiżlazzjoni u l-prattiki jikkonformaw bis-sħiħ mal-Artikolu 18 tal-ICCPR, u jinnota li dan jesiġi ukoll il-garanzija sħiħa u mingħajr kundizzjonijiet tad-dritt ta' kulħadd li jbiddel ir-reliġjon, jekk jiddeċiedu li jagħmlu dan;

12.  Jistieden lill-Iran iwettaq miżuri immedjati biex jiżgura l-protezzjoni tal-membri tal-komunità Baha'i kontra d-diskriminazzjoni f'kull qasam, jinvestiga minnufih il-ksur tad-drittijiet tagħhom, il-prosekuzzjoni ta' dawk dikjarati responsabbli u li l-membri tal-Baha'i jingħataw rimedji effikaċi;

13.  Jikkundanna l-Iran għall-iġġammjar illegali tas-sinjali televiżivi tas-Servizz Persjan tal-BBC u tad-Deutsche Welle mis-satelliti l-Hotbird u Eutelsat W3A, u jistieden lill-Eutelsat tieqaf milli toffri servizzi lill-istazzjonijiet tat-TV tal-Istat sakemm l-Iran jibqa juża s-servizzi tal-Eutelsat biex jimblokka programmi indipendenti fuq it-TV;

14.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-użu ta' teknoloġiji (Ewropej) ta' ċensura, ta' filtraġġ u sorveljanza maħsuba biex jikkontrollaw u jiċċensuraw il-flussi ta' informazzjoni u komunikazzjoni u biex jintraċċaw iċ-ċittadini, b'mod partikolari d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bħal fil-każ reċenti tal-Creativity Software; jistieden lill-kumpaniji Ewropej iwettqu bis-sħiħ ir-responsabilitajiet soċjali korporattivi tagħhom billi ma jipprovdux prodotti, teknoloġiji u servizzi lill-Iran li jistgħu jipperikolaw id-drittijiet ċivili u politiċi taċ-ċittadini Iranjani;

15.  Jenfasizza li l-aċċess ħieles għall-informazzjoni u l-mezzi ta' komunikazzjoni u l-aċċess mingħajr ċensura għall-internet (il-libertà tal-internet) huma drittijiet universali u indispensabbli għad-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni, u għall-iżgurar tat-trasparenza u tar-responsabilità, kif dikjarat mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fis-6 ta' Mejju 2011;

16.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jirtiraw jew jemendaw kull tip ta' leġiżlazzjoni li tistipula, jew li tista' twassal għal, diskriminazzjoni kontra u l-prosekuzzjoni u l-kastig ta' nies minħabba l-orjentazzjoni sesswali jew minħabba l-identità tal-ġeneru tagħhom, u biex jiżguraw il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni ta' kulmin jinżamm biss abbażi ta' attivitajiet sesswali konsenswali jew minħabba orjentazzjoni sesswali;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu kenn sigur lil ċittadini Iranjani li jkunu ħarbu minn pajjiżhom, bħal pereżempju permezz tal-inizjattiva Shelter City (Belt ta' Kenn);

18.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex jaċċettaw dimostrazzjonijiet paċifiċi biex jindirizzaw l-ammont kbir ta' problemi li qegħdin jiffaċċjaw iċ-ċittadini Iranjani; jesprimi tħassib partikolari dwar l-istraġi ambjentali imminenti fir-reġjun tal-Għadira ta' Urmia u jitlob azzjoni deċiżiva mill-gvern biex jipprova jistabbilizza l-ekoloġija reġjoali, li minnha jiddependu miljuni ta' Iranjani;

19.  Jistieden lir-rappreżentanti tal-UE u lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jħeġġu lill-awtoritajiet Iranjani jerġgħu jipparteċipaw f'diskussjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;

20.  Iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jiffoka fuq iċ-ċittadini tal-UE li jinsabu fil-ħabsijiet Iranjani u biex tagħmel dak kollu possibbli biex tiżgura l-benesseri u l-ħelsien tagħhom;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Uffiċċju tal-Mexxej Suprem, lill-President tal-Qorti Suprema tal-Iran, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Iran.


Eġittu, b'mod partikolari l-każ tal-blogger Alaa Abdel Fatah
PDF 214kWORD 50k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-Eġittu, b'mod partikolari l-kawża tal-blogger Alaa Abd el-Fattah
P7_TA(2011)0518RC-B7-0595/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Frar 2011(1) dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u tas-27 ta' Ottubru 2011(2) dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u fis-Sirja, b'mod partikolari tal-komunitajiet Insara,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10, 18 u 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata fl-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 14(1) u 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li fih l-Eġittu huwa parti,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 9 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) tal-1950,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar t-Tneħħija tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–   wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Ottubru 2011 mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, dwar il-vjolenza fl-Eġittu,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-21 ta' Frar 2011 li fihom ir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, intalbet tirrapporta dwar il-miżuri adottati u l-proposti konkreti li saru biex ikomplu jsaħħu l-azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni u d-difiża tar-reliġjon u l-libertà ta' twemmin,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-10 ta' Ottubru 2011, kif ukoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Eġittu tat-23 ta' Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali tal-2009 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-30 ta' Ottubru 2011, il-Prosekutur Militari talab li s-Sur Alaa Abd el-Fattah jiġi interrogat u aktar tard ordna l-arrest provviżorju tiegħu għal 15-il ġurnata fil-ħabs tal-appelli ta' Bab El Khalq fil-Kajr, wara li akkużah li “inċita għal vjolenza kontra l-forzi armati”, “ħebb għal persunal militari u ddanneġġja proprjetà militari”, matul il-kunflitti reċenti f'Maspero, li bdew b'dimostrazzjoni paċifika favur id-drittijiet tal-Insara Kopti li saret fid-9 ta' Ottubru 2011 fil-Kajr, fejn tal-anqas 25 ċittadin Eġizzjan nqatlu u aktar minn 300 sfaw midruba; billi 30 ċittadin ieħor ġew arrestati fl-istess kawża;

B.  billi fit-3 ta' Novembru 2011, il-Qorti tal-Appelli Militari kkonfermat l-arrest tas-Sur Alaa Abd el-Fattah għal perjodu ta' 15-il ġurnata u wara ġie trasferit għall-ħabs ta' Tora u fit-13 ta' Novembru l-arrest tiegħu ġġedded għal 15-il ġurnata oħra fl-istennija ta' investigazzjoni ulterjuri,

C.  billi s-Sur Alaa Abd el-Fattah irrifjuta li jwieġeb għal kwalunkwe mistoqsija tal-Qorti Militari dwar l-avvenimenti, filwaqt li stqarr li kien se jwieġeb biss qorti ċivili imparzjali u sostna li l-Qorti ma kellhiex il-leġittmità u l-ġurisdizzjoni meħtieġa biex tinterroga lil persuni ċivili;

D.  billi kulħadd għandu jkun intitolat għal smigħ ġust u pubbliku quddiem tribunal kompetenti, independenti u imparzjali stabbilit mil-liġi;

E.  billi Alaa Abd el-Fattah kien diġà ġie arrestat taħt ir-reġim ta' Mubarak għal 45 ġurnata fl-2006, wara li pparteċipa fi protesta favur ġudikatura independenti,

F.  billi l-blogger Maikel Nabil Sanad, li huwa miżmum il-ħabs, għadu għaddej bl-istrajk tal-ġuħ tiegħu u jinsab f'kundizzjoni tas-saħħa kritika; billi fil-11 ta' Ottubru 2011 il-Qorti tal-Appelli Militari ddeċidiet li tħassar is-sentenza tiegħu ta' tliet snin ħabs u ordnat li l-proċess jinbeda mill-ġdid; billi, fit-tieni seduta ta' dan il-proċess il-ġdid fl-1 ta' Novembru 2011, il-kawża tiegħu ġiet posposta għat-13 ta' Novembru 2011 u mbagħad f'dik id-data posposta għal darba oħra sas-27 ta' Novembru 2011, peress li rega' rrifjuta li jikkoopera mat-tribunal militari fuq il-bażi li huwa kontra li ċ-ċittadini jitressqu quddiem qrati militari;

G.  billi l-Eġittu għaddej minn perjodu kritiku ta' tranżizzjoni demokratika u qed jaffaċċja ħafna sfidi u diffikultajiet f'dan il-proċess;

H.  billi l-midja soċjali għandha rwol importanti f'avvenimenti tar-Rebbiegħa Għarbija, inkluż fl-Eġittu; billi bloggers, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għadhom fil-mira ta' fastidju u intimidazzjoni fl-Eġittu;

I.  billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw li minn Marzu 2011 “l hawn aktar minn 12 000 ċittadin ittellgħu quddiem tribunali militari fl-Eġittu; billi cittadini li ġew arrestati skont il-liġi ta' emerġenza għadhom qegħdin jitressqu quddiem il-qrati militari, li ma jissodisfawx standards minimi għal proċessi ġusti u d-dritt għad-difiża, fil-pajjiż; billi l-maġġoranza kbira tal-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem, l-assoċjazzjonijiet tal-avukati u persuni politiċi mill-gruppi politiċi kollha fl-Eġittu insistew li ċ-ċittadini għandhom jitressqu quddiem qrati ċivili sabiex jiġi żgurat proċess ġust u xieraq;

J.  billi l-Unjoni Ewropea darba wara l-oħra esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tar-reliġjon u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha;

1.  Iħeġġeġ lill-Awtoritajiet Eġizzjani jeħilsu minnufih lis-Sur Alaa Sur Abd el-Fattah, li jinsab fil-ħabs minħabba li rrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet li sarulu mill-Qorti Militari dwar l-avvenimenti li seħħew fid-9 ta' Ottubru 2011, peress li ma jqishiex qorti imparzjali u leġittima; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiggarantixxu li l-ebda blogger, ġurnalist jew difensur tad-drittijiet tal-bniedem ma jkun soġġett għal fastidju dirett jew indirett jew għal intimidazzjoni fil-pajjiż;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-persekuzzjoni ġudizzjarja kontra s-Sur Alaa Abd el-Fattah min-naħa tal-awtoritajiet ġudizzjarji militari; itenni t-talba tiegħu lill-iSCAF biex itemm mingħajr dewmien il-liġi ta' emerġenza u l-prattika li biha ċittadini jitressqu quddiem qrati militari, u biex jeħles minnufih il-priġunieri tal-kuxjenza kollha u l-priġunieri politiċi miżmuma mill-qrati militari; jenfasizza li ċ-ċittadini ma għandhomx jitressqu quddiem qrati militari, peress li dawn ma jissodisfawx standards baziċi għal proċessi ġusti;

3.  Jistieden lill-Awtoritajiet Eġizzjani jiggarantixxu tribunali imparzjali kif jistipula l-Artikolu 10 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948: “Kulħadd huwa intitolat, bla ebda diskriminazzjoni, għal smigħ ġust u pubbliku quddiem tribunal independenti u imparzjali, għad-determinazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi tiegħu u ta' kwalunkwe akkuża kriminali kontrih”;

4.  Itenni t-talba tiegħu għal investigazzjoni independenti, trasparenti u bir-reqqa tal-kunflitti f'Maspero li bdew b' dimostrazzjoni paċifika favur id-drittijiet tal-Insara Kopti, fid-9 ta' Ottubru 2011 fil-Kajr, li għandha ssir minn ġudikatura ċivili indipendenti u imparzjali, sabiex issir ġustizzja minn dawk kollha responsabbli, u għal darba oħra jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi u lil qrabathom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jiggarantixxu l-indipendenza u l-imparzjalità tad-diversi investigazzjonijiet, billi jippermettu sorveljanza adegwata;

5.  Itenni s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Eġizzjan f'dan il-perjodu kritiku u diffiċli ta' tranżizzjoni demokratika fil-pajjiż u jkompli jappoġġa l-aspirazzjonijiet demokratiċi ta' dak il-poplu; jistieden lill-Awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tar-reliġjon, il-libertà tal-espressjoni u tal-użu tal-internet, il-libertà tal-assemblea paċifika u l-libertà ta' assoċjazzjoni;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0064.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0471.


Il-ħtieġa ta' servizzi ta' emerġenza 112 aċċessibbli
PDF 73kWORD 35k
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2011 dwar il-ħtieġa ta' servizzi ta' emerġenza 112 aċċessibbli
P7_TA(2011)0519P7_DCL(2011)0035

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra n-numru tat-telefown uniku Ewropew għall-emerġenzi 112 għall-Unjoni Ewropea, stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-29 ta' Lulju 1991 (91/396/KEE), imsaħħa permezz tad-direttiva dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tan-netwerk miftuħ għal telefonija tal-vuċi u dwar is-servizz universali għall-telekomunikazzjonijiet f'ambjent kompetittiv, id-Direttiva 98/10/KE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/136/KE, li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar is-servizz universali u d-drittijiet tal-utenti relatati ma' servizzi u netwerks ta' komunikazzjoni elettroniċi,

–  wara li kkunsidra r-Regola 123 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  Billi l-biċċa l-kbira tas-servizzi tal-emerġenza tal-UE huma aċċessibbli biss bl-użu tal-vuċi, u b'hekk miljuni ta' ċittadini huma esklużi minn servizz li jista' jsalvalek ħajtek, bħal utenti torox, li jbagħtu mis-smigħ u li għandhom xi diżabbiltà lingwistika u f'sitwazzjonijiet fejn diskrezzjoni tat-telefonata hija meħtieġa,

B.  Billi l-Unjoni Ewropea ratifikat il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbilitajiet u adottat l-Istrateġija dwar id-Diżabbiltà tagħha 2010-2020, kif ukoll l-Aġenda Diġitali, li ssaħħaħ id-Diżinn Universali,

1.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi u ta' standardizzazzjoni biex is-servizzi 112 isiru aċċessibbli bis-sħiħ għaċ-ċittadini kollha, fejn tingħata prijorità lil servizzi tal-lingwa tas-sinjali permezz ta' teknoloġiji awdjoviżwali u servizzi bbażati fuq it-test biex tiġi żgurata l-inklużjoni ta' utenti torox, li jbagħtu mis-smigħ, u li għandhom xi diżabbiltà lingwistika;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' servizzi 112 tal-Ġenerazzjoni Li Jmiss, affidabbli u aċċessibbli bis-sħiħ li ma jiddipendux minn apparat u netwerks, u li jużaw il-kunċett ta' Konverżazzjoni Totali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji(1), lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) Il-lista ta' firmatarji hija ppubblikata fl-Anness 1 għall-Minuti tas-17 ta' Novembru 2011 (P7_PV(2011)11-17(ANN1)).

Avviż legali - Politika tal-privatezza