Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2038(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0335/2011

Testi mressqa :

A7-0335/2011

Dibattiti :

PV 02/02/2012 - 5
CRE 02/02/2012 - 5

Votazzjonijiet :

PV 02/02/2012 - 12.10
CRE 02/02/2012 - 12.10

Testi adottati :

P7_TA(2012)0026

Testi adottati
PDF 280kWORD 110k
Il-Ħamis, 2 ta' Frar 2012 - Brussell
L-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Immaniġġjar tal-Iskart
P7_TA(2012)0026A7-0335/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-kwistjonijiet imqajma minn petizzjonanti b'rabta mal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Immaniġġjar tal-Iskart, u ta' direttivi relatati, fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (2011/2038(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dritt ta' petizzjoni stabbilit fl-Artikolu 227 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-petizzjonijiet irċevuti u li jinsabu fl-Anness tar-rapport mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0335/2011),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tirrevoka ċerti Direttivi(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April 1999 dwar il-miżbla ta' skart(3);

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2000 dwar il-ħruq ta' skart(4);

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent(5) (SEA),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għal informazzjoni ambjentali u li tirrevoka id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE(6)

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta' ċerti pjani u programmi li għandhom x'jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja(7),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Aarhus, id-Danimarka, 25 ta' Ġunju 1998),

–  wara li kkunsidra l-istudju mill-esperti “L-immaniġġjar tal-iskart fl-Ewropa: problemi ewlenin u l-aħjar prattiki” ta' Lulju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 202(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0335/2011),

A.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva 114 petizzjoni u ddikjarahom ammissibbli matul il-perjodu 2004-2010 li jallegaw ksur ta' dan il-qafas regolatorju minn dawn l-Istati Membri li ġejjin: l-Italja, il-Greċja, Franza, Spanja, l-Irlanda (iktar minn 10 petizzjonijiet kull wieħed), il-Bulgarija, ir-Renju Unit, il-Polonja, ir-Rumanija, il-Ġermanja (bejn 3 u 10 petizzjonijiet kull wieħed), l-Awstrija, l-Ungerija, il-Litwanja, Malta, il-Portugall u s-Slovakkja (petizzjoni waħda kull wieħed);

B.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet abbozza ħames rapporti dwar żjarat għall-ġbir ta' fatti relatati mal-petizzjonijiet dwar l-iskart fl-Irlanda(8), Fos-sur-Mer (Franza)(9), Path Head landfill (ir-Renju Unit)(10), Campania (l-Italja)(11) u Huelva (Spanja)(12);

C.  billi l-petizzjonijiet dwar kwistjonijiet ambjentali jikkostitwixxu b'mod konsistenti l-grupp ewlieni ta' petizzjonijiet irċevuti u dawk dwar l-iskart huwa sub-grupp importanti, u billi t-tħassib dwar l-iskart jaffettwa ċ-ċittadini b'mod dirett ħafna madwar l-UE, speċjalment rigward il-proċedura ta' permess għall-faċilitajiet ġodda għall-immaniġġjar tal-iskart jew l-operat ta' dawk eżistenti, segwiti minn tħassib dwar l-immaniġġjar ġenerali tal-iskart;

D.  billi maġġoranza kbira tal-petizzjonijiet dwar l-iskart jikkonċernaw il-faċilitajiet tal-immaniġġjar tal-iskart, b'madwar 40 % rigward il-proċedura ta' permess għall-impjanti ġodda pproġettati u 40 % oħra li jirreferu għal operat ta' dawk eżistenti, li minnhom 75 % jikkonċernaw il-landfills u 25 % jikkonċernaw l-inċineraturi, filwaqt li l-petizzjonijiet li jifdal jittrattaw problemi tal-immaniġġjar ġenerali tal-iskart;

E.  billi ċ-ċiffri l-aktar riċenti mill-Eurostat (2009) juru li ċ-ċittadini tal-UE jipproduċu medja ta' 513 kg ta' skart kull sena, b'ħafna Stati Membri ġodda taħt il-medja sew u l-pajjiżi l-aktar industrijalizzati jinsabu tal-ewwel fil-klassifika;

F.  billi dawk il-pajjiżi li jipproduċu l-aktar skart juru l-ogħla rati għar-riċiklaġġ, l-ikkompostjar u l-ħruq tal-iskart għall-enerġija, filwaqt li diġà laħqu livell ta' żero jew kważi laħquh għar-rimi fil-landfills, filwaqt li b'kuntrast, dawk l-Istati Membri li jipproduċu l-anqas medja tal-iskart qegħdin minn ta' fuq għar-rimi fil-landfills u juru rati ħafna anqas ta' riċiklaġġ u saħansitra inċinerazzjoni;

G.  billi xi inċineraturi ibatu min nuqqas ta' infrastruttura xierqa għas-separazzjoni u t-trattament tal-iskart; billi ma jidhirx li hemm limiti ċari għat-tip ta' skart inċinerat u għad hemm tħassib dwar id-destin ta' rmied tossiku li jirriżulta mill-inċinerazzjoni;

H.  billi d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (Direttiva Qafas dwar l-Iskart (WFD)) tistipula regoli mfassla biex jipproteġu l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem billi jipprevjenu jew inaqqsu l-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart u billi jnaqqsu l-impatti ġenerali tal-użu tar-riżorsi u jtejbu l-effiċjenza ta' tali użu, b'hekk jipprovdu benefiċċji liċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tas-saħħa u l-benessri filwaqt li fl-istess ħin jinkiseb metodu ambjentalment sostenibbli tar-rimi tal-iskart;

I.  billi d-Direttiva 2008/99/KE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali tistabbilixxi numru minimu ta' reati serji relatati mal-ambjent u tirrikjedi li l-Istati Membri jipprevedu pieni kriminali aktar dissważivi għal dan it-tip ta' reat meta dan jitwettaq fuq livell internazzjonali jew bħala riżultat ta' negliġenza serja;

J.  billi strateġija tal-ġestjoni tal-iskart f'konformità mad-WFD trid tigarantixxi li l-iskart kollu jinġabar u jiġi dirett lejn netwerk ta' impjanti ta' trattament xierqa tal-iskart għall-irkupru u fl-aħħar għar-rimi, li trid tinkludi miżuri biex inaqqsu l-ġenerazzjoni tal-iskart fis-sors;

K.  billi f'xi żoni, bħal Fos-sur-Mer (Franza – 2008), Path Head (Renju Unit – 2009), Huelva (Spanja – 2009) u Campania (Italja – 2011), il-progress li sar fir-rigward tat-tnaqqis tal-iskart u r-riċiklaġġ tal-iskart domestiku kien minimu, u billi l-iskart domestiku u ta' tip ieħor komplew jittieħdu b'mod indiskriminat f'landfills, f'xi każijiet apparentement imħalltin ma' tipi differenti ta' skart industrijali;

L.  billi l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-WFD kienet Diċembru 2010, iżda sitt Stati Membri biss ikkonformaw, u l-Kummissjoni qed tieħu miżuri attivi biex tiżgura li l-bqija jlestu t-traspożizzjoni u jibdew l-implimentazzjoni malajr;

M.  billi l-iskart domestiku għandu jkun immaniġġjat skont il-ġerarkija tal-iskart, mibnija fuq il-prevenzjoni, tnaqqis, użu mill-ġdid, riċiklaġġ, irkupru (pereżempju l-enerġija) u r-rimi, skont l-Artikolu 4 tad-WFD;

N.  billi Ewropa li hija effiċjenti fir-riżorsi hija waħda mill-miri ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 u d-WFD introduċiet mira ta' 50 % għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali, li għandha tintlaħaq sal-2020 mill-Istati Membri kollha, billi jiġi rikonoxxut li l-iżvilupp tal-UE f'ekonomija ċirkolari u ħadra li tuża l-iskart bħala riżorsa huwa element importanti tal-mira ta' effiċjenza fir-riżorsi;

O.  billi hemm bosta raġunijiet għalfejn m'hemmx fis-seħħ pjanijiet għall-immaniġġjar tal-iskart konformi mad-WFD: dawn jinkludu nuqqas ta' implimentazzjoni u infurzar, persunal mħarreġ tajjeb fil-livell lokali u reġjonali u koordinament fil-livell nazzjonali; kontrolli insuffiċjenti fil-livell tal-UE, in-nuqqas li jiġu allokati riżorsi adegwati u n-nuqqas ta' sistema tajba, biex b'hekk jiġu ttraskurati l-opportunitajiet għall-immaniġġjar tajjeb tal-iskart biex jitnaqqsu l-gassijiet b'effett ta' serra u impatti ambjentali oħrajn u għat-tnaqqis tad-dipendenza Ewropea fuq materja prima importata;

P.  billi fattur importanti, ta' spiss injorat, huwa li l-industrija tar-riċiklaġġ toffri potenzjal li jilħaq in-nofs miljun impjieg, peress li ċerti tipi ta' skart jikkostitwixxu riżorsa produttiva li tista' tikkontribwixxi għat-titjib tas-sostenibbiltà ambjentali, u tikkontribwixxi sabiex ikun hemm ekonomija ħadra;

Q.  billi l-immaniġġjar tal-bijoskart fl-UE għadu relattivament fil-bidu tiegħu u l-istrumenti leġiżlattivi attwali għandhom bżonn jiġu żviluppati u t-tekniki jsiru aktar effiċjenti;

R.  billi l-konformità mal-miri tal-UE għall-ġbir, riċiklaġġ u t-tnaqqis tar-rimi fil-landfills teħtieġ li tibqa' prijorità;

S.  billi l-Istati Membri – f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali - għandhom ir-responsabbiltà ewlenija li jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE, u billi ċ-ċittadini taw lill-UE ir-responsabbiltà li tiżgura l-implimentazzjoni tal-politika tal-iskart, iżda m'għandhiex il-mezzi adegwati biex tinforza l-leġiżlazzjoni;

T.  billi skont il-Konvenzjoni ta' Aarhus iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jiġu informati dwar is-sitwazzjoni fit-territorju tagħhom stess u huwa d-dmir tal-awtoritajiet biex jipprovdu informazzjoni u jimmotivaw liċ-ċittadini biex jiżviluppaw attitudni u mġiba responsabbli; billi skont id-Direttiva 2003/35/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku jingħata opportunitajiet bikrin u effettivi biex jipparteċipaw fit-tħejjija u l-modifika jew ir-reviżjoni tal-pjanijiet jew programmi li jeħtieġ li jitfasslu;

U.  billi permezz tal-proċess tal-petizzjonijiet, iċ-ċittadini qed jesprimu s-sentiment li l-awtoritajiet pubbliċi m'għandhomx kontroll fuq is-sitwazzjoni, li dawn mhumiex lesti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex jikkontribwixxu biex jinstabu soluzzjonijiet, li r-relazzjoni ta' fiduċja qed tintilef u li nqabdet it-triq tan-niżla lejn konfront miftuħ u paraliżi li qed tipprevjeni l-azzjoni;

V.  billi studju riċenti(13) mwettaq għall-Kummissjoni biex tiġi esplorata l-fattibbiltà li tinħoloq Aġenzija tal-UE għall-Immaniġġjar tal-Iskart issottolinja li ħafna Stati Membri m'għandhomx biżżejjed kapaċità biex iħejju pjanijiet ta' immaniġġjar tal-iskart, kif ukoll biex jagħmlu spezzjonijiet, kontrolli u azzjonijiet oħra biex jinfurzaw sew il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart;

W.  billi l-istudju jidentifika wkoll livell għoli ta' nuqqas ta' konformità, rimi u spedizzjoni illegali ta' skart, għadd kbir ta' lmenti minn ċittadini, każijiet ta' ksur imressqa quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ), u għalhekk prestazzjoni baxxa fil-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-ambjent, li jikkostitwixxi mira ġenerali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart;

X.  billi r-rimi tal-iskart illegali sar ukoll parti mill-attivitajiet tal-kriminalità organizzata, li jqajjem kwistjonijiet dwar l-irwol tal-awtoritajiet responsabbli u, fir-rigward tal-iskart industrijali, dwar il-kollużjoni industrijali;

Y.  billi l-proċeduri ta' monitoraġġ u kontroll fis-seħħ bħalissa maħsuba biex jiżguraw li l-iskart domestiku mhuwiex ikkontaminat minn skart tossiku huma xi kultant dgħajfa jew ineżistenti, li jwasslu għall-kontaminazzjoni tal-landfills u l-inċineraturi; billi għandu jiġi enfasizzat li r-rimi ta' skart tossiku permezz tal-inċinerazzjoni fl-installazzjonijiet maħsuba għall-hruq tal-iskart domestiku huwa kategorikament projbit;

Z.  billi analiżi profonda tal-petizzjonijiet tikkonferma li l-leġiżlazzjoni għal sistema tal-immaniġġjar tal-iskart li hija funzjonabbli u ambjentalment soda hija fil-biċċa l-kbira tagħha fis-seħħ u li l-kwistjonijiet ewlenin jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-infurzar, b'95% tal-petizzjonijiet relatati man-nuqqas tal-gvern f'livell lokali jew reġjonali;

AA.  billi wieħed mill-fatturi kruċjali identifikati għal din is-sitwazzjoni huwa n-nuqqas ta' informazzjoni, għarfien, kapaċità amministrattiva u riżorsi finanzjarji u oħrajn f'livell lokali;

AB.  billi l-Kummissjoni żiedet l-appoġġ tagħha – inkluż EUR 4,1 biljun fl-2005-2006 – bil-għan li ttejjeb l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-acquis tal-UE dwar l-skart f'livell nazzjonali; billi, fi tmiem l-2009, il-każijiet ta' ksur relatati mal-iskart kienu jikkostitwixxu 20 % tal-każijiet kollha ta' ksur ambjentali;

AC.  billi l-ispiża ta' immaniġġjar ħażin tal-iskart hija għolja u sistema reġjonali li kapaċi twettaq iċ-ċiklu sħiħ twassal biex jiġu ffrankati ammonti kbar ta' flus;

AD.  billi, filwaqt li l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart fl-UE hija responsabbiltà pubblika, kumpaniji privati u multinazzjonali jittrattaw ma' 60% tal-iskart domestiku u 75% tal-iskart minn negozji, b'fatturat annwali ta' EUR 75 biljun(14);

AE.  billi l-istabbiliment ta' landfills u inċineraturi ġodda jaqa' taħt l-Anness I.9 tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (EIA)(15), li jeħtieġ EIA skont l-Artikolu 4(1) jew tal-inqas skont l-Artikolu 4(2) jekk il-landfill taqa' taħt l-Anness II11.b,

AF.  billi l-permessi għal landfills jaqgħu taħt l-Anness II tad-Direttiva dwar l-EIA jekk “x'aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent” u huma soġġetti għall-kriterju ta' limitu stabbilit mill-Istati Membri;

AG.  billi l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-EIA tistipula li “Il-pubbliku kkonċernat  għandu jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fil-proċeduri ta' teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) u għandu, għal dan il-għan, ikun intitolat li jesprimi kummenti u opinjonijiet meta l-għażliet kollha jkunu miftuħa għall-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp”;

AH.  billi d-Direttivi tal-UE u l-Konvenzjoni ta' Aarhus jagħmlu referenzi speċifiċi għall-aċċess għall-informazzjoni u l-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ambjentali;

AI.  billi ħafna petizzjonijiet jallegaw li l-proċedura ta' permess għall-faċilitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart ma kinitx konformi bis-sħiħ mal-leġiżlazzjoni tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-EIA u l-konsultazzjoni pubblika,

AJ.  billi, sakemm il-permessi jikkonformaw mal-parametri stipulati fid-Direttiva u tkun twettqet l-EIA, il-Kummissjoni m'għandhiex is-setgħa tintervjeni f'deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali; billi, madankollu, ċerti Stati Membri ma wettqux l-EIAs bir-reqqa qabel ma taw permessi għall-ftuħ jew estensjoni tal-landfills jew bini tal-inċineraturi;

AK.  billi l-proċedimenti legali jistgħu jitnedu biss ladarba proġett ikun ġie approvat mill-Istati Membri; billi huwa diffiċli għaċ-ċittadini li jifhmu li l-UE ma tistax tintervjeni qabel ma tkun intemmet il-proċedura kollha u l-proġett ikun ġie approvat mill-Istati Membri;

AL.  billi ta' spiss it-tħassib li jesprimu ċ-ċittadini matul il-proċess ta' konsultazzjoni pubblika u l-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (EIA) tas-siti maħsuba għall-ħolqien ta' landfills ġodda jirrigwarda allegat ksur ta' żoni protetti, bħal fil-każ tal-landfill fil-park nazzjonali tal-Vesuvius, jew biża' minn impatt negattiv fuq is-saħħa u l-benesseri;

AM.  billi s-siti ppjanati għar-realizzazzjoni ta' landfills ġodda huma kkontestati billi l-petizzjonanti jqisu li dawn jinvadu żoni protetti mil-lat ambjentali jew kulturali, kif jispjegaw il-petizzjonijiet dwar pjan ta' ftuħ ta' landfill ġdida fil-park nazzjonali tal-Vesuvju, u billi huwa tal-fehma li l-pożizzjoni ta' landfills f'żoni li jagħmlu parti min-netwerk Natura 2000 għandhom jitqiesu mhux konformi mad-dritt ambjentali tal-UE;

AN.  billi d-Direttiva dwar il-Landfills tistabbilixxi l-parametri għall-għoti tal-permess tal-operat u għall-proċeduri ta' monitoraġġ komuni matul l-operazzjoni u l-fażijiet tal-kura li tingħata wara u billi l-landfills magħluqa qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva mhumiex soġġetti għad-dispożizzjonijiet tagħha; billi l-kriterji elenkati fid-Direttiva jirreferu għall-post, il-kontroll tal-ilma u l-immaniġġjar tal-lissija, il-protezzjoni tal-ħamrija u l-ilma, il-kontroll tal-gass, l-inkonvenjenzi u l-perikli, l-istabilità u l-ostakli;

AO.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva diversi petizzjonijiet – b'mod partikolari dik li wasslet għall-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni f'Path Head (ir-Renju Unit) – li rrigwardaw landfills qrib ħafna ta' djar u fejn il-popolazzjoni qed tbati minħabba rwejjaħ li huma ta' ħsara, arja aktar imniġġsa u żieda fil-preżenza ta' annimali li jagħmlu ħsara ħdejn darhom; billi madankollu, peress li kriterji aktar preċiżi dwar il-prossimità tas-siti tal-landfills għad-djar, skejjel u sptarijiet ma ġewx stabbiliti fil-liġi tal-UE, id-definizzjoni tar-rekwiżiti preċiżi biex jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent huma soġġetti għall-prinċipju tas-sussidjarjetà ddikjarat fit-Trattati;

  AP. billi l-petizzjonijiet dwar il-landfills ta' spiss esprimew tħassib rigward tniġġis possibbli tal-ilma ta' taħt l-art, minħabba li landfills eqdem jistgħu ma jkollhomx saff protettiv li jipprevjeni t-tnixxija fl-akkwifer jew li s-saffi protettivi jidhru maqtugħa u joħolqu suspett ta' tnixxija jew għax ikunu jinsabu f'art ġeoloġikament mhux stabbli u qrib wisq lejn riżervi tal-ilma ta' taħt l-art/ilma tax-xorb;

AQ.  billi l-Kummissjoni rrappurtat li 177 ksur tad-Direttiva dwar il-Landfill inbdew mill-2001 u li inventarju riċenti identifika minimu ta' 619 landfill illegali fl-UE kollha;

AR.  billi l-petizzjonijiet u l-ilmenti lill-Kummissjoni jixhdu l-presenza ta' numru kbir ta' landfills illegali li joperaw mingħajr permessi, iżda n-numru eżatt mhuwiex magħruf minħabba nuqqas ta monitoraġġ adegwat;

AS.  billi huwa mfakkar li r-rimi fil-landfills għandu jkun l-aħħar soluzzjoni; billi l-awtoritajiet pubbliċi f'xi Stati Membri li waqgħu lura fil-prevenzjoni tal-iskart, riċiklaġġ u użu mill-ġdid jistgħu jkunu taħt pressjoni biex jespandu landfills eżistenti - saħansitra mhux konformi – jew jiftħu landfills ġodda fi żmien qasir bħala metodu għall-eliminazzjoni tal-iskart;

AT.  billi l-użu tal-inċineraturi, li huwa baxx fil-ġerarkija tal-iskart, huwa stabbilit sew u aċċettat miċ-ċittadini f'xi pajjiżi kkunsidrati li laħqu livell għoli ta' konformità mad-WFD, li jirkupraw enerġija fil-proċess u billi pajjiżi li sal-lum ma użawx l-inċinerazzjoni jistgħu jagħżlu li jagħmlu dan biex jittrattaw skart akkumulat li baqa' lura;

AU.  billi dan jista' biss isir bil-kundizzjoni ta' kontroll strett u rispett għal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u billi wieħed iżomm f'moħħu li tali miżuri jistgħu jikkawżaw resistenza bir-raġun mill-popolazzjonijiet l-aktar affettwati direttament li jinsabu fiż-żoni qrib, li huma kkonċernati dwar l-effetti fuq is-saħħa tagħhom;

AV.  billi għandu jkun rikonoxxut li t-teknoloġija aktar reċenti naqqset b'mod sinifikanti l-emissjonijiet mill-inċineraturi; billi f'ċerti Stati Membri – partikolarment dawk b'livelli għolja ta' inċinerazzjoni tal-iskart – il-popolazzjonijiet lokali donnhom qed juru livell ogħla ta' aċċettazzjoni, forsi rigward ir-rikonoxximent tal-produzzjoni tas-sħana jew tal-elettriku minn inċineraturi, u wkoll minħabba t-trasparenza u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni dwar il-funzjonament tagħhom;

AW.  billi l-permessi għall-istabbiliment ta' inċineraturi jiltaqgħu mal-istess resistenza, għal raġunijiet simili, bħal-landfills, b'enfasi fuq tħassib dwar it-tniġġis tal-arja u l-impatt negattiv fuq is-saħħa pubblika u/jew żoni ambjentalment protetti;

AX.  billi għall-istabbiliment ta' inċineraturi, l-awtoritajiet pubbliċi ta' spiss jagħżlu żoni li fihom diġà hemm tniġġis qawwi tal-arja, billi l-effetti kumulattivi fuq is-saħħa tal-abitanti taż-żona m'għandhomx jiġu injorati u billi l-possibilità li jinstabu modi alternattivi għar-rimi tal-iskart u l-produzzjoni tal-enerġija permezz tal-metanizzazzjoni ta' spiss hija injorata;

AY.  billi l-attenzjoni fuq l-inċinerazzjoni għall-produzzjoni tal-enerġija madankollu tirrappreżenta mod tal-immaniġġjar tal-iskart li jaħli aktar mill-prevenzjoni, mir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid u din hija r-raġuni li għaliha għandhom jingħataw prijorità, skont il-ġerarkija tal-iskart tad-WFD;

AZ.  billi sabiex jintlaħqu l-miri ta' riċiklaġġ u ta' prevenzjoni stabbiliti bil-liġi, jeħtieġ is-sehem attiv tas-soċjetà ċivili, il-parteċipazzjoni mtejba tal-partijiet interessati u aktar kuxjenza pubblika, li għandhom jinkisbu permezz tal-kampanji tal-midja biex tinħoloq kuxjenza fost il-pubbliku;

BA.  billi r-rapporti kollha tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar il-missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni rigward kwistjonijiet ta' skart isemmu l-komunikazzjoni ħażina jew in-nuqqas tagħha bejn iċ-ċittadini u l-awtoritajiet, li f'xi każijiet tista' twassal għal sitwazzjonijiet mimlija tensjoni li jkunu nħolqu wkoll bis-saħħa tar-rappurtaġġ fl-istampa dwar dimostrazzjonijiet minn ċittadini;

BB.  billi l-popolazzjoni tad-dinja qed tikber u għalhekk il-konsum totali huwa mistenni li jiżdied b'mod sinifikanti, dan joħloq aktar pressjoni fuq l-immaniġġjar tal-iskart; billi s-soluzzjoni għal din il-problema tirrikjedi, fost affarijiet oħra, għarfien akbar u implimentazzjoni tal-prinċipju tal-ġerarkija tal-iskart;

BC.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet m'għandux kompetenza preventiva jew ġudizzjarja, iżda huwa kapaċi jiddefendi l-interessi taċ-ċittadini, speċjalment meta jinħolqu problemi fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, billi jikkoopera mal-awtoritajiet responsabbli biex jinstabu soluzzjonijiet jew spjegazzjonijiet għall-kwistjonijiet imqajma mill-petizzjonijiet;

1.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jitrasponu d-WFD mingħajr aktar dewmien u sabiex jiżguraw konformità sħiħa mar-rekwiżiti tagħha, b'mod partikolari li jistabbilixxu u jimplimentaw pjanijiet komprensivi għall-immaniġġjar tal-iskart, inkluża l-konverżjoni f'waqtha tal-għanijiet kollha stabbiliti fil-qafas tal-leġiżlazzjoni Ewropea;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja bir-reqqa t-traspożizzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali, biex tiżgura li din issir malajr u b'mod effettiv; jistieden lill-Kummissjoni tikkonċentra l-attenzjoni tagħha fuq ir-rwol tal-forom kollha tal-kriminalità organizzata fir-rigward tar-reati ambjentali;

3.  Filwaqt li jqis li l-iskart u t-tniġġis huma theddida serja għas-saħħa tal-bniedem u l-integrità tal-ambjent, iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iħaffu l-introduzzjoni ta' strateġija avvanzata għall-immaniġġjar tal-iskart skont id-WFD;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jirrikonoxxu li investimenti maġġuri huma meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti strateġiji korretti għall-immaniġġjar tal-iskart, infrastruttura u faċilitajiet fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u jemmen li għandhom jikkunsidraw l-assenjar ta' proporzjon mir-riżorsi tal-Fond ta' Koeżjoni jew ifittxu ffinanzjar dirett mill-Bank Ewropew tal-Investiment;

5.  Iqis li spezzjonijiet fuq il-post u l-kapaċità ta' infurzar jeħtieġ li jissaħħu fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE sabiex tiġi żgurata konformità aħjar mal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-kapaċità tagħhom għall-ispezzjonijiet, il-monitoraġġ u azzjonijiet oħrajn fl-istadji kollha tal-katina tal-immaniġġjar tal-iskart sabiex tiġi infurzata aħjar il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart u jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi proċeduri speċifiċi għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-każ ta' nuqqas serju min-naħa tal-Istati Membri;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni li tkun ipprovduta gwida aktar speċifika għall-awtoritajiet kompetenti sabiex tgħinhom fl-implimentazzjoni korretta tal-acquis dwar l-iskart, iżda jinnota li r-riżorsi disponibbli fil-livell Ewropew attwalment mhumiex adegwati; iqis għalhekk li miżuri komplimentari finanzjarji u amministrattivi għandhom jittieħdu sabiex ikunu pprovduti gwida u faċilitajiet ta' taħriġ aħjar għall-uffiċjali li jaħdmu fis-settur tal-iskart;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tidentifika u tiffoka fuq id-dgħjufijiet aktar sistematiċi fl-implimentazzjoni tad-direttivi li jirrigwardaw l-iskart mill-Istati Membri, bħalma huma netwerks mhux adegwati ta' faċilitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart, id-dipendenza eċċessiva fuq ir-rimi fil-landfills, żieda fil-produzzjoni taż-żibel per capita jew ir-rati baxxi ta' riċiklaġġ;

8.  Jemmen li t-twaqqif ta' Aġenzija tal-UE ġdida għall-immaniġġjar tal-iskart mhijiex mixtieqa u jqis li l-istruttura istituzzjonali attwali fil-livell tal-UE – ibbażata fuq id-DĠ Ambjent tal-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent bħala ċentru ta' esperjenza u eċċellenza – hija aktar effettiva f'dak li jirrigwarda spiża, għalkemm dawn jeħtieġ li jissaħħu aktar sabiex jipprovdu sorveljanza u infurzar aktar attivi;

9.  Jemmen li l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent eżistenti tista' tgħin f'dan il-proċess u jista' jkollha rwol aktar kostruttiv fir-rappurtar dwar strateġiji għall-immaniġġjar tal-iskart tal-Istati Membri u fl-identifikazzjoni ta' lakuni billi tivvaluta l-konformità tal-pjanijiet ta' immaniġġjar tal-iskart tal-Istati Membri mal-liġi tal-UE;

10.  Iqis li kooperazzjoni eqreb bejn l-awtoritajiet fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali potenzjalment tista' tagħti riżultati pożittivi f'termini ta' identifikazzjoni ta' mudelli tal-aħjar prattiki; jinnota li l-Kumitat għar-Reġjuni, il-Europol, in-Netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali, Skart Muniċipali Ewropa u l-FEAD, il-Federazzjoni Ewropea li tirrappreżenta l-industrija tal-immaniġġjar tal-iskart, jista' jkollhom rwol aktar utli fl-organizzazzjoni ta' skambji bħal dawn u b'hekk jgħinu wkoll biex tinkiseb aktar fiduċja fost il-popolazzjonijiet affettwati mill-implimentazzjoni ta' politiki essenzjali ta' immaniġġjar tal-iskart;

11.  Jistieden lill-Istati Membri li qed jiffaċċjaw kriżijiet ċari dwar skart sabiex jikkunsidraw il-fatt li strateġiji aktar effiċjenti għall-immaniġġjar tal-iskart jipprovdu opportunitajiet kemm għall-ħolqien ta' impjiegi, kif ukoll għal aktar dħul, filwaqt li jiżguraw is-sostenibilità ambjentali permezz ta' użu mill-ġdid, riċiklaġġ u rkupru ta' enerġija mill-iskart;

12.  Ifakkar li l-ġerarkija taċ-ċiklu tal-iskart hija element prinċipali fid-Direttiva 2008/98/KE u, skont id-Direttiva, għandha tikkostitwixxi l-bażi għall-immaniġġjar tal-iskart kollu; jinnota li anke l-argumenti ekonomiċi jitkellmu favur li tiġi segwita l-ġerarkija tal-iskart u li l-attenzjoni għandha tingħata l-ewwel lill-prevenzjoni, imbagħad lill-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ qabel l-inċinerazzjoni għall-enerġija u li l-landfills li jaħlu u mhux sostenibbli għandhom kemm jista' jkun jiġu evitati;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu f'dan il-kuntest aktar għarfien ambjentali fost il-popolazzjoni dwar il-vantaġġi ta' immaniġġjar effiċjenti tal-iskart, speċjalment billi jagħtihom pariri dwar il-merti tas-separazzjoni minn qabel tal-iskart u l-ispiża reali tal-ġbir tal-iskart domestiku, kif ukoll tal-qligħ finanzjarju miksub mill-irkupru ta' dan l-iskart domestiku;

14.  Jemmen li kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet meta jittrattaw tħassibdirett taċ-ċittadini lokali tipprovdi opportunità eċċellenti sabiex ikun faċilitat id-djalogu bejn l-awtoritajiet responsabbli u l-komunitajiet lokali dwar prijoritajiet li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart, u f'ċerti każijiet, tista' tikkostitwixxi rimedju effettiv meta dan jista' jkun utli biex isolvi tilwim lokali;

15.  Jipproponi li jintlaħaq ftehim dwar standard komuni għall-kodifikazzjoni skont il-kulur sabiex jintgħażel u jiġi riċiklat l-iskart sabiex jiffaċilita u jtejjeb il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tal-iskart u sabiex dan jinftiehem, u jqis li dan jista' jgħin l-isforzi tal-Istati Membri biex iżidu b'mod sinifikanti u aktar ta' malajr ir-rati ta' riċiklaġġ;

16.  Iħeġġeġ djalogu minn kmieni u effettiv bejn l-awtoritajiet responsabbli lokali u reġjonali u ċ-ċittadini lokali fl-istadji tal-ippjanar qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-bini ta' installazzjonijiet għat-trattament tal-iskart, filwaqt li jifhem li l-attitudni NIMBY (not in my back yard – basta mhux wara biebi) hija sfida kbira f'dan ir-rigward;

17.  Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-implimentazzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u l-koordinazzjoni tajba tal-proċeduri ta' permessi meħtieġa taħt il-leġiżlazzjoni ambjentali;

18.  Jitlob lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li ssir valutazzjoni sħiħa tal-impatt ambjentali qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni sabiex jiġi stabbiliti jew tinbena faċilità għall-iskart ġdida, partikolarment inċineratur jew impjant ta' metanizzazzjoni, jew bħala l-aħħar soluzzjoni, landfill ġdida; jemmen li evalwazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu mandatorji;

19.  Jifhem li f'ċerti każijiet ikunu meħtieġa deċiżjonijiet urġenti sabiex tiġi ġestita kriżi akuta ta' skart jew biex ma jitħallewx jiżviluppaw kriżijiet, iżda jenfasizza li wkoll f'dawn il-każijiet irid ikun garantit ir-rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, partikolarment għaliex jolqtu s-saħħa u l-benessri tal-komunitajiet lokali;

20.  Hu konvint li għandu jittejjeb id-djalogu bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-operaturi fis-settur privat u mal-popolazzjonijiet milquta, u ċ-ċittadini għandu jkollhom aċċess aħjar għall-informazzjoni filwaqt li għandu jkun hemm mekkaniżmi aktar effikaċi għal reviżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji fejn meħtieġ;

21.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja u ssaħħaħ in-netwerk tas-sħubija pubblika-privata għal proġetti tal-kampanji ta' għarfien; jitlob biex tiġi appoġġjata l-kampanja “naddaf id-dinja” li għaliha aktar minn 400 MPE iffirmaw dikjarazzjoni bil-miktub li tappoġġja l-avveniment, li mistenni li jiddependi fuq l-appoġġ ta' miljuni ta' voluntiera s-sena d-dieħla;

22.  Iqis li l-petizzjonanti għandhom ikunu mħeġġa biex jagħmlu użu sħiħ minn dawn il-mekkaniżmi fejn ikunu jeżistu, li jista' jkun li dan ikun aktar effikaċi u espedjenti minn miżuri fil-livell tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward ta' faċilitajiet individwali għall-iskart;

23.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tipproponi kriterji aktar ċari u aktar speċifiċi għal-lokalizzazzjoni tal-landfills b'relazzjoni mal-abitazzjonijiet lokali, skejjel u faċilitajiet tas-saħħa sabiex ikunu żgurati garanziji aktar qawwija kontra r-riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent; b'rispett sħiħ tal-prinċipju ta' sussidjarjetà;

24.  Jirrakkomanda lill-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jaħdmu flimkien meta jipproġettaw impjanti għat-trattament tal-iskart f'żoni konfinali u sabiex jiżguraw li jsiru evalwazzjonijiet tal-impatt transkonfinali filwaqt li jikkunsidraw informazzjoni li hi importanti għaċ-ċittadini u l-partijiet interessati kollha;

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħraf bis-sħiħ ir-rabta li għandha leġiżlazzjoni ambjentali effettiva rigward siti ta' wirt storiku u l-konservazzjoni u l-promozzjoni tal-bijodiversità – bħal pereżempju dik li tinsab fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttivi dwar l-Għasafar Selvaġġi u l-Ambjent Naturali – mal-EIA u d-Direttivi dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali u mal-leġiżlazzjoni dwar l-immaniġġjar tal-iskart;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex meta tkun l-awtorità kompetenti tiżgura konformità mar-rekwiżiti proċedurali skont il-liġi tal-UE (Evalwazzjoni tal-Impjant Ambjentali, konsultazzjonijiet pubbliċi) inklużi r-rekwiżiti fl-ambitu tad-Direttivi għall-protezzjoni tas-siti naturali u s-siti ta' wirt storiku;

27.  Iqis li għandhom jintużaw biss is-siti ta' landfills li jkunu uffiċjalment akkreditati, li jkunu kompatibbli mad-Direttiva dwar il-Landfills tal-UE u li jkollhom permessi stabbiliti kif dovut, u li l-lokalizzazzjoni ta' dawn għandha tkun indikata u reġistrata b'mod ċar, filwaqt li s-siti ta' landfills u rimi oħrajn iridu jkunu ddikjarati kollha illegali, għandhom jingħalqu, jitqiegħdu taħt sigurtà u riabilitati, filwaqt li l-ambjent li jmiss magħhom u dawk tal-madwar ikunu mmonitorjati effettivament għal kwalunkwe konsegwenza negattiva potenzjali;

28.  Iqis li definizzjoni pubblika u ċara ta' kriterji għall-aċċettazzjoni ta' skart hija neċssarja, l-istess bħall-ħolqien ta' sistema effikaċi ta' rintraċċar għal skart – speċjalment skart perikoluż – sabiex ikun żgurat li l-iskart xieraq biss jiġi trasportat u mormi f'landfills u inċeneraturi; jemmen li t-teħid ta' kampjuni u proċeduri ta' ttestjar għal għarrieda għandu jsir konsistement fl-Istati Membri kollha;

29.  Iqis li għandha ssir aktar enfasi fuq l-irkupru tal-iskart organiku speċjalment f'reġjuni agrikoli b'mod ġenerali, element li jidher li s'issa ngħata ftit attenzjoni;

30.  Iħeġġeġ li jkunu stabbiliti kriterji komuni għall-kejl ta' valuri ta' emissjonijiet kruċjali minn inċeneraturi u li l-kejl ikun disponibbli immedjatament onlajn għall-konsultazzjoni mill-pubbliku sabiex tiġi stabbilita fiduċja fi ħdan il-komunitajiet lokali, u li tkun ipprovduta wkoll sistema effettiva ta' twissija fil-każ li jseħħu xi anomaliji;

31.  Ifakkar lill-Istati Membri li, anke meta jinħolqu kwistjonijiet fil-livell ta' gvern lokali jew reġjonali, huma responsabbli għall-monitoraġġ u superviżjoni effettivi tal-konformità mal-istandards u permessi kollha tal-UE u jħeġġiġhom sabiex jiżguraw li jkollhom persunal adegwat u kompetenti sabiex iwettqu din il-funzjoni, inklużi spezzjonijiet ta' spiss fuq il-post;

32.  Jinnota li jeħtieġ li tingħata attenzjoni urġenti fir-rigward tar-rimi fil-miftuħ u rimi illegali ta' skart imħallat u mhux identifikat u jitlob l-infurzar ta' kontrolli stretti tal-immaniġġjar; ifakkar lill-awtoritajiet kompetenti, li b'konformità sħiħa mad-Direttiva tal-IPPC (2008/1/KE, riveduta mid-Direttiva 2010/75/UE), għandhom jistabbilixxu kontroll strett fuq it-trattament ta' tipi speċifiċi tal-iskart industrijali, irrispettivament mill-oriġini tiegħu, u jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel dak kollu possibbli biex timmonitorja l-awtoritajiet kompetenti biex tiżgura li l-iskart jinġabar, jiġi sseparat u trattat b'mod effikaċi u adegwat, pereżempju permezz ta' spezzjonijiet sistematiċi u li jitressaq pjan kredibbli lill-awtoritajiet reġjonali;

33.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex ikollhom miżuri biex tisseddaq aċċettazzjoni akbar mill-popolazzjonijiet fil-viċinanzi ta' faċilitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart eżistenti u dawk ipproġettati billi juru li l-awtoritajiet li jagħtu l-permessi u dawk li joperaw qegħdin jirrispettaw ir-regoli korrettament u bi trasparenza sħiħa;

34.  Jirrakkomanda l-impożizzjoni ta' multi adegwati u dissważivi kif ukoll penali għar-rimi illegali ta' skart, speċjalment skart tossiku u perikoluż, biex ipatti sa ċertu punt għall-ħsara ambjentali skont il-prinċipju ta' min iħammeġ iħallas; jemmen li r-rimi illegali fil-kampanja ta' skart kimiku jew skart radjuattiv li huwa kkontaminat ħafna għandu jiġi kkastigat b'sentenzi ħorox ħafna li jkunu proporzjonati mal-perikli li din il-prattika toħloq lin-nies u lill-ambjent;

35.  Jitlob li jittieħdu miżuri effettivi għall-ġlieda kontra kwalunkwe aċċess tal-kriminalità organizzata għall-immaniġġjar tal-iskart u kontra kwalunkwe konnessjoni bejn il-kriminalità organizzata u l-industrija legali jew l-awtoritajiet pubbliċi;

36.  Jirrakkomanda li, jekk jiġu allokati fondi pubbliċi lil intrapriżi privati għall-ipproċessar tal-ġestjoni tal-iskart, għandu jiddaħħal fis-seħħ monitoraġġ finanzjarju effikaċi dwar l-użu ta' dawn il-fondi mill-awtoritajiet lokali u/jew nazzjonali sabiex jiggarantixxu konformità legali mar-regoli tal-UE;

37.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.
(2) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28.
(3) ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1.
(4) ĠU L 332, 28.12.2000, p. 91.
(5) ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30.
(6) ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.
(7) ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17.
(8) DT 682330.
(9) DT 745784.
(10) DT 778722.
(11) DT 833560 + B7-0073/2011.
(12) DT 820406.
(13) Studju dwar il-fattibbiltà ta' stabbiliment ta' Aġenzija għall-Implimentazzjoni tal-Iskart, rapport finali rrivedut, 7 ta' Diċembru 2009.
(14) FEAD “Dikjarazzjoni ta' Brussell” 15 ta' Frar  2011.
(15) 85/337/KEE.

Avviż legali - Politika tal-privatezza