Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2320(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0021/2012

Testi mressqa :

A7-0021/2012

Dibattiti :

PV 15/02/2012 - 5
CRE 15/02/2012 - 5

Votazzjonijiet :

PV 15/02/2012 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0047

Testi adottati
PDF 421kWORD 95k
L-Erbgħa, 15 ta' Frar 2012 - Strasburgu
Aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012
P7_TA(2012)0047A7-0021/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2012 dwar aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012 (2011/2320(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 145, 148, 152 u 153(5) tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) adottat mill-Kunsill fis-7 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2011 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012 (AGS) (COM(2011)0815), u l-Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi anness magħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 dwar Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri: Parti II tal-Linji gwida Integrati Ewropa 2020(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2010 dwar Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi (COM(2010)0682),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2011 dwar l-Aġenda għal Ħiliet Ġodda u l-Impiegi(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali (COM(2010)0758),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali(5),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/867/KE tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (notifikata taħt id-dokument numru C(2008)5737)(6) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwarha(7),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u r-Rapport dwar id-Dimensjoni Soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020 (SPC/2010/10/7 finali),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' April 2011 dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020' (COM(2011)0173),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma(8),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2010 dwar Żgħażagħ mobbli: Inizjattiva biex jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ biex jinkiseb it-tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea (COM(2010)0477),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar Żgħażagħ mobbli: qafas biex jittejbu s-sistemi Ewropej ta' edukazzjoni u taħriġ(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istatus ta' min jitħarreġ, tal-internship u tal-apprendistat(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar l-iżvilupp tal-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi ta' ekonomija sostenibbli ġdida(11),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP(12),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, mis-CEEP u mill-ETUC(13),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(14),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0021/2012),

A.  billi l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi huma vasti ħafna, u issa aggravaw minħabba l-impatt tal-miżuri ta' awsterità meħuda f'ċerti pajjiżi bħala reazzjoni għall-kriżi tad-dejn sovran, għat-tnaqqis fl-impjiegi, kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku, għall-benefiċċji u s-servizzi pubbliċi, u li għalhekk is-sitwazzjonijiet ta' faqar qed imorru għall-agħar madwar l-UE;

B.  billi l-qgħad żdied b'mod sinifikanti mill-2008 u laħaq livell ta' 23 miljun persuna qiegħda fl-UE, li jikkorrispondi għal 10% tal-popolazzjoni tal-età tax-xogħol; billi, sabiex tilħaq il-mira ta' impjiegi tagħha, l-UE se jkollha toħloq 17.6 miljun post ta' xogħol ġdid sal-2020;

C.  billi s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol hija partikolarment kritika għaż-żgħażagħ, minkejja l-livell tagħhom ta' edukazzjoni, li ħafna drabi jispiċċaw b'kuntratti ta' impjieg prekarji u fi traineeships mhux imħallsa; billi s-sitwazzjoni diffiċli taż-żgħażagħ hija parzjalment minħabba żbilanċi bejn ħiliet miksuba u d-domanda tas-suq tax-xogħol;

D.  billi l-persuni li se jilħqu l-età tal-pensjoni, ħaddiema qiegħda fit-tul, ħaddiema mhux tal-UE u ħaddiema b'ħiliet baxxi huma wkoll fost dawk li l-aktar intlaqtu mill-kriżi;

E.  billi d-dimensjoni tas-sessi hija kruċjali għall-kisba tal-miri ewlenin tal-UE 2020, peress li n-nisa huma l-akbar riżerva ta' ħaddiema li s'issa għadha mhux użata u jikkostitwixxu l-maġġoranza ta' dawk li jgħixu fil-faqar fl-UE; billi għalhekk għandha tingħata attenzjoni speċifika kemm fir-rigward tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll fir-rigward tal-politiki mmirati għan-nisa tul il-proċess kollu tas-Semestru Ewropew;

F.  billi l-faqar fost min jaħdem u l-prekarjetà qed jiżdiedu fl-UE, apparti n-numru għoli ta' nies qegħda u ż-żieda fil-medja tat-tul ta' żmien fil-qgħad; billi l-kriżi ħolqot kategoriji ġodda ta' nies li jinsabu f'riskju ta' faqar; billi l-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali (SPC) qed iwissi dwar in-numri li qed jiżdiedu ta' persuni li jinsabu f'riskju ta' faqar fl-introjtu tagħhom, faqar tat-tfal, privazzjoni materjali serja u esklużjoni soċjali minħabba l-impatt tal-miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali mmirati ħażin u rigressivi, fuq is-sistemi ta-protezzjoni soċjali, u billi l-implimentazzjoni ta' strateġiji integrati dwar l-inklużjoni attiva għandhom ikunu element ċentrali fl-aġenda politika soċjali tal-UE u f'dik nazzjonali;

G.  billi l-miżuri ta' awsterità u l-miżuri li jimmiraw għal konsolidazzjoni fiskali jaf ikollhom effett negattiv sproporzjonat fuq il-pożizzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fuq il-faqar fost in-nisa, pereżempju minħabba t-tnaqqis fis-settur pubbliku li jaffettwa n-n-nisa jew minħabba limiti fuq il-benefiċċji soċjali għall-kura tat-tfal;

H.  billi, minkejja l-urġenza tas-sitwazzjoni, il-progress fl-Istati Membri fit-twettiq tal-objettivi tal-Ewropa 2020 huwa iktar baxx milli kien mistenni; billi l-impenji stabbiliti fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-maġġoranza tal-miri fil-livell tal-UE;

I.  billi l-aspetti soċjali u tal-impjieg huma miġbura biss f'waħda mill-ħames prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir filwaqt li jirrappreżentaw tlieta mill-ħames miri ewlenin tal-Istrateġija UE 2020;

Messaġġi ewlenin bil-perspettiva tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa

1.  Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jiżgura li l-messaġġi li ġejjin jiffurmaw parti mill-gwida politika tiegħu għas-Simestru Ewropew 2012, u jagħti mandat lill-President tiegħu biex jiddefendi din il-pożizzjoni matul il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-1-2 ta' Marzu 2012;

I.  L-iżgurar tal-koerenza u ż-żieda tal-ambizzjoni biex jinkisbu l-objettivi tal-Ewropa 2020

2.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew jiżgura li l-gwida politika ta' kull sena stabbilita fuq il-bażi tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir hija maħsuba bis-sħiħ biex tissodisfa l-objettivi kollha tal-istrateġija UE 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv;

3.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew jiżgura koerenza bejn il-prijoritajiet differenti fil-gwida politika tiegħu, sabiex il-gwida dwar il-konsolidazzjoni fiskali tkun ibbażata fuq il-ġustizzja soċjali u ma tfixkilx l-isforzi biex jiġu indirizzati l-qgħad, ma żżidx il-faqar u tnaqqas il-konsegwenzi soċjali tal-kriżi; jemmen bil-qawwa li jeħtieġ li l-attenzjoni ewlenija għandha tkun fuq il-miżuri ta' riforma integrati li jippromwovu t-tkabbir fuq perjodu ta' żmien qasir kif ukoll fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul; jenfasizza, għalhekk, li jeħtieġ li l-miżuri baġitarji, ta' tkabbir u ta' impjieg jittieħdu flimkien minħabba li huma kollha interdipendenti u b'mod konġunt jikkostitwixxu prerekwiżiti għall-irkupru;

4.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew jiżgura li, fil-lijni gwida għall-politika tiegħu, jiġu ddedikati fondi tal-UE għall-kisba tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020;

5.  Huwa tassew imħasseb dwar il-fatt li l-miri nazzjonali attwali mhumiex biżżejjed biex jiksbu l-miri ewlenin tal-Ewropa 2020 għall-impjiegi, l-edukazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jiżgura li l-Istati Membri jżidu l-miri nazzjonali tagħhom u li dawn ikunu akkumpanjati minn pjanijiet direzzjonali konkreti u realistiċi għall-implimentazzjoni, u jiġu vvalutati permezz ta' indikaturi ċari u konsistenti li jkunu bbażati fuq Qafas ta' Valutazzjoni Konġunta approvat, sabiex l-UE titqiegħed fi triq ċara u vijabbli biex tikseb l-objettivi tal-Ewropa 2020 u l-progress ikun jista' jitkejjel b'mod trasparenti;

II.  L-appoġġ tal-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli permezz ta' investiment u riforma tat-taxxa

6.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew jipprovdi l-flessibbiltà baġitarja meħtieġa u inkorraġġiment għall-investimenti fil-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli u diċenti f'firxa wiesgħa ta' setturi, kif ukoll investiment fit-taħriġ tal-ħaddiema u tal-persuna qiegħda u fit-tnaqqis tal-faqar;

7.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew japprova l-gwida politika biex tneħħi l-piż tat-taxxa bħala parti tal-ispejjeż mhux relatati mal-pagi minn fuq il-ħaddiema filwaqt li jħeġġeġ lill-kumpaniji li jibbenefikaw minn dawk l-eżenzjonijiet/tnaqqis biex joffru pagi diċenti għall-għixin; jemmen li dan ikun aktar attraenti biex il-ħaddiema jiġu impjegati u jżommu l-impjieg tagħhom u biex itejjeb is-sitwazzjoni ġenerali tas-suq tax-xogħol, partikolarment dak tal-gruppi vulnerabbli; jitlob lill-Kunsill Ewropew, b'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, japprova l-gwida dwar iż-żieda tad-dħul permezz ta' tassazzjoni ġusta, progressiva, redistributtiva, effikaċi u effiċjenti u koordinazzjoni aħjar tat-taxxa biex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa;

III.  It-titjib tal-kwalità tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni akbar tal-ħaddiema

8.  Jiddispjaċih li l-gwida politika mmirata biex tagħmel ix-xogħol aktar attraenti ma tindirizzax il-kwalità tax-xogħlijiet u tagħti ftit wisq attenzjoni lit-twaqqif tal-prekundizzjonijiet neċessarji għaż-żieda tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, speċjalment dik tan-nisa, tal-persuni b'diżabilità u tal-aktar persuni mċaħħda pereżempju bħal dawk li ilhom qiegħda; jitlob lill-Kunsill Ewropew jinkludi l-gwida dwar ix-xogħol deċenti u l-isforzi biex jappoġġaw ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-familja u l-ħajja privata, permezz ta' provvediment ta' kura u ta' kura tat-tfal bi prezz li jista' jintlaħaq minn kulħadd, liv relatat mal-familja u arranġamenti għal xogħol flessibbli;

9.  Iwissi li l-miżuri ta' awsterità u t-tnaqqis ta' piż amministrattiv m'għandhomx jikkompromettu l-protezzjoni soċjali u l-istandards tas-saħħa u tas-sigurtà u lanqas m'għandhom jirriżultaw f'kundizzjonijiet anqas stretti jew eżenzjonijiet mil-leġiżlazzjoni tal-UE;

IV.  L-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ

10.  Jenfasizza l-importanza li ma jintilifx il-potenzjal tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, u jitlob lill-Kunsill Ewropew jagħmel l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ prijorità; jitlob lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji komprensivi għaż-żgħażagħ li mhumiex jaħdmu, jistudjaw jew jistħarġu, inklużi miżuri politiċi mmirati u attivi dwar is-suq tax-xogħol, miżuri li jindirizzaw l-iżbilanċi fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol, promozzjoni tal-intraprenditorjat fost iż-żgħażagħ u oqfsa li jiżguraw il-bidla mill-edukazzjoni għax-xogħol, bħal pereżempju “Taħriġ Vokazzjonali Doppju”; jitlob lill-Istati Membri jintroduċu, b'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, Garanzija għaż-Żgħażagħ, li tiżgura d-dritt ta' kull persuna żagħżugħa fl-UE li tiġi offruta xogħol, apprendistat, taħriġ addizzjonali jew xogħol u taħriġ ikkumbinati wara perjodu massimu ta' 4 xhur qgħad; jenfasizza l-importanza li jitnaqqsu l-forom ta' impjieg prekarju, bħalma huma l-kuntratti temporanji, ix-xogħol part-time mhux mixtieq kif ukoll l-internships bla ħlas, fost iż-żgħażagħ;

V.  L-indirizzar tal-faqar u l-esklużjoni soċjali b'enfażi fuq gruppi b'ebda rabta jew b'rabtiet limitati mas-suq tax-xogħol

11.  Jilqa' l-fatt li, għall-ewwel darba, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jinkludi gwida fil-qasam tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, u jitlob lill-Kunsill Ewropew japprova din il-gwida bħala prijorità, filwaqt li jiżgura li l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali tmur lil hinn mill-miżuri mmirati għall-integrazzjoni tal-persuni fis-suq tax-xogħol billi titpoġġa enfażi fuq il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni attiva tal-gruppi vulnerabbli bl-ebda rabta jew b'rabtiet limitati mas-suq tax-xogħol;

12.  Jenfasizza li l-Artikolu 9 TFUE għandu jiġi integrat fis-Semestri Ewropej kollha, inklużi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż, li għandhom jiġu akkumpanjati minn valutazzjonijiet tal-impatt soċjali ex ante u ex post;

VI.  It-tisħiħ tal-leġittimità demokratika, ir-responsabilità u s-sjieda

13.  Ifakkar li l-importanza miżjuda tad-dimensjoni Ewropea tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri għandha timxi id f'id mal-leġittimità demokratika miżjuda u r-responsabilità xierqa tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali; iqis li, fin-nuqqas ta' bażi legali għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja applikabbli għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, il-Kunsill Ewropew għandu responsabilità speċjali biex jikkunsidra l-kummenti parlamentari meta japprova l-gwida politika sabiex jagħtiha leġittimità demokratika u li bl-ebda mod is-sens ta' urġenza fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' awstrerità u tad-dixxiplina fiskali ma għandu jiġi qabel il-ħtieġa ta' proċess demokratiku tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

14.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew u lill-Istati Membri jiżguraw li parlamenti nazzjonali u reġjonali, sħab soċjali, awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili jkunu involuti sew fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-gwida politika taħt l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-proċess ta' governanza ekonomika, sabiex jiżguraw is-sjieda;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni tbiddel l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir f'Linji gwida dwar it-Tkabbir Sostenibbli Annwali fl-2013, tippreżentah f'format li jippermetti lill-Parlament jipproponi emendi u jiżgura li proċess trasparenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet interistituzzjonali jintemm fi gwida politika approvata komunement;

Sforzi addizzjonali li għandhom jitkomplew fil-qasam tal-impjiegi u soċjali
Żieda tal-livelli tal-impjiegi u titjib tal-kwalità tax-xogħol

16.  Jitlob lill-Istati Membri jappoġġaw inizjattivi li jiffaċilitaw l-iżvilupp tas-setturi bl-akbar potenzjal ta' impjiegi, b'mod partikolari fil-bidla għal ekonomija sostenibbli (xogħlijiet ekoloġiċi), saħħa u servizzi soċjali (impjieg fis-settur tas-saħħa) u l-ekonomija diġitali;

17.  Jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-ambjent għan-negozji, speċjalment l-SMEs u b'mod partikolari jħeġġu negozji ġodda u jappoġġaw SMEs eżistenti fl-attivitajiet tagħhom favur il-ħolqien tal-impjiegi;

18.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew isaħħaħ l-isforzi biex jitjieb is-Suq Uniku, biex tiżdied l-ekonomija diġitali u biex tingħata attenzjoni partikulari fir-rigward ta' regolamentazzjoni intelliġenti sabiex titnaqqas il-burokrazija żejda;

19.  Jitlob lill-Istati Membri jżidu l-kopertura u l-effikaċja tas-servizzi tal-impjiegi u jadottaw politiki attivi fis-suq tax-xogħol - f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali - li jkunu appoġġati b'mod reċiproku minn inċentivi ta' attivazzjoni, bħal pereżempju programmi għat-tranżizzjoni minn dipendenza fuq il-benefiċċji għas-suq tax-xogħol, u sistemi ta' benefiċċji adegwati sabiex tinżamm l-impjegabilità, u jappoġġaw lill-persuni biex imorru lura għax-xogħol u jissalvagwardjaw il-kundizzjonijiet ta' għixien deċenti;

20.  Jitlob lill-Istati Membri jappoġġaw u jiżviluppaw kundizzjonijiet għal arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli speċjalment għall-ħaddiema iktar anzjani u dawk iktar żagħżugħa u jippromwovu l-mobilità tal-ħaddiema; jenfasizza l-importanza li tiżdied il-produttività tax-xogħol u l-effiċjenza madwar l-UE sabiex terġa' tinkiseb il-kompetittività tal-Ewropa;

21.  Jitlob lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-fondi strutturali sabiex tiżdied l-impjegabilità u jiġi missielet il-qgħad strutturali u fit-tul b'mod effikaċi; jemmen li l-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida u assistenza ulterjuri lill-Istati Membri favur dan l-għan, speċjalment f'dawn iż-żminijiet ta' reċessjoni u sfidi soċjali;

22.  Iqis li l-mira ewlenija tal-Ewropa 2020 għar-rata tal-impjiegi tista' tinkiseb biss jekk il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tiżdied b'mod sinifikanti; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura gwida iktar b'saħħitha għall-Istati Membri, li għandha timmira lejn it-twaqqif tal-kundizzjonijiet neċessarji għar-rati ogħla ta' impjiegi fost in-nisa, bħal pereżempju kura tat-tfal bi prezz li jintlaħaq minn kulħadd, maternità adegwata, paternità u skemi tal-liv parentali u flessibilità fil-ħinijiet u l-postijiet tax-xogħol;

23.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew jivvaluta l-effettività tar-rakkomandazzjonijiet ta' politika tiegħu fl-appoġġ tal-parteċipazzjoni tas-suq tal-adulti kollha fl-unitajiet domestiċi, fil-provvediment ta' pagi għal għixien deċenti u fl-iffaċilitar tat-tranżizzjonijiet “il fuq għal dawk maqbuda f'xogħlijiet prekarji jew b'paga baxxa, peress li dawn huma t-tliet mekkaniżmi li jistgħu jnaqqsu l-faqar fost dawk li jaħdmu; jitlob lill-Istati Membri jiġġieldu l-faqar fost dawk li jaħdmu billi jsegwu politiki tas-suq tax-xogħol li jkollhom l-għan li jiżguraw pagi għall-għajxien għal dawk li jaħdmu;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni tuża dejta disaggregata skont is-sess fir-rapporti tal-progress tagħhom;

25.  Jitlob lill-Istati Membri jirrikonoxxu aktar il-valur miżjud reali li ħaddiema akbar fl-età jirrappreżentaw fi ħdan l-intrapriża tagħhom u joħolqu kundizzjonijiet ta' xogħol li jiffavorixxu l-età sabiex jippermettu lill-ħaddiema akbar fl-età biex jagħżlu li jipparteċipaw u jibqgħu fis-suq tax-xogħol; jitlob lill-Istati Membri jagħmlu dan billi jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni tal-età, jissostitiwxxu inċentivi għall-ħaddiema akbar fl-età biex jitilqu mis-suq tax-xogħol b'inċentivi għal suq tax-xogħol inklużiv u jadattaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema akbar fl-età, bħal pereżempju t-twaqqif ta' ħinijiet u postijiet ta' xogħol flessibbli, id-dritt għat-taħriġ u d-dritt għal mogħdija flessibbli għall-irtirar, filwaqt li jiżguraw il-provvediment adegwat ta' pensjoni għal kulħadd; jemmen li l-prevenzjoni tas-saħħħa okkupazzjonali għandha tiżgura tixjiħ attiv waqt u wara l-ħajja tax-xogħol;

26.  Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li n-nies fuq kuntratti temporanji u part-time ikollhom l-istess trattament, inkluż rigward it-tkeċċija u l-paga rigward il-liġi tal-UE primarja u sekondarja, u li dawn il-ħaddiema u n-nies li jaħdmu għal rashom ikollhom protezzjoni soċjali adegwata u aċċess għal taħriġ u tagħlim tul il-ħajja u li l-kundizzjonijiet qafas ikunu stabbiliti sabiex ikunu jistgħu jagħmlu karriera; jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw ftehimiet oqfsa dwar xogħol part-time u impjieg b'terminu fiss u jinfurzaw b'mod effikaċi d-Direttiva li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol;

27.  Jemmen li għandhom jiġu implimentati r-riformi neċessarji fis-suq tax-xogħol - bl-għan li jiżdiedu l-produttività u l-kompetittività - b'tali mod li tiġi żgurata ġustizzja soċjali u tiġi promossa l-kwalità tal-impjiegi, filwaqt li jiġu rrispettati t-tradizzjonijiet nazzjonali tad-djalogu soċjali;

28.  Jitlob lill-Istati Membri jieħdu passi biex itejbu l-mobilità fi ħdan u bejn swieq tax-xogħol u jneħħu l-ostakli legali u amministrattivi eżistenti kollha li jxekklu l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea;

29.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew jistabbilixxi taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji biex itejbu l-ħolqien tal-impjiegi sostenibbli;

30.  Jiddispjaċih dwar l-isforzi insuffiċjenti biex tiġi implimentata l-integrazzjoni tas-sessi fil-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, minnkejja l-fatt li l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) jitlob lill-Kummissjoni tintegra perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir; jitlob lill-Kunsill Ewropew jiżgura li l-gwida politika se tindirizza l-inugwaljanzi tas-sessi; jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw l-intergrazzjoni tas-sessi fit-tfassil tal-Programmi ta' Riforma Nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tindirizza rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont il-pajjiż fil-każ ta' Stati Membri li ma jieħdux kont tad-dimensjoni tas-sessi;

Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ

31.  Jitlob lill-Istati Membri jadattaw u jespandu l-investiment fl-edukazzjoni, fit-taħriġ, fil-promozzjoni tal-ħiliet intraprenditorjali u fit-tagħlim tul il-ħajja għall-gruppi ta' etajiet kollha, mhux biss permezz tat-tagħlim formali, iżda wkoll permezz tal-iżvilupp ta' tagħlim mhux formali u informali, li jwasslu għal livell ta' potenzjal ta' tkabbir ogħla u jwissi kontra l-ispejjeż soċjali u ekonomiċi fit-tul tat-tnaqqis fil-baġits għall-edukazzjoni;

32.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jegħlbu l-iżbilanċi u n-nuqqas tal-ħiliet u jżidu s-sinerġiji bejn l-universitajiet, istituzzjonijiet ta' taħriġ, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u intrapriżi, billi jtejbu l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet, jadattaw s-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jagħtu lill-ħaddiema ħiliet ġodda sabiex jiġġieldu kontra l-qgħad strutturali u jippreparaw lill-ħaddiema għall-bidla lejn ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva;

33.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jħallux li l-miżuri ta' awsterità jikkompromettu l-politiki favur it-tkabbir, u jiprijoritizzaw infiq li ma jagħmilx ħsara lit-tkabbir bħal fl-edukazzjoni, fit-tagħlim tul il-ħajja, u fir-riċerka u l-innovazzjoni filwaqt li jiżguraw l-effiċjenza ta' dan l-infiq;

34.  Ifakkar li, fl-inizjattiva ewlenija tagħha “Żgħażagħ Attivi”, il-Kummissjoni wegħdet li tipproponi Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati, u jitlobha tippreżenta, mingħajr dewmien, dan il-Qafas;

35.  Iħeġġeġ l-implimentazzjoni vigoruża tal-Qafas Nazzjonali għall-Kwalifiki bħala għodda li tippromwovi l-iżvilupp tat-tagħlim tul il-ħajja;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lil min iħaddem joħolqu iktar opportunitajiet għal ħaddiema nisa fis-setturi tat-teknoloġiji l-ġodda sabiex jissaħħaħ is-settur tat-teknoloġija avvanzata skont l-objettivi tal-Ewropa 2020;

Ġlieda kontra l-faqar, promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi

37.  Jenfasizza l-fatt li, skont l-Ewrobarometru ta' Novembru 2011, 49% taċ-ċittadini Ewropej ikkwotaw l-indirizzar tal-faqar u l-esklużjoni soċjali bħala politika ta' prijorità li jixtiequ jaraw imħeġġa mill-Parlament Ewropew, billi jagħmluwha bħala t-tħassib ewlieni tagħhom qabel il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, baġitarji u fiskali;

38.  Jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali, inkluż aċċess għal sistemi tal-pensjoni li ma jiddiskriminawx bejn is-sessi, u jiżguraw li jkomplu jaġġixxu bħala protetturi kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

39.  Jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw strateġiji attivi ta' inklużjoni u servizzi ta' kwalità għolja adegwati bi prezz li jintlaħaq minn kulħadd, appoġġ adegwat ta' dħul minimu u approċċi direzzjonali għal impjiegi ta' kwalità biex jipprevjenu l-marġinalizzazzjoni ta' gruppi b'introjtu baxx u vulnerabbli;

40.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu s-sejħa tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali sabiex ikun hemm Rapporti Soċjali Nazzjonali parteċipattivi li jsejsu l-Programmi ta' Riforma Nazzjonali, abbażi tal-objettivi komuni tal-MMK Soċjali u filwaqt li jipprovdu soluzzjonijiet multidimensjonali għall-faqar li jippromwovu aċċess għad-drittijiet, għar-riżorsi u għas-servizzi;

41.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jpoġġu fis-seħħ, jimplimentaw u jinfurzaw miżuri antidiskriminatorji effikaċi; jitlob lill-Kummissjoni tindirizza n-nuqqas ta' progress fl-implimentazzjoni u l-infurzar ta' miżuri antidiskriminatorji fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi;

42.  Jitlob lill-Istati Membri jispeċifikaw fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali tagħhom kif il-fondi tal-UE se jintużaw biex jappoġġaw il-miri nazzjonali fir-rigward tal-faqar u f'setturi soċjali, tal-impjiegi u edukattivi oħrajn biex jiżguraw l-ilħuq tal-miri tal-Ewropa 2020;

43.  Iwissi li r-riformi tal-pensjonijiet imħeġġa fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ma jistgħux sempliċiment iżidu l-età tal-pensjoni bi tpattija għad-defiċits, iżda, għall-kuntrarju, għandhom iqisu s-snin ta' ħidma, filwaqt li jnaqqsu l-faqar fost l-anzjani u bla ma jipperikolaw is-sistemi tal-pensjoni mmexxija mill-gvernijiet;

44.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe riforma fis-sistema tas-saħħa tkun iffokata fuq it-titjib tal-kwalità u fuq l-iżgurar tal-adegwatezza, l-affordjabilità u l-aċċess universali;

45.  Huwa mħasseb dwar l-impatt soċjali tal-kriżi fuq il-faqar fost in-nisa; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-konsolidazzjoni fiskali tkun kompatibbli mad-dimensjoni soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-linji gwida dwar l-impjiegi; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa wkoll l-effetti tal-miżuri ta' awsterità fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-impjiegi tan-nisa;

46.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa analiżi u integrazzjoni tas-sessi f'dak li għandu x'jaqsam mal-impatt tar-riformi tal-pensjonijiet fuq il-ħajja tan-nisa fl-UE bl-għan li tindividwalizza d-drittijiet tal-pensjoni u s-sistemi tas-sigurtà soċjali kif ukoll tat-taxxa;

Sforzi addizzjonali meħtieġa biex itejbu l-governanza, l-impenn u l-leġittimità demokratika

47.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għad għandhom rwol limitat fis-Semestru Ewropew; jiddeplora l-fatt li l-gwida politika fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir imnedija mill-Kummissjoni, u li trid tiġi approvata mill-Kunsill Ewropew, hija nieqsa mill-involviment parlamentari u għalhekk mill-leġittimità demokratika;

48.  Jinnota li ħames Stati Membri li bħalissa għandhom Memorandum ta' Qbil mal-Kummissjoni, l-FMI u l-BĊE ma rċevew l-ebda rakkomandazzjoni speċifika għal kull pajjiż f'Lulju 2011; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-implimentazzjoni tal-Memorandum ta' Qbil huwa kompatibbli bis-sħiħ mal-kisba tal-objettivi tal-Ewropa 2020 dwar iż-żieda tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar; Ittenni l-pożizzjoni tiegħu li l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) għandha tkun involuta fil-programmi ta' assistenza finanzjarja IMF-ECB tal-Kummissjoni; jitlob lill-Kunsill Ewropew jagħti lill-Istati Membri kkonċernati l-inkorraġġiment meħtieġ għall-investimenti fil-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli, edukazzjoni u taħriġ u fit-tnaqqis tal-faqar sabiex jiffaċilita l-kontribuzzjoni tagħhom għall-kisba tal-miri ewlenin tal-UE f'dawn l-oqsma;

49.  Jitlob lill-Istati Membri, fl-isfond tal-agħar kriżi ekonomika li qatt kien hemm fl-Unjoni Ewropea, jimplimentaw mingħajr dewmien il-programmi ta' riforma nazzjonali meħtieġa;

o
o   o

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0542.
(2) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 116.
(3) ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0466.
(5) Testi adottati, P7_TA(2011)0495.
(6) ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11.
(7) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 23.
(8) Testi adottati, P7_TA(2011)0092.
(9) Testi adottati, P7_TA(2011)0230.
(10) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 29.
(11) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 6.
(12) ĠU L 175, 10.7.1999, p. 43.
(13) ĠU L 14, 20.1.1998, p. 9.
(14) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

Avviż legali - Politika tal-privatezza